22.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 913/2014

tal-21 ta' Awwissu 2014

li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-livelli ta' provvista staġjonalment għoljin tal-ħawħ u tan-nuċiprisk u t-tnaqqis fil-konsum minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-aqwa tal-ħsad ħolqu diffikultajiet fis-sitwazzjoni tas-suq bi tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet għal dak il-frott. Il-possibbiltà limitata ta' ħżin għal dan il-frott li jeħżien ma tippermettix li t-tali sitwazzjoni titjieb malajr. Barra minn hekk, il-projbizzjoni mħabbra mir-Russja fuq l-importazzjonijiet tal-frott u l-ħxejjex mill-Unjoni lejn ir-Russja tirriskja li taggrava s-sitwazzjoni fis-swieq tal-ħawħ u tan-nuċiprisk. Għaldaqstant, il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li tfaċċat fis-suq.

(2)

Sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni eżistenti tas-suq tinbidel f'disturb aktar sever u mtawwal fis-suq, jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu adottati miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk f'dan l-istadju tal-ħsad.

(3)

L-irtirar mis-suq jikkostitwixxi miżura effettiva ta' mmaniġġjar tal-kriżijiet f'każ ta' eċċess ta' frott u l-ħxejjex minħabba ċirkostanzi temporanji u imprevedibbli.

(4)

Sabiex jittaffa l-impatt ta' tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet dan is-sajf, l-għajnuna finanzjarja eżistenti tal-Unjoni prevista għall-irtirar tal-prodotti mis-suq biex jitqassmu b'xejn lil ċerti organizzazzjonijiet, bħall-organizzazzjonijiet tal-karità u l-iskejjel, għandha tiżdied temporanjament. Għalhekk, l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata sa massimu ta' 10 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta' kull organizzazzjoni tal-produtturi.

(5)

Fid-dawl tad-disturb eċċezzjonali fis-suq u sabiex jiġi żgurat li l-produtturi kollha tal-ħawħ u tan-nuċiprisk jirċievu appoġġ mill-Unjoni, l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi estiża wkoll għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk li mhumiex membri ta' xi organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta.

(6)

Il-produtturi li ma jkunux membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jirċievu 50 % tal-ammonti previsti skont l-għajnuna finanzjarja eżistenti tal-Unjoni. Madankollu, dawn għandhom jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew kundizzjonijiet simili. Għaldaqstant, f'dan il-kuntest, dawn għandhom ikunu suġġetti, bħall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2).

(7)

Barra minn hekk, żieda fil-konsum tal-ħawħ u tan-nuċiprisk għandha tgħin biex is-sitwazzjoni fis-suq tistabbilizza ruħha aktar malajr. Iridu jsiru kampanji ta' promozzjoni biex jitħeġġeġ il-konsum ta' dan il-frott. Għaldaqstant, irid jingħata appoġġ addizzjonali mill-Unjoni lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-kampanji ta' promozzjoni.

(8)

Dak l-appoġġ addizzjonali għall-attivitajiet ta' promozzjoni jrid jitqassam bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-produzzjoni tagħhom tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fl-2012. Il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni hija kkonċentrata f'erba' Stati Membri. Erbgħa u għoxrin Stat Membru flimkien jirrappreżentaw biss 3,7 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk. Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-baġit disponibbli, ma trid tingħata l-ebda allokazzjoni lill-Istati Membri li għandhom sehem ta' anqas minn 1 % mill-produzzjoni tal-Unjoni.

(9)

Għandu jitħalla f'idejn l-Istati Membri kkonċernati biex jiddeterminaw kif se jallokaw l-appoġġ addizzjonali previst f'dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, ħlief meta f'dan ir-Regolament huma previsti derogi għal dawk ir-Regolamenti.

(10)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ previsti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw mid-data tat-tħabbir ta' dawk il-miżuri mill-Kummissjoni fil-11 ta' Awwissu 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-ħawħ u n-nuċiprisk tal-kodiċi tan-NM 0809 30 maħsub għall-konsum frisk.

