27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 312/2014

tas-26 ta’ Marzu 2014

li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tlestija urġenti ta’ suq intern tal-enerġija interkonness u li jaħdem bis-sħiħ li jikkontribwixxi għall-garanzija ta’ provvista tal-enerġija bi prezz li jlaħħaq miegħu kulħadd u sostenibbli lill-ekonomija tal-Unjoni hija kruċjali għall-għan li tiżdied il-kompetittività u li jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jistgħu jixtru l-enerġija bl-aqwa prezzijiet.

(2)

Sabiex nersqu lejn integrazzjoni akbar fis-suq, huwa importanti li r-regoli dwar l-ibbilanċjar tal-gass tan-netwerks ta’ trażmissjoni jiffaċilitaw il-kummerċ tal-gass minn żona tal-ibbilanċjar għall-oħra sabiex b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ likwidità tas-suq. Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-ibbilanċjar li japplikaw għall-Unjoni kollha bil-għan li l-utenti tan-netwerks jintgħataw iċ-ċertezza li jistgħu jamministraw il-pożizzjonijiet tal-bilanċ tagħhom f’żoni ta’ bbilanċjar differenti mal-Unjoni kollha b’mod ekonomikament effiċjenti u mhux diskriminatorju.

(3)

Dan ir-Regolament jappoġġja l-iżvilupp ta’ suq kompetittiv tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir fl-Unjoni Ewropea, li jipprovdi flessibbiltà tal-gass, minn kwalunkwe sors, sabiex jiġi offrut għax-xiri u għall-bejgħ permezz ta’ mekkaniżmi tas-suq b’mod li l-utenti tan-netwerk ikunu jistgħu jibbilanċjaw il-portafolji tal-ibbilanċjar tagħhom b’mod effiċjenti, jew sabiex l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun jista’ juża l-flessibbiltà tal-gass meta jibbilanċja n-netwerk tat-trażmissjoni.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxi regoli mhux diskriminatorji għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali bil-għan li jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern għall-gass. Regoli dwar l-ibbilanċjar li huma bbażati fuq is-suq jinċentivaw finanzjarjament lill-utenti tan-netwerk biex jibbilanċjaw il-portafolji tal-ibbilanċjar tagħhom permezz ta’ tariffi tal-iżbilanċ li jirriflettu l-ispejjeż.

(5)

L-utenti tan-netwerk għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-ibbilanċjar tad-dħul kontra l-ħruġ tagħhom, bir-regoli tal-ibbilanċjar li huma mfassla biex jippromwovu suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir, bl-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ kummerċ li jiffaċilitaw aktar il-kummerċ tal-gass bejn l-utenti tan-netwerk u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jwettqu kwalunkwe bilanċjar residwali tan-netwerks tat-trażmissjoni li jista’ jkun meħtieġ. Biex jagħmlu dan, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom isegwu l-ordni tal-mertu. L-ordni tal-mertu tinħoloq sabiex l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jkunu jistgħu jakkwistaw gass waqt li jqisu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u operazzjonali, waqt li jużaw prodotti li jistgħu jiġu kkunsinnjati mill-aktar firxa wiesgħa ta’ sorsi, inklużi prodotti miksuba minn faċilitajiet LNG u tal-ħżin. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jimmiraw li jimmassimizzaw l-ammont tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ bbilanċjar tal-gass permezz tax-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti standardizzati għal żmien qasir fuq is-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir.

(6)

Sabiex l-utenti tan-netwerk jkunu jistgħu jibbilanċjaw il-portafolji tal-ibbilanċjar tagħhom, dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll rekwiżiti minimi għall-forniment ta’ informazzjoni sabiex jiġi implimentat reġim tal-ibbilanċjar ibbażat fuq is-suq. Għalhekk, il-flussi ta’ informazzjoni pprovduti f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jappoġġjaw l-iskema ta’ bbilanċjar ta’ kuljum u jfittxu li jkunu ġabra ta’ informazzjoni li tappoġġja lill-utenti tan-netwerk biex jiġġestixxi r-riskji u l-opportunitajiet tiegħu b’mod kostefficjenti.

(7)

Minbarra l-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, skont dan ir-Regolament, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u d-dejta ppreżentati lilhom għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma għandhomx jiżvelaw lil partijiet terzi din l-informazzjoni u dejta jew parti minnha ħlief jekk u sa fejn ikunu intitolati bil-liġi li jagħmlu dan.

(8)

Dan ir-Regolament ġie adottat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 li jissupplimenta u li jifforma parti integrali minnu. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 f’atti legali oħrajn għandhom jinftiehmu li jirreferu wkoll għal dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament japplika għal kapaċitajiet mhux eżentati f’infrastrutturi ġodda kbar li ġew eżentati mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew minn dak li qabel kien l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sal-punt li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tippreġudikax dik l-eżenzjoni. Dan ir-Regolament għandu japplika waqt li titqies in-natura speċifika tal-interkonnetturi.

(9)

Dan ir-Regolament twaqqaf skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Ikompli jarmonizza r-regoli dwar l-ibbilanċjar stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-gass.

(10)

Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet li japplikaw għal operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li għandhom l-għan li jarmonizzaw ir-rwoli tagħhom biss sa fejn u kemm hemm bżonn għall-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(11)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom iqisu l-aħjar prattiki u impenji sabiex jarmonizzaw il-proċessi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Filwaqt li jaġixxu skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Aġenzija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-ibbilanċjar jiġu implimentati mal-Unjoni kollha bl-iktar mod effettiv.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk li jistabbilixxi regoli dwar l-ibbilanċjar tal-gass, inklużi regoli relatati man-netwerk dwar il-proċeduri ta’ nomina, it-tariffi tal-iżbilanċ, u l-proċessi ta’ saldu assoċjati mat-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum u l-ibbilanċjar operazzjonali bejn netwerks tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal żoni ta’ bbilanċjar fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għaż-żoni ta’ bbilanċjar fl-Istati membri li għandhom deroga abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għar-rikonċiljazzjoni li tkun meħtieġa bejn l-allokazzjonijiet u l-konsum attwali derivat sussegwentement minn qari tal-miter tal-konsumatur finali meta dawn jinkisbu.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li fihom l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jimplimenta miżuri speċifiċi definiti skont ir-regoli nazzjonali applikabbli u abbażi tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass (5), kif huwa xieraq.

5.   Id-drittijiet u l-obbligi rispettivi li joriġinaw minn dan ir-Regolament fir-rigward tal-utenti tan-netwerk japplikaw biss għal dawk l-utenti tan-netwerk li kkonkludew ftehim li jorbot legalment, sakemm ikun kuntratt ta’ trasport jew kuntratt ieħor, li jippermettilhom li jissottomettu notifika ta’ negozjar skont l-Artikolu 5.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 li jistabbilixxi Kodiċi ta’ Netwerk dwar Mekkaniżmi ta’ Kapaċità ta’ Allokazzjoni f’Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 (6) kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“żona ta’ bbilanċjar” tfisser sistema ta’ dħul u ħruġ li għaliha jkun applikabbli reġim tal-ibbilanċjar speċifiku u li tista’ tinkludi sistemi ta’ distribuzzjoni jew parti minnhom;

2.

“azzjoni ta’ bilanċjar” tfisser azzjoni mwettqa mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jibdel il-flussi tal-gass għal ġewwa jew barra n-netwerk ta’ trażmissjoni, minbarra dawk l-azzjonijiet relatati ma’ gass li ma jkunx hemm rendikont tiegħu bħala maħruġ mis-sistema u l-gass użat mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-operazzjoni tas-sistema;

3.

“tariffa/i tan-newtralità tal-ibbilanċjar” tfisser tariffa/i li jammontaw għad-differenza bejn l-ammonti riċevuti jew riċivibbli u l-ammonti mħallsa jew li jridu jitħallsu mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minħabba t-twettiq tal-attivitajiet ta’ bbilanċjar tiegħu li hija/huma pagabbli jew rekuperabbli mill-utenti tan-netwerk rilevanti;

4.

“pjattaforma ta’ negozjar” tfisser pjattaforma elettronika pprovduta u mħaddma minn operatur ta’ pjattaforma ta’ negozjar li permezz tagħha l-parteċipanti fin-negozjati jistgħu jdaħħlu u jaċċettaw, inkluż id-dritt li jirrevedu u jirtiraw, prezzijiet u offerti għal gass meħtieġ biex tinstab soluzzjoni għal varjazzjonijiet għal żmien qasir fid-domanda jew il-provvista tal-gass, skont it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli fuq il-pjattaforma ta’ negozjar u li fiha l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jinnegozja sabiex iwettaq azzjoni ta’ bbilanċjar;

5.

“parteċipant tan-negozju” tfisser utent tan-netwerk jew operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jkollu kuntratt mal-operatur tal-pjattaforma tan-negozjar u li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinnegozja fuq pjattaforma ta’ negozjar.

6.

“pjattaforma ta’ bbilanċjar” tfisser pjattaforma ta’ negozjar li fiha operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni huwa parteċipant fin-negozjati għan-negozjati kollha;

7.

“servizz ta’ bbilanċjar” tfisser servizz ipprovdut lil operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni permezz ta’ kuntratt għal gass meħtieġ bħala soluzzjoni għal varjazzjonijiet għal żmien qasir fid-domanda u l-provvista tal-gass, li mhuwiex prodott standardizzat għal żmien qasir;

8.

“kwantità kkonfermata” tfisser il-kwantità ta’ gass ikkonfermata minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li għandha tiġi skedata jew skedata mill-ġdid biex jiċċirkola f’jum tal-gass D;

9.

“tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum” tfisser l-ammont ta’ flus li utent tan-netwerk iħallas jew jirċievi fir-rigward ta’ kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum;

10.

“kejl ta’ kuljum” tfisser li l-kwantità ta’ gass titkejjel u tinġabar darba għal kull jum tal-gass;

11.

“kejl ripetut f’jum” tfisser li l-kwantità ta’ gass titkejjel u tinġabar tal-inqas darbtejn fil-jum tal-gass;

12.

“kejl mhux ta’ kuljum” tfisser li l-kwantità ta’ gass titkejjel u tinġabar b’mod inqas spiss minn darba għal kull jum tal-gass;

13.

“portafoll tal-ibbilanċjar” tfisser raggruppament tad-dħul u l-ħruġ tal-utent tan-netwerk;

14.

“kwantità ta’ notifika” tfisser il-kwantità ta’ gass ittrasferit bejn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u utent tan-netwerk jew utenti tan-netwerk jew portafolji ta’ bbilanċjar, skont kif ikun xieraq;

15.

“allokazzjoni” tfisser il-kwantità ta’ gass attribwita lil utent tan-netwerk minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bħala dħul jew ħruġ espressi f’kWh biex tiġi determinata l-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum;

16.

“ċiklu ta’ rinomina” tfisser il-proċess imwettaq mill-operatur tas-sistema tas-trażmissjoni biex jipprovdi utent tan-netwerk bil-messaġġ dwar il-kwantitajiet ikkonfermati wara r-riċeviment ta’ rinomina;

17.

“tariffa ta’ dakinhar stess” tfisser tariffa mitluba jew ħlas li sar minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew għal utent tan-netwerk minħabba obbligu ta’ dakinhar stess.

18.

“obbligu ta’ dakinhar stess” tfisser sett ta’ regoli rigward id-dħul u l-ħruġ tal-utenti tan-netwerk fil-jum tal-gass imposti minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fuq utenti tan-netwerk;

19.

“każ ta’ bażi” tfisser il-mudell għall-forniment ta’ informazzjoni fejn l-informazzjoni dwar il-kejl mhux ta’ kuljum ta’ ħruġ ta’ gass tikkonsisti minn tbassir jum bil-quddiem jew dakinhar stess;

20.

“varjant 1” tfisser il-mudell għall-forniment ta’ informazzjoni fejn l-informazzjoni fuq il-kejl ta’ kuljum u fuq il-kejl mhux ta’ kuljum ta’ ħruġ ta’ gass hija bbażata fuq l-apporzjonament ta’ flussi mkejla waqt il-jum tal-gass;

21.

“varjant 2” tfisser il-mudell għall-forniment ta’ informazzjoni fejn l-informazzjoni dwar il-kejl mhux ta’ kuljum ta’ ħruġ gass hija bbażata fuq tbassir jum bil-quddiem.

