15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/95


REGOLAMENT (UE) Nru 236/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea għandha tadotta sett komprensiv ta' strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna li jkopru firxa ta' politiki relatati ma' tali azzjoni, li jeħtieġu regoli u proċeduri komuni speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawk l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma: l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2014-2020 (EIDHR), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”).

(2)

Ir-regoli u proċeduri komuni ta' għandhom ikunu konsistenti mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u jinkludu r-regoli korrispondenti adottati mill-Kummissjoni (10) għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament.

(3)

B'mod ġenerali, l-Istrumenti jipprevedu li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta' programmazzjoni pluriennali indikattiva, li tipprovdi l-qafas li fih għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet ta' finanzjament f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(4)

Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jieħdu l-forma ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali u miżuri individwali meta jsegwu l-ippjanar previst mill-programmazzjoni indikattiva pluriennali, ta' miżuri speċjali fejn meħtieġa minn ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament iġġustifikati, u ta' miżuri ta' appoġġ. Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu adottati jew bħala parti mill-programm ta' azzjoni annwali jew pluriennali jew barra mill-ambitu tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva.

(5)

Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jinkludu f'anness deskrizzjoni ta' kull azzjoni, li tispeċifika l-għanijiet, l-attivitajiet prinċipali, ir-riżultati mistennija, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u l-iskeda ta' żmien indikattiva tagħha, kwalunkwe miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni, u għandhom ikunu approvati f'konformità mal-proċeduri previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(6)

B'kont meħud tal-programmazzjoni ta' politika jew in-natura tal-eżekuzzjoni finanzjarja ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni ta' miżuri individwali u speċjali taħt limiti predefiniti. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament iġġustifikati li huma relatati mal-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Unjoni, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi debitament infurmat b'dan, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(7)

Għall-implimentazzjoni tal-strumenti, meta l-immaniġġjar tal-operazzjoni jiġi fdat lil intermedjarju finanzjarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkopri b'mod partikulari proviżjonijiet li jikkonċernaw it-trasparenza tal-qsim ta' riskji, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarju responsabbli għall-implimentazzjoni, l-użu u l-użu mill-ġdid tal-fondi u tal-profitti possibbli, u l-obbligi ta' rappurtar u l-mekkaniżmi ta' kontroll, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(8)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-Istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-Istrumenti u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi aktar ir-rinfurzar reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-Istrumenti, u, fejn ikun adatt, l-użu ta l-istrumenti finanzjarji li għandhom effett ta' lieva.

(9)

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess, u li hija taħdem biex tippromwovi fil-bqija tad-dinja, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(10)

F'konformità mal-impenji tal-Unjoni fit-3 u r-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (Accra 2008 u Busan 2011), u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Assistenza fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD-DAC”) dwar il-ħall mill-irbit tal-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għall-Pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Pajjiżi Fqar b'Ħafna Dejn, il-Kummissjoni għandha tħoll mill-irbit l-assistenza tal-Unjoni sal-massimu possibbli, inklużi l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-entitajiet minn pajjiżi sħab fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti.

(11)

Bil-għan li tiġi garantita l-viżibbiltà lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi benefiċjarji u ċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-assistenza tal-Unjoni għandu jkun hemm, fejn ikun adatt, komunikazzjoni u informazzjoni mmirati b'mezzi adegwati.

(12)

L-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt l-Istrumenti għandha tikkontribwixxi għal riżultati ċari (li jkopru l-outputs, l-eżiti u l-impatti) f'pajjiżi li jibbenefikaw mill-assistenza finanzjarja esterna tal-Unjoni. Kull fejn ikun possibbli u adatt, ir-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-effiċjenza ta' Strument partikolari għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-għanijiet tal-Istrument ikkonċernat.

(13)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u, meta jkun xieraq, penali. Dawk il-miżuri għandhom jitwettqu f'konformità mal-ftehimiet applikabbli konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(14)

Għandhom jiġu previsti metodi ta' finanzjament, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, regoli dwar iċ-ċittadinanza u l-oriġini, l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet, ir-rappurtar u r-rieżami u l-evalwazzjoni tal-Istrumenti.

(15)

Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni żviluppati mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha f'konformità mal-Artikolu 11 TUE, il-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, għandhom rwol prominenti x'jiżvolġu fir-rigward tal-politika esterna tal-Unjoni. Matul il-proċess ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari t-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, huwa importanti li dawn jiġu debitament ikkonsultati sabiex jiġi żgurat li jiżvolġu rwol sinifikattiv f'dan il-proċess u biex ikunu kkunsidrati debitament l-ispeċifiċitajiet tagħhom.

(16)

F'konformità mal-Artikolu 208, l-Artikolu 209(3) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u taħt it-termini stipulati fl-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u fid-Deċiżjoni Nru 1080/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-BEI jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-iżvilupp tal-Unjoni u politiki esterni oħra, u jintervjeni f'komplementarjetà mal-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna. Għandhom jinstabu opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni. Il-BEI huwa kkonsultat fil-proċess ta' programmazzjoni tal-Unjoni fejn ikun adatt.

