21.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/1


REGOLAMENT (UE) Nru 282/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 168(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għandu jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tikkomplementa u tappoġġa l-politiki nazzjonali dwar is-saħħa, tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-programmi tagħhom, b'rispett sħiħ lejn ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri rigward id-definizzjoni tal-politiki tas-saħħa tagħhom u l-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.

(2)

Jinħtieġ sforz kontinwu sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 168 TFUE. Il-promozzjoni ta' kondizzjoni ta' saħħa tajba fil-livell tal-Unjoni hija wkoll parti integrali minn "Ewropa 2020: Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" ("l-Istrateġija Ewropa 2020"). Li n-nies jinżammu b'saħħithom u attivi għal żmien itwal u li jingħataw is-setgħa li jkollhom rwol attiv fil-ġestjoni ta' saħħithom, ser iwassal għal effetti pożittivi ġenerali fuq is-saħħa, inkluż it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa, u impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja, fuq il-produttività u l-kompetittività, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali. L-appoġġ għal u r-rikonoxximent tal-innovazzjoni li għandha impatt fuq is-saħħa, jgħin biex tintlaqa' l-isfida tas-sostenibbiltà fis-settur tas-saħħa fil-kuntest tal-bidla demografika, u l-azzjoni għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa hija importanti għall-finijiet tal-kisba ta' "tkabbir inklużiv". Huwa adatt f'dak il-kuntest li jiġi stabbilit it-tielet Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) ("il-Programm").

(3)

Skont id-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), "Is-saħħa hija stat ta' benesseri fiżiku, mentali u soċjali sħiħ u mhux sempliċiment in-nuqqas ta' mard jew infermità.". Biex tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni fl-Unjoni u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa, huwa essenzjali li l-attenzjoni ma tkunx biss fuq is-saħħa fiżika. Skont id-WHO, il-problemi tas-saħħa mentali jammontaw għal kważi 40% tas-snin ta’ ħajja b’diżabbiltà. Il-problemi ta' saħħa mentali huma wkoll varjati, idumu fit-tul u huma sors ta' diskriminazzjoni, u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-inugwaljanzi fis-saħħa. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika taffettwa fatturi li jiddeterminaw is-saħħa mentali, peress li l-fatturi protettivi jiddgħajfu u l-fatturi ta' riskju jiżdiedu.

(4)

Il-programmi preċedenti ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) u fil-qasam tas-saħħa (2008-2013), adottati rispettivament bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE (4) u d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ("il-programmi tas-saħħa preċedenti"), ġew ivvalutati b'mod pożittiv fis-sens li jirriżultaw f'għadd ta' żviluppi u titjib importanti. Il-Programm għandu jibni fuq dak li nkiseb mill-programmi tas-saħħa preċedenti. Għandu jittieħed kont ukoll tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi u l-evalwazzjonijiet esterni li twettqu, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 2/2009, li skonthom, għall-perijodu wara l-2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw mill-ġdid l-ambitu tal-attivitajiet tal-Unioni dwar is-saħħa pubblika u l-approċċ tal-finanzjament tal-Unjoni f'dak il-qasam. Dan għandu jsir filwaqt li jinżammu preżenti l-mezzi baġitarji disponibbli u l-eżistenza ta' mekkaniżmi oħra ta' kooperazzjoni bħala mezz ta' kif jiġu ffaċilitati l-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fost il-partijiet interessati madwar l-Ewropa.

(5)

Konformement mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Programm għandu jiffoka fuq sett ta' objettivi u azzjonijiet definiti sew b'valur miżjud ċar u bil-provi tal-Unjoni, u jiġi kkonċentrat l-appoġġ fuq għadd iżgħar ta' attivitajiet f'oqsma prijoritarji. L-enfasi għandu jsir, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fuq oqsma fejn hemm kwistjonijiet transkonfinali jew interni, jew fejn hemm vantaġġi sinifikanti u titjib fl-effiċjenza minn kollaborazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(6)

Il-Programm għandu jkun mezz ta' promozzjoni ta' azzjonijiet f'oqsma fejn ikun hemm valur miżjud tal-Unjoni li jista' jintwera fuq il-bażi ta' dan li ġej: l-iskambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri; l-appoġġ għal netwerks għall-kondiviżjoni tal-għarfien jew it-tagħlim reċiproku; l-indirizzar ta' theddidiet transkonfinali biex jitnaqqsu r-riskji tagħhom u jitrażżnu l-konsegwenzi tagħhom; l-indirizzar ta' ċerti kwistjonijiet b'rabta mas-suq intern fejn l-Unjoni għandha leġittimità sostanzjali biex jiġu żgurati soluzzjonijiet ta' kwalità għolja fl-Istati Membri; l-isfruttament tal-potenzjal tal-innovazzjoni fis-saħħa; azzjonijiet li jistgħu iwasslu għal sistema ta' punti ta' riferiment biex jiġi permess it-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod infurmat fil-livell tal-Unjoni; it-titjib tal-effiċjenza billi tiġi evitata ħela tar-riżorsi minħabba d-duplikazzjoni u jintużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi finanzjarji.

(7)

L-implimentazzjoni tal-Programm għandha tkun tali li jkunu rrispettati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.

(8)

Ir-Rapport dwar is-Saħħa Ewropea tal-2009 tad-WHO jidentifika ambitu għaż-żieda tal-investiment fis-saħħa pubblika u s-sistemi tas-saħħa. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw it-titjib fis-saħħa bħala prijorità fil-programmi nazzjonali tagħhom u biex jibbenefikaw minn għarfien aħjar dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament tal-Unjoni għas-saħħa. Għaldaqstant, il-Programm għandu jiffaċilita r-rikors għar-riżultati tiegħu fil-politika tas-saħħa nazzjonali.