2.   Il-miżuri ta' appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru:

(a)

l-operazzjonijiet ta' rtirar imwettqa mill-11 ta' Awwissu sat-30 ta' Settembru 2014 minn organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex rikonoxxuti skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif ukoll minn produtturi li mhumiex membri tat-tali organizzazzjonijiet; kif ukoll

(b)

l-attivitajiet ta' promozzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 33(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 imwettqa mill-11 ta' Awwissu sal-31 ta' Diċembru 2014 minn organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex rikonoxxuti skont l-Artikolu 154 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Għajnuna finanzjarja mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-irtirar

1.   Għall-operazzjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a), l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni b'xejn skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tkun disponibbli għal massimu ta' 10 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta' kull organizzazzjoni tal-produtturi.

2.   L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi anki jekk dawn ma jipprevedux dawn l-operazzjonijiet ta' rtirar mis-suq fil-programmi operazzjonali tagħhom. L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux japplika għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni mogħtija skont dan l-Artikolu.

3.   L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex titqies għall-iskop tal-kalkolu tal-limiti msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

4.   Il-limitu ta' terz tan-nefqa msemmi fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-limitu massimu ta' 25 % għaż-żieda tal-fond operattiv imsemmi fl-Artikolu 66(3)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 ma għandhomx japplikaw għan-nefqa mġarrba għall-operazzjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) ta' dan ir-Regolament.

5.   In-nefqa mġarrba skont dan l-Artikolu għandha tifforma parti mill-fond operattiv tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Artikolu 3

Għajnuna finanzjarja għall-produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi

1.   Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ta' 50 % tal-ammonti stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 għandha tingħata skont dan l-Artikolu lill-produtturi tal-frott u tal-ħxejjex li mhumiex membri ta' xi organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta.

2.   L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-kunsinna ta' prodotti li sussegwentement jiġu rtirati mis-suq minn organizzazzjoni tal-produtturi skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dejjem jekk jitħares il-limitu massimu li jkun l-iktar baxx minn fost dawk stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.   Il-produtturi għandhom jikkonkludu kuntratt ma' organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta għall-kwantità kollha ta' prodotti li jridu jitwasslu skont dan l-Artikolu. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jaċċettaw it-talbiet raġjonevoli kollha magħmulin minn produtturi li mhumiex membri ta' xi organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta. Qabel ma tiffirma l-kuntratt, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tivverifika li l-kwantità li trid titwassal skont il-kuntratt ma taqbiżx il-limitu massimu l-aktar baxx minn fost dawk li ġejjin:

(a)

10 % tal-produzzjoni totali tal-produttur fl-2012, fuq il-bażi ta' dokumenti bil-miktub ta' valur probatorju li għandhom jiġu pprovduti mill-produttur; kif ukoll

(b)

ir-rendiment medju tal-produzzjoni għal kull ettaru tal-organizzazzjoni tal-produtturi u tal-membri tagħha għall-ħawħ u għan-nuċiprisk rispettviament fl-2012, immultiplikat b'10 % tal-erja użata mill-produttur għall-produzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk rispettivament fl-2014 fuq il-bażi ta' dokumenti bil-miktub ta' valur probatorju li għandhom jiġu pprovduti mill-produttur.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rendiment tal-produzzjoni għall-ħawħ u għan-nuċiprisk rispettivament li għandu jintuża mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma kkumerċjalizzawx il-ħawħ u/jew in-nuċiprisk fl-2012. F'każ li l-Istati Membri jistabbilixxu rendimenti reġjonali, ir-reġjuni għandhom ikunu dawk iddefiniti fl-Artikolu 91(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, jekk dan ikun applikabbli.

4.   L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas lill-produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mill-organizzazzjoni tal-produtturi li magħha l-produttur mhux membru jkun iffirma kuntratt skont il-paragrafu 3.

5.   L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha żżomm l-ammonti li jikkorrispondu għall-kostijiet reali li hija tkun ġarrbet biex tirtira l-prodotti rispettivi mis-suq. Għandhom jingħataw provi ta' dawn il-kostijiet permezz ta' fatturi.

6.   Fejn ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni tal-produtturi jkun ġie sospiż skont l-Artikolu 114(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, il-membri tagħha għandhom jitqiesu bħala produtturi li mhumiex membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi rrikonoxxuta għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.

7.   Il-kundizzjonijiet għall-irtirar mis-suq u l-penali korrispondenti għan-nuqqas ta' konformità ma' dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, kif ukoll l-Artikolu 2(2) sa (5) ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Kontrolli fuq l-operazzjonijiet tal-irtirar

L-operazzjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli tal-ewwel livell skont l-Artikolu 108 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011. Dawk il-kontrolli għandhom ikopru mill-inqas 10 % tal-kwantità tal-prodotti rtirati mis-suq u 10 % rispettivament tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-produtturi li mhumiex membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi li jibbenefikaw mill-miżuri ta' appoġġ.

Artikolu 5

Appoġġ addizzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-attivitajiet ta' promozzjoni

1.   In-nefqa tal-Unjoni mġarrba għall-appoġġ addizzjonali għall-attivitajiet ta' promozzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) ma għandhiex taqbeż it-EUR 3 000 000.

Dan l-ammont għandu jkun allokat lill-Istati Membri b'konformità mal-Anness.

2.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jissottomettu t-talbiet inizjali għall-appoġġ addizzjonali msemmi fil-paragrafu 1 lill-Istati Membri sal-15 ta' Ottubru 2014. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar it-talbiet u dwar id-distribuzzjoni tal-appoġġ addizzjonali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ġej:

(a)

f'każ li t-talbiet approvati jaqbżu l-ammont massimu allokat lil Stat Membru skont l-Anness, l-Istat Membru għandu jiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni fuq il-bażi tat-talbiet li jkun irċieva;

(b)

f'każ li t-talbiet approvati ma jaqbżux l-ammont massimu tal-appoġġ, il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandu jkun iffissat għal 100 %.

3.   L-appoġġ addizzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi anki jekk dawn ma jipprevedux attivitajiet ta' promozzjoni bħal dawn fil-programmi operazzjonali tagħhom. L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux japplika għall-appoġġ addizzjonali mogħti skont dan l-Artikolu.

4.   L-appoġġ addizzjonali msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jitqies għall-iskop tal-kalkolu tal-limiti msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

5.   Il-limitu ta' terz tan-nefqa msemmi fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-limitu massimu ta' 25 % għaż-żieda tal-fond operattiv imsemmi fl-Artikolu 66(3)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 ma għandhomx japplikaw għan-nefqa mġarrba għall-attivitajiet ta' promozzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) ta' dan ir-Regolament.

6.   In-nefqa mġarrba skont dan l-Artikolu għandha tifforma parti mill-fond operattiv tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Artikolu 6

Applikazzjoni għal appoġġ mill-Unjoni u l-ħlas tal-għajnuna

1.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom japplikaw għall-ħlas tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni li trid tiħallas lilhom u/jew lill-produtturi li mhumiex membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi u għall-ħlas tal-appoġġ addizzjonali li jrid jitħallas lilhom kif ġej:

(a)

sal-31 ta' Ottubru 2014 għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-operazzjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a); u

(b)

sat-30 ta' Jannar 2015 għall-appoġġ addizzjonali għall-attivitajiet ta' promozzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b).

2.   B'deroga mill-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 72 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom japplikaw għall-ħlas tal-ammonti totali tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni u tal-appoġġ addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sad-dati rispettivi msemmija f'dak il-paragrafu.

3.   Ma għandux japplika l-limitu massimu ta' 80 % tal-ammont tal-għajnuna approvat inizjalment għal programm operazzjonali stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 72 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

Artikolu 7

Notifiki u dikjarazzjonijiet tan-nefqa

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sat-28 ta' Novembru 2014 dwar il-kwantitajiet totali rtirati u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja totali tal-Unjoni għall-irtirar; u

(b)

sas-27 ta' Frar 2015 dwar l-attivitajiet ta' promozzjoni u l-applikazzjonijiet għall-appoġġ addizzjonali totali għall-attivitajiet ta' promozzjoni korrispondenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddikjaraw lill-Kummissjoni sas-27 ta' Frar 2015 in-nefqa mġarrba għall-operazzjonijiet tal-irtirar u/jew għall-attivitajiet ta' promozzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-11 ta' Awwissu 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).


ANNESS

Ammonti massimi allokati lill-Istati Membri għall-appoġġ addizzjonali għall-attivitajiet ta' promozzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(1):

Stat Membru

Appoġġ massimu (f'EUR)

Il-Ġreċja

317 215

Spanja

1 132 495

Franza

262 089

L-Italja

1 288 201

Ammont totali

3 000 000