KAPITOLU II

SISTEMA TA’ BBILANĊJAR

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu responsabbli biex jibbilanċjaw il-portafolji tagħhom sabiex jimminimizzaw il-bżonn li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jwettqu l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Ir-regoli ta’ bbilanċjar stabbiliti skont dan ir-Regolament għandhom jirriflettu ħtiġijiet ġenwini tas-sistema, filwaqt li jqisu r-riżorsi disponibbli għall-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u għandhom jagħtu inċentivi lill-utenti tan-netwerk sabiex dawn jibbilanċjaw il-portafolji ta’ bbilanċjar tagħhom b’mod effiċjenti.

3.   L-utenti tan-netwerk għandu jkollhom il-possibilità li jidħlu fi ftehim legalment vinkolanti ma’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jippermettilhom jippreżentaw notifiki ta’ negozjar irrispettivament minn jekk ikollhomx kapaċità ta’ trasport ikkuntrattata jew le.

4.   F’żona ta’ bbilanċjar fejn ikun hemm attivi iktar minn operatur wieħed tas-sistema ta’ trażmissjoni, dan ir-Regolament għandu japplika għall-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni f’dik iż-żona ta’ bbilanċjar. F’każ li r-responsabilità ta’ żamma tas-sistemi ta’ trażmissjoni tagħhom f’bilanċ tkun ġiet trasferita lil entità, dan ir-Regolament għandu japplika għal dik l-entità sa fejn definit skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

Artikolu 5

Notifiki ta’ negozjar u allokazzjonijiet

1.   It-trasferiment ta’ gass bejn żewġ portafolji ta’ bbilanċjar f’żona waħda ta’ bbilanċjar għandu jsir biċ-ċessjoni u l-akkwist ta’ notifiki ta’ negozjar ippreżentati lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward il-jum tal-gass.

2.   Il-ħin għall-preżentazzjoni, l-irtirar u l-emendar tan-notifiki ta’ negozjar għandu jkun iddefinit mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-kuntratt ta’ trasport jew fi ftehim ieħor legalment vinkolanti mal-utenti tan-netwerk filwaqt li jitqies il-ħin, jekk meħtieġ, għall-ipproċessar tan-notifiki ta’ negozjar. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jħalli lill-utenti tan-netwerk jippreżentaw notifiki ta’ negozjar qrib il-ħin li fih issir effettiva n-notifika ta’ negozjar.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jnaqqas kemm jistal-ħin għall-ipproċessar ta’ notifiki ta’ negozjar. Il-ħin għall-ipproċessar ma għandux jieħu iktar minn tletin minuta ħlief meta l-ħin li fih in-notifika ta’ negozjar issir effettiva jippermetti li l-ħin għall-ipproċessar jiġi estiż sa sagħtejn.

4.   Notifika ta’ negozjar għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-jum tal-gass li għalih huwa ttrasferit il-gass;

(b)

l-identifikazzjoni tal-portafolji ta’ bbilanċjar ikkonċernati;

(c)

jekk hijiex notifika ta’ negozjar ta’ ċessjoni jew tal-akkwist;

(d)

il-kwantità ta’ notifika espressa f’kWh/d għal kwantità ta’ notifika ta’ kuljum jew f’kWh/h għal kwantità ta’ notifika fis-siegħa, kif meħtieġa mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

5.   Jekk l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jirċievi sett korrispondenti ta’ notifiki ta’ negozjar ta’ ċessjoni jew tal-akkwist u l-kwantitajiet ta’ notifika jkunu ndaqs, f’dak il-każ l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jalloka l-kwantità ta’ notifika għall-portafolji kkonċernati:

(a)

bħala ħruġ għall-portafoll tal-utenti tan-netwerk li jagħmel in-notifika ta’ negozjar ta’ ċessjoni; u

(b)

bħala dħul għall-portafoll tal-utenti tan-netwerk li jagħmel in-notifika ta’ negozjar tal-akkwist.

6.   Meta l-kwantitajiet ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 5 ma jkunux indaqs, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jew jalloka l-inqas kwantità ta’ notifika speċifikata fin-notifika ta’ negozjar jew inkella għandu jirrifjuta ż-żewġ notifiki ta’ negozjar. Ir-regola applikabbli għandha tiġi ddefinita mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-kuntratt ta’ trasport rilevanti applikabbli jew ftehim legalment vinkolanti ieħor.

7.   Fornitur tas-servizzi ma għandux jinżamm milli jaġixxi f’isem utent tan-netwerk għall-fini tal-paragrafu 5, soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

8.   Utent tan-netwerk jista’ jagħmel notifika ta’ negozjar f’jum tal-gass, irrilevanti jekk tkunx saret xi nomina minn dan l-utent tan-netwerk għal dak il-jum tal-gass.

9.   Il-paragrafi 1 sa 8 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li jinnegozjaw b’mod konformi mal-Artikolu 6(3)(a).

KAPITOLU III

IBBILANĊJAR OPERAZZJONALI

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jieħu azzjonijiet ta’ bbilanċjar sabiex:

(a)

iżomm in-netwerk ta’ trażmissjoni fil-limiti operazzjonali tiegħu;

(b)

jikseb pożizzjoni tal-linepack ta’ tmiem il-jum fin-netwerk ta’ trażmissjoni differenti minn dik antiċipata abbażi tad-dħul u l-ħruġ mistennija għal dak il-jum tal-gass, konsistenti mat-tħaddim ekonomiku u effiċjenti tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

2.   Meta jieħu azzjonijiet ta’ bbilanċjar, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu tal-inqas iqis dan li ġej fir-rigward taż-żona ta’ bbilanċjar:

(a)

l-istimi tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni stess tad-domanda għal gass matul u fil-jum tal-gass li għalih qed titqies l-azzjoni ta’ bbilanċjar (jew l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar;

(b)

l-informazzjoni dwar in-nomina u l-allokazzjoni u l-flussi tal-gass imkejlin;

(c)

il-pressjonijet tal-gass tul in-netwerk(s) ta’ trażmissjoni.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jieħu azzjonijiet ta’ bbilanċjar permezz:

(a)

ix-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti standardizzati għal żmien qasir fuq pjattaforma ta’ negozjar; u/jew

(b)

l-użu ta’ servizzi ta’ bbilanċjar.

4.   Meta jieħu azzjonijiet ta’ bbilanċjar, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jqis il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar għandhom jitwettqu fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar għandhom iqisu kwalunkwe obbligu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom biex iħaddmu netwerk ta’ trażmissjoni ekonomiku u effiċjenti.

Artikolu 7

Prodotti standardizzati għal żmien qasir

1.   Il-prodotti standardizzati għal żmien qasir għandhom jiġu nnegozjati għall-kunsinna fi żmien jum jew minn jum qabel sebat ijiem fil-ġimgħa skont ir-regoli applikabbli tal-pjattaforma ta’ negozjar kif definiti bejn l-operatur tal-pjattaforma tan-negozjar u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

2.   Il-parteċipant fin-negozjati ta’ oriġini huwa l-parteċipant fin-negozjati li jitfa’ prezz jew offerta biex jinnegozja fuq il-pjattaforma ta’ negozjar u l-parteċipant fin-negozjati li jaċċetta huwa l-parteċipant fin-negozjati li jaċċettah/a.

3.   Meta prodott titolari jiġi nnegozjat:

(a)

parteċipant minnhom fin-negozju jagħmel notifika ta’ negozjar ta’ akkwist u l-ieħor jagħmel notifika ta’ negozjar ta’ ċessjoni;

(b)

iż-żewġ notifiki ta’ negozjar għandhom jispeċifikaw il-kwantità ta’ gass ittrasferit mill-parteċipant fin-negozjati li jagħmel notifika ta’ negozjar ta’ ċessjoni lill-parteċipant fin-negozjati li jagħmel notifika ta’ negozjar ta’ akkwist;

(c)

meta tintuża kwantità ta’ notifika fis-siegħa, din għandha tiġi applikata b’rata fissa għas-sigħat li jifdal tal-jum tal-gass minn ħin tal-bidu speċifikat u għandha tkun żero għas-sigħat kollha qabel dan il-ħin tal-bidu.

4.   Meta prodott lokazzjonali jiġi nnegozjat:

(a)

l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jiddetermina l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ rilevanti jew il-gruppi tagħhom li jistgħu jintużaw;

(b)

il-kundizzjonijiet kollha speċifikati fil-paragrafu 3 għandhom jiġu ssodisfati;

(c)

il-parteċipant ta’ oriġini fin-negozjar għandu jimmodifika l-kwantità tal-gass li għandu jiġi pprovdut lil jew meħud min-netwerk ta’ trażmissjoni fil-punt tad-dħul jew ħruġ speċifikat b’ammont daqs il-kwantità ta’ notifika u jipprovdi evidenza lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li l-kwantità tkun ġiet immodifikata skont dan;

5.   Meta prodott temporali jiġi nnegozjat:

(a)

il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3(a) u (b) għandhom jiġu ssodisfati;

(b)

għandha tiġi applikata notifika ta’ kwantità kull siegħa għas-sigħat tal-jum tal-gass minn ħin tal-bidu speċifikat sa ħin ta’ tmiem specifikat u għandu jkun ugwali għal żero għas-sigħat kollha qabel il-ħin tal-bidu u żero għas-sigħat wara l-ħin tat-tmiem.

6.   Meta jiġi nnegozjat prodott lokazzjonali temporali, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 4(a), u (c) u l-paragrafu 5.

7.   Meta jistabbilixxu l-prodotti standardizzati għal żmien qasir, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni minn żoni ta’ bbilanċjar kontigwi għandhom jikkooperaw sabiex jiġu determinati l-prodotti rilevanti. Kull operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jinforma lill-operaturi tal-pjattaforma tan-negozju bir-riżultat ta’ kooperazzjoni bħal din mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 8

Servizzi ta’ bbilanċjar

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni huwa intitolat jixtri servizzi ta’ bbilanċjar għal dawk is-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti standardizzati għal żmien qasir ma jkunux ser jipprovdu jew aktarx li mhux ser jipprovdu r-rispons meħtieġ biex iżommu n-netwerk ta’ trażmissjoni fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu jew fin-nuqqas ta’ likwidità ta’ kummerċ ta’ prodotti standardizzati fit-terminu qasir.

2.   Għall-fini tat-teħid ta’ azzjonijiet ta’ bbilanċjar permezz tal-użu ta’ servizzi ta’ bbilanċjar, meta jixtri dawn is-servizzi ta’ bbilanċjar, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu talanqas iqis dawn li ġejjin:

(a)

kif is-servizzi ta’ bbilanċjar ser iżommu lin-netwerk ta’ trażmissjoni fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu;

(b)

il-ħin għar-rispons tas-servizzi ta’ bbilanċjar meta mqabbel mal-ħinijiet ta’ rispons ta’ kwalunkwe prodott standardizzat fit-terminu qasir disponibbli;

(c)

l-ispiża stmata tal-akkwist u l-użu tas-servizzi ta’ bbilanċjar meta mqabblin mal-ispiża stmata tal-użu ta’ kwalunkwe prodott standardizzat fit-terminu qasir disponibbli;

(d)

iż-żona fejn il-gass għandu jiġi pprovdut;

(e)

ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-gass tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni stess;

(f)

kemm l-akkwist u l-użu tas-servizzi ta’ bbilanċjar jista’ jaffettwa l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa fit-terminu qasir.

3.   Is-servizzi ta’ bbilanċjar għandhom jiġu akkwistati b’mod ibbażat fuq is-suq, permezz ta’ proċedura tal-offerti pubbliċi, trasparenti u mhux diskriminatorja skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari:

(a)

qabel jittieħed impenn ta’ kuntrattar għal servizz ta’ bbilanċjar, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika sejħa mhux restrittiva għall-offerti li tindika l-iskop, l-ambitu u l-istruzzjonijiet relatati lill-offerenti, biex dawn ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċess tal-offerti;

(b)

ir-riżultati għandhom jiġu ppubblikati bla ħsara għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva u r-riżultati individwali għandhom jiġu żvelati lil kull offerent

4.   F’ċirkostanzi speċifiċi, proċedura trasparenti u mhux diskriminatorja minbarra offerta pubblika tista’ tiġi approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

5.   Sakemm deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali ma tippermettix durata itwal ta’ servizz ta’ bbilanċjar, id-durata ta’ servizz ta’ bbilanċjar ma għandhiex taqbeż sena, u d-data tal-bidu għandha sseħħ fi żmien tnax-il xahar mill-impenn vinkolanti relatat tal-partijiet kontraenti.

