24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 692/2014

tat-23 ta' Ġunju 2014

dwar restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/386/PESK (1) dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tagħhom,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Waqt il-laqgħa tiegħu tal-20-21 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-annessjoni mal-Federazzjoni Russa tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea (“il-Krimea”) u tal-belt ta' Sevastopol (“Sevastopol”) u mhux se jirrikonoxxiha. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tevalwa l-konsegwenzi legali ta' dik l-annessjoni u biex tipproponi restrizzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji rigward il-Krimea għal implimentazzjoni rapida.

(2)

Fir-Riżoluzzjoni tas-27 ta' Marzu 2014, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti affermat l-impenn tagħha għas-sovranità, l-indipendenza politika, l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li enfasizzat l-invalidità tar-referendum fil-Krimea li sar fis-16 ta' Marzu, u sejħet lill-Istati kollha biex ma jirrikonoxxux kull tibdil fl-istatus tal-Krimea u ta' Sevastopol.

(3)

Fit-23 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/386/PESK dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol u dwar il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni ta' tali oġġetti minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol. Sabiex jiġi minimizzat l-effett ta' tali miżuri restrittivi fuq l-operaturi ekonomiċi, għandhom jiġu pprovduti eċċezzjonijiet u perjodi ta' tranżizzjoni fir-rigward ta' kummerċ f'oġġetti u servizzi relatati li għalihom huma meħtieġa tranżazzjonijiet permezz ta' kuntratt kummerċjali jew kuntratt anċillari, suġġetti għal proċedura ta' notifika.

(4)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, bil-ħsieb, b'mod partikolari, li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pretensjoni” tfisser kull pretensjoni, sew asserita bi proċedimenti legali jew le, magħmula qabel jew wara l-25 ta' Ġunju 2014, taħt jew b'rabta ma' kuntratt jew tranżazzjoni, u b'mod partikolari tinkludi:

(i)

pretensjoni għat-twettiq ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, ta' garanzija finanzjarja jew ta' indennizz ta' kull forma;

(iii)

pretensjoni għal kumpens marbut ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kull tranżazzjoni ta' liema forma hi u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, u sew jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa' taħt, jew b'konnessjoni mat-tranżazzjoni;

(c)

“oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew f'Sevastopol” tfisser oġġetti li huma miksuba kompletament fil-Krimea jew fil-belt ta' Sevastopol jew li għaddew mill-aħħar trasformazzjoni sostanzjali tagħhom hemmhekk, b'mod konformi, mutatis mutandis, mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2);

(d)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

(e)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness;

Artikolu 2

Għandu jiġi pprojbit:

(a)

li jiġu importati fl-Unjoni Ewropea oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew f'Sevastopol;

(b)

li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (a).

Artikolu 3

Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

l-eżekuzzjoni sas-26 ta' Settembru 2014, ta' kuntatti kummerċjali konklużi qabel il-25 ta' Ġunju 2014, jew ta' kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti bħal dawn, sakemm il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entità jew il-korp li jkunu jridu jwettqu l-kuntratt ikunu nnotifikaw, mill-anqas 10 ijiem ta' xogħol qabel, l-attività jew it-tranżazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

(b)

oġġetti li joriġinaw mill-Krimea jew Sevastopol li jkunu saru disponibbli għall-awtoritajiet tal-Ukraina għal eżaminazzjoni, li għalihom tkun ġiet ivverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet li jagħtu l-intitolament għal oriġini preferenzjali skont ir- Regolamenti (UE) Nru 978/2012 u (UE) Nru 374/2014 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina.

Artikolu 4

Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 hija pprojbita.

Artikolu 5

L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma jagħtux lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 6

1.   L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni ta' dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, mill-entitajiet jew mill-korpi elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014;

(b)

kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jkunu nstabu permezz ta' arbitraġġ. deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jkunu kisru l-projbizzjonijiet stipulati f;dan ir-Regolament;

(d)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jekk il-pretensjoni tkun tirrelata mal-oġġetti li l-importazzjoni tagħhom tkun ipprojbita taħt l-Artikolu 2.

2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, ikun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta' din il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jaqsmu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni rigward il-problemi tal-vjolazzjoni u tal-infurzar u s-sentenzi maqtugħa mill-qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websajts elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-indirizzi tal-websajts tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

3.   Meta dan ir-Regolament jippreżenta l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew issir xi komunikazzjoni magħha xorta oħra, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/386/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (ara l-paġna 70 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(3)  ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1.


ANNESS

Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

 

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

 

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

 

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

 

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

 

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

 

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

 

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

 

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

 

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

 

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

 

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

 

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

 

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

 

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

 

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

 

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

 

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

 

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

 

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

 

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

 

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

 

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

 

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

 

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

 

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

 

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

 

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

 

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu