28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/121


REGOLAMENT (UE) Nru 912/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. Skont il-punt (e) tal-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni u tista’ tkun Parti għal ftehimiet internazzjonali li jkopru dispożizzjonijiet dwar investiment barrani dirett.

(2)

Il-ftehimiet li jipprovdu għal protezzjoni għall-investimenti jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat, li jippermetti li investitur minn pajjiż terz jagħmel talba kontra stat li fih ikun għamel investiment. Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat tista’ tirriżulta f’aġġudikazzjonijiet ta’ kumpens monetarju. Barra minn hekk, huwa inevitabbli li fi kwalunkwe każ bħal dan jiġġarrbu spejjeż sinifikanti għall-amministrazzjoni tal-arbitraġġ kif ukoll spejjeż relatati mad-difiża ta’ każ.

(3)

Ir-responsabbiltà internazzjonali għat-trattament soġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim issegwi it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Bħala konsegwenza, l-Unjoni ser tkun fil-prinċipju responsabbli għad-difiża ta’ kwalunkwe talba li tallega vjolazzjoni tar-regoli inklużi fi ftehim li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk it-trattament ikkonċernat ingħatax mill-Unjoni nnifisha jew minn Stat Membru.

(4)

Il-ftehimiet tal-Unjoni għandhom jagħtu lill-investituri barranin l-istess livell għoli ta’ protezzjoni bħad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri lill-investituri li ġejjin mill-Unjoni, iżda mhux livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-ftehimiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw li s-setgħat leġislattivi u d-dritt tal-Unjoni li tirregola jiġu rispettati u salvagwardjati.

(5)

Fejn l-Unjoni, bħala entità li għandha personalità ġuridika, ikollha responsabbiltà internazzjonali għat-trattament mogħti, tkun mistennija, bħala kwistjoni ta’ liġi internazzjonali, li tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni avversa u l-ispejjeż ta’ kwalunkwe tilwim. Madankollu, aġġudikazzjoni avversa tista’ tirriżulta potenzjalment jew mit-trattament mogħti mill-Unjoni nnifisha jew mit-trattament mogħti minn Stat Membru. Bħala konsegwenza ma jkunx ekwu jekk l-aġġudikazzjonijiet u l-ispejjeż tal-arbitraġġ ikollhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni meta t-trattament ikun ingħata minn Stat Membru, dment li t-trattament inkwistjoni ma jkunx mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li r-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, bejn l-Unjoni nnifisha u l-Istat Membru responsabbli għat-trattament mogħti abbażi tal-kriterji stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(6)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta’ investiment internazzjonali, il-Parlament Ewropew sejjaħ espliċitament għall-ħolqien tal-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tistudja l-kwistjoni.

(7)

Ir-responsabbiltà finanzjarja għandha tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li nstab li huwa inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Għalhekk l-Unjoni nnifisha għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn dak l-Istat Membru. Madankollu, meta Stat Membru jaġixxi b’mod mitlub mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju meta jittrasponi direttiva adottata mill-Unjoni, l-Unjoni nnifisha għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-Regolament jeħtieġ li jipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ każijiet individwali li jikkonċernaw kemm trattament mogħti minn Stat Membru kif ukoll trattament meħtieġ mid-dritt tal-Unjoniu għandha tkopri l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri u mill- Unjoni. F’tali każ, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jassumu r-responsabbiltà finanzjarja għat-trattament speċifiku mogħti minn kwalunkwe wieħed minnhom.

(8)

L-Unjoni dejjem għandha taġixxi bħala l-intimat fejn tilwima tikkonċerna esklużivament trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, sabiex l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta mit-tilwima skont il-kriterji msemmija hawn fuq.

(9)

Fejn Stat Membru jkollu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta minn tilwima, ikun ekwu u xieraq li tali Stat Membru jaġixxi bħala intimat sabiex jiddefendi t-trattament li jkun ta lill-investitur. L-arranġamenti stipulati f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jiżguraw li l-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi mhux finanzjarji tal-Unjoni ma jġorrux il-piż, anke b’mod temporanju, tal-ispejjeż tal-litigazzjoni jew kwalunkwe aġġudikazzjoni kontra l-Istat Membru konċernat.