6.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jirrevedi l-użu tas-servizzi ta’ bbilanċjar tiegħu kull sena sabiex jivvaluta jekk prodotti standardizzati disponibbli għal żmien qasir jissodisfawx aħjar ir-rekwiżiti operazzjonali tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u jekk għas-sena d-dieħla jkunx possibbli li jitnaqqas l-użu ta’ servizzi ta’ bbilanċjar.

7.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni darba fis-sena għandu jippubblika l-informazzjoni rigward is-servizzi ta’ bbilanċjar akkwistati u l-ispejjeż relatati mġarrbin.

Artikolu 9

Ordni tal-mertu

1.   Soġġett għall-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(4), meta jiddeċiedi fuq l-azzjonijiet xierqa ta’ bbilanċjar, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, filwaqt li jqis il-kosteffiċjenza, għandu:

(a)

jipprijoritizza l-użu ta’ prodotti titolari meta u sa fejn dan ikun xieraq fuq kwalunkwe prodott standardizzat ieħor disponibbli għal żmien qasir.

(b)

juża l-prodotti standardizzati tat-terminu qasir l-oħrajn fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(1)

prodotti lokazzjonali meta, sabiex iżomm in-netwerk ta’ trażmissjoni fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu, ikun hemm bżonn ta’ bidliet fil-fluss tal-gass f’punti speċifiċi tad-dħul u/jew tal-ħruġ u/jew li jibdew minn perjodu speċifiku ta’ ħin matul il-jum tal-gass.

(2)

prodotti temporali meta, sabiex iżomm in-netwerk ta’ trażmissjoni fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu, ikun hemm bżonn ta’ bidliet fil-fluss tal-gass fi ħdan perjodu ta’ ħin speċifiku matul il-jum tal-gass. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu juża prodott temporali biss meta dan ikun iktar ekonomiku u effiċjenti meta mqabbel max-xiri u l-bejgħ ta’ taħlita ta’ prodotti titolari jew prodotti lokazzjonali.

(3)

prodotti lokazzjonali temporali meta, sabiex ikun hemm bżonn ta’ bidliet fil-fluss tal-gass f’punti speċifiċi tad-dħul u/jew tal-ħruġ u matul perjodu speċifiku ta’ żmien matul il-jum tal-gass. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu juża prodott lokazzjonali temporali biss meta dan ikun iktar ekonomiku u effiċjenti meta mqabbel max-xiri u l-bejgħ ta’ taħlita ta’ prodotti lokazzjonali.

(c)

juża biss servizzi ta’ bbilanċjar meta, wara valutazzjoni mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat, il-prodotti standardizzati b’terminu qasir ma jipprovdux jew aktarx li ma jkunux ser jipprovdu r-rispons meħtieġ biex in-netwerk ta’ trażmissjoni jinżamm fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu.

L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jqis il-kosteffiċjenza fi ħdan il-livelli rispettivi tal-ordni tal-mertu imsemmi f’(a)-(c).

2.   Meta jinnegozja prodotti standardizzati b’terminu qasir, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprijoritizza l-użu ta’ prodotti fi ħdan jum meta mqabblin ma’ prodotti ta’ minn jum qabel meta u sa fejn dan ikun xieraq.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jfittex li jikseb approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex jinnegozja fi ħdan żona ta’ bbilanċjar kontigwa, u jkollu l-gass ittrasportat lejn u minn din iż-żona ta’ bbilanċjar, bħala alternattiva għan-negozjar ta’ prodotti titolari u/jew prodotti lokazzjonali fiż-żona/i ta’ bbilanċjar tiegħu stess. Meta tiddeċiedi favur l-għoti tal-approvazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkunsidra soluzzjonijiet oħrajn biex ittejjeb it-tħaddim tas-suq domestiku. It-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati fuq bażi annwali mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-użu ta’ din l-azzjoni ta’ bbilanċjar ma għandux jillimita l-aċċess għal u l-użu mill-utenti tan-netwerk tal-kapaċità fil-punt ta’ interkonnessjoni kkonċernat.

4.   Fuq bażi annwali l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika l-informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż, il-frekwenza u l-kwantità tal-azzjonijiet ta’ bbilanċjar imwettqa skont kull wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u tal-azzjonijiet ta’ bbilanċjar meħuda skont il-paragrafu 3.

Artikolu 10

Pjattaforma ta’ negozjar

1.   Għall-fini tal-akkwist ta’ prodotti standardizzati b’terminu qasir, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jinnegozja fuq pjattaforma ta’ negozjar li tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

tipprovdi biżżejjed appoġġ tul il-jum tal-gass kemm lill-utenti tan-netwerk biex jinnegozjaw kif ukoll lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni biex iwettqu azzjonijiet xierqa ta’ bbilanċjar permezz tan-negozjar fil-prodotti standardizzati rilevanti b’terminu qasir;

(b)

tipprovdi aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju;

(c)

tipprovdi servizzi fuq bażi ta’ trattament indaqs;

(d)

tiżgura negozjar anonimu tal-inqas sakemm tiġi konkluża tranżazzjoni;

(e)

tipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata dwar il-prezzijiet u l-offerti attwali lill-parteċipanti kollha fin-negozju;

(f)

tiżgura li n-negozjati kollha huma notifikati kif xieraq lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jagħti impenn li jiżgura li l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati fuq tal-inqas pjattaforma waħda ta’ negozjar. Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jkunx jista’ jiżgura li jiġu ssodisfati dawn il-kriterji fuq mill-inqas pjattaforma waħda ta’ negozjar, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi pjattaforma ta’ bbilanċjar jew pjattaforma ta’ bbilanċjar konġunta kif stipulat fl-Artikolu 47.

3.   Wara l-konklużjoni ta’ kull negozjat, l-operatur tal-pjattaforma ta’ negozjar għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti fin-negozju biżżejjed dettalji biex jikkonferma n-negozjar.

4.   Il-parteċipant fin-negozjati għandhom ikunu responsabbli għall-preżentazzjoni tan-notifika ta’ negozjar lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif definita fl-Artikolu 5 sakemm ir-responsabilità ma tiġix assenjata lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ negozjar jew parti terza skont ir-regoli applikabbli tal-pjattaforma ta’ negozjar.

5.   L-operatur tal-pjattaforma ta’ negozjar għandu:

(a)

jippubblika l-evoluzzjoni tal-prezz marġinali tax-xiri u l-prezz marġinali tal-bejgħ wara kull negozjata mingħajr dewmien bla bżonn; jew

(b)

jipprovdi lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bl-informazzjoni meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jagħżel li jippubblika l-evoluzzjoni tal-prezz marġinali tax-xiri u l-prezz marġinali tal-bejgħ. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika din l-informazzjoni mingħajr dewmien bla bżonn.

Meta jkun hemm ikar minn operatur wieħed ta’ pjattaforma ta’ negozjar fl-istess żona ta’ bbilanċjar, għandu jkun japplika l-punt (b).

6.   L-operatur tal-pjattaforma ta’ negozjar għandu jippermetti lill-utenti tan-netwerk li jinnegozjaw fuq il-pjattaforma ta’ negozjar tiegħu biss jekk dawn ikunu intitolati jagħmlu notifiki ta’ negozjar.

7.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jgħarraf mingħajr dewmien lill-operatur tal-pjattaforma ta’ negozjar dwar it-telf tad-dritt li utent tan-netwerk jagħmel notifiki ta’ negozjar skont il-ftehim kuntrattwali applikabbli fis-seħħ li għandu jirriżulta fis-sospensjoni tad-dritt li l-utent tan-negozjar jinnegozja fuq il-pjattaforma ta’ negozjar, bla ħsara għar-rimedji l-oħrajn li jistgħu jkunu disponibbli f’każ bħal dan għall-operatur ta’ pjattaforma ta’ negozjar bir-regoli applikabbli tal-pjattaforma ta’ negozjar.

Artikolu 11

Inċentivi

1.   Bil-għan li trawwem il-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tinċentivizza lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex iwettaq l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar b’mod effiċjenti jew sabiex jimmassimizza t-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ bbilanċjar permezz tan-negozjar fi prodotti standardizzati għal żmien qasir.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jippreżenta għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali mekkaniżmu ta’ inċentivi li għandu jkun konsistenti mal-prinċipji ġenerali stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Qabel ma jippreżenta l-proposta msemmija fil-paragrafu 2, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jikkonsulta partijiet interessati fuq l-inizjattiva tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni stess jew fuq it-talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

4.   Il-mekkaniżmu ta’ inċentiv għandhom:

(a)

ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni permezz ta’ ħlasijiet b’livell limitu lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal prestazzjoni aqwa minn dik mistennija u mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għal prestazzjoni agħar minn dik mistennija, li jitkejlu fl-isfond ta’ miri ta’ prestazzjoni determinati minn qabel li jistgħu jinkludu, inter alia, il-miri tal-ispejjeż;

(b)

iqisu l-mezzi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jikkontrolla l-prestazzjoni;

(c)

jiżguraw li l-applikazzjoni tagħhom tirrifletti bi preċiżjoni l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet bejn il-partijiet involuti;

(d)

ikunu adattati għall-istat tal-iżvilupp tas-suq rilevanti tal-gass fejn għandhom jiġu implimentati;

(e)

ikunu soġġetti għal reviżjoni regolari mill-awtorità regolatorja nazzjonali f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jevalwaw fejn u kemm jista’ jkun hemm bżonn ta’ bidliet fihom.

KAPITOLU IV

NOMINI

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-kwantità ta’ gass li għandha tiġi speċifikata fin-nomina u fir-rinomina għandha tiġi espressa jew f’kWh/d għal nomini u rinomini ta’ kuljum jew f’kWh/h għal nomini u rinomini kull siegħa.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jeħtieġ li l-utenti tan-netwerk jipprovdu iktar informazzjoni dwar nomini u rinomini minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż, inter alia, tbassir preċiż, aġġornat u dettaljat biżżejjed dwar id-dħul u l-ħruġ mistennija, dan skont il-ħtieġa/ħtiġijiet speċifika/speċifiċi tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

3.   L-Artikoli 13 sa 16 rigward nomini u rinomini għal prodotti tal-kapaċità mhux f’pakketti għandom japplikaw mutatis mutandis għal nomini u rinomini waħedhom għal prodotti tal-kapaċità f’pakketti. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw għall-fini ta’ implimentazzjoni tar-regoli dwar nomini u rinomini għal prodotti tal-kapaċità f’pakketti f’punti ta’ interkonnessjoni.

4.   L-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 17(1) għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regola għal ħinijiet prinċipali b’interruzzjon minima msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 tal-14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi ta’ Netwerk dwar Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità f’Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 (7).

Artikolu 13

Informazzjoni rigward nomini u rinomini f’punti ta’ interkonnessjoni

Nomini u rinomini pprovduti mill-utenti tan-netwerk lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-punti ta’ interkonnessjoni għandu jkun fihom tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

1.

identifikazzjoni tal-punti ta’ interkonnessjoni;

2.

direzzjoni tal-fluss tal-gass;

3.

identifikazzjoni tal-utent tan-netwerk jew, jekk applikabbli, l-identifikazzjoni tal-portafoll ta’ bbilanċjar tiegħu;

4.

identifikazzjoni tal-kontroparti tal-utent tan-netwerk jew, jekk applikabbli, l-identifikazzjoni tal-portafoll tal-ibbilanċjar tiegħu;

5.

il-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-fluss tal-gass li għalih hija ppreżentata n-nomina u r-rinomina;

6.

jum tal-gass D;

7.

il-kwantità ta’ gass mitluba għat-trasport.

Artikolu 14

Il-proċedura tan-nomina fil-punti ta’ interkonnessjoni

1.   Utent tan-netwerk għandu jkun intitolat li jippeżenta lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni nomina għal jum tal-gass D sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza għan-nomina fil-jum tal-gass D-1. Id-data ta’ skadenza tan-nomina għandha tkun fis-13:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 12:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass D-1.

