6.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1297/2014

tal-5 ta' Diċembru 2014

li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ (imballaġġar) tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni u r-regoli dwar l-ittikkettar u l-imballaġ ta' sustanzi u taħlitiet perikolużi. Jistipula obbligu għall-fornituri biex jittikkettaw u jimballaw (jimballaġġaw) sustanzi u taħlitiet klassifikati bħala perikolużi skont dak ir-Regolament qabel iqegħduhom fis-suq. Ir-Regolament jipprevedi regoli biex jiġi evitat esponiment aċċidentali għal kimiċi perikolużi fornuti lill-pubbliku ġenerali, b'mod partikolari tfal żgħar, u l-avvelenament tal-konsumaturi b'dawn il-kimiċi.

(2)

Fis-suq tal-Istati Membri qed jitqiegħdu diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall, u fl-Unjoni s-sehem mis-suq ta' dan il-prodott qed jiżdied. Id-dispożizzjonijiet eżistenti għal imballaġġ b'użu uniku li jinħall u li fih sustanzi kimiċi perikolużi ma jipprovdux biżżejjed protezzjoni. Għalhekk huwa ġustifikat approċċ aktar effiċjenti u uniformi sabiex jiżgura protezzjoni aħjar għall-pubbliku ġenerali u b'mod speċjali għat-tfal żgħar u gruppi vulnerabbli oħra filwaqt li tinżamm iċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti kimiċi li jinsabu f'imballaġġ li jinħall.

(3)

Ġew rappurtati għadd sinifikanti ta' inċidenti ta' avvelenament serju u ħsara lill-għajnejn, li jinvolvu tfal, minn Ċentri tal-Avvelenament f'diversi Stati Membri fir-rigward ta' diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall, b'rata ogħla ta' inċidenti meta mqabbel ma' diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'sistemi oħra ta' imballaġġ.

(4)

Għalkemm kampanji ta' informazzjoni f'xi Stati Membri urew li dawn il-prodotti għandhom xi effetti pożittivi, huwa meħtieġ li jiġu prodotti b'tali mod li ma jibqgħux daqshekk attraenti għat-tfal żgħar u li biex dawn jiġu protetti, il-prodott jiġi manifatturat b'tali mod li ma jkunx faċli daqshekk għalihom li jarawh billi jintuża imballaġġ estern opak, billi jiġi inkluż aġent avversiv (bħal aġent li jagħti togħma morra) fl-imballaġġ li jinħall biex malli tmissu ma' ħalqek titqażżeż, kif ukoll billi ma jibqax daqshekk aċċessibbli għalihom. Fuq it-tikketta fuq l-imballaġġ estern tad-diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall għandha tiġi inkluża u enfasizzata informazzjoni supplimentari.

(5)

Biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi gravi ta' inċidenti relatati ma' dawn il-prodotti, filwaqt li jitqies iż-żmien minimu meħtieġ mill-operaturi ekonomiċi sabiex jadattaw għar-regoli l-ġodda, għandu jingħata perjodu tranżitorju adegwat.

(6)

Ir-rikors għall-proċedura ta' urġenza skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huwa ġustifikat.

(7)

Se jitwettqu aktar studji rilevanti mingħajr dewmien żejjed dwar inċidenti rilevanti u se jitqiesu miżuri ulterjuri, inkluż it-twessigħ tal-ambitu tar-regoli għal prodotti tal-konsumatur oħra li jitqiegħdu f'imballaġġ li jinħall u r-reviżjoni tar-regoli proposti.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Meta diterġent likwidu tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi, kif definit fl-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), jitpoġġa f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti addizzjonali tat-Taqsima 3.3 tal-Anness II.

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).”"

(2)

L-Anness II hu emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   B'deroga mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, is-sustanzi soġġetti għall-Artikolu 1, ikklassifikati, ittikkettati u mballati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Ġunju 2015, ma għandhomx jerġgħu jiġu ttikkettati u mballati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, kif emendat permezz ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2015.

2.   B'deroga mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, it-taħlitiet soġġetti għall-Artikolu 1, ikklassifikati, ittikkettati u mballati skont id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Ġunju 2015, mhumiex meħtieġa li jerġgħu jiġu ttikkettati u mballati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif emendat permezz ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mill-1 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwardja l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1).


ANNESS

Fil-Parti 3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tiżdied it-Taqsima 3.3 li ġejja:

“3.3   Diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall

Fejn diterġent likwidu tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f'dożi b'użu uniku jitpoġġa f'imballaġġ li jinħall, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

3.3.1.

Diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi li jinsabu f'imballaġġ b'użu uniku li jinħall għandhom jitpoġġew f'imballaġġ estern. L-imballaġġ estern għandu jissodisfa r-rekwiżiti tat-Taqsima 3.3.2. u l-imballaġġ li jinħall għandu jissodisfa r-rekwiżiti tat-Taqsima 3.3.3.

3.3.2.

L-imballaġġ estern għandu:

(i)

jkun opak jew oskur b'tali mod li jimpedixxi l-viżibbiltà tal-prodott jew id-dożi individwali;

(ii)

mingħajr ħsara għall-Artikolu 32(3), jkollu d-dikjarazzjoni ta' prekawzjoni P102 'Żommu 'l bogħod minn fejn jistgħu jilħquh it-tfal' f'post fejn tidher u f'format li jiġbed l-attenzjoni;

(iii)

ikun kontenitur awtonomu u li jista' jerġa' jingħalaq faċilment;

(iv)

mingħajr ħsara għar-rekwiżiti tat-Taqsima 3.1, ikun mgħammar b'għeluq li:

(a)

ma jħallix it-tfal żgħar jiftħu l-imballaġġ għaliex biex jinfetaħ ikun jeħtieġ l-azzjoni koordinata t'idejhom it-tnejn u ċertu saħħa u b'hekk jagħmilha diffiċli għalihom biex jiftħu l-prodott;

(b)

isostni l-funzjonalità tiegħu taħt kundizzjonijiet ta' ftuħ u għeluq kontinwu għall-ħajja kollha tal-imballaġġ estern.

3.3.3.

L-imballaġġ li jinħall għandu:

(i)

jinkludi aġent avversiv f'konċentrazzjoni sigura u li f'każ ta' espożizzjoni orali aċċidentali jqanqal imġiba orali diżgustanti f'perjodu mhux itwal minn 6 sekondi;

(ii)

iżomm il-kontenut ta' likwidu tiegħu għal mill-inqas 30 sekonda meta l-imballaġġ li jinħall jitqiegħed f'ilma b'temperatura ta' 20 °C;

(iii)

jiflaħ għall-qawwa kompressiva mekkanika ta' mill-inqas 300 N f'kundizzjonijiet ta' ttestjar standard.”