(10)

L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jippreferu li l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’dan it-tip ta’ tilwim, pereżempju għal raġunijiet ta’ għarfien espert tekniku. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, ikollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jaġixxu bħala l-konvenut, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja tagħhom.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Unjoni jistgħu jiġu mħarsa b’mod adegwat, huwa essenzjali li, f’ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Unjoni nnifisha taġixxi bħala l-intimat f’tilwim li jinvolvi trattament mogħti minn Stat Membru. Dawk iċ-ċirkostanzi huma limitati għall-każijiet fejn it-tilwim jinvolvi wkoll trattament mogħti mill-Unjoni, fejn jidher li t-trattament mogħti minn Stat Membru huwa mitlub mid-dritt tal-Unjoni u fejnikun qed jiġi kkontestat trattament simili f’talba relatata kontra l-Unjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fejn ikun ġie stabbilit bord u t-talba tkun tirrigwarda l-istess materja legali speċifika u fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata argumentazzjoni konsistenti fil-każ tad-WTO.

(12)

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’każijiet li jinvolvu miżuri ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tmexxi d-difiża tagħha b’mod li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru konċernat.

(13)

Id-deċiżjonijiet dwar jekk l-Unjoni jew Stat Membru għandhomx jaġixxu bħala l-intimat għandhom jittieħdu fil-qafas stipulat f’dan ir-Regolament. Huwa xieraq li l-Kummissjoni tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mod kif jiġi applikat dan il-qafas.

(14)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal ċerti arranġamenti prattiċi għat-tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ f’tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru. Dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw għall-aħjar ġestjoni possibbli tat-tilwim filwaqt li jiżguraw konformità mal- obbligu ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) u d-difiża u l-ħarsien tal-interessi tal-Istat Membru konċernat.

(15)

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat, dawn l-arranġamenti għandhom jipprovdu għal kooperazzjoni mill-qrib ħafna inkluża n-notifika immedjata ta’ kwalunkwe passi proċedurali sinifikanti, il-forniment ta’ dokumenti rilevanti, konsultazzjonijiet frekwenti u parteċipazzjoni fid-delegazzjoni għall-proċedimenti.

(16)

Fejn Stat Membru jaġixxi bħala l-intimat, huwa xieraq li, f’konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, huwa jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar l-iżviluppi fil-każ u b’mod partikolari jiżgura n-notifika f’waqtha ta’ kwalunkwe passi proċedurali sinifikanti, il-forniment ta’ dokumenti rilevanti, konsultazzjonijiet frekwenti u parteċipazzjoni fid-delegazzjoni għall-proċedimenti. Huwa xieraq ukoll li l-Kummissjoni tingħata l-opportunità adegwata biex tidentifika kwalunkwe punt ta’ liġi jew kwalunkwe element ieħor ta’ interess għall-Unjoni mqajjem mit-tilwim.

(17)

Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ, Stat Membru għandu jkun jista’ fi kwalunkwe żmien jaċċetta li jkun responsabbli finanzjarjament fil-każ li jrid jitħallas kumpens. F’dak il-każ, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jidħlu f’arranġamenti għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens. Tali aċċettazzjoni ma timplikax li l-Istat Membru jaċċetta li t-talba tat-tilwim hija raġunata. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat Membru jagħmel provvediment għal dawn l-ispejjeż. Fil-każ li t-tribunal jaġġudika l-ispejjeż lill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż jiġi rimborżat immedjatament lill-Istat Membru konċernat.

(18)

F’ċerti każijiet, jista’ jkun xieraq li tintlaħaq soluzzjoni sabiex jiġi evitat arbitraġġ mhux meħtieġ u li jqum ħafna flus. Huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura biex jintlaħqu soluzzjonijiet bħal dawn. Din il-proċedura għandha tippermetti lill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami, li ssolvi każ li jinvolvi r-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, fejn dan ikun fl-interessi tal-Unjoni. Fejn il-każ jikkonċerna wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, ikun xieraq li l-Unjoni tkun tista’ ssolvi tilwim biss jekk is-soluzzjoni ma jkollhiex implikazzjonijiet finanzjarji jew baġitarji għall-Istat Membru konċernat. F’dak il-każ, ikun xieraq li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu jibqa’ liberu li jsolvi l-każ fi kwalunkwe ħin, dment li jaċċetta responsabbiltà finanzjarja sħiħa u li kwalunkwe soluzzjoni bħal din tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.