2.   L-aħħar nomina riċevuta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn utent tan-netwerk qabel id-data ta’ skadenza tan-nomina għandha tiġi kkunsidrata mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jibgħat il-messaġġ dwar il-kwantitajiet ikkonfermati lill-utenti tan-netwerk rispettivi mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-konferma fil-jum tal-gass D-1. Id-data tal-iskadenza tal-konferma għandha tkun fit-15:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew fis-14:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass D-1.

4.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni fiż-żewġ naħat tal-punt ta’ interkonnessjoni jistgħu jaqblu li joffru ċiklu ta’ qabel ir-rinomini li matulu:

(a)

l-utenti tan-netwerk mhumiex obbligati jippreżentaw nomini;

(b)

l-utenti tan-netwerk jistgħu jippreżentaw lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni n-nomini għall-jum tal-gass D mhux iktar tard minn 12:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 11:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass D-1;

(c)

l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jibgħat il-messaġġ rigward il-kwantitajiet ipproċessati lill-utenti tan-netwerk rispettivi mhux iktar tard min-12:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew mill-11:30 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass D-1.

5.   Fin-nuqqas ta’ nomina valida mibgħuta mill-utent tan-netwerk qabel id-data tal-iskadenza tan-nomina, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni rispettivi għandhom japplikaw ir-regola awtomatika dwar in-nomina li tapplika bejn dawn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni. Ir-regola awtomatika fis-seħħ dwar in-nomini f’punt ta’ interkonnessjoni għandha tkun disponibbli għall- utent tan-netwerk tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni.

Artikolu 15

Il-proċedura ta’ rinomina fil-punti ta’ interkonnessjoni

1.   Utent tan-netwerk jista’ jkun intitolat li jippreżenta rinomini fi ħdan il-perjodu ta’ rinomina li jibda minnufih wara d-data tal-iskadenza tal-konferma u li jintemm mhux qabel tliet sigħat qabel ma jintemm il-jum tal-gass D. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jibda ċiklu ta’ rinomina fil-bidu ta’ kull siegħa matul il-perjodu ta’ rinomina.

2.   L-aħħar rinomina riċevuta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn utent tan-netwerk qabel jibda ċ-ċiklu ta’ rinomina għandha titqies mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fiċ-ċiklu ta’ rinomina.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jibgħat il-messaġġ dwar il-kwantitajiet ikkonfermati lill-utenti tan-netwerk rispettivi fi żmien sagħtejn mill-bidu ta’ kull ċiklu ta’ rinomina. Il-ħin tal-bidu tal-bidla effettiva fil-fluss tal-gass għandu jkun sagħtejn qabel ma jibda ċ-ċiklu ta’ rinomina, ħlief jekk:

(a)

ma jintalabx ħin iktar tard mill-utent tan-netwerk; jew

(b)

ma jiġix awtorizzat ħin iktar kmieni mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

4.   Huwa preżunt li kwalunkwe bidla fil-fluss tal-gass isseħħ fil-bidu ta’ kull siegħa.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet speċifiċi fil-punti ta’ interkonnessjoni

1.   Meta n-nomini u r-rinomini ta’ kuljum u fis-siegħa jkunu jeżistu fl-istess ħin f’punt ta’ interkonnessjoni, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (skont kif huwa xieraq) jistgħu jikkonsultaw lill-partijiet interessati għall-fini ta’ identifikazzjoni ta’ jekk in-nomini jew rinomini armonizzati għandhomx ikunu ppreżentati fiż-żewġ naħat ta’ dan il-punt ta’ interkonnessjoni. Bħala minimu, din il-konsultazzjoni għandha tqis dan li ġej:

(a)

l-impatt finanzjarju fuq l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u l-utenti tan-netwerk;

(b)

l-impatt fuq il-kummerċ transfruntier;

(c)

l-impatt fuq l-iskema ta’ bbilanċjar ta’ kuljum fil-punt(i) ta’ interkonnessjoni.

2.   Wara din il-konsultazzjoni, jekk ikun hemm xi bidliet proposti, dawn għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Ladarba l-bidliet proposti jiġu approvati, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jemendaw il-ftehimiet eżistenti dwar l-interkonnessjoni kif xieraq u l-kuntratti tat-trasport jew ftehimiet legalment vinkolanti oħrajn u jippubblikaw dawk il-bidliet.

Artikolu 17

Ċaħda tan-nomini u rinomini jew emenda tal-kwantità ta’ gass mitluba fil-punti ta’ interkonnessjoni

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jiċħad:

(a)

nomina jew rinomina mhux iktar tard minn sagħtejn wara d-data ta’ skadenza għan-nomina jew il-bidu taċ-ċiklu ta’ rinomina fil-każijiet li ġejjin:

(i)

ma tikkonformax mar-rekwiżiti rigward il-kontenut tagħha;

(ii)

hija ppreżentata minn entità li mhijiex utent tan-netwerk;

(iii)

l-aċċettanza tan-nomina ta’ kuljum jew rinomina ta’ kuljum, tirriżulta f’rata negattiva ta’ fluss tan-nomina implikata;

(iv)

taqbeż il-kapaċità allokata tal-utent tan-netwerk;

(b)

rinomina mhux iktar minn sagħtejn wara l-bidu taċ-ċiklu ta’ rinomina fil-każijiet addizzjonali li ġejjin:

(i)

taqbeż il-kapaċità allokata tal-utent tan-netwerk għas-sigħat li jkun fadal, sakemm din ir-rinomina ma tkunx ippreżentata sabiex tintalab kapaċità li tista’ tiġi interrotta, meta din tkun offruta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(ii)

l-aċċettanza ta’ rinomina fis-siegħa għandha tirriżulta f’bidla mistennija fil-fluss tal-gass qabel ma jintemm iċ-ċiklu ta’ rinomina.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandux jirrifjuta nomina u rinomina ta’ utent tan-netwerk għas-sempliċi raġuni li d-dħul ippjanat ta’ dan l-utent tan-netwerk mhuwiex daqs il-ħruġ ippjanat tiegħu.

3.   F’każ li tiġi rrifjutata rinomina, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu juża l-aħħar kwantità kkonfermata tal-utent tan-netwerk, jekk ikun hemm waħda.

4.   Bla ħsara għat-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kapaċità li tista’ tiġi interrotta, u kapaċità suġġetta għar-regoli ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ fi prinċipju jemenda biss il-kwantità ta’ gass mitluba b’nomina u rinomina, f’każijiet eċċezzjonali u f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn ikun hemm periklu evidenti għas-sigurtà u l-istabilità tas-sistema. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar kwalunkwe azzjoni bħal din meħuda.

Artikolu 18

Il-proċedura ta’ nomina u rinomina f’punti minbarra f’punti ta’ interkonnessjoni

1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali, jekk mhux diġà determinat mil-liġi nazzjonali, wara konsultazzjoni mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, għandha tiddetermina f’liema punti, minbarra f’punti ta’ interkonnessjoni, hemm bżonn ta’ nomini u rinomina.

2.   Meta jkun hemm bżonn ta’ nomini u rinomini f’punti, minbarra punti ta’ interkonnessjoni, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu intitolati jippreżentaw rinomini għall-jum tal-gass, filwaqt li jqisu l-flessibilità teknika ta’ dawn il-punti;

(b)

l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikkonferma jew jirrifjuta n-nomini u r-rinomini ppreżentati meta jitqiesu t-termini ta’ żmien msemmija fl-Artikolu 17.

KAPITOLU V

TARIFFI TAL-IŻBILANĊ TA’ KULJUM

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu marbutin sabiex iħallsu jew ikunu intitolati jirċievu (kif xieraq) tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum fir-rigward tal-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum tagħhom għal kull jum tal-gass.

2.   It-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandhom ikunu identifikati b’mod separat fuq il-fatturati tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni mibgħuta lill-utenti tan-netwerk.

3.   It-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandha tirrifletti l-ispejjeż u tqis il-prezzijiet assoċjati mal-azzjonijiet ta’ bbilanċjar tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, jekk ikun hemm, u tal-aġġustament żgħir imsemmi fl-Artikolu 22(6).

Artikolu 20

Il-metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippreżenta l-metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum li għandha tiġi applikata fiż-żona ta’ bbilanċjar tiegħu għall-awtorità regolatorja nazzjonali għal approvazzjoni.

2.   Ladarba tiġi approvata, il-metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandha tiġi ppubblikata fuq websajt rilevanti. Kwalunkwe aġġornament tagħha għandu jiġi ppubblikat fil-ħin.

3.   Il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandu jiddefinixxi:

(a)

il-kalkolu tal-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum imsemmi fl-Artikolu 21;

(b)

d-derivazzjoni tal-prezz marġinali tal-prezz applikabbli, imsemmija fl-Artikolu 22; u

(c)

kwalunkwe parametru neċessarju ieħor.

Artikolu 21

Kalkolu tal-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikkalkula kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum għal kull portafoll ta’ bilanċjar tal-utent tan-netwerk għal kull jum tal-gass skont il-formula li ġejja:

kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum = dħul – ħruġ

2.   Il-kalkolu tal-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum se jkun adattat kif meħtieġ meta:

(a)

Meta servizz ta’ flessibilità tal-linepack jiġi offrut u/jew

(b)

kwalunkwe arranġament ikun fis-seħħ li fih l-utenti tan-netwerk jipprovdu gass inkluż gass in natura biex ikopru

(i)

gass li mhemmx rendikont tiegħu bħala li ħareġ mis-sistema, bħal telfiet, żbalji tal-kejl u/je

(ii)

gass użat mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-operazzjoni tas-sistema, bħal gass tal-fjuwil.

3.   Meta s-somma tad-dħul ta’ utent tan-netwerk għall-jum tal-gass tkun daqs is-somma tal-ħruġ tiegħu għal dan il-jum tal-gass, l-utent tan-netwerk jitqies ibbilanċjat għal dan il-jum tal-gass.

4.   Meta s-somma tad-dħul ta’ utent tan-netwerk għall-jum tal-gass ma tkunx daqs is-somma tal-ħruġ tiegħu għal dan il-jum tal-gass, l-utent tan-netwerk jitqies żbilanċjat għal dan il-jum tal-gass u għandhom jiġu applikati t-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum skont l-Artikolu 23.

5.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lil utent tan-netwerk bil-kwantitajiet inizjali tal-iżbilanċ ta’ kuljum u b’dik finali tiegħu skont l-Artikolu 37.

6.   It-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandha tkun ibbażata fuq il-kwantità finali tal-iżbilanċ ta’ kuljum.

Artikolu 22

Il-prezz applikabbli

1.   Għall-fini tal-kalkolu tat-tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum kif stipulat fl-Artikolu 23, il-prezz applikabbli għandu jkun determinat kif ġej:

(a)

prezz marġinali tal-bejgħ li bih il-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum tkun pożittiva (jiġifieri d-dħul tal-utent tan-netwerk għal dak il-jum tal-gass jaqbeż il-ħruġ tiegħu għal dak il-jum tal-gass), jew

(b)

prezz marġinali tax-xiri li bih il-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum hija negattiva (jiġifieri l-ħruġ tal-utent tan-netwerk għal dak il-jum tal-gass jaqbeż id-dħul tiegħu għal dak il-jum tal-gass).

2.   Prezz marġinali tal-bejgħ u prezz marġinali tax-xiri għandhom jiġu kkalkolati għal kull jum tal-gass skont dawn li ġejjin:

(a)

prezz marġinali tal-bejgħ huwa l-inqas wieħed bejn:

(i)

l-inqas prezz ta’ kwalunkwe bejgħ ta’ prodotti titolari li fihom huwa involut l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-jum tal-gass; jew

(ii)

il-prezz medju peżat tal-gass fir-rigward ta’ dak il-jum tal-gass, nieqes aġġustament żgħir.

(b)

prezz marġinali tax-xiri huwa l-ogħla bejn:

(i)

l-ogħla prezz ta’ kwalunkwe xiri ta’ prodotti titolari li fihom huwa involut l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-jum tal-gass; jew

(ii)

il-prezz medju peżat tal-gass fir-rigward ta’ dak il-jum tal-gass, flimkien ma’ aġġustament żgħir.

3.   Bil-għan li jiġi ddeterminat il-prezz tal-bejgħ marġinali, il-prezz tax-xiri marġinali u l-prezz medju peżat, in-negozjati relatati għandhom isiru fuq pjattaformi tan-negozjar li jiġu identifikati minn qabel mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Il-prezz medju peżat għandu jkun il-prezz medju peżat tal-enerġija ta’ negozjati fi prodotti tat-titoli mwettqa fil-punt tal-innegozjar virtwali fir-rigward ta’ jum tal-gass.

4.   Regola awtomatika għandha tkun definita fil-każ li l-paragrafi 2(a) u (b) ma jippermettux id-derivazzjoni ta’ prezz marġinali tal-bejgħ u/jew prezz marġinali tax-xiri.

5.   Soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, il-prezz tal-prodotti lokazzjonali jista’ jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-fini tad-determinazzjoni tal-prezz marġinali tal-bejgħ, il-prezz marġinali tax-xiri u l-prezz medju peżat, meta jkun propost mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b’kunsiderazzjoni korrispondenti ta’ kemm l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni juża l-prodotti lokazzjonali.

6.   L-aġġustament żgħir għandu:

(a)

jagħti inċentiv lill-utenti tan-netwerk sabiex jibbilanċjaw id-dħul u l-ħruġ tagħhom;

(b)

jitfassal u jiġi applikat b’mod mhux diskriminatorju sabiex:

(i)

ma jxekkilx id-dħul fis-suq;

(ii)

ma jżommx lura l-iżvilupp ta’ swieq kompetittivi;

(c)

ma jkollux impatt dannuż fuq il-kummerċ transfruntier;

(d)

ma jirriżultax fi skopertura finanzjarja eċċessiva tal-utenti tan-netwerk għat-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum.

7.   Il-valur tal-aġġustament żgħir jista’ jvarja għad-determinazzjoni tal-prezz marġinali tax-xiri u l-prezz marġinali tal-bejgħ. Il-valur tal-aġġustament żgħir ma għandux jaqbeż l-10 fil-mija tal-prezz medju peżat sakemm l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat ma jistax jiġġustifika b’xi mod ieħor lill-awtorità regolatorja nazzjonali u jikseb l-approvazzjoni skont l-Artikolu 20.

Artikolu 23

Tariffa tal-iżbilanċ ta’ kuljum

1.   Biex jikkalkola t-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum għal kull utent tan-netwerk, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jimmoltiplika kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum ta’ utent tan-netwerk bil-prezz applikabbli determinat skont l-Artikolu 22.

2.   It-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandhom ikunu applikati kif ġej:

(a)

jekk kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum ta’ utent tan-netwerk għall-jum tal-gass hija pożittiva, mela dan l-utent tan-netwerk għandu jitqies li biegħ gass lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b’mod ekwivalenti għall-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum u b’hekk għandu jkun intitolat jirċievi kreditu fir-rigward tat-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni; u

(b)

jekk kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum ta’ utent tan-netwerk għall-jum tal-gass hija negattiva, mela dan l-utent tan-netwerk għandu jitqies li xtara gass mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b’mod ekwivalenti għall-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum u b’hekk għandu jkun obbligat iħallas it-tariffi tal-iżbilanċ ta’ kuljum lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

KAPITOLU VI

OBBLIGI TA’ DAKINHAR STESS

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni huwa intitolat japplika obbligi ta’ dakinhar stess biss sabiex jagħti inċentiv lill-utenti tan-netwerk biex jamministraw il-pożizzjoni ta’ dakinhar stess tagħhom bil-għan li tiġi żgurata l-integrità tas-sistema tan-netwerk ta’ trażmissjoni tiegħu u jonqos il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet ta’ bbilanċjar.

2.   Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun meħtieġ jipprovdi informazzjoni lill- utenti tan-netwerk biex jippermettilhom jamministraw l-iskoperturi tagħhom assoċjati mal-pożizzjonijiet ta’ dakinhar stess, din għandha tkun ipprovduta lilhom b’mod regolari. Meta dan ikun applikabbli, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fuq talba ppreżentata darba minn kull utent tan-netwerk.

Artikolu 25

Tipi ta’ obbligi ta’ dakinhar stess

Hemm tliet tipi ta’ obbligi ta’ dakinhar stess, b’kull wieħed minnhom jagħti inċentiv lill- utenti tan-netwerk għal għan speċifiku kif stipulat f’dan l-Artikolu:

1.

Obbligu ta’ dakinhar stess fi ħdan is-sistema

għandu jitfassal biex jipprovdi inċentivi għall-utenti tan-netwerk biex iżommu n-netwerk ta’ trażmissjoni fi ħdan il-limiti operazzjonali tiegħu u għandu jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

il-limiti operazzjonali tan-netwerk ta’ trażmissjoni li fihom irid jibqa’;

(b)

l-azzjonijiet li l-utenti tan-netwerk jistgħu jieħdu biex iżommu fi ħdan il-limiti operazzjonali;

(c)

l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar konsegwenti tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni meta jkunu avviċinati jew jintlaħqu l-limiti operazzjonali tan-netwerk ta’ trażmissjoni;

(d)

l-attribuzzjoni tal-ispejjeż u/jew id-dħul lill-utenti tan-netwerk u/jew il-konsegwenzi fuq il-pożizzjoni ta’ dakinhar stess ta’ dawn l-utenti tan-netwerk li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ bbilanċjar meħudin mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(e)

it-tariffa relatata li għandha tkun ibbażata fuq il-pożizzjoni individwali ta’ dakinhar stess tal-utent tan-netwerk.

2.

Obbligu ta’ dakinhar stess tal-portafoll ta’ bbilanċjar

għandu jitfassal sabiex jinċentivizza lill-utenti tan-netwerk sabiex iżommu l-pożizzjoni individwali tagħhom matul il-jum tal-gass fi ħdan medda stabbilita minn qabel u għandu jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

għal kull portafoll ta’ bbilanċjar, il-medda li fiha jrid jibqa’ dan il-portafoll ta’ bbilanċjar;

(b)

kif inhi ddeterminata l-medda imsemmija hawn fuq;

(c)

il-konsegwenzi għall-utenti tan-netwerk li ma jibqgħux fi ħdan medda definita u, fejn xieraq, id-dettalji dwar kif tinġieb it-tariffa korrispondenti;

(d)

it-tariffa relatata li għandha tkun ibbażata fuq il-pożizzjoni individwali ta’ dakinhar stess tal-utent tan-netwerk.

3.

Obbligu ta’ dakinhar stess tal-punt ta’ dħul u ħruġ

għandu jitfassal biex jipprovdi inċentivi għall-utenti tan-netwerk ħalli jillimitaw il-fluss tal-gass jew il-varjazzjoni fil-fluss tal-gass f’kundizzjonijiet speċifiċi f’punti speċifiċi ta’ dħul u ħruġ u għandu jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

il-limiti fil-fluss tal-gass u/jew il-varjazzjoni fil-fluss tal-gass;

(b)

il-punt ta’ dħul u/jew ħruġ jew il-gruppi ta’ punti ta’ dħul u/jew ħruġ li għalihom japplikaw il-limiti;

(c)

il-kundizzjonijiet li bihom għandhom japplikaw it-tali limiti;

(d)

il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mat-tali limiti.

Dan l-obbligu jiżdied ma’ kwalunkwe ftehim ieħor mal-konsumaturi finali, u fost affarijiet oħrajn, jinkludi restrizzjonijiet u obbligi lokalizzati speċifiċi rigward il-fluss tal-gass fiżiku.

Artikolu 26

Rekwiżiti għall-obbligi ta’ dakinhar stess

1.   Operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jagħmel proposta lill-awtorità regolatorja nazzjonali obbligu ta’ dakinhar stess jew emenda tagħha. Jista’ jikkombina karatteristiċi tat-tipi differenti deskritti fl-Artikolu 25 sakemm il-proposta tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2. Id-dritt ta’ proposta tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tieħu deċiżjoni fuq inizjattiva tagħha stess.

2.   Kwalunkwe obbligu ta’ dakinhar stess għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

obbligu ta’ dakinhar stess u tariffa relatata ta’ dakinhar stess, jekk ikun hemm waħda, ma għandhomx jimponu xi xkiel żejjed għall-kummerċ transfruntier u għad-dħul ta’ utenti tan-netwerk ġodda fis-suq rilevanti;

(b)

obbligu ta’ dakinhar stess għandu jkun applikat biss meta l-utenti tan-netwerk jingħataw l-informazzjoni adegwata qabel tiġi applikata tariffa potenzjali ta’ dakinhar stess rigward id-dħul u/jew l-ħruġ tagħhom u jkollhom mezzi raġonevoli biex iwieġbu ħalli jikkontrollaw l-iskopertura tagħhom;

(c)

l-ispejjeż ewlenin li għandhom jiġġarrbu mill-utenti tan-netwerk fir-rigward tal-obbligi ta’ bbilanċjar tagħhom għandhom ikunu relatati mal-pożizzjoni tagħhom fi tmiem il-jum tal-gass;

(d)

sa fejn hu possibbli, it-tariffi ta’ dakinhar stess għandhom ikunu jirriflettu l-ispejjeż tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għat-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni assoċjata ta’ bbilanċjar;

(e)

obbligu ta’ dakinhar stess mhuwiex ser jirriżulta fis-saldu finanzjarju tal-utenti tan-netwerk f’pożizzjoni ta’ żero matul il-jum tal-gass;

(f)

il-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ dakinhar stess f’termini ta’ tħaddim ekonomiku u effiċjenti tan-netwerk ta’ trażmissjoni jissuperaw kwalunkwe impatt negattiv potenzjali tagħha, inkluża fuq il-likwidità ta’ negozjati fil-punt virtwali ta’ negozjar.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jipproponi obbligu ta’ dakinhar stess għal kategoriji distinti ta’ punti tad-dħul u l-ħruġ bil-għan li jipprovdi inċentivi aħjar għal kategoriji differenti ta’ utenti tan-netwerk sabiex jevita sussidjar reċiproku. Id-dritt ta’ proposta tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tieħu deċiżjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess.

4.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni affettwati u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni f’żoni ta’ bbilanċjar kontigwi, dwar kwalunkwe obbligu ta’ dakinhar stess li beħsiebu jintroduċi, inklużi l-metodoloġiji u l-preżunzjonijiet użati biex tintlaħaq konklużjoni li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2.

5.   Wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipproduċi dokument ta’ rakkomandazzjoni li għandu jinkludi l-proposta finalizzata u analiżi ta’:

(a)

il-bżonn tal-obbligu ta’ dakinhar filwaqt li jqis il-karatteristiċi u l-flessibilità tan-netwerk ta’ trażmissjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni permezz tax-xiri jew il-bejgħ ta’ prodotti standardizzati għal żmien qasir jew bl-użu ta’ servizzi ta’ bbilanċjar skont il-Kapitolu III;

(b)

l-informazzjoni disponibbli biex l-utenti tan-netwerk ikunu jistgħu jikkontrollaw fil-ħin il-pożizzjonijiet ta’ dakinhar tagħhom;

(c)

l-impatt finanzjarju mistenni fuq l-utenti tan-netwerk;

(d)

l-effett tal-utenti tan-netwerk il-ġodda li jidħlu fis-suq rilevanti, inkluż kwalunkwe impatt negattiv mhux xieraq fuqhom;

(e)

l-effett tan-negozju transfruntier, inkluż l-impatt potenzjali fuq l-ibbilanċjar f’żoni ta’ bbilanċjar kontigwa;

(f)

l-impatt fuq is-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir, inkluża l-likwidità tiegħu;

(g)

in-natura non-diskriminatorja tal-obbligu ta’ dakinhar stess.

6.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippreżenta d-dokument tar-rakkomandazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali għall-approvazzjoni tal-proposta skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27. B’mod parallel, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika dan id-dokument tar-rakkomandazzjoni, soġġett għal kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità li jista’ jkun marbut bih, u jibagħtu lill-ENTSOG għal informazzjoni.

Artikolu 27

Teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu deċiżjoni motivata u tippubblikaha fi żmien sitt xhur wara r-riċevuta tad-dokument komplut ta’ rakkomandazzjoni. Meta tiddeċiedi dwar jekk tapprovax l-obbligu ta’ dakinhar stess propost, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta jekk dan l-obbligu ta’ dakinhar stess jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26(2).

