30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 370/40


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1396/2014

tal-20 ta' Ottubru 2014

li jwaqqaf pjan ta' skartar fil-Baħar Baltiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa li bil-mod il-mod jelimina l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta' obbligu ta' żbark għall-qabdiet ta' speċijiet li huma suġġetti għal-qbid limitat.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-pjanijiet ta' skartar permezz ta' att delegat għal perjodu ta' mhux aktar minn 3 snin fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Isvezja għandhom interess dirett ta' maniġġar fil-Baħar Baltiku. Dawn l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta (2) lill-Kummissjoni, wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv dwar il-Baħar Baltiku. Inkisbet kontribuzzjoni xjentifika mill-korpi xjentifiċi rilevanti. Il-miżuri li ddaħħlu fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant, b'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom jiddaħħlu f'dan ir-Regolament.

(4)

Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-iżbark għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 għall-qabdiet tal-ispeċijiet li huma suġġetti għal qbid limitat li jinqabdu f'żoni tas-sajd żgħar pelaġiċi, li huma żoni tas-sajd fejn jinstadu l-aringa u l-laċċa kaħla u f'żoni tas-sajd għal skopijiet industrijali. Għandu japplika wkoll għal dan it-tip ta' qabdiet fiż-żoni tas-sajd fejn jinstad is-salamun mhux aktar tard minn din id-data. Il-bakkaljaw huwa meqjus bħala speċi li tiddefinixxi ċerti żoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Il-barbun tat-tbajja jinqabad l-iktar bħala qabda sekondarja f'ċerti żoni tas-sajd tal-bakkaljaw u huwa suġġett għal qbid limitat. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-iżbark għandu japplika għall-bakkaljaw mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015 u għall-barbun tat-tbajja, mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017. Għalhekk, skont ir-rakkomandazzjoni konġunta, dan il-pjan ta' skartar għandu jkopri l-qabdiet kollha ta' aringa u laċċa kaħla, salamun, bakkaljaw u barbun tat-tbajja fiż-żoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku mill-1 ta' Jannar 2015 jew mill-1 ta' Jannar 2017 kif rilevanti.

(5)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta fiha eżenzjoni mill-obbligu tal-iżbark għas-salamun u l-bakkaljaw li jinqabdu fix-xbieki tad-tidwir, fil-kavetti, fix-xbieki fyke u fix-xbieki nases (pound nets). Din l-eżenzjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika ta' livell għoli ta' sopravvivenza, li ngħatat mill-Forum dwar is-Sajd fil-Baltiku (BALTFISH) u analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF). L-STECF josserva li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ġġustifikati dawn l-eżenzjonijiet tinsab fir-rakkomandazzjoni konġunta tal-BALTFISH (3). L-STECF ikkonkluda li billi dawn it-tipi ta' armar jaħdmu billi jaqbdu l-ħut fi struttura statika ta' xbieki, u mhux, pereżempju, billi l-ħut jitgħaqqad f'xibka jew jibla' ganċ, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li b'dawn it-tipi ta' apparat il-mortalità tkun baxxa, tipikament inqas minn 10 %. Madankollu, l-STECF ta l-parir li għandu jsir aktar xogħol biex jiġi kkonfermat li dan il-ħsieb huwa validu, dwar il-prattiki ta' maniġġar, u dwar il-kundizzjonijiet ambjentali prevalenti. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tiddaħħal f'dan ir-Regolament.

(6)

Skont l-Artikolu 15(10) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu stabbiliti daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni biex jiżguraw il-protezzjoni ta' organiżmi marini li għadhom qed jikbru. Fil-preżent, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 (4), japplika daqs minimu ta' 38 cm għall-bakkaljaw. L-evidenza xjentifika analizzata mill-STECF issostni l-istabbiliment ta' 35 cm bħala daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-bakkaljaw. B'mod partikolari, l-STECF ikkonkluda li jista' jkun hemm raġunijiet bijoloġiċi tajbin li d-daqs minimu attwali ta' 38 cm jitnaqqas biex jitnaqqsu l-livelli attwali ta' skartar. Huwa kkonkluda wkoll li skont l-obbligu tal-iżbark, jekk l-MCRS għall-bakkaljaw jiġi ffissat għal 35 cm, dan inaqqas l-għadd ta' qabdiet li ma jistgħux jinbiegħu għall-konsum mill-bniedem u li ma kienx hemm raġunijiet marbutin mal-ewwel bidien li jsostnu MCRS ta' 38 cm fil-Baltiku. Għaldaqstant, l-MRCS għall-bakkaljaw fil-Baltiku għandu jiġi ffissat għal-35 cm.

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 biex jikkonforma mal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Skont l-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, ma għandux japplika għal aktar minn 3 snin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark, kif stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-Baħar Baltiku, kif iddefinit fl-Artikolu 4(2)(b) ta' dak ir-Regolament:

(a)

mill-1 ta' Jannar 2015 fir-rigward tas-sajd għall-aringa, il-laċċa kaħla, is-salamun u l-bakkaljaw,

(b)

mill-1 ta' Jannar 2017 fir-rigward tas-sajd kollu tal-barbun tat-tbajja.

Artikolu 2

Eżenzjoni minħabba s-sopravvivenza

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-iżbark ma għandux japplika għall-bakkaljaw u s-salamun li jinqabad fix-xbieki tad-tidwir, fil-kavetti, fix-xbieki fyke u fix-xbieki nases. Il-bakkaljaw u s-salamun li jinqabad b'dan il-mod jista' jerġa' jinħeles fil-baħar.

Artikolu 3

Id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni

Id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku għandu jkun ta' 35 cm.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  “BALTFISH High Level Group Joint Recommendation on the Outline of a Discard Plan for the Baltic Sea” (Rakkomandazzjoni Konġunta tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-BALTFISH dwar Qafas ta' Pjan ta' Skartar għall-Baħar Baltiku), ippreżentata fis-27 ta' Mejju 2014.

(3)  http://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/812327/2014-07_STECF+PLEN+14-02_Final+Report_JRCxxx.pdf

(4)  ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1.