(19)

Fejn issir aġġudikazzjoni kontra l-Unjoni, dik l-aġġudikazzjoni għandha titħallas mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għall-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet bħal dawn, dment li Stat Membru ma jkunx diġà aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja.

(20)

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mill-qrib mal-Istat Membru konċernat sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja. Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li Stat Membru huwa responsabbli, u l-Istat Membru ma jaċċettax dik id-determinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħallas il-kumpens, iżda għandha tindirizza wkoll deċiżjoni lill-Istat Membru fejn titolbu jipprovdi l-ammonti kkonċernati lill-baġit tal-Unjoni, flimkien mal-imgħax applikabbli. L-imgħax pagabbli għandu jkun dak stipulat skont l-Artikolu 78(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Artikolu 263 tat-TFUE huwa disponibbli fil-każijiet fejn Stat Membru jqis li d-deċiżjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(21)

Il-baġit tal-Unjoni għandu jipprovdi kopertura tal-infiq li jirriżulta minn ftehimiet li jkopru dispożizzjonijiet dwar investiment dirett barrani li għalih l-Unjoni tkun Parti u li jipprovdu għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat. Fejn l-Istati Membri jkollhom responsabbiltà finanzjarja skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li jew takkumula l-kontribuzzjonijiet tal-Istat Membru konċernat l-ewwel qabel l-implimentazzjoni tan-nefqa rilevanti jew timplimenta n-nefqa rilevanti l-ewwel u tiġi rimborżata mill-Istati Membri konċernati wara. L-użu ta’ dawn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ trattament baġitarju għandu jkun possibbli, jiddependi minn xi jkun fattibbli, b’mod partikolari f’termini ta’ żmien. Għaż-żewġ mekkaniżmi, il-kontribuzzjonijiet jew ir-rimborżi mħallsa mill-Istat Membru konċernat għandhom ikunu ttrattati bħala dħul intern assenjat tal-baġit tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul intern assenjat mhux biss għandhom ikopru n-nefqa rilevanti iżda għandhom ikunu wkoll eliġibbli għar-rikostituzzjoni ta’ partijiet oħra tal-baġit tal-Unjoni li kienu pprovdew l-approprjazzjonijiet inizjali biex tiġi implimentata n-nefqa rilevanti skont it-tieni mekkaniżmu.

(22)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(23)

Is-setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-Artikolu 9(2) u (3), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(8), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(3) għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(24)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu sabiex l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 9(2), minħabba li huwa neċessarju li l-Unjoni tieħu f’idejha d-difiża f’każijiet bħal dawn, iżda dan xorta għandu jkun soġġett għall-kontroll mill-Istati Membri. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 15(3) minħabba li dawk id-deċiżjonijiet ser jkollhom l-aktar impatt temporanju biss fuq il-baġit tal-Unjoni, għaliex l-Istat Membru konċernat ser ikun meħtieġ jieħu kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-tilwim, u minħabba l-kriterji dettaljati stipulati f’ dan ir-Regolament għall-aċċettabbiltà ta’ soluzzjonijiet bħal dawn,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-TFUE, dan ir-Regolament japplika għal soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imwettqa skont ftehim li għalih l-Unjoni tkun Parti, jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet, u mibdija minn rikorrent ta’ pajjiż terz. B’mod partikolari, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jaffettwaw id-delimitazzjoni tal-kompetenzi stabbiliti bit-Trattati, anke fir-rigward tat-trattament mill-Istati Membri jew mill-Unjoni u kkontestat minn rikorrent f’soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u l-Istat skont ftehim.

2.   Għal finijiet ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u żżomm aġġornata lista tal-ftehimiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ftehim” tfisser kwalunkwe ftehim internazzjonali li jkopri dispożizzjonijiet dwar l-investiment dirett barrani li għalih l-Unjoni tkun Parti, jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet, u li jipprovdi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat;

(b)

“spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ” tfisser it-tariffi u l-ispejjeż tat-tribunal tal-arbitraġġ u tal-istituzzjoni tal-arbitraġġ, u l-ispejjeż tar-rappreżentanza u spejjeż aġġudikati lir-rikorrent mit-tribunal tal-arbitraġġ, bħal spejjeż tat-traduzzjoni, spejjeż ta’ analiżi legali u ekonomika u spejjeż rilevanti oħrajn fir-rigward tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ;

(c)

“tilwima” tfisser talba mressqa minn rikorrent kontra l-Unjoni jew Stat Membru skont ftehim u li dwarha tribunal tal-arbitraġġ jagħti deċiżjoni;

(d)

“soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat” tfisser mekkaniżmu stipulat minn ftehim li permezz tiegħu rikorrent jista’ jibda talba kontra l-Unjoni jew Stat Membru;

(e)

“Stat Membru” tfisser wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(f)

“Stat Membru konċernat” tfisser l-Istat Membru li jkun ta t-trattament li allegatament ikun inkonsistenti mal-ftehim;

(g)

“responsabbiltà finanzjarja” tfisser obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus aġġudikata minn tribunal tal-arbitraġġ jew miftiehma bħala parti ta’ soluzzjoni u li tinkludi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ;

(h)

“soluzzjoni” tfisser kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni jew Stat Membru, jew it-tnejn, minn naħa waħda, u rikorrent, min-naħa l-oħra, fejn ir-rikorrent jaqbel li ma jsegwix it-talba tiegħu fi skambju għall-ħlas ta’ somma ta’ flus jew għal azzjoni li ma tkunx il-ħlas ta’ flus, anke fejn is-soluzzjoni tkun irreġistrata f’aġġudikazzjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ;

(i)

“tribunal tal-arbitraġġ” tfisser kwalunkwe persuna jew korp maħtur taħt ftehim biex jiddeċiedi dwar tilwim bejn investitur u l-Istat;

(j)

“rikorrent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tressaq talba għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn investitur u l-Istat skont ftehim jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha ġew assenjati legalment it-talbiet tar-rikorrent taħt il-ftehim;

(k)

“id-dritt tal-Unjoni” tfisser it-TFUE u t-TUE, kif ukoll kwalunkwe att legali tal-Unjoni msemmi fit-tieni, tielet u raba’ paragrafi tal-Artikolu 288TFUE u kwalunkwe ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni tkun Parti jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet; għall-finijiet biss ta’ dan ir-Regolament, “id-dritt tal-Unjoni” ma għandhiex tfisser id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment fil-ftehim;

(l)

“meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni” tirriferi għal trattament fejn l-Istat Membru konċernat seta’ biss jevita l-allegat ksur tal-ftehim billi ma josservax obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni bħal fejn ma jkollu l-ebda diskrezzjoni jew marġini ta’ apprezzament fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb.

KAPITOLU II

TQASSIM TAR-RESPONSABBILTÀ FINANZJARJA

Artikolu 3

Kriterji tat-tqassim

1.   Ir-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta minn tilwim taħt ftehim għandha titqassam skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-Unjoni għandu jkollha r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni;

(b)

l-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti minn dak l-Istat Membru;

(c)

b’eċċezzjoni għall-punt (b), l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti minn Stat Membru fejn tali trattament kien meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

Minkejja l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn l-Istat Membru konċernat ikun meħtieġ jaġixxi skont id-dritt tal-Unjoni sabiex jirrimedja l-inkonsistenza mad-dritt tal-Unjoni ta’ att preċedenti, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli finanzjarjament sakemm tali att preċedenti ma kienx meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

2.   Fejn huwa previst f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddetermina r-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati dwar tali deċiżjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja fejn:

(a)

huwa jkun aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali skont l-Artikolu 12; jew

(b)

huwa jidħol għal soluzzjoni, skont l-Artikolu 15.

4.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 4.

KAPITOLU III

TMEXXIJA TA’ TILWIM

TAQSIMA 1

Tmexxija ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni

Artikolu 4

Trattament mogħti mill-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat fejn it-tilwim ikun jikkonċerna trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

2.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi talba għal konsultazzjonijiet mingħand rikorrent jew avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ skont il-ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

TAQSIMA 2

Tmexxija ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru

Artikolu 5

Trattament mogħti minn Stat Membru

Din it-Taqsima għandha tapplika f’tilwim li jikkonċerna, kompletament jew parzjalment, trattament mogħti minn Stat Membru.

Artikolu 6

Kooperazzjoni u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat

1.   F’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiddefendu u jipproteġu l-interessi tal-Unjoni u tal-Istat Membru konċernat.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ tilwim skont dan ir-Regolament, filwaqt li jieħdu kont ta’ kwalunkwe skadenza stipulata f’dan ir-Regolament u fil-ftehim konċernat, u għandhom jikkondividu ma’ xulxin l-informazzjoni fejn tkun rilevanti għat-tmexxija ta’ tilwim.

Artikolu 7

Talba għal konsultazzjonijiet

1.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi talba għal konsultazzjonijiet minn rikorrent skont ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Istat Membru konċernat. Fejn Stat Membru jkun ġie informat dwar jew ikun irċieva talba għal konsultazzjonijiet, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat u tal-Kummissjoni għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni għall-konsultazzjonijiet.

3.   L-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu minnufih lil xulxin l-informazzjoni rilevanti għall-każ.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe talba bħal din għal konsultazzjonijiet.

Artikolu 8

Avviż ta’ intenzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ arbitraġġ

1.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ, skont ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Istat Membru konċernat. Meta rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ kontra l-Unjoni jew Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol minn meta tirċievi l-avviż, bl-isem tar-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim li tagħhom kien allegat il-ksur, is-settur ekonomiku involut, it-trattament li allegatament kiser il-ftehim u l-ammont ta’ kumpens għad-danni mitlub.

2.   Fejn Stat Membru jirċievi avviż li permezz tiegħu rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ, dan għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe avviż bħal dan ta’ intenzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ arbitraġġ.

Artikolu 9

Status ta’ intimat

1.   L-Istat Membru konċernat għandu jaġixxi bħala l-intimat ħlief fejn tirriżulta kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tkun ħadet deċiżjoni skont il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fi żmien 45 ġurnata minn meta tirċievi l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8; jew

(b)

l-Istat Membru, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6, jkun ikkonferma lill-Kummissjoni bil-miktub li ma jkollux l-intenzjoni li jaġixxi bħala l-intimat fi żmien 45 ġurnata minn meta jirċievi l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8.

Jekk tirriżulta kwalunkwe sitwazzjoni minn dawk imsemmija fil-punt (a) jew (b), l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali li tkun kompleta u bilanċjata u raġunament legali pprovduti lill-Istati Membri, f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), li l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat fejn tirriżulta waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew tal-anqas parti minnha li tirriżulta mit-tilwim skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3; jew

(b)

it-tilwim ikun jikkonċerna wkoll trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata, u raġunament legali pprovduti lill-Istati Membri, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3), li l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat meta jkun qed jiġi kkontestat trattament simili f’talba relatata kontra l-Unjoni fid-WTO, fejn ikun ġie stabbilit bord u t-talba tkun tirrigwarda l-istess kwistjoni legali speċifika, u fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata argumentazzjoni konsistenti fil-każ tad-WTO.

4.   Filwaqt li taġixxi skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-difiża tal-Unjoni tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru konċernat.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom, minnufih wara li jirċievu l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8, jidħlu f’konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6 dwar il-ġestjoni tal-każ skont dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jiżguraw li tiġi osservata kwalunkwe skadenza stabbilita fil-ftehim.

6.   Meta l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont il-paragrafi 2 u 5, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat dwar kwalunkwe eċċezzjoni jew osservazzjoni qabel ma din tiġi ffinalizzata u ppreżentata. Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat għandhom, fuq talba tal-Istat Membru u bi spejjeż tiegħu, jifformaw parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni għal kwalunkwe seduta u l-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-interess tal-Istat Membru.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe tilwim li fiha jiġi applikat dan l-Artikolu u l-mod kif qed jiġi applikat.