2.   Qabel ma tieħu d-deċiżjoni motivata l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kontigwi u tqis l-opinjonijiet tagħhom. L-awtorità(jiet) regolatorja/i nazzjonali kontigw/i jistgħu jfittxu li jiksbu l-opinjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 28

Obbligi ta’ dakinhar stess eżistenti

Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkollu obbligu/i ta’ dakinhar stess fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fi żmien sitt xhur mit-tali data, dan l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jsegwi l-proċess stabbilit fl-Artikolu 26(5) sa (7) u għandu jippreżenta l-obbligu ta’ dakinhar stess lill-awtorità regolatorja nazzjonali għal approvazzjoni skont l-Artikolu 27 biex ikompli bl-użu tiegħu/tagħhom.

KAPITOLU VII

ARRANĠAMENTI TA’ NEWTRALITÀ

Artikolu 29

Prinċipji ta’ newtralità

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni la għandu jmur minn fuq u lanqas minn taħt mill-ħlas u r-riċevuta ta’ tariffi ta’ żbilanċ ta’ kuljum, tariffi ta’ dakinhar stess, tariffi tal-azzjonijiet ta’ bbilanċjar u tariffi oħrajn relatati mal-attivitajiet ta’ bbilanċjar tiegħu, li għandhom jitqiesu bħala l-attivitajiet kollha mwettqin mill-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni biex jaqdi l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jgħaddi lill-utenti tan-netwerk:

(a)

kwalunkwe spiża u dħul li ġejjin minn tariffi ta’ żbilanċ ta’ kuljum u tariffi ta’ dakinhar stess;

(b)

kwalunkwe spiża u dħul li ġejjin minn azzjonijiet ta’ bbilanċjar meħudin skont l-Artikolu 9, sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali ma tqisx li dawk l-ispejjeż u d-dħul iġġarrbu b’mod ineffiċjenti skont ir-regoli nazzjonali applikabbli. Din il-kunsiderazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni li:

(i)

għandha turi kemm l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni seta’ raġonevolment inaqqas l-ispejjeż imġarrbin meta wettaq l-azzjoni ta’ bbilanċjar; u

(ii)

għandha ssir fir-rigward tal-informazzjoni, iż-żmien u l-għodod disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-mument li ddeċidiet li tieħu l-azzjoni ta’ bbilanċjar;

(c)

kwalunkwe spiża u dħul oħrajn relatati mal-attivitajiet ta’ bbilanċjar meħudin mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali ma tqisx li dawk l-ispiża u d-dħul iġġarrbu b’mod ineffiċjenti skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

3.   Meta jiġi implimentat inċentiv għall-promozzjoni tat-twettiq effiċjenti ta’ azzjonijiet ta’ bbilanċjar, it-telf finanzjarju aggregat għandu jkun limitat għall-ispejjeż u d-dħul tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li ġġarrbu b’mod ineffiċjenti.

4.   L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw id-dejta rilevanti rigward it-tariffi aggregati msemmija fil-paragrafu 1 u t-tariffi aggregati tan-newtralità tal-ibbilanċjar, tal-inqas bl-istess frekwenza li biha t-tariffi rispettivi jiġu fatturati lill-utenti tan-netwerk, iżda mhux inqas minn darba fix-xahar.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, fir-rwol ta’ bbilanċjar tiegħu, jista’ jkun soġġett għal mekkaniżmu ta’ inċentiv kif imsemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 30

Flussi ta’ flus tan-newtralità tal-ibbilanċjar

1.   It-tariffi tan-newtralità tal-ibbilanċjar għandhom jitħallsu minn jew lill-utent tan-netwerk ikkonċernat.

2.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tistabbilixxi jew tapprova u tippubblika l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi tan-newtralità tal-ibbilanċjar inklużi t-tqassim tagħhom bejn l-utenti tan-netwerk, u r-regoli dwar l-immaniġġjar tar-riskju ta’ kreditu.

3.   It-tariffa tan-newtralità tal-ibbilanċjar għandha tkun proporzjonata għal kemm l-utent tan-netwerk uża l-punt(i) ta’ dħul jew ħruġ ikkonċernat(i) jew in-netwerk ta’ trażmissjoni.

4.   It-tariffa tan-newtralità tal-ibbilanċjar għandha tkun identifikata b’mod separat meta tiġi fatturata lill-utenti tan-netwerk u l-fattura għandha tkun akkumpanjata minn biżżejjed informazzjoni ta’ sostenn li hija definita fil-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Meta jiġi applikat il-mudell ta’ informazzjoni tat-tieni varjant, u b’hekk it-tariffa tan-newtralità tal-ibbilanċjar tista’ tkun ibbażata fuq spejjeż u dħul imbassrin, il-metodoloġija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-kalkolu ta’ tariffa ta’ newtralità tal-ibbilanċjar għandha tipprovdi regoli għal tariffa tan-newtralità tal-ibbilanċjar separata fir-rigward tal-ħruġ mhux imkejlin kuljum.

6.   Fejn dan ikun rilevanti, il-metodoloġija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-kalkolu tat-tariffi tan-newtralità tal-ibbilanċjar tista’ tipprovdi regoli għall-qsim tal-komponenti tal-ibbilanċjar u t-tqassim sussegwenti tat-tali somom korrespondenti bejn l-utenti tan-netwerk sabiex jonqsu s-sussidji reċiproċi.

Artikolu 31

Arranġamenti ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ kreditu

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jkun intitolat jieħu l-miżuri meħtieġa u jimponi rekwiżiti kuntrattwali rilevanti, inkluża s-salvagwardji tas-sigurtà finanzjarja, fuq l-utenti tan-netwerk biex itaffi l-inadempjenza tagħhom fil-ħlas rigward kwalunkwe ħlas dovut għat-tariffi msemmijin fl-Artikolu 29 u 30.

2.   Ir-rekwiżiti kuntrattwali għandhom ikunu fuq bażi ta’ trattament indaqs u trasparenti, proporzjonati għall-iskop u definiti fil-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 30(2).

3.   Fil-każ ta’ inadempjenza attribwibbli lil utent tan-netwerk, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandux ikun responsabbli sabiex iġarrab kwalunkwe telf imġarrab diment li l-miżuri u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ġew implimentati kif xieraq u t-tali telf għandu jiġi rkuprat skont il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 30(2).

KAPITOLU VIII

FORNIMENT ta’ informazzjoni

Artikolu 32

L-obbligi ta’ informazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni lejn l-utenti tan-netwerk L-informazzjoni mogħtija mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni

lill-utenti tan-netwerk għandha tirreferi għal:

1.

l-istatus ġenerali tan-netwerk ta’ trażmissjoni skont il-punt 3.4(5) tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

2.

l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni msemmijin fil-Kapitolu III;

3.

id-dħul u l-ħruġ tal-utent tan-netwerk għall-jum tal-gass imsemmijin fl-Artikoli 33 sa 42.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Jekk mhux diġà pprovduta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni skont il-punt 3.1.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha msemmija taħt l-Artikolu 32 kif ġej:

(a)

fuq il-websajt tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew sistema oħra li tipprovdi l-informazzjoni f’format elettroniku;

(b)

aċċessibbli għall-utenti tan-netwerk b’xejn;

(c)

bi stil faċli għall-utenti;

(d)

ċara, kwantifikabbli u faċilment aċċessibbli;

(e)

fuq bażi mhux diskriminatorja;

(f)

f’unitajiet konsistenti, jew f’kWh jew kWh/d u kWh/h;

(g)

bil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru u bl-Ingliż.

2.   Meta kwantità mkejla ma tistax tinkiseb minn arloġġ, jista’ jintuża valur ta’ sostituzzjoni. Dan il-valur ta’ sostituzzjoni għandu jintuża bħala referenza alternattiva bla garanzija ulterjuri mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

3.   Il-forniment tal-aċċess għall-informazzjoni ma għandux jinftiehem li qiegħed jagħti xi garanzija speċifika minbarra d-disponibilità ta’ din l-informazzjoni f’format definit u permezz ta’ għodda definita bħal websajt jew indirizz tal-Internet u l-aċċess relatat tal-utenti tan-netwerk għal din l-informazzjoni f’kundizzjonijiet normali tal-użu. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni fl-ebda ċirkustanza ma għandhom ikunu responsabbli sabiex jipprovdu xi garanzija ulterjuri, b’mod partikolari rigward is-sistema informatika tal-utenti tan-netwerk.

4.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiddeċiedi rigward mudell ta’ informazzjoni għal kull żona ta’ bbilanċjar. Għall-forniment tal-informazzjoni fuq dħul u ħruġ b’kejl ripetut f’jum, għandhom japplikaw l-istess regoli għall-mudelli kollha.

5.   Għaż-żoni ta’ bbilanċjar fejn it-tieni varjant tal-mudell ta’ informazzjoni jiġi applikat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew l-awtorità regolatorja nazzjonali għandhom jagħmlu konsultazzjoni xierqa tas-suq, skont kif ikun rilevanti.

Artikolu 34

Dħul u ħruġ b’kejl ripetut f’jum

1.   Għad-dħul u l-ħruġ b’kejl ripetut f’jum miż-żona ta’ bbilanċjar fejn l-allokazzjoni ta’ utenti tan-netwerk hija daqs il-kwantità kkonfermata tiegħu, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandux ikun obbligat jipprovdi informazzjoni minbarra l-kwantità kkonfermata.

2.   Għad-dħul u l-ħruġ b’kejl ripetut f’jum miż-żona ta’ bbilanċjar fejn l-allokazzjoni ta’ utenti tan-netwerk mhijiex daqs il-kwantità kkonfermata tiegħu, fil-jum tal-gass D, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk b’tal-inqas żewġ aġġornamenti tal-flussi mkejlin tagħhom għal tal-inqas id-dħul u l-ħruġ aggregati b’kejl ripetut f’jum skont waħda miż-żewġ għażliet li ġejjin skont kif jiddeċiedi l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni:

(a)

kull aġġornament ikopri l-flussi tal-gass mill-bidu ta’ dan il-jum tal-gass D; jew

(b)

kull aġġornament ikopri l-flussi tal-gass li jiżdiedu wara dak irrapportat fl-aġġornament ta’ qabel.

3.   L-ewwel aġġornamenti għandhom ikopru tal-inqas erba’ sigħat ta’ fluss tal-gass matul il-jum tal-gass D. Dawn l-aġġornamenti għandhom jiġu pprovduti mingħajr dewmien bla bżonn u fi żmien erba’ sigħat wara l-fluss tal-gass u mhux iktar tard mill-17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 16:00 UTC (ħin tas-sajf).

4.   Il-ħin tal-forniment tat-tieni aġġornament għandu jiġi pprovdut wara l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali u għandu jiġu ppubblikat mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

5.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jitlob lill-utenti tan-netwerk sabiex jindikaw għal liema mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom aċċess. Abbażi tar-rispons riċevut, dan l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk bil-parti tal-informazzjoni li ma għandux aċċess għaliha, skont il-paragrafi 2 sa 4.

6.   Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jkunx responsabbli mit-tqassim tal-kwantitajiet ta’ gass bejn l-utenti tan-netwerk bħala parti mill-proċess ta’ allokazzjoni, bħala eċċezzjoni għall-paragrafu 2, għandu jipprovdi tal-inqas informazzjoni dwar id-dħul u l-ħruġ aggregati minimu ta’ darbtejn għal kull jum tal-gass D u dak il-jum tal-gass D.

Artikolu 35

Ħruġ b’kejl kuljum

1.   Meta jiġi applikat l-ewwel varjant tal-mudell ta’ informazzjoni, fil-jum tal-gass D l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk b’tal-inqas żewġ aġġornamenti tat-tqassim tagħhom tal-flussi mkejlin għal tal-inqas il-ħruġ aggregat mkejjel kuljum skont waħda miż-żewġ għażliet li ġejjin skont kif jiddeċiedi l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni:

(a)

kull aġġornament ikopri l-flussi tal-gass mill-bidu ta’ dan il-jum tal-gass D; jew

(b)

kull aġġornament ikopri l-flussi tal-gass li jiżdiedu wara dak irrapportat fl-aġġornament ta’ qabel.

2.   Kull aġġornament għandu jiġi pprovdut fi żmien sagħtejn wara li tintemm l-aħħar siegħa tal-flussi tal-gass.

Artikolu 36

Ħruġ mhux b’kejl kuljum

1.   Meta jiġi applikat il-każ bażi tal-mudell ta’ informazzjoni:

(a)

fil-jum tal-gass D-1, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk bi tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tagħhom għall-jum tal-gass D mhux iktar tard min-12:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew il-11:00 UTC (ħin tas-sajf);

(b)

fil-jum tal-gass D, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk b’tal-inqas żewġ aġġornamenti tat-tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tagħhom.

2.   L-ewwel aġġornament għandu jkun ipprovdut mhux iktar tard mis-13:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 12:00 UTC (ħin tas-sajf).

3.   Il-ħin tal-forniment tat-tieni aġġornament għandu jiġi definit wara l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali u għandu jiġi ppubblikat mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. Dan għandu jqis dan li ġej:

(a)

l-aċċess għal prodotti standardizzati għal żmien qasir fuq pjattaforma tan-negozjar;

(b)

il-preċiżjoni tat-tbassir tal-ħruġ mhux ta’ kuljum ta’ utenti tan-netwerk f’paragun mal-ħin tal-forniment tiegħu;

(c)

il-ħin meta jintemm il-perjodu ta’ rinomina, kif stipulat fl-Artikolu 15(1);

(d)

il-ħin tal-ewwel aġġornament tat-tbassir għall-ħruġ mhux b’kejl kuljum ta’ utenti tan-netwerk.

4.   Meta jiġi applikat l-ewwel varjant tal-mudell ta’ informazzjoni, fil-jum tal-gass D, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk b’tal-inqas żewġ aġġornamenti tat-tqassim tagħhom tal-flussi mkejlin għal tal-inqas l-ħruġ aggregati mhux b’kejl kuljum kif imsemmi fl-Artikolu 35.

5.   Meta jiġi applikat it-tieni varjant tal-mudell ta’ informazzjoni, fil-jum tal-gass D-1, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-utenti tan-netwerk bi tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tagħhom għall-jum tal-gass D kif imsemmi fil-paragrafu 1(a).

Artikolu 37

Dħul u ħruġ wara l-jum tal-gass

1.   Mhux iktar tard minn tmiem il-jum tal-gass D+1, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lil kull utent tan-netwerk b’allokazzjoni inizjali għad-dħul u l-ħruġ tiegħu fil-jum D u kwantità inizjali tal-iżbilanċ ta’ kuljum.

(a)

Għall-mudelli ta’ informazzjoni ta’ każ bażi u l-ewwel varjant, il-gass kollu pprovdut lis-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jiġi allokat;

(b)

għat-tieni varjant tal-mudell ta’ informazzjoni, l-ħruġ mhux b’kejl kuljum għandhom ikunu daqs il-previżjoni tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk ipprovduti b’jum minn qabel;

(c)

għall-ewwel varjant tal-mudell ta’ informazzjoni, allokazzjoni inizjali u kwantità inizjali tal-iżbilanċ ta’ kuljum għandhom jitqiesu bħala l-allokazzjoni finali u l-kwantità finali tal-iżbilanċ ta’ kuljum.

2.   Meta tkun tapplika miżura interim imsemmija fl-Artikoli 47 sa 51, fi żmien tliet ijiem tal-gass wara l-jum tal-gass D jitgħu jiġu pprovduti allokazzjoni inizjali u kwantità inizjali tal-iżbilanċ ta’ kuljum f’każ li l-konformità mal-paragrafu 1 ma tkunx teknikament jew operazzjonalment fattibbli.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lil kull utent tan-netwerk bl-allokazzoni finali għad-dħul u l-ħruġ tiegħu u l-kwantità finali tal-iżbilanċ ta’ kuljum fi ħdan perjodu ta’ żmien definit mir-regoli nazzjonali applikabbli.

Artikolu 38

Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji

1.   Fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jivvalutaw l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’:

(a)

iż-żieda fil-frekwenza tal-forniment tal-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk;

(b)

it-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien relatati għall-forniment tal-informazzjoni;

(c)

it-titjib fil-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.

Din l-analiżi tal-kostijiet benefiċċji għandha tispeċifika d-disaggregazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji bejn il-kategoriji ta’ partijiet affettwati.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar din il-valutazzjoni, f’kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni meta dawn ikunu affettwati.

3.   Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar kwalunkwe bidla rilevanti tal-forniment tal-informazzjoni.

Artikolu 39

Obbligi ta’ informazzjoni tal-operatur(i) tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-parti(jiet) tat-tbassir lejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.   Kull operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni assoċjat ma’ żona ta’ bbilanċjar u kull parti tat-tbassir għandu jipprovdi lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-fini ta’ forniment tal-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk skont dan ir-Regolament. Dan għandu jinkludi dħul u ħruġ fis-sistema ta’ distribuzzjoni, irrilevanti jekk dik is-sistema hijiex parti miż-żona ta’ bbilanċjar jew le.

2.   L-informazzjoni, il-format tagħha u l-proċedura għall-forniment tagħha għandhom jiġu definiti f’kooperazzjoni bejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-parti tat-tbassir, kif rilevanti, biex jiġi żgurati l-forniment xieraq tal-informazzjoni mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni lill-utenti tan-netwerk skont dan il-Kapitolu, u b’mod partikolari l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 33(1).

3.   Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fl-istess format kif definit fir-regoli nazzjonali applikabbli u għandha tkun konsistenti mal-format użat mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jipprovdi l-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk.

4.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-parti tat-tbassir, biex jipproponu mekkaniżmu ta’ inċentiv rigward il-forniment ta’ tbassir preċiż għall-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk li għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fl-Artikolu 11(4).

5.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħżel il-parti tat-tbassir f’żona ta’ bbilanċjar wara konsultazzjoni minn qabel mal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni kkonċernati. Il-parti tat-tbassir għandha tkun responsabbli biex tbassar il-ħruġ mhux b’kejl kuljum ta’ utent tan-netwerk u fejn huwa xieraq l-allokazzjoni sussegwenti tiegħu. Tista’ tkun operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew parti terza.

Artikolu 40

Obbligi ta’ informazzjoni tal-operatur(i) tas-sistema ta’ distribuzzjoni lejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bl-informazzjoni meħtieġa dwar id-dħul u l-ħruġ b’kejl ripetut f’jum u kuljum dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni b’mod konsistenti mar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 34(2) sa (6), 35 u 37. Din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni f’ħin xieraq sabiex l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jipprovdi l-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk.

Artikolu 41

Obbligi ta’ informazzjoni tal-operatur(i) tas-sistema ta’ distribuzzjoni lejn il-parti tat-tbassir

1.   L-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni huma responsabbli biex jipprovdu lill-parti tat-tbassir b’informazzjoni suffiċjenti u aġġornata għall-fini tal-metodoloġija għat-tbassir tal-applikazzjoni tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk kif stipulat fl-Artikolu 42(2). Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-ħin skont il-perjodi ta’ żmien definiti mill-parti tat-tbassir biex tinżamm konsistenza mal-ħtiġijiet tagħhom.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika, mutatis mutandis għall-ewwel varjant.

Artikolu 42

Obbligi ta’ informazzjoni tal-parti tat-tbassir lejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.   Il-parti tat-tbassir għandha tipprovdi lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bi tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk u l-allokazzjonijiet sussegwenti b’mod konsistenti mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 36 u 37. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni f’ħin xieraq sabiex l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jipprovdi l-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk u għal tbassir ta’ jum bil-quddiem u ta’ dakinhar stess tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utenti tan-netwerk mhux iktar minn siegħa qabel id-dati ta’ skadenza msemmijjin fl-Artikolu 36(1)(a) u (b), sakemm l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-parti tat-tbassir ma jaqblux fuq ħin iktar tard li jkun biżżejjed għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni sabiex jipprovdi din l-informazzjoni lill-utenti tan-netwerk.

2.   Il-metodoloġija għat-tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk għandha tkun ibbażata fuq mudell tad-domanda statistika, b’kull ħruġ b’kejl mhux ta’ kuljum assenjat bi profil tat-tagħbija, li jikkonsisti f’formula tal-varjazzjoni fid-domanda ta’ gass kontra varjabbli bħat-temperatura, jum tal-ġimgħa, tip ta’ klijent u staġuni ta’ btala. Il-metodoloġija għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni qabel tiġi adottata.

3.   Tal-inqas kull sentejn, parti tat-tbassir għandha tippubblika rapport dwar il-preċiżjoni tat-tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum tal-utent tan-netwerk.

4.   Fejn dan ikun rilevanti, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu d-dejta rigward il-flussi tal-gass f’ħin xieraq sabiex il-parti tat-tbassir tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan l-Artikolu.

5.   Il-paragrafi 2 sa 4 għandhom japplikaw, mutatis mutandis għall-ewwel varjant.

KAPITOLU IX

SERVIZZ TA’ FLESSIBILITÀ TAL-LINEPACK

Artikolu 43

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni jista joffri l-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack lill-utenti tan-netwerk wara l-approvazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet relatati mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

2.   It-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għal servizz ta’ flessibilità tal-linepack għandhom ikunu konsistenti mar-responsabilità tal-utent tan-netwerk biex jibbilanċja d-dħul u l-ħruġ tiegħu tul il-jum tal-gass.

3.   Is-servizz ta’ flessibilità tal-linepack għandu jkun limitat għal-livell tal-flessibilità tal-linepack disponibbli fin-netwerk ta’ trażmissjoni u għandu jitqies li mhuwiex meħtieġ għat-twettiq tal-funzjoni tiegħu ta’ trażmissjoni skont l-evalwazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat.

4.   Il-gass fornut u maħruġ min-netwerk ta’ trażmissjoni minn utenti tan-netwerk b’dan is-servizz għandu jitqies għall-fini ta’ kalkolu tal-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum tagħhom.

5.   Il-mekkaniżmu tan-newtralità stabbilit fil-Kapitolu VII ma għandux japplika għas-servizz ta’ flessibilità tal-linepack sakemm ma jkunx deċiż b’xi mod ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

6.   L-utenti tan-netwerk għandhom jgħarrfu lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat dwar l-użu tas-servizz ta’ flessibilità tal-linepack billi jippreżentaw nomini u rinomini.

7.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ joqgħod lura milli jeħtieġ lill-utenti tan-netwerk jissottomettu n-nomini u r-rinomini msemmija fil-paragrafu 6, meta n-nuqqas tat-tali notifika ma tiddeterminax l-iżvilupp tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkollu biżżejjed informazzjoni biex jipprovdi allokazzjoni preċiża tal-użu ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack fil-jum tal-gass ta’ wara.

Artikolu 44

Kundizzjonijiet għall-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack

1.   Servizz ta’ flessibilità tal-linepack jista’ jiġi pprovdut biss ladarba jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni ma għandux bżonn jidħol f’xi kuntratt ma’ xi fornitur ieħor tal-infrastruttura, bħall-operatur tas-sistema ta’ maħżen jew l-operatur tas-sistema tal-LNG, għall-fini tal-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack;

(b)

id-dħul iġġenerat mill-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack għandu jkun tal-inqas daqs l-ispejjeż imġarrbin jew li għandhom jiġġarrbu fil-forniment ta’ dan is-servizz;

(c)

is-servizz ta’ flessibilità tal-linepack għandu jiġi offrut fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja u jista’ jkun offrut billi jintużaw mekkaniżmi kompetittivi;

(d)

l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni ma għandux jitlob tariffi, b’mod dirett jew indirett, mingħand utent tan-netwerk għal xi spiża mġarrba għall-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack, jekk dan l-utent tan-netwerk ma jidħolx f’kuntratt għalih;

(e)

il-forniment ta’ servizz ta’ flessibilità tal-linepack ma għandux ikollu impatt dannuż fuq in-negozju transfruntier.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprijoritizza t-tnaqqis ta’ obbligi ta’ dakinhar stess fuq il-forniment ta’ servizz ta’ flessibiltà tal-linepack.

KAPITOLU X

MIŻURI INTERIM

Artikolu 45

Miżuri interim: Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Fin-nuqqas ta’ biżżejjed likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jimplimentaw il-miżuri interim xierqa msemmijin fl-Artikoli 47 sa 50. L-azzjonijiet ta’ bbilanċjar meħudin mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni f’każ ta’ miżuri interim għandhom irawmu l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir kemm jista’ jkun.

