5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 602/2014

tal-4 ta' Ġunju 2014

li jistabbilixxi standards tekniċi implimentattivi għall-iffaċilitar tal-konverġenza tal-prattiki superviżorji fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' piżijiet ta' riskju addizzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 410(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal standards tekniċi implimentattivi biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza tal-prattiki superviżorji fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' approċċ uniformi għall-valutazzjoni tan-nuqqas ta' konformità materjali tal-istituzzjonijiet mar-rekwiżiti minħabba negliġenza jew omissjoni, u l-applikazzjoni tal-piżijiet tar-riskju addizzjonali. Sabiex tkun iffaċilitata l-konverġenza tal-prattiki superviżorji meta jiġu applikati piżijiet tar-riskju addizzjonali, għandha tiġi definita formula xierqa. Dik il-formula għandha timponi piż ta' riskju addizzjonali proporzjonali ta' mhux inqas minn 250 % li progressivament jiżdied ma' kull ksur sussegwenti tal-Artikoli 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għandu jiddaħħal fattur xieraq fil-formula sabiex jippermetti li jiġi applikat piż ta' riskju addizzjonali fil-każijiet ta' skoperturi eżentati skont l-Artikolu 405(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(2)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi abbozzati regolatorji sottomessi mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(3)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi implementattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe piż ta' riskju addizzjonali impost skont l-Artikolu 407 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi applikat għall-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni relevanti kollha, miżmuma minn istituzzjoni, li huma milquta mill-ksur materjali tal-Artikolu 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Fejn istituzzjoni tirrettifika l-ksur min-naħa tagħha tar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-piż ta' riskju addizzjonali ma jibqax japplika malli r-rettifika tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti.

3.   Meta jkunu qed jivvalutaw jekk jimponux piż ta' riskju addizzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kemm il-materjalità tal-ksur tal-Artikolu 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll ir-relevanza tiegħu għall-analiżi tar-riskju tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni. Il-materjalità għandha titqies kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi u, fejn applikabbli, kemm fil-livell ta' entità kif ukoll f'dak konsolidat. Fil-valutazzjoni tal-materjalità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw, fost fatturi oħra, it-tul tal-ksur, id-daqs tal-pożizzjonijiet affettwati u jekk l-istituzzjoni ppruvatx b'mod proattiv tirrettifika l-ksur.

4.   Meta jivvalutaw jekk istituzzjoni tkunx naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'xi aspett materjali minħabba negliġenza jew ommissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux influwenzati minn kwalunkwe ommissjoni mill-oriġinatur, l-isponsor jew is-sellief oriġinali li jiddivulgaw l-impenn tagħhom li jzommu interess ekonomiku materjali ta' mhux inqas minn 5 % fir-rigward ta' titolizzazzjonijiet tal-passat, fejn l-istituzzjoni tkun tista' turi li tkun ħadet kont xieraq ta' dawn iċ-ċirkustanzi.

5.   Fil-każ ta' ksur materjali tar-rekwiżit ta' divulgazzjoni stabbilit fl-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 minħabba negliġenza jew ommissjoni tal-istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jimponu piż ta' riskju addizzjonali fuq il-pożizzjonijiet miżmuma tal-oriġinatur jew tal-isponser, jew tas-sellief oriġinali fit-titolizzazzjoni rilevanti jew skopertura oħra għaliha.

6.   Meta jkunu qed jivvalutaw jekk istituzzjonijiet naqsux milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, f'xi aspett materjali għal raġunijiet ta' negliġenza jew omissjoni, għal pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni maħruġa fl-1 ta' Jannar 2011 jew wara, u qabel l-1 ta' Jannar 2014, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu jekk dawn l-istituzzjonijiet ikkonformawx b'mod kontinwu bejn id-data tal-ħruġ u l-31 ta' Diċembru 2013 mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 122a tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fil-Linji Gwida għall-Artikolu 122a tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (4).

Artikolu 2

Kalkolu ta' piż ta' riskju addizzjonali

Fejn istituzzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti relevanti pprovduti fl-Artikoli 405, 406 jew 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'xi aspett materjali, l-awtoritajiet kompetenti japplikaw il-formula li ġejja sabiex jiddeterminaw il-piż totali tar-riskju (“RW Totali”) skont l-approċċ speċifikat fl-Artikolu 245(6) u l-Artikolu 337(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

RW totali = Min[12,5; RW Oriġinali × (1 + (2,5 + 2,5 × Tultal-Ksursnin) × (1 – Eżenzjonital-Artikolu 405Fil-mija))]

Fejn:

 

12,5 huwa fattur li jirrappreżenta l-valur massimu li l-piż ta' riskju totali jista' jilħaq;

 

“RW Oriġinali” huwa l-piż tar-riskju li kieku japplika għal pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni jekk ma jiġi impost l-ebda piż ta' riskju addizzjonali;

 

2,5 huwa l-fattur minimu li japplika għall-piż tar-riskju oriġinali sabiex jiġi kkalkulat il-piż ta' riskju addizzjonali;

 

“Tultal-Ksursnin” huwa t-tul tal-ksur, espress fi snin, imnaqqas sal-eqreb perjodu ta' 12-il xahar. Dan il-varjabbli huwa ugwali għal “0” għal ksur ta' inqas minn 12-il xahar, ugwali għal “1” għal ksur ta' aktar minn 12-il xahar iżda inqas minn 24 xahar, ugwali għal “2” għal ksur ta' aktar minn 24 xahar iżda ta' inqas minn 36 xahar, eċċ. Id-durata ġeneralment titkejjel mill-bidu tal-ksur għat-titolizzazzjoni, għalkemm l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tat-titolizzazzjoni, jistgħu jimponu punti oħra ta' bidu. “Ksur” ifisser il-ksur ta' wieħed jew aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 405, 406 jew 409 li jistgħu jwasslu għal piż ta' riskju addizzjonali. Il-ksur jinbidel fi “ksur sussegwenti” meta jgħaddi ż-żmien mingħajr ma l-ksur jiġi rretifikat, li jwassal għal żieda progressiva fil-piż addizzjonali tar-riskju.

 

“Eżenzjonital-Artikolu 405Fil-mija” huwa varjabbli ugwali għal 0,5 jekk l-Artikolu 405(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 japplika għall-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni li għalihom jiġi kkalkulat il-piż tar-riskju addizzjonali, u ugwali għal 0 jekk din l-eżenzjoni ma tkunx tapplika.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

(4)  http://www.eba.europa.eu/documents/10180/106202/Guidelines.pdf