(17)

Organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji ta' żvilupp jaħdmu b'mod regolari ma' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bħala sħab ta' implimentazzjoni u jista' jkollhom jafdawlhom kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit f'każijiet debitament ġustifikati. B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament biex dawn il-kompiti jiġu fdati lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

(18)

Sabiex tissaħħaħ is-sjieda tal-pajjiżi sħab fir-rigward tal-proċessi ta' żvilupp tagħhom u s-sostenibbiltà tal-għajnuna esterna, u f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna l-Unjoni u pajjiżi sħab daħlu għalihom, l-Unjoni għandha tippromwovi, fejn adatt fid-dawl tan-natura tal-azzjoni kkonċernata, l-użu tal-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċeduri proprji tal-pajjiżi sħab.

(19)

F'konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u l-aġenda internazzjonali dwar l-effikaċja tal-għajnuna, u kif issottolinjat mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011“Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Approċċ Futur għall-Appoġġ Baġitarju tal-UE għal Pajjiżi Terzi” tal-14 ta' Mejju 2012, l-appoġġ baġitarju għandu jintuża b'mod effettiv biex jappoġġa t-tnaqqis tal-faqar u l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi, jagħmel l-għajnuna aktar prevedibbli u jsaħħaħ l-appartenenza għall-pajjiżi sħab tal-politiki u r-riformi għall-iżvilupp. Il-ħlas ta' porzjonijiet previsti tal-baġit għandu jkun jiddependi mill-progress li jkun sar lejn l-objettivi miftiehma ma' pajjiżi sħab. Fil-pajjiżi li jibbenifikaw minn dak it-tip ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kontroll parlamentari, kapaċitajiet tal-awditjar, trasparenza u aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.

(20)

L-azzjoni tal-Unjoni bil-għan li tippromwovi l-prinċipji tad-demokrazija u ssaħħaħ id-demokratizzazzjoni tista' tiġi implimentata, fost l-oħrajn, permezz ta' appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet indipendenti attivi f'dan il-qasam, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija.

(21)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(22)

Huwa xieraq li l-perijodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (13). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet għall-għoti mill-Unjoni ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal azzjonijiet, inklużi programmi ta' azzjoni u miżuri oħrajn taħt is-segwenti strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna: l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (minn issa 'l quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”).

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-terminu “pajjiżi” jinkludi territorji u reġjuni, skont il-każ.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li jiffinanzjaw il-programm Erasmus+ taħt ir-Regolament (UE) Nru 233/2014, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014, ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u r-Regolament (UE) Nru 234/2014 Dawk l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument applikabbli, waqt li tiġi żgurata l-konformità ma' dawk ir-Regolamenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet jiġu implimentati skont l-għanijiet tal-Istrument applikabbli, u f'konformità ma' protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni pprovduta fuq il-bażi tal-Istrumenti għandha tkun konsistenti mar-regoli u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li jipprovdi l-qafas bażiku finanzjarju u legali għall-implimentazzjoni tagħhom.

4.   Meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tuża l-metodi ta' implimentazzjoni l-aktar effettivi u effiċjenti. Fejn ikun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi wkoll l-użu tal-proċeduri l-aktar sempliċi.

5.   B'kont meħud tal-paragrafu 4, meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi l-użu ta' sistemi tal-pajjiżi sħab meta jkun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni.

6.   L-Unjoni għandha tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, fuq il-bażi, fejn adatt, ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni sħab. L-Unjoni għandha tintegra dawk il-prinċipji fl-implimentazzjoni tal-Istrumenti.

Artikolu 2

Adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni annwali, abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument rilevanti, fejn ikun applikabbli. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali skont l-Artikolu 6(3).

Il-programmi ta' azzjoni għandhom jispeċifikaw, għal kull azzjoni, l-għanijiet segwiti, ir-riżultati mistennija u l-attivitajiet prinċipali, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u skeda ta' żmien indikattiva, kwalunke miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni.

Fejn meħtieġ, tista' tiġi adottata azzjoni bħala miżura individwali qabel jew wara l-adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali.

Fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament ġustifikati, u meta l-finanzjament minn sorsi aktar adatti ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva, inkluż miżuri biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni minn għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet jew miżuri ta' żvilupp fuq perijodu twil biex in-nies ikunu preparati aħjar biex jittrattaw kriżijiet rikorrenti.

2.   Il-programmi ta' azzjoni, u miżuri individwali u speċjali previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

3.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun meħtieġa għal:

(a)

miżuri individwali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx il-EUR 5 miljun;

(b)

miżuri speċjali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx l-EUR 10 miljun;

(c)

emendi tekniċi għal programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali. Emendi tekniċi huma aġġustamenti, bħal:

(i)

estensjonijiet tal-perijodu tal-implimentazzjoni;

(ii)

assenjazzjonijiet mill-ġdid tal-fondi bejn l-azzjonijiet li jinsabu fi programm ta' azzjoni annwali jew pluriennali; jew

(iii)

iż-żiediet jew it-tnaqqis tal-baġit tal-programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali,, jew tal-miżuri individwali jew speċjali, b'mhux iktar minn 20 % tal-baġit inizjali u li ma jaqbiżx EUR 10 miljun,

sakemm tali emendi ma jaffettwawx sostanzjalment l-objettivi tal-miżura.

Il-miżuri adottati skont dan il-paragrafu għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 relatati mal-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali ma għandhomx japplikaw għall-kooperazzjoni transkonfinali tal-ENI.

5.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament iġġustifikati, bħal kriżijiet jew theddid immedjat għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri individwali jew speċjali jew emendi għal programmi ta' azzjoni u miżuri eżistenti, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4).

6.   Għandu jsir skrutinju ambjentali xieraq, fuq il-livell tal-proġetti, inkluż għall-impatti fuq it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, f'konformità mal-atti leġislattivi applikabbli tal-Unjoni, inklużi d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (16), li jinkludi, fejn applikabbli, valutazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA) għal proġetti ta' sensittività ambjentali, b'mod partikolari għal infrastruttura ġdida maġġuri. Fejn ikun rilevanti, fl-implimentazzjoni ta' programmi settorjali għandhom jintużaw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi. Għandhom jiġu żgurati l-involviment tal-partijiet interessati fil-valutazzjonijiet ambjentali u l-aċċess pubbliku għar-riżultati ta' tali valutazzjonijiet.

7.   Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti, il-kriterji rigward l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu debitament ikkunsidrati.

Artikolu 3

Miżuri ta' appoġġ

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri l-infiq għall-implimentazzjoni tal-Istrumenti u għall-kisba tal-għanijiet tagħhom, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mal-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, awditjar u evalwazzjoni direttament meħtieġa għal tali implimentazzjoni, kif ukoll infiq fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fuq l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti.

2.   Dment li l-attivitajiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali tal-Istrument applikabbli implimentat permezz ta' azzjonijiet, il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri:

(a)

studji, laqgħat, informazzjoni, ħolqien ta' kuxjenza, taħriġ, tħejjija u skambju tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki, attivitajiet ta' pubblikazzjoni u kwalunkwe assistenza amministrattiva jew teknika oħra dwar l-infiq meħtieġa għall-ġestjoni ta' azzjonijiet;

(b)

attivitajiet ta' riċerka u studji dwar kwistjonijiet rilevanti u d-disseminazzjoni tagħhom;

(c)

infiq relatat mal-provvista ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' strateġiji ta' komunikazzjoni u l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

3.   Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu ffinanzjati barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva. Fejn ikun applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

Il-proċedura ta' eżami ma għandhiex tapplika għall-adozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun.

Il-miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar minn meta jiġu adottati.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-METODI TA' FINANZJAMENT

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet ġenerali ta' finanzjament

1.   L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni tista' tiġi pprovduta permezz tat-tipi ta' finanzjament previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b'mod partikolari:

(a)

għotjiet ta' flus;

(b)

kuntratti ta' akkwist għal servizzi, provvisti jew xogħlijiet;

(c)

appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali;

(d)

kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji tal-Unjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 187 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(e)

strumenti finanzjarji bħal self, garanziji, ekwità jew kważi-ekwità, investimenti jew parteċipazzjonijiet, u strumenti ta' kondiviżjoni tar-riskju, kull fejn ikun possibbli taħt il-ġestjoni tal-BEI f'konformità mal-mandat estern tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE, istituzzjoni finanzjarja Ewropea multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjoni finanzjarja Ewropea bilaterali, eż. banek bilaterali tal-iżvilupp, possibbilment flimkien ma' għotjiet ta' flus addizzjonali minn sorsi oħrajn.

2.   L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali tal-Unjoni kif imsemmi fil-punt (c) tal- paragrafu 1 huwa bbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenji kondiviżi rigward valuri universali, u għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubiji kuntrattwali bejn l-Unjoni u pajjiżi sħab biex b'hekk jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u jinqered il-faqar.

Kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandha tiġi bbażata fuq politiki ta' appoġġ baġitarju maqbula mill-Unjoni, sett ċar ta' kriterji ta' eliġibbiltà u valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji.

Wieħed mill-fatturi determinanti prinċipali ta' dik id-deċiżjoni għandu jkun valutazzjoni tal-impenn, ir-rekord u l-progress tal-pajjiżi sħab fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jiġi differenzjat b'mod tali li jwieġeb aħjar għall-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż sieħeb, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet ta' fraġilità.

Fl-għoti ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali f'konformità mal-Artikolu 186 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b'mod ċar u timmonitorja l-kondizzjonalità tagħha, u għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kapaċitajiet parlamentari ta' kontroll u awditjar u aktar trasparenza u aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Il-ħlas ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li jsir progress sodisfaċenti lejn il-kisba tal-objettivi miftiehma mal-pajjiż sieħeb.

3.   Kwalunkwe entità fdata bl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kif imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandha tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012u tikkonforma mal-għanijiet, l-istandards u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-aħjar prattiki rigward l-użu u r-rappurtar rigward fondi tal-Unjoni.

L-istrumenti finanzjarji kif msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 jistgħu jinġabru f'faċilitajiet għall-għanijiet tal-implimentazzjoni u r-rappurtar.

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista' tingħata wkoll, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, permezz ta' kontribuzzjonijiet lil fondi internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali, bħal dawk stabbiliti jew ġestiti mill-BEI, minn Stati Membri, minn pajjiżi u reġjuni sħab jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li jiġi attirat finanzjament konġunt minn għadd ta' donaturi, jew lil fondi stabbiliti minn donatur wieħed jew aktar għall-fini tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti.

4.   L-aċċess reċiproku mill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti minn organizzazzjonijiet oħrajn għandu jiġi promoss, kif ikun adatt.

5.   Fl-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Dawn għandhom jinkludu miżuri li jimponu rekwiżiti ta' viżibbiltà fuq reċipjenti ta' fondi tal-Unjoni, minbarra f'każijiet debitament iġġustifikati. Il-Kummissjoni għandu tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti.

6.   Id-dħul kollu ġġenerat minn strument finanzjarju għandu jiġi assenjat lill-Istrument korrispondenti bħala dħul assenjat intern. Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kontribut li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, kif ukoll l-effikaċja, tal-istrumenti finanzjarji eżistenti.

7.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni, kif previst mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, direttament mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mill-aġenziji eżekuttivi, permezz ta' ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew indirettament billi jiġu fdati kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-entitajiet elenkati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dawk l-entitajiet għandhom jiżguraw konsistenza mal-politika esterna tal-Unjoni u jistgħu jafdaw kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil entitajiet oħrajn b'kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

Huma għandhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom kull sena skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-opinjoni tal-awditjar, fejn meħtieġ, għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mir-rapport u d-dikjarazzjoni ta' ġestjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-assigurazzjoni tal-Kummissjoni.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-korpi tal-Istati Membri kif imsemmija fil-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament li jkunu ġew fdati mill-Kummissjoni jistgħu jafdaw ukoll kompiti ta' implimentazzjoni ta' baġit lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li għandhom kapaċità operazzjonali u finanzjarja adatta, taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

L-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 60 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 139 ta' dak ir-Regolament.

8.   It-tipi ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 6(1), u l-metodi ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom jintgħażlu abbażi tal- kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet li jagħtu riżultati, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Għall-għotjiet ta' flus, dan għandu jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' spejjeż unitarji.

9.   L-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti jistgħu jiġu implimentati per mezz ta' kofinanzjament parallel jew konġunt.

Fil-każ ta' kofinanzjament parallel, azzjoni tinqasam f'numru ta' komponenti identifikabbli b'mod ċar li kull wieħed minnhom huwa ffinanzjat minn sħab differenti li jipprovdu kofinanzjament b'tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament jista' dejjem jiġi identifikat.

Fil-każ ta' kofinanzjament konġunt, l-ispiża totali ta' azzjoni hija maqsuma bejn is-sħab li jipprovdu l-kofinanzjament u r-riżorsi jinġabru flimkien b'tali mod li ma jibqax possibbli li s-sors ta' finanzjament jiġi identifikat għal kwalunkwe attività partikolari mwettqa bħala parti mill-azzjoni. F'tali każ, il-pubblikazzjoni ex-post ta' kuntratti tal-għotjiet u tal-akkwist kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tikkonforma mar-regoli, fejn applikabbli, li jirregolawl-entità inkarigata.

10.   Meta jintuża tip ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 6(1), il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u sħabha tista' tieħu l-forma, fost l-oħrajn, ta':

(a)

arranġamenti triangolari li permezz tagħhom l-Unjoni tikkoordina ma' kwalunkwe pajjiżi terzi l-assistenza tagħha lil pajjiż jew reġjun sieħeb;

(b)

miżuri ta' kooperazzjoni amministrattivi bħal ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta' servizz pubbliku ta' Stat Membru u dawk ta' pajjiż jew reġjun sieħeb, kif ukoll miżuri ta' kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom;

(c)

kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż neċessarji biex tiġi stabbilita u amministrata sħubija pubblika-privata;

(d)

programmi ta' appoġġ għall-politika tas-settur li permezz tagħhom l-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-programm tas-settur ta' pajjiż sieħeb;

(e)

fil-każ tal-ENI u l-IPA II, il-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-programmi u l-aġenziji tal-Unjoni;

(f)

sussidji fuq ir-rati tal-imgħax;

(g)

finanzjament permezz ta' għotjiet ta' flus lill-aġenziji tal-Unjoni.

11.   Fil-ħidma mal-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tagħhom, inklużi l-ħtiġijiet u l-kuntest, fid-definizzjoni tal-modalitajiet ta' finanzjament, it-tip ta' kontribuzzjoni, il-modalitajiet tal-għotja u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-ġestjoni tal-għotjiet ta' flus, bil-ħsieb li jinkiseb u li jingħata l-aħjar rispons għall-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' tali partijiet interessati. Għandhom jiġu inkoraġġuti modalitajiet speċifiċi f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, bħall-ftehimiet ta' sħubija, l-awtorizzazzjonijiet ta' għotjiet indiretti, għoti dirett jew appelli b'eliġibbiltà ristretta għal proposti jew ammonti f'daqqa.

12.   Biex timplimenta l-appoġġ tagħha għat-transizzjoni u r-riforma fil-pajjiżi sħab, l-Unjoni għandha, fejn adatt, tibbaża fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri u l-lezzjonijiet meħuda u tikkondividihom.

Artikolu 5

Taxxi, dazji u imposti

L-assistenza mill-Unjoni m'għandhiex tiġġenera jew tattiva l-ġbir ta' taxxi, dazji jew imposti speċifiċi.

Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet adatti ma' pajjiżi terzi sabiex l-azzjonijiet li jimplimentaw l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni jiġu eżentati minn taxxi, dazji doganali u imposti fiskali oħrajn. Inkella, dawn it-taxxi, id-dazji u l-imposti għandhom ikunu eliġibbli taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' finanzjament

1.   Minbarra t-tipi ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-istrumenti li ġejjin tista' tingħata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 wkoll permezz tat-tipi ta' finanzjament li ġejjin:

(a)

taħt id-DCI u taħt l-ENI, ħelsien mid-dejn, fil-kuntest ta' programmi miftiehma internazzjonalment ta' ħelsien mid-dejn;

(b)

taħt id-DCI u taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, f'każijiet eċċezzjonali, programmi settorjali u ġenerali ta' importazzjoni, li jistgħu jieħdu l-forma ta':

(i)

programmi settorjali ta' importazzjoni f'oġġetti;

(ii)

programmi settorjali ta' importazzjoni li jipprovdu skambju ta' flus barranin għall-finanzjament ta' importazzjonijiet għas-settur inkwistjoni; jew

(iii)

programmi ġenerali ta' importazzjoni li jipprovdu skambju ta' flus barranin għall-finanzjament ta' importazzjonijiet ġenerali ta' firxa wiesgħa ta' prodotti;

(c)

taħt l-EIDHR, għoti dirett ta':

(i)

għotjiet ta' valur baxx lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-finanzjament ta' azzjonijiet ta' protezzjoni urġenti, fejn adatt mingħajr il-ħtieġa għal kofinanzjament;

(ii)

għotjiet, fejn adatt mingħajr il-ħtieġa għal kofinanzjament, għall-finanzjament ta' azzjonijiet fl-aktar kundizzjonijiet jew f'sitwazzjonijiet diffiċli msemmija fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 235/2014 fejn il-pubblikazzjoni ta' sejħa għal proposti ma tkunx xierqa. Għotjiet bħal dawn m'għandhomx jaqbżu l-EUR 1 000 000 u għandu jkollhom tul ta' żmien ta' mhux aktar minn 18-il xahar, li jista' jiġi estiż bi 12-il xahar ieħor fl-eventwalità ta' ostakli oġġettivi u mhux previsti għall-implimentazzjoni tagħhom;

(iii)

għotjiet lil-l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll liċ-Ċentru Interuniversitarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni, li jipprovdi Lawrja Ewropea ta' Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem u fid-Demokratizzazzjoni u l-Programm ta' Boroż ta' Studju UE-NU, u n-netwerk assoċjat tiegħu ta' universitajiet li jipprovdu diplomi wara l-lawrja, inklużi boroż ta' studju lill-istudenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiżi terzi.

2.   Taħt l-ENI u l-IPA II, il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandhom, jiġu implimentati, b'mod partikolari, f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew taħt ġestjoni indiretta ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati f'atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u tar-Regolament (UE) Nru 231/2014.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali:

(a)

għal perijodu sa tliet snin fil-każ ta' azzjonijiet rikorrenti;

(b)

għal perijodu sa seba' snin taħt l-IPA II.

Meta jsiru impenji pluriennali, huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jindikaw li, għas-snin li mhumiex is-sena inizjali ta' impenn, l-impenji huma indikattivi u jiddependu fuq il-baġits annwali tal-futur tal-Unjoni.

4.   Għal azzjonijiet taħt l-ENI u l-IPA II li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda, jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

F'każijiet bħal dawn, dment li ma jkunx previst mod ieħor mir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon ta' impenn baġitarju għal programm li, sal-31 ta' Diċembru tal-ħames sena wara dik tal-impenn baġitarju, ma jkunx intuża għall-fini ta' prefinanzjament jew biex isiru pagamenti interim jew li għalih l-entità inkarigata ma tkun ippreżentat l-ebda dikjarazzjoni ċertifikata ta' nefqa jew xi talba għal pagament.