2.   Ir-rikors għal miżura interim huwa bla ħsara għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura(i) interim oħra bħala alternattiva jew b’mod komplimentarju, sakemm it-tali miżuri jkollhom l-għan li jippromwovu l-kompetizzjoni u l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir u jkunu konsistenti mal-prinċipji ġenerali stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri interim imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu żviluppati u implimentati minn kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, skont ir-rapport, imsemmi fl-Artikolu 46(1) approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 46.

4.   Ir-rapport għandu jipprevedi t-terminazzjoni tal-miżuri interim mhux iktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Miżuri interim: rapport annwali

1.   Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jipprevedi l-implimentazzjoni jew l-issoktar tal-implimentazzjoni ta’ miżuri interim, għandu jħejji rapport li għandu jispeċifika:

(a)

deskrizzjoni tal-istat ta’ żvilupp u l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir fiż-żmien tal-preparazzjoni tar-rapport inklużi, meta jkunu disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, inter alia:

(i)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet konklużi fil-punt virtwali ta’ negozjar u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet inġenerali;

(ii)

il-firxa prezz/offerta u l-volumi tal-prezzijiet u l-offerti;

(iii)

in-numru ta’ parteċipanti b’aċċess għas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir;

(iv)

in-numru ta’ parteċipanti li kienu attivi fis-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir matul perjodu partikolari ta’ żmien;

(b)

il-miżuri interim li jridu jiġu applikati

(c)

ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-miżura interim:

(i)

spjegazzjoni għaliex hemm bżonnhom minħabba l-istat ta’ żvilupp tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir imsemmijin fil-punt (b);

(ii)

valutazzjoni ta’ kif ser iżidu l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir.

(d)

identifikazzjoni tal-passi li jridu jittieħdu biex jitneħħew il-miżuri interim inkluż il-kriterji biex dawk il-passi jittieħdu u valutazzjoni tal-ħin speċifiku rrelatat.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar ir-rapport propost.

3.   Wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippreżenta r-rapport lill-awtorità regolatorja nazzjonali għall-approvazzjoni. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u r-rapporti sussegwenti li, jekk ikun hemm bżonn, jaġġornawh, għandhom jiġu ppreżentati kull sena.

4.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu u tippubblika deċiżjoni mmotivata fi żmien sitt xhur wara li jasal ir-rapport komplut. Tali deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni. Hija u tieħu tali deċiżjoni dwar jekk tapprovax ir-rapport, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tevalwa l-effett tiegħu fuq l-armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ bbilanċjar, it-tħaffif tal-integrazzjoni tas-suq biex b’hekk tiżgura n-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq tal-gass.

5.   Tapplika l-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 47

Pjattaforma ta’ bbilanċjar

1.   Meta s-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir ma jkollux biżżejjed likwidità jew ikun antiċipat li ser ikun nieqes mil-likwidità jew meta f’dan is-suq ma jkunux jistgħu jiġu akkwistati b’mod raġonevoli prodotti temporali u prodotti lokazzjonali meħtieġa mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, għandha tiġi stabbilita pjattaforma ta’ bbilanċjar għall-fini ta’ bbilanċjar tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jikkunsidraw jekk pjattaforma ta’ bbilanċjar konġunta tistax tiġi implimentata għal żoni ta’ bbilanċjar kontigwi fil-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jew meta jkun hemm biżżejjed kapaċità ta’ interkonnessjoni u t-tali pjattaforma ta’ bbilanċjar konġunta titqies effiċjenti li tiġi implimentata. Jekk pjattaforma ta’ bbilanċjar konġunta tiġi stabbilita, din għandha tkun operata mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni kkonċernati.

3.   Fil-każ li s-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 1 ma tkunx inbidlet b’mod fundamentali wara ħames snin, l-awtorita regolatorja nazzjonali tista’, bla ħsara għall-Artikolu 45(4) u wara li tissottometti emenda xierqa tar-rapport, tiddeċiedi li tkompli l-operazzjoni tal-pjattaforma ta’ bbilanċjar għal perjodu ieħor ta mhux iktar minn ħames snin.

Artikolu 48

Alternattiva għal pjattaforma ta’ bbilanċjar

Meta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ juri li, minħabba kapaċità nieqsa ta’ interkonnessjoni bejn żoni ta’ bbilanċjar, pjattaforma ta’ bbilanċjar ma tistax iżżid il-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir u ma tistax tippermetti lill- operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jieħu azzjonijiet ta’ bbilanċjar effiċjenti, jista’ juża alternattiva, bħal servizzi ta’ bbilanċjar, suġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Fejn tintuża alternattiva bħal din, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet kuntrattwali sussegwenti li kif ukoll il-prezzijiet u d-durata applikabbli għandhom jiġu speċifikati.

Artikolu 49

Tariffa tal-iżbilanċ interim

1.   Meta jkun hemm bżonn tal-miżuri interim imsemmija fl-Artikolu 45, id-derivazzjoni tal-prezz tista’ tiġi kkalkolata skont ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 46 li għandu jieħu post il-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffa ta’ żbilanċ ta’ kuljum.

2.   F’dak il-każ, id-derivazzjoni tal-prezz tista’ tkun ibbażata fuq prezz amministrat, prokura għal prezz tas-suq jew prezz derivat mill-ibbilanċjar ta’ negozjati tal-pjattaforma.

3.   Il-prokura għal prezz tas-suq għandha tipprova tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22(6). It-tfassil ta’ din il-prokura għandu jqis ir-risku potenzjali għall-manipulazzjoni tas-suq.

Artikolu 50

Tolleranza

1.   It-tolleranzi jistgħu jiġu applikati biss fil-każ li l-utenti tan-netwerk ma jkollhomx aċċess:

(a)

għal suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir li għandu biżżejjed likwidità;

(b)

għal gass meħtieġ biex jiġi ssodisfat ċaqliq f’terminu qasir fid-domanda għal gass u l-provvista tiegħu; jew

(c)

għal biżżejjed informazzjoni dwar id-dħul u l-ħruġ tagħhom.

2.   It-tolleranzi ser jiġu applikati:

(a)

rigward il-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum tal-utenti tan-netwerk;

(b)

fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

(c)

kemm hemm bżonn biss u għall-inqas durata meħtieġa.

3.   L-applikazzjoni ta’ tolleranzi tista’ tnaqqas skopertura finanzjarja ta’ utent tan-netwerk għall-prezz marġinali tal-bejgħ jew il-prezz marġinali tax-xiri fir-rigward ta’ parti mill-kwantità ta’ żbilanċ ta’ kuljum kollha tal-utent tan-netwerk jew għall-jum tal-gass.

4.   Il-livell ta’ tolleranza għandu jkun il-kwantità massima ta’ gass li għandha tinxtara jew tinbiegħ minn kull utent tan-netwerk bi prezz medju peżat. Jekk ikun fadal kwantità ta’ gass li tikkostitwixxi kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum ta’ kull utent tan-netwerk li taqbeż il-livell ta’ tolleranza, din għandha tinbiegħ jew tinxtara bil-prezz marġinali tal-bejgħ jew bil-prezz marġinali tax-xiri.

5.   It-tfassil tal-livell ta’ tolleranza:

(a)

għandu jirrifletti l-flessibilità u l-ħtiġijiet tal-utent tan-netwerk tan-netwerk ta’ trażmissjoni;

(b)

għandu jirrifletti l-livell ta’ riskju għall-utent tan-netwerk fil-ġestjoni tal-bilanċ tad-dħul u l-ħruġ tiegħu;

(c)

ma għandux ixekkel l-iżvilupp tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir;

(d)

ma għandux jirriżulta f’żieda fl-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ bbilanċjar tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jkunu eċċessivi wisq.

6.   Il-livell ta’ tolleranza għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul u l-ħruġ ta’ kull utent tan-netwerk, esklużi negozjati fil-punt virtwali ta’ negozjar, għal kull jum tal-gass. Is-sottokategoriji għandhom jiġu definiti skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

7.   Il-livell ta’ tolleranza applikabbli għal ħruġ b’kejl mhux ta’ kuljum definita skont ir-regoli nazzjonali applikabbli għandu jkun ibbażat fuq id-differenza bejn it-tbassir rilevanti tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum ta’ utent tan-netwerk u l-allokazzjoni għall-ħruġ b’kejl mhux ta’ kuljum.

8.   Il-livell ta’ tolleranza jista’ jinkludi komponent ikkalkolat filwaqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-applikazzjoni tad-devjazzjoni tat-tbassir tal-ħruġ mhux b’kejl kuljum ta’ utent tan-netwerk li hija l-ammont li bih it-tbassir rilevanti:

(a)

jaqbeż l-allokazzjoni għal ħruġ b’kejl mhux ta’ kuljum f’każ li l-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum hija pożittiva;

(b)

huwa inqas mill-allokazzjoni għal ħruġ b’kejl mhux ta’ kuljum f’każ li l-kwantità tal-iżbilanċ ta’ kuljum hija negattiva.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻIZZJONALI

Artikolu 51

Rilaxx tal-flessibilità eċċessiva ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.   Meta kuntratti fit-tul għax-xiri tal-flessibiltà fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bid-dritt tal-ħruġ jew id-dħul ta’ volumi speċifiċi ta’ gass, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jimmira li jnaqqas dawn l-ammonti ta’ flessibiltà.

2.   Filwaqt li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ flessibiltà eċċessiva disponibbli għad-dħul u l-ħruġ skont kuntratt fit-tul fis-seħħ, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jqis l-użu ta’ prodotti standardizzati għal żmien qasir.

3.   Il-flessibilta eċċessiva tista’ tiġi rrilaxxata jew:

(a)

skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt eżistenti fejn ikun fih dispożizzjonijiet li jippermettu li jsir it-tnaqqis tal-kwantità ta’ gass impenjata u/jew li jintemm il-kuntratt eżistenti; jew inkella

(b)

kif ġej fin-nuqqas ta’ drittijiet kuntrattwali bħal dawn:

(i)

il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ sat-terminazzjoni tiegħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli;

(ii)

il-partijiet kontraenti għandhom jikkunsidraw arranġamenti addizzjonali sabiex jirrilaxxaw lura fis-suq kwalunkwe gass eċċessiv li ma jkunx meħtieġ għall-fini ta’ bbilanċjar biex jagħtu aċċess lill-utenti tan-netwerk l-oħrajn għal ammonti ikbar ta’ flessibilità.

4.   Meta l-kuntratt fis-seħħ jipprovdi għat-tnaqqis tal-flessibilità bl-ammonti konsistenti mad-disponibilità tal- eċċess, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jnaqqas it-tali flessibilità malli jkun raġonevolment possibbli sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew malli tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tal-eċċess.

5.   L-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar proposti speċifiċi li għandhom jiġu implimentati bħala miżuri interim għar-rilaxx ta’ kwalunkwe flessibilità eċċessiva skont kuntratt b’terminu twil fis-seħħ.

6.   L-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ bbilanċjar tagħhom meħudin skont kuntratt b’terminu twil fis-seħħ.

7.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tfassal miri għall- proporzjon li bih il-kuntratti b’terminu twil għandhom jitnaqqsu sabiex tiżdied il-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa għal żmien qasir.

Artikolu 52

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tippermetti lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, fuq il-bażi ta’ talba ġġustifikata mingħandu, sabiex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fi żmien perjodu ta’ 24 xahar mill-1 ta’ Ottubru 2014, diment li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jimplimenta l-ebda miżura interim imsemmija fil-Kapitolu X. Fil-każ li l-awtorità regolatorja nazzjonali tagħmel użu minn din il-possibiltà, dan ir-regolament ma għandux japplika fiż-żona ta’ bbilanċjar ta’ dak l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni sal-limitu u tul tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit bid-deċiżjoni tal-awtorita regolatorja nazzjonali.

2.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu u tippubblika deċiżjoni mmotivata skont il-paragrafu 1 fi żmien tliet xhur wara li tasal it-tali talba. Tali deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata mingħajr dewmien, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni.

Artikolu 53

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Bla ħsara għall-Artikoli 28, 33(5), 38(1), 45(4), 46(3), 51 u 52, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(3)  Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(5)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 273, 15.10.2013, p. 5.

(7)  ĠU L 273, 15.10.2013, p. 5.