(9)

L-innovazzjoni fis-saħħa għandha tinftiehem bħala strateġija tas-saħħa pubblika li mhijiex limitata għal avvanzi teknoloġiċi f'termini ta' prodotti u servizzi. It-trawwim tal-innovazzjoni fil-qasam tal-interventi fis-saħħa pubblika, l-istrateġiji ta' prevenzjoni, il-ġestjoni tas-sistema tas-saħħa u l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u kura medika, inkluż interventi fil-promozzjoni tas-saħħa u fil-prevenzjoni tal-mard, għandul-potenzjal li jtejjeb l-eżiti tas-saħħa pubblika, jtejjeb l-kwalità ta' kura lill-pazjenti u jwieġeb għal ħtiġijiet mhux issodisfati, u wkoll biex irawwem il-kompetittività tal-partijiet interessati u jtejjeb l-kosteffiċjenza u s-sostenibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Għalhekk, il-Programm għandu jiffaċilita l-użu volontarju tal-innovazzjoni fis-saħħa, b'kont meħud tal-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea kif imniżżel fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2006 (6).

(10)

Il-Programm għandu, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, jikkontribwixxi għat-trattament tal-inugwaljanzi fis-saħħa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza u s-solidarjetà permezz ta' azzjonijiet skont l-objettivi differenti u billi jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba.

(11)

Skont l-Artikoli 8 u 10 TFUE, l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u timmira li tiġġieled id-diskriminazzjoni. Għaldaqstant, il-Programm għandu jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-objettivi kontra d-diskriminazzjoni fl-azzjonijiet kollha tiegħu.

(12)

Jeħtieġ li l-pazjenti jingħataw is-setgħa, inter alia billi jissaħħaħ il-litteriżmu relatat mas-saħħa, biex jimmaniġġjaw saħħithom u l-kura tas-saħħa tagħhom b'mod aktar proattiv, biex jipprevjenu l-mard u jagħmlu għażliet informati. It-trasparenza tal-attivitajiet u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u d-disponibbiltà ta' informazzjoni affidabbli, indipendenti u faċli biex tintuża għall-pazjenti għandhom jiġu ottimizzati. Il-prattiki tal-kura tas-saħħa għandhom jiġu informati b'kontribut mill-pazjenti u permezz ta' komunikazzjoni magħhom. L-appoġġ għall-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u l-partijiet interessati huwa essenzjali u għandu jiġi kkoordinat fil-livell tal-Unjoni sabiex jgħin lill-pazjenti b'mod effettiv, b'mod partikolari dawk affettwati minn mard rari, biex jibbenefikaw minn kura tas-saħħa transkonfinali.

(13)

It-tnaqqis tal-piż tal-infezzjonijiet reżistenti u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u li tkun garantita d-disponibbiltà ta' antimikrobjali effettivi huma essenzjali għall-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa u għas-sikurezza tal-pazjenti. Il-Programm għandu jappoġġa sforzi sostnuti biex jittejbu l-metodi ta' analiżi biex tiġi identifikata u evitata r-reżistenza antimikrobika u jittejjeb in-netwerking fost l-atturi tal-kura tas-saħħa, inkluż is-settur veterinarju, fir-rigward tal-ittrattar tar-reżistenza antimikrobika.

(14)

Fil-kuntest tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-investimenti mmirati tajjeb lejn il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard jistgħu jżidu n-numru ta' "snin ta' ħajja fi stat tajjeb ta' saħħa" u b'hekk jippermettu lill-anzjani jgawdu ħajja ta' saħħa u attiva meta jkunu qed jikbru. Il-mard kroniku huwa responsabbli għal aktar minn 80 % tal-mortalità prematura fl-Unjoni. Il-Programm għandu jidentifika, ixerred u jippromovi l-użu ta' prattika tajba u bbażata fuq l-evidenza għal miżuri kosteffettivi ta' promozzjoni tas-saħħa u dawk ta' prevenzjoni tal-mard iffokati b'mod partikolari fuq il-fatturi ta' riskju ewlenin, bħall-użu ta' tabakk, l-użu ta' drogi, l-użu dannuż tal-alkoħol u drawwiet ta' dieta mhux tajba għas-saħħa, l-obeżità u n-nuqqas ta' attività fiżika, kif ukoll l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite. Il-prevenzjoni effettiva għandha tikkontribwixxi għaż-żieda fis-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa. Filwaqt li jopera f'qafas sensittiv għall-ġeneru, il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-mard fl-aspetti kollha tagħha (prevenzjoni primarja, sekondarja u terzjarja) u tul il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni, għall-promozzjoni tas-saħħa u t-trawwim ta' ambjenti li jappoġġaw stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, b'kont meħud tal-fatturi fundamentali ta' natura soċjali u ambjentali kif ukoll l-impatt fuq is-saħħa ta' ċerti diżabbiltajiet.

(15)

Sabiex jiġu minimizzati l-konsegwenzi tat-theddid ta' natura transkonfinali għas-saħħa kif stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jistgħu jvarjaw minn kontaminazzjoni tal-massa kkawżata minn inċidenti kimiċi jew dawk radjoloġiċi għal pandemiji, bħal dawk li feġġew reċentement mill-E. coli, ir-razza tal-influwenza H1N1 jew is-SARS (sindromu respiratorju akut gravi), jew l-effetti fuq is-saħħa li jirriżultaw minn żieda fil-movimenti tal-popolazzjoni, il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien u ż-żamma ta' mekkaniżmi u għodod robusti għall-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta’ theddid kbir għas-saħħa ta' natura transkonfinali. Minħabba n-natura ta' dak it-theddid, il-Programm għandu jappoġġa miżuri tas-saħħa pubblika kkoordinati fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati aspetti differenti tat-theddid ta' natura transkonfinali għas-saħħa, filwaqt li jibnu fuq it-tħejjija u l-ippjanar tar-rispons, valutazzjoni robusta u affidabbli tar-riskji u qafas b'saħħtu ta' ġestjoni ta' riskji u ta' kriżijiet. F’dak il-kuntest, huwa importanti li l-Programm jibbenefika mill-komplementarjetà mal-programm ta' ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fil-ġlieda kontra mard li jinxtered u mal-attivitajiet appoġġati taħt il-programmi tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni. Għandhom isiru sforzi speċjali biex jiġu żgurati l-koerenza u s-sinerġiji bejn il-Programm u l-ħidma globali dwar is-saħħa mwettqa taħt programmi u strumenti oħra tal-Unjoni li jindirizzaw, b'mod partikolari, l-oqsma tal-influwenza, l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u theddid ieħor għas-saħħa ta' natura transkonfinali.