5.   Ir-regoli li jirregolaw il-kooperazzjoni transkonfinali taħt IPA II implimentati f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri għandhom ikunu konsistenti mar-regoli li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

Artikolu 7

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li, meta jkunu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, permezz ta' rkupru u, fejn adatt, il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn adatt, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha, u l-Qorti tal-Awdituri, għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, jew fil-każ ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, is-setgħa ta' verifika f'konformità mal-ftehimiet li jkunu ntlaħqu magħhom, abbażi ta' dokumenti u fil-post, fir-rigward tal-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha tal-għotjiet, li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (20), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2, u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet dwar għotjiet u deċiżjonijiet dwar għotjiet, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu setgħa espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

TITOLU III

REGOLI DWAR IN-NAZZJONALITÀ U L-ORIĠINI GĦALL-AKKWIST PUBBLIKU, PROĊEDURI GĦALL-GĦOTJIETTA' FLUS U GĦAL GĦOTIJIET OĦRAJN

Artikou 8

Regoli komuni

1.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist, u fi proċeduri għall-għotjiet ta' flus u għal għotijiet oħrajn għal azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għall-benefiċċju ta' partijiet terzi għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' pajjiż eliġibbli, u persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fih, kif definit għall-Istrument applikabbli taħt dan it-Titolu, u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Persuni ġuridiċi jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

2.   Fil-każ ta' azzjonijiet kofinanzjati b'mod konġunt ma' sieħeb jew donatur ieħor jew implimentati permezz ta' Stat Membru f'ġestjoni kondiviża, jew permezz ta' fond fiduċjarju tal-Unjoni stabbilit mill-Kummissjon, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli ta' dak is-sieħeb, donatur ieħor jew Stat Membru jew iddeterminati fl-att kostitwenti tal-fond fiduċjarju għandhom ikunu eliġibbli wkoll.

Fil-każ ta' azzjonijiet implimentati permezz ta' wieħed mill-korpi inkarigati fil-ġestjoni indiretta f'kategorija elenkata fil-punti (c)(ii) sa (c)(viii) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli tal-korp ikkonċernat għandhom ukoll ikunu eliġibbli.

3.   Fil-każ ta' azzjonijiet iffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti u, barra minn hekk, minn strument ieħor tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-pajjiżi identifikati taħt kwalunkwe wieħed minn dawk l-istrumenti għandhom jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dawk l-azzjonijiet.

Fil-każ ta' azzjonijiet ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali ffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti, il-pajjiżi, it-territorji u r-reġjuni koperti mill-azzjoni jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dik l-azzjoni.

4.   Il-provvisti kollha mixtrija taħt kuntratt ta' akkwist, jew f'konformità ma' ftehim ta' għoti, iffinanzjat skont dan ir-Regolament għandhom joriġinaw minn pajjiż eliġibbli. Madankollu, huma jistgħu joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż jew territorju meta l-ammont tal-provvisti li ser jinxtara hu taħt il-limitu għall-użu tal-proċedura kompetittiva nnegozjata. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “oriġini” huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (21) u atti leġislattivi oħra tal-Unjoni li jirregolaw l-oriġini mhux preferenzjali.

5.   Ir-regoli f'dan it-Titolu ma japplikawx, u ma joħolqux restrizzjonijiet ta' nazzjonalità għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b'mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, subkuntrattur.

6.   Sabiex jiġu promossi kapaċitajiet, swieq u xiri lokali, għandha tingħata prijorità lill-kuntratturi lokali u reġjonali meta r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jipprevedi għotja abbażi ta' offerta waħda. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parteċipazzjoni ta' kuntratturi lokali u reġjonali għandha tiġi promossa f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dak ir-Regolament.

7.   L-eliġibbiltà kif stabbilita f'dan it-Titolu tista' tiġi limitata fir-rigward tan-nazzjonalità, il-pożizzjoni ġeografika jew in-natura tal-applikanti, fejn tali limitazzjonijiet ikunu meħtieġa min-natura speċifika u l-għanijiet tal-azzjoni u fejn ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti fil-każ ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali.

8.   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu ngħataw kuntratti għandhom jirrispettaw il-leġislazzjoni ambjentali applikabbli inkluż ftehimiet ambjentali multilaterali, kif ukoll l-istandards tax-xogħol ewlenin miftiehma internazzjonalment (22).

Artikolu 9

Eliġibbiltà taħt id-DCI, l-ENI u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

1.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt id-DCI, l-ENI, u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi:

(a)

l-Istati Membri, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

għall-ENI, il-pajjiżi sħab koperti mill-ENI u l-Federazzjoni Russa meta l-proċedura rilevanti sseħħ fil-kuntest ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi u transkonfinali li jipparteċipaw fihom;

(c)

il-pajjiżi u t-territorji li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA ppubblikata mill-OECD-DAC (“lista ta' riċevituri tal-ODA”), li mhumiex membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji barranin koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (23);

(d)

pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA, li huma membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji oħra, meta jkunu benefiċjarji tal-azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni taħt l-Istrumenti koperti b'dan l-Artikolu;

(e)

pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni. L-aċċess reċiproku jista' jingħata, għal perjodu limitat ta' mill-inqas sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli taħt l-Istrumenti koperti minn dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku u dwar it-tul ta' żmien tiegħu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2), u wara konsultazzjoni mal-pajjiż jew pajjiżi riċevituri kkonċernati; u

(f)

membri sħab tal-OECD, fil-każ ta' kuntratti implimentati f'wieħed mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati jew f'Pajjiż Fqir b'Ħafna Dejn, kif inkluż fil-lista ta' riċevituri tal-ODA.

2.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew provvisti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każ ta':

(a)

pajjiżi li tradizzjonalment għandhom rabtiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma' pajjiżi benefiċjarji ġirien; jew

(b)

urġenza jew nuqqas ta'disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3.   Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 10

Eliġibbiltà taħt l-IPA II

1.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt l-IPA II:

(a)

Stati Membri, benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi sħabkoperti mill-ENI, u

(b)

pajjiżi li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi aċċess reċiproku għall-assistenza esterna taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1).

2.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każijiet li jinvolvu urġenza jew in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħra debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3.   Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 11

Eliġibbiltà taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

1.   Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet inerenti fin-natura u l-għanijiet tal-azzjoni kif previst fl-Artikolu 8(7), il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotjiet, kif ukoll ir-reklutaġġ ta' esperti, għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.

2.   Taħt l-EIDHR, il-korpi u l-atturi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament f'konformità mal-Artikolu 4(1), (2) u (3) u l-punt (c) tal-Artikolu 6(1):

(a)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-Komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(b)

aġenziji tas-settur pubbliku mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(c)

korpi parlamentari nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, meta dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-EIDHR u l-miżura proposta ma tkunx tista' tiġi ffinanzjata taħt Strument ieħor;

(d)

organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali;

(e)

persuni fiżiċi, entitajiet mingħajr personalità ġuridika u, f'każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, korpi jew atturi oħrajn mhux identifikati f'dan il-paragrafu, meta dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-EIDHR.

Artikolu 12

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-azzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-azzjonijiet tagħha regolarment u tirrieżamina il-progress li jkun sar lejn il-kisba ta' riżultati mistennija, li jkopru l-outputs u l-eżiti. Il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa l-impatt u l-effettività tal-politiki u l-azzjonijiet settorjali tagħha u l-effettività tal-programmazzjoni, fejn meħtieġ permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti. Għandu jittieħed adegwatament kont tal-proposti mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti. L-evalwazzjonijiet għandhom jiġu bbażati fuq prinċipji ta' prattika tajba tal-OECD-DAC, li għandhom l-għan li jaċċertaw jekk l-għanijiet speċifiċi, fejn applikabbli li jikkunsidraw l-ugwaljanza bejn is-sessi, intlaħqux u li jifformulaw rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu operazzjonijiet futuri. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16. L-evalwazzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu diskussi f'dak il-kumitat fuq it-talba tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu lura għad-disinn tal-programm u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

3.   Il-Kummissjoni għandha, sa punt xieraq, tassoċja lill-partijiet interessati rilevanti kollha fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni prevista taħt dan ir-Regolament, u tista', fejn adatt, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u s-sħab fl-iżvilupp.

4.   Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13 għandu jirrifletti l-lezzjonijiet ewlenin meħuda u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet li jkunu saru fis-snin preċedenti.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI OĦRA

Artikolu 13

Rapport annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza finanzjarja esterna tal-Unjoni u, mill-2015 'il quddiem, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar il-kisba tal-għanijiet ta' kull Regolament permezz ta' indikaturi, li jkejlu r-riżultati miksuba u l-effiċjenza tal-Istrument rilevanti. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

2.   Ir-rapport annwali għandu jkollu informazzjoni relatata mas-sena ta' qabel dwar il-miżuri finanzjati, ir-riżultati ta' eżerċizzji ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, l-involviment tal-imsieħba rilevanti, u l-implimentazzjoni ta' obbligi baġitarji u ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti, analizzati skont il-pajjiż, ir-reġjun u s-settur ta' koperazzjoni. Huwa għandu jivvaluta, ir-riżultati tal-assistenza finanzjarja mill-Unjoni bl-użu, sa fejn hu possibbli, ta' indikaturi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, tar-rwol tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrumenti. Fil-każ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ir-rapport għandu jivvaluta wkoll, fejn possibbli u rilevanti, l-aderenza għal prinċipji ta' effettività tal-għajnuna, inkluż għal strumenti finanzjarji innovattivi.

3.   Ir-rapport annwali mħejji fl-2021 għandu jinkludi informazzjoni kkonsolidata mir-rapporti annwali li jirrigwardaw il-perijodu 2014-2020 dwar il-finanzjament kollu rregolat minn dan ir-Regolament, inklużi dħul u kontribuzzjonijiet assenjati esterni lill-fondi fiduċjarji u joffri analiżi ta' nfiq mill-pajjiż benefiċjarju, l-użu ta' strumenti finanzjarji, impenji u pagamenti.

Artikolu 14

Nefqa fuq azzjoni klimatika u bijodiversità

Għandha ssir stima annwali tal-infiq globali relatat ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fuq il-bażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva adottati. Il-finanzjament allokat fil-kuntest tal-FEŻ ikun soġġett għal sistema ta' traċċabbiltà annwali ibbażata fuq il-metodoloġija tal-OECD (“indikaturi ta' Rio”), mingħajr ma jkun eskluż l-użu ta' metodoloġiji aktar preċiżi fejn dawn huma disponibbli, integrati fil-metodoloġija eżistenti għal ġestjoni tal-prestazzjoni ta' programmi tal-Unjoni, biex tkun kwantifikata n-nefqa relatata ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fil-livell tal-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali u speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1), u rreġistrat fl-evalwazzjonijiet u r-rapporti annwali.