Artikolu 10

Tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ minn Stat Membru

1.   Fejn Stat Membru jaġixxi bħala l-intimat, fil-fażijiet kollha tat-tilwima, inklużi nullità, appell jew reviżjoni possibbli, l-Istat Membru skont l-Artikolu 6 għandu:

(a)

jipprovdi lill-Kummissjoni b’mod f’waqtu dokumenti rilevanti relatati mal-proċedura;

(b)

jinforma lill-Kummissjoni b’mod f’waqtu dwar il-passi proċedurali sinifikanti kollha, u fuq talba jidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni bil-għan li jieħu kont debitu ta’ kwalunkwe punt tal-liġi jew kwalunkwe element ieħor ta’ interess għall-Unjoni li jitqajjem mit-tilwim u jiġi identifikat mill-Kummissjoni f’analiżi bil-miktub mhux vinkolanti pprovduta lill-Istat Membru konċernat; u

(c)

jippermetti li rappreżentanti tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha u bi spejjeż għaliha, jifformaw parti mid-delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Istat Membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru dokumenti rilevanti relatati mal-proċedimenti, sabiex tiżgura difiża kemm jista’ jkun effettiva.

3.   Malli ssir aġġudikazzjoni, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ mill-Unjoni

1.   Skont l-Artikolu 6, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw matul il-proċedimenti kollha ta’ arbitraġġ, fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat fi kwalunkwe tilwima li fiha l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew parti minnha:

(a)

il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiddifendi u tipproteġi l-interessi tal-Istat Membru konċernat;

(b)

l-Istat Membru konċernat għandu jipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Kummissjoni;

(c)

il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru konċernat dokumenti rilevanti relatati mal-proċediment, iżżomm lill-Istat Membru informat dwar il-fażijiet proċedurali sinifikanti kollha u tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Istat Membru fi kwalunkwe każ meta l-Istat Membru konċernat jitlob dan, sabiex tiżgura difiża kemm jista’ jkun effettiva;

(d)

il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jippreparaw id-difiża f’kooperazzjoni mill-qrib bejniethom; u

(e)

id-delegazzjoni tal-Unjoni fil-proċedimenti għandha tkun magħmula mill-Kummissjoni u mir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat, ħlief meta l-Istat Membru konċernat jinforma lill-Kummissjoni li huwa jkollu l-intenzjoni li ma jiffurmax parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-proċedimenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Aċċettazzjoni mill-Istat Membru konċernat tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali fejn l-Unjoni tkun l-intimat

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat fi kwalunkwe tilwima li fiha l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew parti minnha, l-Istat Membru konċernat jista’, fi kwalunkwe ħin, jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mill-arbitraġġ. Għal dan il-għan, l-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni jistgħu jidħlu f’arranġamenti li jittrattaw, inter alia:

(a)

mekkaniżmi għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ;

(b)

mekkaniżmi għall-ħlas ta’ kwalunkwe aġġudikazzjoni li ssir kontra l-Unjoni.

KAPITOLU IV

SOLUZZJONI TA’ TILWIM FEJN L-UNJONI TKUN L-INTIMAT

Artikolu 13

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni

1.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti esklużivament mill-Unjoni tkun fl-interess tal-Unjoni, hija tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tapprova s-soluzzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

2.   Jekk soluzzjoni tkun potenzjalment tinvolvi azzjoni li ma tkunx il-ħlas ta’ somma monetarja, għandhom japplikaw il-proċeduri rilevanti għal tali azzjoni.

Artikolu 14

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti kompletament jew parzjalment minn Stat Membru fejn l-Unjoni tkun tixtieq issib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna trattament mogħti, kemm jekk kompletament kif ukoll jekk parzjalment, minn Stat Membru, u l-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun fl-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikolu 6. L-Istat Membru wkoll jista’ jibda konsultazzjonijiet bħal dawn mal-Kummissjoni.