(16)

Għandu jkun possibbli li l-azzjoni taħt il-Programm tkopri wkoll theddid għas-saħħa ta' natura transkonfinali kkawżat minn inċidenti bijoloġiċi u kimiċi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Baġit għall-Ewropa 2020", il-Kummissjoni hi impenjata għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-programmi globali tal-infiq tal-Unjoni u biex tidderieġi tal-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni lejn l-objettivi marbuta mal-klima. In-nefqa fil- Programm taħt l-objettiv speċifiku relatat mat-theddid għas-saħħa ta' natura transkonfinali għandu jikkontribwixxi b'mod ġenerali għal dawk l-objettivi billi jindirizza t-theddid għas-saħħa assoċjat mat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar in-nefqa marbuta mat-tibdil fil-klima fil-Programm.

(17)

B'konformità mal-Artikolu 114 TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa fil-leġislazzjoni adottata mill-Unjoni għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Konformement ma' dak l-objettiv, il-Programm għandu jagħmel sforzi speċjali biex jappoġġa azzjonijiet mitluba mill-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, u li jikkontribwixxu għalihom, fl-oqsma tal-mard li jinxtered u theddid ieħor għas-saħħa, it-tessuti u ċ-ċelloli umani, id-demm, l-organi umani, l-apparat mediku, il-prodotti mediċinali, id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinal,i u l-prodotti tat-tabakk u r-reklamar tat-tabakk.

(18)

Il-Programm għandu jikkontribwixxi għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq evidenza billi jiżviluppa sistema ta' informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa, b'kont meħud ta' attivitajiet rilevanti mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-WHO u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Dik is-sistema għandha tikkonsisti minn, inter-alia, l-użu ta' strumenti eżistenti u, fejn adatt, aktar żvilupp ta' informazzjoni standardizzata dwar is-saħħa u għodod għall-monitoraġġ tas-saħħa, għall-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-saħħa, għall-appoġġ tal-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (9) u għat-tixrid wiesa' tar-riżultati tal-Programm.

(19)

Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għandha l-għan li tikkomplementa u tappoġġa politiki tas-saħħa nazzjonali, li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u li tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-programmi tagħhom. L-iskambju ta' prattika tajba huwa strument fundamentali ta' dik il-politika. Skambju bħal dan għandu jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn soluzzjonijiet effiċjenti żviluppati fi Stati Membri oħra, inaqqas id-duplikazzjoni tal-isforzi u jżid il-valur għall-flus permezz tal-promozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tas-saħħa. Għalhekk, il-Programm għandu jiffoka prinċipalment fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli mis-saħħa fl-Istati Membri u jipprovdi inċentivi għal parteċipazzjoni usa' tal-Istati Membri kollha kif irrakkomandati fl-evalwazzjonijiet tal-programmi tas-saħħa preċedenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri li l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tagħhom għal kull abitanti huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni għandhom jiġu attivament inkoraġġuti biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet ikkofinanzjati mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli mis-saħħa fl-Istati Membri jew minn korpi li għandhom mandat minn dawk l-awtoritajiet kompetenti. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jitqiesu li jkunu ta' użu eċċezzjonali u, b'mod partikolari, iwieġbu għall-objettiv tal-iffaċilitatar tal-parteċipazzjoni ta' Stati Membri li l-ING tagħhom għal kull abitanti huwa anqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni u li dik il-parteċipazzjoni titwessa. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll aktar għajnuna mhux finanzjarja li tkun adatta għall-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati Membri f'azzjonijiet bħal dawn, pereżempju f'termini tal-proċess ta' applikazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-użu tal-għarfien espert.

(20)

Il-korpi mhux governattivi u l-partijiet interessati mill-qasam tas-saħħa, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa, għandhom rwol importanti billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni u l-pariri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Programm. Meta jkunu qed jagħmlu dan huwa possibbli li jirrikjedu kontribuzzjonijiet mill-Programm biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw. Għaldaqstant il-Programm għandu jkun aċċessibli għal korpi mhux governattivi u għal organizzazzjonijiet tal-pazjenti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa pubblika, li għandhom rwol effettiv fil-proċessi tad-djalogu ċivili fil-livell tal-Unjoni, bħal l-parteċipazzjoni fi gruppi konsultattivi, u b'dak il-mod jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi tal-Programm.

(21)

Il-Programm għandu jippromwovi sinerġiji, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni ma' programmi u azzjonijiet tal-Unjoni relatati, billi jippromovi, fejn rilevanti, l-użu ta' skoperti innovattivi li jirriżultaw mir-riċerka fil-qasam tas-saħħa. Għandu jsir użu adattat minn fondi u programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Programm ta' Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014 2020 (Orizzont 2020), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill (10), u l-eżiti tiegħu, il-Fondi Strutturali, il-Programm għall-Impjiegi u u l-Innovazzjoni Soċjali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill (11), il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (12),

l-istrateġija tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol (2007/2012), il-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), il-Programm tal-Konsumaturi, il-Programm tal-Ġustizzja, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) il-Programm Konġunt għal Għixien fid-Dar Assistit, il-programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (Erasmus+), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) il-Programm Statistiku Ewropew, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1278/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u s-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, fl-attivitajiet rispettivi tagħhom.

(22)

F'konformità mal-Artikolu 168(3) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri ghandhom irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika. Il-Programm għandu għalhekk ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)/Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), pajjiżi ġirien u pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea għall-Viċinat (ENP), u pajjiżi oħrajn b'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti bi kwalunkwe ftehim bilaterali jew dak multilaterali rilevanti.

(23)

Għandhom jiġu ffaċilitati relazzjonijiet adatti ma' pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-Programm biex jgħinu l-ilħuq tal-objettivi tal-Programm, b'kont meħud ta' kwalunkwe ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Unjoni. Dan jista' jinvolvi lill-Unjoni fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti dwar is-saħħa jew lill-pajjiżi terzi fit-twettiq ta' attivitajiet, li huma komplementari għal dawk iffinanzjati taħt il-Programm, f'oqsma ta’ interess reċiproku, iżda ma għandhomx jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja taħt il-Programm.

(24)

Sabiex jiġu massimizzati l-effettività u l-effiċjenza fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali, u bil-ħsieb li jiġi implimentat tal-Programm, għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, b'mod partikolari d-WHO, kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD.

(25)

Il-Programm għandu jibqa' għaddej għal perijodu ta' seba' snin biex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (EU, Euratom) Nru 1311/2013 (18). Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata sħiħa tal-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont primarju ta' referenza, fis-sens tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (19), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(26)

B'konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi legali għall-azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ finanzjarju pprovdut taħt il-Programm għall-funzjonament ta' korpi, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tqis, fil-programm ta' ħidma annwali għall-2014, li l-ispejjeż marbutin direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet appoġġati jkunu eliġibbli għall-finanzjament, anke jekk dawn iġġarrbu mill-benefiċjarju qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-finanzjament.

(28)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz ta' programmi ta' ħidma annwali, għandhom jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(29)

Il-Programm għandu jiġi implimentat b'rispett sħiħ għall-prinċipju tat-trasparenza. Ir-riżorsi baġitarji għandhom jiġu kondiviżi bejn l-objettivi differenti tal-Programm b'mod bilanċjat matul id-durata kollha tal-Programm, b'kont meħud tal-vantaġġi probabbli għall-promozzjoni tas-saħħa. Għandhom jintgħażlu u jiġu ffinanzjati mill-Programm azzjonijiet adatti koperti mill- objettivi speċifiċi tal-Programm u dawk b'valur miżjud ċar tal-Unjoni. Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistabbilixxu, b'mod partikolari, il-kriterji essenzjali ta' selezzjoni applikabbli għall-benefiċjarji potenzjali, b'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-kapaċità finanzjarja u dik operattiva biex iwettqu azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programmi u, fejn adatt, l-evidenza meħtieġa biex tintwera l-indipendenza tagħhom.

(30)

Il-valur u l-impatt tal-Programm ghandhom jiġu sorveljati u evalwati regolarment. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fatt li l-ilħuq tal-objettivi tal-Programm jista' jirrikjedi perijodu ta’ żmien itwal mit-tul tiegħu. Fin-nofs tad-durata tal-Programm, iżda mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2017, ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu għandu jiġi fformulat sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni ta' prijoritajiet tematiċi tal-Programm.

(31)

Sabiex il-Programm jibbenefika b'mod sħiħ mis-sejbiet tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu dwar l-implimentazzjoni tiegħu u biex jiġu permessi l-aġġustamenti possibbli meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li jadottata atti b'konformità mal-Artikolu 290 TFUE sabiex titneħħa l-kwalunkwe waħda mill-prijoritajiet tematiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament jew sabiex jiġu inklużi prijoritajiet tematiċi ġodda f'dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali hija essenzjali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni mal-applikanti potenzjali biex tkun possibbli parteċipazzjoni ekwa fil-Programm, u għarfien li joħroġ mill-Programm mal-partijiet nazzjonali differenti interessati fis-settur tas-saħħa. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jinnominaw Punti Ċentrali Nazzjonali sabiex jappoġġaw dawk l-attivitajiet.

(33)

Fl-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti rilevanti, inklużi l-Punti Ċentrali Nazzjonali.

(34)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod inkorrett u, fejn adatt, il-pieni.

(35)

Għandha tiġi żgurata transizzjoni bejn il-Programm u l-programm preċedenti li jkun qed jissostitwixxi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-arranġamenti pluriennali għall-ġestjoni tiegħu, bħall-finanzjament ta' assistenza teknika u dak amministrattiv. Mill-1 ta' Jannar 2021, l-approprjazzjonijiet tal-assistenza teknika u dik amministrattiva għandhom ikopru, jekk ikun meħtieġ, in-nefqa relatata mal-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-aħħar tal-2020.

(36)

Billi l-objettivi ġenerali ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi kkumplementat, appoġġat u jiżdied il-valur tal-politika tal-Istati Membri biex tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni fl-Unjoni, u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa billi tiġi promossa s-saħħa, titħeġġa l-innovazzjoni fis-saħħa, tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa, u jiġu protetti ċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju għas-saħħa ta' natura transkonfinali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(37)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata.

(38)

Huwa adatt li tiġi żgurata transizzjoni mingħajr xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn il-programm preċedenti fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) u l-Programm, u li t-tul tal-Programm jiġi allinjat mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, il-Programm għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm

Dan ir-Regolament jistabbilixxi t-tielet programm pluriennali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa, għall- perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 ("il-Programm").

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

L-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu li jiġu kkumplementati, appoġġati u jiżdied il-valur tal-politika tal-Istati Membri, li tittejjeb is-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni u titnaqqas l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, billi tiġi promossa s-saħħa, titħeġġeġ l-innovazzjoni fis-saħħa, tiżdied s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u jiġu protetti ċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju għas-saħħa ta' natura transkonfinali.

KAPITOLU II

OBJETTIVI U AZZJONIJIET

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi u indikaturi

L-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu segwiti permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(1)

Għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, u t-trawwim ta' ambjenti li jappoġġaw stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa: l-identifikazzjoni, it-tixrid u l-promozzjoni tal-użu ta' prattika tajba u bbażata fuq evidenza għal miżuri kosteffettivi għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard billi jiġu indirizzati b'mod partikolari l-fatturi ta' riskju ewlenin li huma relatati mal-istil ta' ħajja b'attenzjoni partikolari fuq il-valur miżjud tal-Unjoni.

Dan l-objettiv għandu jitkejjel, b'mod partikolari, permezz taż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri involuti fil-promozzjoni tas-saħħa u fil-prevenzjoni tal-mard, bl-użu ta' prattika tajba u bbażata fuq evidenza permezz ta' miżuri u azzjonijiet meħuda fil-livell adatt fl-Istati Membri.

(2)

Għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju għas-sabha ta' natura transkonfinali: l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi koerenti u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom għal tħejjija u koordinazzjoni aħjar f'emerġenzi tas-saħħa.

Dan l-objettiv għandu jitkejjel, b'mod partikolari, permezz taż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri li jintegraw l-approċċi koerenti fit-tfassil tal-pjanijiet tagħhom ta' tħejjija.

(3)

Għall-appoġġ tal-bini ta' kapaċità fil-qasam tas-saħħa pubblika u għall-kontribut għal sistemi tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u dawk sostenibbli: l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' għodod u mekkaniżmi fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' riżorsi, kemm umani kif ukoll dawk finanzjarji, u biex jiġi ffaċilitat l-użu volontarju ta' innovazzjonijiet fl-istrateġiji ta' intervent u dawk ta' prevenzjoni tas-saħħa pubblika.

Dan l-objettiv għandu jitkejjel, b'mod partikolari, permezz taż-żieda fil-pariri li jingħataw u l-għadd ta' Stati Membri li jużaw l-għodod u l-mekkaniżmi identifikati sabiex jikkontribwixxu għal riżultati effettivi fis-sistemi tas-saħħa tagħhom.

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sigura għaċ-ċittadini tal-Unjoni: jitkabbar l-aċċess għall-għarfien espert mediku u l-informazzjoni medika għal kondizzjonijiet speċifiċi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-riżultati ta' riċerka u jiġu żviluppati għodod għat-titjib tal-kwalità tal-kura tas-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti permezz, inter alia, azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-titjib tal-litteriżmu relatat mas-saħħa.

Dan l-objettiv għandu jitkejjel, b'mod partikolari, permezz taż-żieda fl-għadd ta' netwerks Ewropej ta' referenza stabbiliti b'konformità mad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (in-"netwerks Ewropej ta' referenza"), iż-żieda fl-għadd ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u ċentri ta' għarfien espert li jissieħbu man-netwerks Ewropej ta' referenza, u ż-żieda fl-għadd ta' Stati membri li qed jużaw l-għodod żviluppati.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

L-objettivi speċifiċi tal-Programm għandhom jintlaħqu permezz ta' azzjonijiet konformi mal-prijoritajiet tematiċi elenkati fl-Anness I u implimentati permezz tal-programmi ta' ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 5

Finanzjament

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' EUR 449 394 000 fi prezzijiet attwali.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

Il-Programm għandu jkun miftuħ, abbażi tal-ispejjeż, għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi,b'mod partikolari:

(a)

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali li jibbenefikaw mill-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet Qafas, fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili rispettivi;

(b)

pajjiżi tal-EFTA/ŻEE skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(c)

pajjiżi ġirien u pajjiżi li, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim bilaterali jew multilaterali rilevanti, għalihom tapplika l-ENP;

(d)

pajjiżi oħra skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim bilaterali jew multilaterali rilevanti.

Artikolu 7

Tipi ta' intervent

1.   F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni għandhom jieħdu l-forma ta' għotjiet, akkwist pubbliku jew kwalunkwe forma oħra ta' intervent neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm.

2.   L-għotjiet jistgħu jingħataw biex jiffinanzjaw:

(a)

azzjonijiet li jkollhom valur miżjud tal-Unjoni li jkun ċar u li jkunu kofinanzjati mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli mis-saħħa fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi li jkunu qed jipparteċipaw fil-Programm skont l-Artikolu 6, jew minn korpi tas-settur pubbliku u korpi mhux governattivi, kif imsemmi fl-Artikoli 8(1), li jaġixxu individwalment jew bħala netwerk, li għandhom mandat minn dawk l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

azzjonijiet li jkollhom valur miżjud tal-Unjoni li jkun ċar li jkunu espliċitament previsti u debitament ġustifikati fil-programmi ta' ħidma annwali kofinanzjati minn korpi pubbliċi, mhux governattivi jew privati oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tas-saħħa u fil-każ tal-aħħar, fejn adatt, mingħajr sejħa preċedenti għal proposti;

(c)

il-funzjonament tal-korpi mhux governattivi kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), fejn ikun meħtieg appoġġ finanzjarju biex jintlaħaq objettiv speċifiku wieħed jew aktar tal-Programm.

3.   L-għotjiet imħallsa mill-Unjoni ma għandhomx jaqbżu s-60 % tal-ispejjeż eliġibbli għal azzjoni relatata ma' objettiv tal-Programm jew għall-funzjonament ta' korp mhux governattiv. F’każijiet ta’ utilità eċċezzjonali, il-kontribuzzjoni mill-Unjoni tista’ tkun sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Għall-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2, utilità eċċezzjonali tintlaħaq, inter alia, fejn:

(a)

mill-inqas 30% tal-baġit tal-azzjoni proposta jiġi allokat lil Stati Membri li l-ING tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni; u

(b)

korpi minn tal-inqas 14-il pajjiż parteċipanti jipparteċipaw fl-azzjoni, li minnhom tal-inqas erba' huma pajjiżi li l-ING tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni.

4.   B'deroga mill-Artikolu 130(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u f'każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista', fil-programm ta' ħidma annwali għall-2014, tikkunsidra li l-ispejjeż direttament marbuta mal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet appoġġati jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-1 ta' Jannar 2014, anki jekk ikunu ġġarrbu mill-benefiċjarju qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għotja.

Artikolu 8

Benefiċjarji eliġibbli għal għotjiet

1.   L-għotjiet għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2)(a) u (b) jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet stabbiliti legalment, awtoritajiet nazzjonali, korpi tas-servizz pubbliku, b'mod partikolari istituzzjonijiet tar-riċerka u tas-saħħa, universitajiet u stabbilimenti ta' edukazzjoni għolja.

2.   L-għotjiet għall-funzjonament tal-korpi msemmija fl-Artikolu 7(2)(c) jistgħu jingħataw lill-korpi li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

huma korpi mhux governattivi, ma għandhomx skop ta' profitt u huma indipendenti minn interessi tal-industrija, interessi kummerċjali u ta' negozju jew interessi oħra li joħolqu konflitt;

(b)

huma joperaw fil-qasam tas-saħħa pubblika, jaqdu rwol effettiv fil-proċessi ta' djalogu ċivili fil- livell tal-Unjoni u jsegwu tal-inqas wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm;

(c)

huma attivi fil-livell tal-Unjoni f'tal-inqas nofs l-Istati Membri, u għandhom kopertura ġeografika bilanċjata tal-Unjoni.

Artikolu 9

Assistenza amministrattiva u teknika

Il-pakkett finanzjarju tal-Programm jista’ jkopri wkoll spejjeż li huma ta’ attivitajiet ta’ preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditu u evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-Programm u r-realizzazzjoni tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari studji, laqgħat, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sa fejn ikunu marbuta mal-objettivi ġenerali tal-Programm, l-ispejjeż relatati netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll l-ispejjeż l-oħra kollha ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 10

Metodi ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm f'konformità mal-modi ta' ġestjoni stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 11

Programmi ta' ħidma annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm billi tistabbilixxi programmi ta' ħidma annwali f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-kriterji stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, programmi ta' ħidma annwali li għandhom jistabbilixxu, b'mod partikolari, l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu, inkluża l-allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

3.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet legali kollha rilevanti rigward il-protezzjoni tad-dejta personali u, fejn xieraq, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi biex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u s-sikurezza ta’ tali data.

Artikolu 12

Konsistenza u komplementarjetà ma’ politiki oħra

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà ġenerali bejn il-Programm u politiki, strumenti u azzjonijiet oħra tal-Unjoni, inklużi dawk tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 13

Monitoraġġ, evalwazzjoni u tixrid tar-riżultati

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt il-Programm fid-dawl tal-objettivi u l-indikaturi tiegħu, inkluża l-informazzjoni disponibbli dwar l-ammont tan-nefqa marbuta mal-klima. Hija għandha tirrapporta dan lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 17(1), u għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati.

2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm. Tali talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jevitaw li jimponu kwalunkwe żieda mhux meħtieġa fil-piż amministrattiv tal-Istati Membri.

3.   F’nofs it-tul tal-Programm, iżda mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha tifformula u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar il-kisba tal-objettivi tal- Programm, is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prijoritjiet tematiċi li jinsabu fl-Anness I, u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-Unjoni tal-Programm,, bil-ħsieb ta' deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-prijoritajiet tematiċi tiegħu. Addizzjonalment, ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għandu jindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tal-Programm, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-azzjonijiet għall- kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 168 TFUE. Għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-programm precedenti.

Fir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tindika dan li ġej:

(a)

jekk ma jkunx possibbli li tiġi implimentata u milħuqa waħda, jew aktar, mill-prijoritajiet tematiċi elenkati fl-Anness I konformement mal-objettivi tal-Programm u fiż-żmien li jifdal tal-Programm;

(b)

jekk l-evalwazzjoni tkunx identifikat waħda, jew aktar, mill-prijoritajiet tematiċi speċifiċi sinifikattivi li mhumiex elenkati fl-Anness I, iżda li jkunu saru neċessarji għall-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm;

(c)

ir-raġunijiet għall-konklużjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

L-impatt fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal- Programm għandhom jiġu evalwati bil-ħsieb li jkun hemm kontribut għal deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni possibbli ta' xi Programm sussegwenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa skont dan ir-Regolament disponibbli pubblikament u għandha tiżgura li dawn jiġu disseminati b'mod estensiv sabiex ikun hemm kontribut għat-titjib tas-saħħa fl-Unjoni.

Artikolu 14

Segwitu għar-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu

1.   Fejn ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu jidentifika li prijorita tematika waħda jew iżjed ma jistgħux jiġu implimentati jew miksuba f'konformità mal-objettivi tal-Programm u matul id-durata tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, sal-31 ta' Awwissu 2017, atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex il-prijorità tematika jew prijoritajiet tematiċi kkonċernati jitneħħew mill-Anness I. Jista' jidħol fis-seħħ biss att iddelegat wieħed li jneħħi prijorità tematika jew prijoritajiet tematiċi skont l-Artikolu 18 matul id-durata kollha tal-Programm.

2.   Fejn ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu jidentifika li waħda, jew aktar, mill-prijoritajiet tematiċi speċifiċi sinifikattivi li mhumiex elenkati fl-Anness I, iżda li jkunu saru neċessarji għall-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta, sal-31 ta' Awwissu 2017, atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex tali prijorità tematika jew prijoritajiet tematiċi kkonċernati jiżdiedu fl-Anness I. Prijorità tematika għandha tkun tista' tinkiseb matul id-durata tal-Programm. Jista' jidħol fis-seħħ att iddelegat wieħed biss li jżid prijorità tematika jew prijoritajiet tematiċi skont l-Artikolu 18 matul id-durata tal-Programm.

3.   Kwalunkwe tneħħija jew żieda ta' prijoritajiet tematiċi għandha tkun konformi mal-objettivi ġenerali u mal-objettivi speċifiċi rilevanti tal-Programm.

Artikolu 15

Punti Ċentrali Nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-Punti Ċentrali Nazzjonali li għandhom jassistu lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-Programm u, kif adatt, fid-disseminazzjoni tar-riżultati tal-Programm u l-informazzjoni disponibbli dwar l-impatt tal-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 16

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal- Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti kollha sabiex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal- Unjoni jiġu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni, jew ir-rappreżentanti tagħha, u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ikollhom is-setgħa ta' awditu, abbażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotja, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (24) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet dwar għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkollhom dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 17

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att implimentattiv u jiġi applikat it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għat-tul tal-Programm.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tagħti notifika dwaru simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 14(1) u (2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika dwar dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE.

2.   Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit wara l-2020 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 9, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 20

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE għandha tiġi revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 102.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 223.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-26 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1).

(5)  Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3).

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1).

(7)  Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(8)  Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta’ Awwissu 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21).

(10)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(11)  Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(12)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’, Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’, Solidarjetà ta’, l-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

(13)  Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

(14)  Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

(15)  Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73.)

(16)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal -11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(17)  Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017 (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12).

(18)  Regolament tal-Kunsill (EU, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(19)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

(20)  Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(21)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p 13).

(22)  Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(23)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (GU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(24)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (GU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS I

PRIJORITAJIET TEMATIĊI

1.   Il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trawwim ta' ambjenti li jappoġġaw stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa billi jittieħed kont tal-prinċipju tas-'saħħa fil-politiki kollha'

1.1.

Miżuri kosteffettivi dwar il-promozzjoni u l-prevenzjoni konformi, b'mod partikolari, mal-istrateġiji tal-Unjoni dwar l-alkoħol u n-nutrizzjoni, u inklużi azzjonijiet li jappoġġaw l-iskambju ta' prattika tajba u bbażatiafuq evidenza għall-indirizzar ta' fatturi ta' riskju bħall-użu tat-tabakk u t-tipjip passiv, l-użu dannuż tal-alkoħol, id-drawwiet ta' dieta mhux tajba għas-saħħa u n-nuqqas ta' attività fiżika, b'kont meħud tal-aspetti tas-saħħa pubblika tal-fatturi ewlenin, bħal ma huma dawk ta' natura soċjali u ambjentali, b'attenzjoni partikolari fuq il-valur miżjud tal-Unjoni.

1.2.

Miżuri li jikkomplementaw l-azzjoni tal-Istati Membri fit-tnaqqis ta' ħsara għas-saħħa f'relazzjoni mad-drogi, inklużi l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

1.3.

Appoġġ għal risponsi effettivi kontra mard li jinxtered bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite permezz tal-identifikazzjoni, id-disseminazzjoni u l-promozzjoni tal-użu ta' prattika tajba u bbażata fuq evidenza għal prevenzjoni, dijanjożi, trattament u kura kosteffettivi.

1.4.

Appoġġ għall-kooperazzjoni u n-netwerking fl-Unjoni relatat mal-prevenzjoni u t-titjib tar-rispons kontra mard kroniku inkluż il-kanċer, mard relatat max-xjuħija u mard newrodeġenerattiv, permezz tal-kondiviżjoni ta' għarfien u ta' prattiki tajba u l-iżvilupp ta' attivitajiet konġunti dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni bikrija u l-ġestjoni (inklużi l-litteriżmu relatat mas-saħħa u l-awtoġestjoni). Segwitu tal-ħidma dwar il-kanċer li diġà nbdiet, inklużi azzjonijiet rilevanti ssuġġeriti mill-Azzjoni ta' Sħubija Ewropea kontra l-Kanċer.

1.5.

L-azzjonijiet rikjesti mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, jew li jikkontribwixxu għaliha, fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu attivitajiet li għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni ta’ dik il-leġislazzjoni.

1.6.

Żvilupp ta' sistema ta' informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa li tikkontribwixxi għat-teħid ta' deċiżjonijiet bbażati fuq evidenza, inkluż l-użu ta' strumenti eżistenti u, fejn xieraq, aktar żvilupp ta' informazzjoni standardizzata dwar is-saħħa u għodod għall-monitoraġġ tas-saħħa, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-saħħa, u d-disseminazzjoni estensiva tar-riżultati tal-Programm.

2.   Protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju għas-saħħa ta' natura transkonfinali

2.1.

Titjib tal-valutazzjoni tar-riskju u l-għeluq ta' lakuni fil-valutazzjoni tar-riskju billi jiġu pprovduti kapaċitajiet addizzjonali għal kompetenza xjentifika, u jsir inventarju ta' valutazzjonijiet eżistenti.

2.2.

Appoġġ għall-bini ta' kapaċità kontra t-theddid għas-saħħa fl-Istati Membri, inkluża, fejn adatt, kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien: żvilupp fl-ippjanar ta' tħejjija u ta' rispons filwaqt li jittieħed kont ta' inizjattivi globali, u jkun hemm koordinazzjoni magħhom, komponenti ta' ppjanar ġeneriku u speċifiku ta' tħejjija, koordinazzjoni ta' rispons rigward is-saħħa pubblika, approċċi mhux vinkolanti dwar it-tilqim; l-indirizzar tad-theddid għas-saħħa li qed jiżdiedu u li jirriżultaw mill-movimenti tal-popolazzjoni madwar id-dinja; żvilupp ta' linji gwida dwar miżuri protettivi f'sitwazzjoni ta' emerġenza, linji gwida dwar l-informazzjoni u gwidi għal prattika tajba; isir kontribut għall-qafas ta' mekkaniżmu volontarju, inkluż l-introduzzjoni ta' kopertura ottimali ta' tilqim sabiex jiġu miġġielda effettivament il-qawmien mill-ġdid tal-mard infettiv u għall-akkwist konġunt ta' kontramiżuri mediċi; żvilupp ta' strateġiji ta' komunikazzjoni koerenti.

2.3.

L-azzjonijiet rikjesti mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, jew li jikkontribwixxu għaliha, fil-qasam tal-mard li jinxtered u theddid ieħor għas-saħħa, inkluż dak ikkawżat minn inċidenti bijoloġiċi u kimiċi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni ta’ din il-leġislazzjoni.

2.4.

L-iżvilupp ta' sistema ta' informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa li tikkontribwixxi għat-teħid ta' deċiżjonijiet bbażati fuq evidenza, inkluż l-użu ta' strumenti eżistenti u, fejn xieraq, aktar żvilupp ta' informazzjoni standardizzata dwar is-saħħa u għodod għall-monitoraġġ tas-saħħa, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-saħħa, u d-disseminazzjoni estensiva tar-riżultati tal-Programm.

3.   Kontribuzzjoni għal sistemi tas-saħħa innovattivi effiċjenti u sostenibbli

3.1.

Appoġġ għal kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri dwar il-Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa taħt in- netwerk dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa stabbilit bid-Direttiva 2011/24/UE. Jiġi ffaċilitat l-użu tar-riżultati li joħorġu mill-proġetti ta' riċerka appoġġati taħt is-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013), adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u, fuq perijodu twil, l-attivitajiet li ser jitwettqu fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020).

3.2.

Promozzjoni tal-użu volontarju tal-innovazzjoni fis-saħħa u s-servizzi elettroniċi tas-saħħa billi tiżdied l-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti u soluzzjonijiet elettroniċi oħra dwar is-saħħa; tiġi appoġġata l-kooperazzjoni dwar is-saħħa elettronika fl-Unjoni, partikolarment dwar ir-reġistri, u l-użu tagħha mill-professjonisti tas-saħħa. Dan ser iservi n-netwerk volontarju dwar is-saħħa elettronika stabbilit bid-Direttiva 2011/24/UE.

3.3.

Appoġġ għas-sostenibbiltà tal-forza tax-xogħol tas-saħħa bl-iżvilupp ta' forza tax-xogħol tas-saħħa effettiva permezz ta' previżjoni u ppjanar f’termini tan-numri, ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambitu tal-prattika u l-limiti sa fejn it-taħriġ jissodisfa l-ħiliet meħtieġa, inkluża l-kapaċità li jsir użu minn sistemi ta' informazzjoni ġodda u teknoloġiji avanzati oħrajn, il-monitoraġġ tal-mobilità (fl-Unjoni) u l-migrazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa, l-iżvilupp ta' strateġiji effiċjenti għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kapaċità, b'kont meħud tal-kwistjonijiet ta' dipendenza u t-tixjiħ demografiku.

3.4.

Forniment ta' kompetenza u kondiviżjoni ta' prattika tajba biex l-Istati Membri jiġu assistiti fit-teħid ta' riformi fis-sistema tas-saħħa permezz tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ġbir ta' kompetenza fil-livell tal-Unjoni, biex jingħataw pariri tajbin u bbażati fuq evidenza dwar investiment u innovazzjoni effettivi u effiċjenti fis-saħħa pubblika u s-sistemi tas-saħħa. Jiġi ffaċilitat l-użu tar-riżultati li joħorġu mill-proġetti ta' riċerka appoġġati taħt is-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) u, fuq perijodu twil, l-attivitajiet li ser jitwettqu fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020).

3.5.

Jiġu appoġġati l-azzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet tas-saħħa f'soċjetà ta' tixjiħ tal-popolazzjoni, inklużi azzjonijiet rilevanti ssuġġeriti mis-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu fit-tliet temi tagħha: innovazzjoni fl-għarfien, il-prevenzjoni u d-dijanjożi bikrija, innovazzjoni fil-kura u l-assistenza u innovazzjoni fit-tixjiħ attiv u l-għixien indipendenti.

3.6.

L-azzjonijiet rikjesti mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, jew li jikkontribwixxu għaliha, fil-qasam tal-apparat mediku, il-prodotti mediċinali u l-kura tas-saħħa transkonfinali. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni ta’ dik il-leġislazzjoni.

3.7.

L-iżvilupp ta' sistema ta' informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa li tikkontribwixxi għat-teħid ta' deċiżjonijiet bbażati fuq evidenza, inkluż l-użu ta' strumenti eżistenti, aktar żvilupp, fejn xieraq, ta' informazzjoni standardizzata dwar is-saħħa u għodod għall-monitoraġġ tas-saħħa, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-saħħa, d-disseminazzjoni estensiva tar-riżultati tal-Programm, u l-appoġġ għall-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti f'konformità mad-Deċiżjoni 2008/721/KE.

4.   Jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ- ċittadini tal-Unjoni

4.1.

Appoġġ għall-istabbiliment ta' sistema ta' netwerks Ewropej ta' referenza għall-pazjenti b'kondizzjonijiet li jirrikjedu kura speċjalizzata ħafna u konċentrazzjoni partikolari tar-riżorsi u l-kompetenza, bħal fil-każ ta' mard rari, abbażi tal-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti taħt id-Direttiva 2011/24/UE.

4.2.

Appoġġ għall-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u l-partijiet interessati permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni sabiex tgħin b’mod effettiv lill-pazjenti affettwati minn mard rari. Dan jinkludi l-ħolqien ta' netwerks ta' referenza (f'konformità mal-punt 4.1), bażi tad-data tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha u reġistri għal mard rari abbażi ta' kriterji komuni.

4.3.

Tisħiħ tal-kollaborazzjoni dwar is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura tas-saħħa, fost l-oħrajn, permezz tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2); skambju ta' prattiki tajba dwar is-sistemi li jassiguraw il-kwalità; żvilupp ta' linji gwida u għodod li jippromwovu l-kwalità u s-sikurezza tal-pazjenti; żieda tad-disponibbiltà ta' informazzjoni għall-pazjenti dwar is-sikurezza u l-kwalità, titjib tar-rispons u l-interazzjoni bejn min jaħdem fil-qasam tas-saħħa u l-pazjenti.

4.4.

F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jikber mir-reżistenza antimikrobika, jittejjeb l-użu għaqli tal-aġenti antimikrobjali u tnaqqis ta' prattiki li jżidu r-reżistenza antimikrobjali, b'mod partikolari fl-isptarijiet; promozzjoni ta' miżuri effettivi dwar il-prevenzjoni u l-iġjene għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet; jitnaqqas il-piż tal-infezzjonijiet ta' reżistenza u dawk assoċjati mal-kura tas-saħħa u tkun garantita d-disponibbiltà ta' antimikrobjali effettivi.

4.5.

L-azzjonijiet rikjesti mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, jew li jikkontribwixxu għaliha, fl-oqsma tat-tessuti u ċ-ċelloli umani, id-demm, l-organi umani, it-tagħmir mediku, il-prodotti mediċinali, u d-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali, fir-rispetti sħiħ tal-kompetenzi u l-għażliet etiċi tal-Istati Membri f'dawk l-oqsma. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni ta’ dik il-leġislazzjoni.

4.6.

Żvilupp ta' sistema ta' informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa li tikkontribwixxi għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq evidenza, inkluż l-użu ta' strumenti eżistenti u, fejn adatt, aktar żvilupp ta' informazzjoni standardizzata dwar is-saħħa u għodod għall-monitoraġġ tas-saħħa, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar is-saħħa, u d-disseminazzjoni estensiva tar-riżultati tal-Programm.


(1)  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 151, 3.7.2009, p. 1.


ANNESS II

KRITERJI GĦALL-ISTABBILIMENT TA' PROGRAMMI TA' ĦIDMA ANNWALI

Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-kriterji li ġejjin għat-tul tal-Programm:

ir-rilevanza tal-azzjonijiet proposti għall-objettivi stipulati fl-Artikoli 2 u 3 u għall-prijoritajiet tematiċi stipulati fl-Anness I u għall-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-UE "Flimkien għas-Saħħa";

il-valur miżjud tal-Unjoni tal-azzjonijiet proposti f'konformità mal-prijoritajiet tematiċi fl-Anness I;

ir-rilevanza għas-saħħa pubblika tal-azzjonijiet proposti, f'termini tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni ta' mard, il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mit-theddid għas-saħħa u f'termini tat-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa;

ir-rilevanza tal-azzjonijiet proposti għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa;

il-pertinenza tal-kopertura ġeografika tal-azzjonijiet proposti;

ild-distribuzzjoni bbilanċjata tar-riżorsi baġitarji bejn l-objettivi differenti tal-Programm, b'kont meħud tal-vantaġġi probabbli għall-promozzjoni tas-saħħa;

il-kopertura adegwata tal-prijoritajiet tematiċi stipulati fl-Anness I.