Artikolu 15

Involviment ta' partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji

Il-Kummissjoni għandha, kull fejn possibbli u adatt, tiżgura li, fil-proċess ta' implimentazzjoni, il-partijiet interessati rilevanti tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jiġu jew ikunu ġew ikkonsultati debitament u jkollhom aċċess f'waqtu għal informazzjoni rilevanti li tippermetti li jkollhom rwol sinifikanti f'dak il-proċess.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Proċedura tal-kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitati stabbiliti mill-Istrumenti. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-perijodu ta' żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-perijodu ta' żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Id-deċiżjoni adottata għandha tibqa' fis-seħħ għat-tul ta' żmien tad-dokument, il-programm ta' azzjoni jew il-miżura adottata jew modifikata.

5.   Osservatur mill-BEI għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-kumitat fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI.

Artikolu 17

Rieżami u evalwazzjoni tal-Istrumenti f'nofs it-terminu

1.   Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, għandu jiġi ppreżentat rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' kull wieħed mill-Istrumenti u ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sat-30 ta' Ġunju 2017 u għandu jiffoka fuq il-kisba tal-għanijiet ta' kull Strument permezz ta' indikaturi li jkejlu r-riżultati miksuba u l-effiċjenza tal-Istrumenti.

Barra minn hekk, dak ir-rapport għandu jindirizza, bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet ta' kull Strument, il-valur miżjud ta' kull Strument, il-possibbiltà ta' simplifikazzjoni, koerenza interna u esterna, inkluż il-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn l-Istrumenti, ir-rilevanza kontinwa tal-għanijiet kollha, u l-kontribut tal-miżuri għal azzjoni esterna konsistenti tal-Unjoni u, fejn rilevanti, għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan għandu jikkunsidra kwalunkwe konstatazzjonijiet u konklużjonijiet li jirrigwardaw l-impatt fit-tul tal-Istrumenti. Huwa għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-effett ta' lieva tal-fondi minn kull wieħed mill-istrumenti finanzjarji.

Dak ir-rapport għandu jsir bl-għan speċifiku li titjieb l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni. Huwa għandu jinkludi informazzjoni rigward deċiżjonijiet dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tat-tipi ta' azzjonijiet implimentati taħt l-Istrumenti.

Dak ir-rapport għandu jinkludi ukoll informazzjoni kkonsolidata minn rapporti annwali rilevanti dwar il-finanzjament kollu regolat minn dan ir-Regolament, inklużi d-dħul u l-kontribuzzjonijiet assenjati esterni lill-fondi fiduċjarji u joffri analiżi ta' nfiq mill-pajjiż benefiċjarju, l-użu ta' strumenti finanzjarji, impenji u pagamenti.

Għandu jiġi stabbilit rapport finali ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni għall-perijodu 2014-2020 fir-rieżami interim tal-perijodu finanzjarju li jmiss.

2.   Ir-rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandu jkun akkumpanjat, fejn adatt, minn proposti leġislattivi li jintroduċu l-modifiki meħtieġa għall-Istrumenti u għal dan ir-Regolament.

3.   Il-valuri tal-indikaturi fl-1 ta' Jannar 2014 għandhom jintużaw bħala bażi għall-valutazzjoni tal-punt sa fejn inkunu ntlaħqu l-għanijiet.

4.   Il-pajjiżi sħab għandhom ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni biex jipprovdu d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-assistenza, sabiex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

5.   L-eżiti u l-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Istrumenti għandhom jiġu evalwati f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar applikabbli dak iż-żmien.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ara l-paġna 85 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE (ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(14)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(15)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).

(17)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(18)  Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(19)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(20)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(21)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.12.1992, p. 1).

(22)  L-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO, il-Konvenzjonijiet dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta' xogħol furzat jew obbligatorju, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjoni u l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal.

(23)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KEE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (’Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar’ (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1)


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta' atti ta' implementazzjoni għat-twaqqif ta' provvedimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti regoli fir-Regolament Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u regoli ta' implimentazzjoni oħrajn speċifiċi u aktar dettaljati fir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), għandhom l-għan li jissupplimentaw l-att bażiku u għaldaqstant għandhom ikunu atti delegati li għandi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tiftakar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-“bijoċidi”.


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “rimborżi”

F'konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni Ewropea se tinkludi fl-abbozz tal-baġit linja li takkomoda d-dħul assenjat intern u, fejn possibbli, hija tindika l-ammont ta' dan id-dħul.

L-awtorità baġitjarja se tiġi infurmata dwar l-ammont tar-riżorsi akkumulati kull sena matul il-proċess ta' ppjanar tal-baġit. Id-dħul assenjat intern se jkun inkluż fl-abbozz tal-baġit biss safejn l-ammont tagħhom ikun ċert.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihomx referenza espliċita għall-possibbiltà li jissospendu l-assistenza f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.