2.   Jekk il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat jaqblu li jsolvu t-tilwima, l-Istat Membru konċernat għandu jfittex li jidħol f’arranġament mal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-elementi meħtieġa għan-negozjati u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni.

3.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li taħtha Stat Membru jiġi attribwit responsabbiltà finanzjarja u fejn ma tkun involuta ebda responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, huwa biss l-Istat Membru konċernat li jista’ jsolvi t-tilwima, skont l-Artikolu 15.

4.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat skont il-punt (b) tal-Artikolu 9(1), il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6(1), tiddeċiedi li ssolvi t-tilwima fejn is-soluzzjoni tkun fl-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Meta tiddeċiedi dan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali li juru l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

5.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima skont l-Artikolu 9(2) li tinvolvi biss ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u fejn ma tkun involuta ebda responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ssolvi t-tilwima.

6.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima skont l-Artikolu 9(2) li tinvolvi r-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma tistax issolvi t-tilwima mingħajr il-qbil tal-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru konċernat jista’ jippreżenta analiżi kompleta tal-impatt tas-soluzzjoni proposta fuq l-interessi finanzjarji tiegħu. Fejn l-Istat Membru ma jaqbilx li tissolva t-tilwima, il-Kummissjoni tista’ madankollu tiddeċiedi li ssolviha dment li tali soluzzjoni ma jkollha ebda implikazzjoni finanzjarja jew baġitarja għall-Istat Membru konċernat abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali, li jieħdu kont tal-analiżi tal-Istat Membru u juru l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istat Membru konċernat. F’dak il-każ l-Artikolu 19 ma għandux japplika.

7.   It-termini tas-soluzzjoni taħt il-paragrafi 4, 5 u 6 ma għandhomx jinkludu azzjonijiet min-naħa tal-Istat Membru konċernat ħlief il-ħlas ta’ somma monetarja.

8.   Kwalunkwe soluzzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

Artikolu 15

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti esklużivament minn Stat Membru fejn l-Istat Membru jkun jixtieq isib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna esklużivament trattament mogħti minn Stat Membru, l-Istat Membru konċernat jista’ jipproponi li tissolva t-tilwima fejn:

(a)

l-Istat Membru konċernat jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta mis-soluzzjoni;

(b)

kwalunkwe arranġament ta’ soluzzjoni jkun eżegwibbli biss kontra l-Istat Membru konċernat; u

(c)

it-termini tas-soluzzjoni jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet biex jevalwaw l-intenzjoni ta’ Stat Membru li jsolvi tilwima.

3.   L-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-arranġament tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha titqies li aċċettat l-abbozz ta’ arranġament ta’ soluzzjoni sakemm, fi żmien 90 ġurnata wara n-notifika tal-abbozz ta’ soluzzjoni mill-Istat Membru, hija ma tiddeċidix mod ieħor permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2), għar-raġuni li l-abbozz ta’ soluzzjoni ma jissodisfax il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-abbozz ta’ soluzzjoni jiġi aċċettat, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex jitwettqu l-arranġamenti ta’ soluzzjoni.

Artikolu 16

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti parzjalment minn Stat Membru fejn dak l-Istat Membru jkun jixtieq isib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna trattament mogħti parzjalment minn Stat Membru, u l-Istat Membru jikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun fl-interessi finanzjarji tiegħu, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6.

2.   Jekk il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat jaqblu li jsolvu t-tilwima, l-Istat Membru konċernat għandu jfittex li jidħol f’arranġament mal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-elementi meħtieġa għan-negozjar u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni.

3.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix il-kunsens biex tissolva t-tilwima, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta li tasal għal soluzzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali pprovdut lill-Istati Membri, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

KAPITOLU V

ĦLAS TA’ AĠĠUDIKAZZJONIJIET FINALI JEW SOLUZZJONIJIET

Artikolu 17

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’tilwim.

Artikolu 18

Proċedura għall-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet jew soluzzjonijiet

1.   Rikorrent li jkun kiseb aġġudikazzjoni finali skont ftehim jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ dik l-aġġudikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni bħal din, ħlief meta l-Istat Membru konċernat ikun aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja skont l-Artikolu 12, li f’dan il-każ l-Istat Membru għandu jħallas l-aġġudikazzjoni.

2.   Fejn soluzzjoni skont l-Artikolu 13 jew 14 ma tkunx irreġistrata f’aġġudikazzjoni, rikorrent jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe soluzzjoni bħal din fil-perijodi ta’ żmien rilevanti stabbiliti fil-ftehim ta’ soluzzjoni.

Artikolu 19

Proċedura fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja

1.   Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 9, u l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġġudikazzjoni jew i jew l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ inkwistjoni għandhom jitħallsu, parzjalment jew kompletament, mill-Istat Membru konċernat abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jidħlu minnufih f’konsultazzjonijiet biex jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat, u tal-Unjoni fejn applikabbli.

3.   Fi żmien tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni jew tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru konċernat, li tiddetermina l-ammont li għandu jitħallas mill-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali deċiżjoni u l-motivazzjoni finanzjarju tagħha.

4.   Sakemm l-Istat Membru konċernat ma joġġezzjonax għad-determinazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru konċernat għandu jikkumpensal-baġit tal-Unjoni għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni jew tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe mgħax dovut bir-rata li tapplika għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

5.   Jekk l-Istat Membru konċernat joġġezzjona u l-Kummissjoni ma taqbilx mal-oġġezzjoni tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-oġġezzjoni tal-Istat Membru, li titlob lill-Istat Membru konċernat jirrimborża l-ammont imħallas mill-Kummissjoni, flimkien mal-imgħax bir-rata applikabbli għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont il-paragrafi 3 u 5 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Ħlas bil-quddiem ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li titlob lill-Istat Membru konċernat iħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji bil-quddiem lill-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta’ spejjeż previsti jew imġarrba li jirriżultaw mill-arbitraġġ. Tali deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandha tkun proporzjonata u għandha tieħu kont tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Sa fejn l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ jingħataw lill-Unjoni mit-tribunal tal-arbitraġġ, u l-Istat Membru konċernat ikun għamel ħlas perjodiku tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn jiġu ttrasferiti lill-Istat Membru li jkun ħallashom bil-quddiem, flimkien mal-imgħax bir-rata li tapplika għal flejjes oħrajn dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 21

Ħlas minn Stat Membru

Ir-rimborż jew il-ħlas minn Stat Membru lill-baġit tal-Unjoni, għall-ħlas ta’ aġġudikazzjoni jew soluzzjoni jew spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, inklużi dawk imsemmijin fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dħul intern assenjat fis-sens tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dan jista’ jintuża biex ikopri l-infiq li jirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprovdu għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat jew biex ikunu rikostitwiti approprjazzjonijiet inizjalment provduti biex ikopru l-ħlas ta’ aġġudikazzjoni jew soluzzjoni jew spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Ftehimiet ta’ Investiment stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 23

Rapport u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dettaljat dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’intervalli regolari. Dak ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha inkluża l-lista ta’ talbiet imressqa kontra l-Unjoni jew l-Istati Membri, il-proċedimenti u d-deċiżjonijiet relatati, u l-impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-18 ta’ Settembru 2019. Sussegwentement għandhom jiġu ppreżentati rapporti kull tliet snin.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kull sena, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista ta’ talbiet għal konsultazzjonijiet minn rikorrenti, talbiet għal arbitraġġ u deċiżjonijiet arbitrali.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll, flimkien mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Tilwim taħt ftehimiet konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament

Fir-rigward ta’ tilwim taħt ftehimiet koperti mill-Artikolu 1 u konklużi qabel is-17 ta’ Settembru 2014, dan ir-Regolament għandu japplika biss fir-rigward ta’ tilwim fejn il-preżentazzjoni ta’ talba għal arbitraġġ tkun saret wara is-17 ta’ Settembru 2014, u li jikkonċernaw it-trattament mogħti wara is-17 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2002 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351 20.12.2012, p. 40).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

L-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u ma għandhomx jiġu interpretati bħala eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża mill-Unjoni f’oqsma fejn il-kompetenza tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżerċitata.