15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/44


REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jifforma parti mill-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni. Huwa jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Il-ġlieda kontra l-faqar tibqa' l-objettiv primarju tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp, kif stabbilit fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tal-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), u impenji u objettivi oħra tal-iżvilupp maqbula internazzjonaliment approvati mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u fora internazzjonali kompetenti oħra.

(3)

L-istqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika dwar l-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Konsensus Ewropew (4) (il-“Konsensus Ewropew”), u l-modifiki li sarulha wara qbil dwarhom, jipprovdu l-qafas tal-politika ġenerali, l-orjentazzjonijiet u l-iffokar li jiggwida l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(4)

Matul iż-żmien, l-assistenza tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex tonqos id-dipendenza mill-għajnuna.

(5)

L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li tfittex li tavvanza fil-bqija tad-dinja, jiġifieri, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali. L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa u tikkonsolida l-impenn lejn dawn il-prinċipji f'pajjiżi, territorji u reġjuni sħab permezz ta' djalogu u kooperazzjoni. Waqt li taħdem għal dawk il-prinċipji l-Unjoni tipprovdi l-valur miżjud tagħha bħala attur fil-politiki dwar l-iżvilupp.

(6)

Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari matul il-proċess tal-ipprogrammar, l-Unjoni għandha tieħu kont dovut tal-prijoritajiet, l-objettivi u l-punti ta' riferiment fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija stabbiliti mill-Unjoni għal pajjiżi sħab, b'mod partikolari l-istrateġiji tagħha għall-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(7)

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi, it-trasparenza, il-governanza tajba, il-paċi u l-istabbiltà u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab u tali aspetti għandhom ikunu integrati fil-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp, b'mod partikolari fl-ipprogrammar u l-konklużjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi sħab.

(8)

L-effikaċja tal-għajnuna, aktar trasparenza, kooperazzjoni u komplementarjetà u armonizzazzjoni aħjar, allinjament mal-pajjiżi sħab, kif ukoll koordinazzjoni tal-proċeduri, kemm bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif ukoll fir-relazzjonijiet ma' donaturi u atturi għall-iżvilupp oħra, huma essenzjali biex jiżguraw il-konsistenza u r-relevanza tal-għajnuna waqt li fl-istess ħin inaqqsu l-kostijiet imġarrba mill-pajjiżi sħab. Permezz tal-politika tagħha dwar l-iżvilupp, l-Unjoni hija impenjata li timplimenta l-konklużjonijiet tad-Dikjarazzjoni dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna adottata fil-Forum ta' Livell Għoli, li sar Pariġi, fit-2 ta' Marzu 2005, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni adottata fl-4 ta' Settembru 2008 u d-Dikjarazzjoni tagħhom ta' segwitu adottata f'Busan fl-1 ta' Diċembru 2011. Dawk l-impenji wasslu għal numru ta' konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill bħall-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp, u l-Qafas Operazzjonali dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna. Għandhom jissaħħu l-isforzi u l-proċeduri għall-kisba ta' pprogrammar konġunt.

(9)

L-assistenza tal-Unjoni għandha tappoġġa l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, adottata fis-Summit Afrika-UE fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2007 f'Lisbona u l-modifiki u żidiet sussegwenti fiha, abbażi tal-viżjoni, prinċipji u objettivi kondiviżii li jsejsu s-Sħubija Strateġika Afrika-UE.

(10)

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom itejbu l-konsistenza, il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tal-politiki rispettivi tagħhom dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari billi jirrispondu għall-prijoritajiet tal-pajjiżi u tar-reġjuni sħab fuq livell ta' pajjiż u reġjonali. Sabiex jiġi żgurat li l-politika għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin, u sabiex jiġi żgurat it-twassil ta' għajnuna kosteffikaċi filwaqt li jiġu evitati s-sovrappożizzjonijiet u l-lakuni, huwa kemm urġenti kif ukoll xieraq li jkunu previsti proċeduri ta' pprogrammar konġunt li għandhom jiġu implimentati kull fejn ikun possibbli u rilevanti.

(11)

L-azzjoni politika u internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija ggwidata mill-MDGs, bħall-qerda tal-faqar u l-ġuħ estremi, inkluża kwalunkwe modifika sussegwenti fihom, u mill-objettivi, prinċipji u impenji dwar l-iżvilupp approvati mill-Unjoni u l-Istati Membri, fosthom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan in-NU u fora internazzjonali kompetenti oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-politika tal-Unjoni u l-azzjoni internazzjonali tagħha huma ggwidati wkoll mill-impenji u l-obbligi tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp.

(12)

L-Unjoni hija impenjata bil-qawwa favur l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala dritt uman, kwistjoni ta' ġustizzja soċjali u valur ta' qofol fil-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp; l-ugwaljanza bejn is-sessi hija ċentrali fil-kisba tal-MDGs kollha. Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill approva l-Pjan ta' Azzjoni 2010-2015 tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp.

(13)

L-Unjoni għandha, bħala kwistjoni ta' prijorità kbira, tippromwovi approċċ komprensiv b'rispons għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u diżastru kif ukoll f'sitwazzjonijiet affettwati minn konflitti u f'sitwazzjonijiet fraġli, inkluż dawk ta' transizzjoni u wara kriżi. Dan għandu, b'mod partikolari, jibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2007 dwar rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tad-19 ta' Novembru 2007 dwar is-sigurtà u l-iżvilupp, kif ukoll jibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-prevenzjoni ta' konflitti, kif ukoll kwalunkwe konklużjoni sussegwenti rilevanti.

(14)

B'mod partikolari f'dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-bżonnijiet huma l-aktar urġenti u l-faqar huwa l-aktar gravi u wkoll l-aktar mifrux, l-appoġġ tal-Unjoni għandu jimmira sabiex isaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi u l-popolazzjonijiet tagħhom għal avvenimenti avversi. Dak għandu jsir permezz tat-taħlita xierqa ta' approċċi, tweġibiet u strumenti, b'mod partikolari billi jkun żgurat li l-approċċi orjentati lejn is-sigurtà, umanitarji u tal-iżvilupp ikunu bbilanċjati, konsistenti u kkoordinati b'mod effettiv, biex b'hekk ikun hemm kollegament tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.

(15)

L-għajnuna mill-Unjoni għandha tiffoka fuq fejn ikollha l-akbar impatt, billi titqies il-kapaċità tagħha li taġixxi fuq skala globali u li tirrispondi għal sfidi globali bħall-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u l-promozzjoni tad-demokrazija mad-dinja kollha, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-involviment fit-tul u prevedibbli tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp u r-rwol tagħha fil-koordinament mal-Istati Membri. Biex ikun żgurat tali impatt, il-prinċipju tad-divrenzjar għandu jkun applikat mhux biss fil-livell tal-allokazzjoni tal-fondi, iżda wkoll fil-livell tal-ipprogrammar, biex ikun żgurat li l-kooperazzjoni bilaterali għall-iżvilupp tkun immirata lejn il-pajjiżi sħab li għandhom l-iktar bżonnha, inkluż stati fraġli u stati li għandhom vulnerabbiltà għolja, u b'kapaċità limitata ta' aċċess għal sorsi oħra ta' finanzjament biex jappoġġaw l-iżvilupp proprju. L-Unjoni għandha tidħol għal sħubijiet ġodda ma' pajjiżi li jikkwalifikaw mill-programmi bilaterali ta' għajnuna, partikolarment abbażi tal-programmi tematiċi u reġjonali taħt dan l-istrument u strumenti finanzjarji tematiċi oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, b'mod partikolari l-Istrument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (l-“Istrument ta' Sħubija”).

(16)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' approċċ komprensiv għal kull pajjiż fuq il-bażi ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan l-istrument, strumenti oħrajn għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna. Filwaqt li taħdem għall-konsistenza komprensiva tal-azzjoni esterna tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 21 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tiżgura l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp kif meħtieġ taħt l-Artikolu 208 tat-TFUE.

(17)

Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' koerenza fil-politika għall-iżvilupp, dan ir-Regolament għandu jippermetti konsistenza akbar bejn il-politiki tal-Unjoni. Għandu jabilita l-allinjament sħiħ mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab bl-użu, fejn ikun possibbli, bħala l-bażi għall-ipprogrammar tal-azzjoni tal-Unjoni, ta' pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali jew dokumenti komprensivi simili dwar l-iżvilupp, adottati bl-involviment tal-korpi nazzjonali u reġjonali kkonċernati. Għandu wkoll jippromwovi koordinament aħjar fost id-donaturi, b'mod partikolari bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, permezz ta' pprogrammar konġunt.

(18)

F'dinja globalizzata, il-politiki interni differenti tal-Unjoni bħall-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, l-impjiegi (inkluż xogħol diċenti għal kulħadd), ugwaljanza bejn is-sessi, l-enerġija, l-ilma, it-trasport, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja u s-sigurtà, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà informatika, il-migrazzjoni u agrikoltura u s-sajd, qed isiru dejjem iktar parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(19)

Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li jinvolvi mudelli ta' tkabbir li jtejbu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u jippermettu lill-foqra jżidu l-kontribut tagħhom għall-ġid nazzjonali u jibbenefikaw minnu, tissottolinja l-impenn tal-Unjoni li tippromwovi, fil-politiki interni u esterni tagħha, tkabbir inklużiv u sostenibbli li jgħaqqad flimkien tliet pilastri: il-pilastru ekonomiku u dawk soċjali u ambjentali.

(20)

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent huma fost l-isfidi l-kbar li l-Unjoni u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qegħdin jiffaċċaw, u fejn il-bżonn ta' azzjoni nazzjonali u internazzjonali huwa wieħed urġenti. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-objettiv li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni jkun indirizzat lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għall-klima, u li l-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali previst f'dan ir-Regolament għandu juża mill-inqas 25 % tal-fondi tiegħu biex ikopri t-tibdil fil-klima u l-ambjent. L-azzjonijiet f'dawk l-oqsma għandhom, kull fejn hu possibbli, jappoġġaw lil xulxin b'mod reċiproku biex isaħħu l-impatti tagħhom.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti li l-Unjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenn konġunt tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-iżvilupp tal-bniedem sabiex jittejbu l-ħajjiet tan-nies. Biex jikkontribwixxi għal dak il-għan, mill-inqas 25 % tal-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali għandu jappoġġa dak il-qasam ta' żvilupp.

(22)

Mill-inqas 20 % tal-assistenza taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu allokati lis-servizzi soċjali bażiċi, iffokati fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll lill-edukazzjoni sekondarja, waqt li jkun rikonoxxut li bħala regola għandu jkun hemm ċerta flessibbiltà bħal fil-każijiet fejn tkun involuta assistenza eċċezzjonali. Id-data li tikkonċerna l-konformità ma' dak ir-rekwiżit għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali msemmi fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

Fil-Programm ta' Azzjoni tan-NU ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011 — 2020, l-pajjiżi l-inqas żviluppati ntrabtu li jintegraw il-politiki kummerċjali u għall-bini tal-kapaċitajiet kummerċjali fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp. Barra minn hekk, fit-Tmien Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, f'Ġinevra fil-15 u s-17 ta' Diċembru 2011, il-ministri qablu li jinżammu, lil hinn mill-2011, livelli ta' Għajnuna għall-Kummerċ li tal-inqas jirriflettu l-medja tal-perijodu 2006-2008. Dawk l-isforzi jridu jkunu akkumpanjati minn Għajnuna għall-Kummerċ u faċilitazzjoni tal-kummerċ immirati aħjar u immirati aktar.

(24)

Filwaqt li l-programmi tematiċi għandhom primarjament jappoġġaw pajjiżi li qed jiżviluppaw, xi pajjiżi benefiċjarji kif ukoll pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs), li l-karatteristiċi tagħhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex jiġu definiti bħala riċevituri tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) mill-Kumitat tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD/DAC) iżda li huma koperti mill-punt (b) tal-Artikolu 1(1), għandhom ukoll ikunu eliġibbli għal programmi tematiċi suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(25)

Id-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni u aġġustamenti ta' allokazzjonijiet finanzjarji skont iż-żona ġeografika u l-qasam ta' kooperazzjoni huma elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament. Konsegwentement, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-aġġornament tal-elementi tal-Annessi ta' dan ir-Regolament li jistabbilixxu d-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt programmi ġeografiċi u tematiċi u l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi skont iż-żona ġeografika u l-qasam ta' kooperazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(26)

Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali msemmijin f'dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(27)

B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tagħhom ta' orjentazzjoni politika u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha, bħala prinċipju, tintuża għall-adozzjoni tagħhom, għajr fil-każ ta' miżuri ta' skala finanzjarja żgħira.

(28)

Il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-bżonn għal rispons rapidu mill-Unjoni, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jirrikjedu dan.

(29)

Regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(30)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (8).

(31)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjaretà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(32)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju, għaż-żmien tal-applikazzjoni tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (9) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(33)

Huwa kunsiljabbli li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument (l-“Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp” jew “DCI”) li taħtu l-Unjoni tista' tiffinanzja:

(a)

programmi ġeografiċi bil-għan li jappoġġaw kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA stabbilita mill-OECD/DAC, ħlief:

(i)

pajjiżi li huma firmatarji tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat fil-Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (11), ħlief l-Afrika t'Isfel;

(ii)

pajjiżi eliġibbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

(iii)

pajjiżi eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni taħt l-istrument Ewropew tal-Viċinat stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (12) (“l-Istrument Ewropew tal-Viċinat”);

(iv)

benefiċjarji eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) (“l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni”);

(b)

programmi tematiċi li jindirizzaw beni pubbliċi globali u sfidi globali b'rabta mal-iżvilupp u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu, pajjiżi eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni taħt l-istrumenti msemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-punt (a) ta' dan il-paragrafu, u pajjiżi u territorji li jaqgħu fl-ambitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (14).

(c)

programm Pan-Afrikan li jappoġġa s-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni u l-modifiki u żidiet sussegwenti li sarulha, biex ikopri attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fl-Afrika u mal-Afrika.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, reġjun huwa entità ġeografika li tinkludi aktar minn pajjiż wieħed li qed jiżviluppa.

3.   Il-pajjiżi u t-territorji msemmija fil-paragrafu 1 huma msejħa f'dan ir-Regolament “pajjiżi sħab” jew “reġjuni sħab” skont kif ikun il-każ fil-programm ġeografiku, tematiku jew Pan-Afrikan rilevanti.

Artikolu 2

Objettivi u kriterji ta' eliġibbiltà

1.   Fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-Konsensus Ewropew u l-modifiki li sarulu wara qbil:

(a)

l-objettiv primarju ta' kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun it-tnaqqis u, fuq medda twila ta' żmien, il-qerda tal-faqar;

(b)

b'konsistenza mal-objettiv primarju msemmi fil-punt (a), il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi wkoll għal:

(i)

it-trawwim ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli, u

(ii)

il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali.

Il-ksib tal-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jitkejjel bl-użu ta' indikaturi rilevanti, inklużi indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem, b'mod partikolari l-MDG 1 għall-punt (a) u l-MDGs mill-1 sat-8 għall-punt (b) u, wara l-2015, indikaturi oħra li dwarhom intlaħaq qbil fuq livell internazzjonali mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

2.   Il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-impenji u l-objettivi internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp li l-Unjoni qablet magħhom, b'mod partikolari l-MDGs, u l-miri ġodda tal-iżvilupp wara l-2015.

3.   L-azzjonijiet taħt il-programmi ġeografiċi għandhom ikunu mfassla b'mod li jissodisfaw il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC.

L-azzjonijiet taħt il-programmi tematiċi u l-programm Pan-Afrikan għandhom ikunu mfassla b'mod li jissodisfaw il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC, ħlief jekk:

(a)

l-azzjoni tapplika għal pajjiż jew territorju benefiċjarju li ma jikkwalifikax bħala pajjiż jew territorju riċevitur tal-ODA skont l-OECD/DAC; jew

(b)

l-azzjoni ma timplimentax inizjattiva globali, prijorità tal-politika tal-Unjoni jew obbligu jew impenn internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 6 (2), u l-azzjoni ma jkollhiex il-karatteristiċi biex tissodisfa l-kriterji tal-ODA.

4.   Mingħajr ħsara għall-punt (a) tal-paragrafu 3, mill-inqas 95 % tan-nefqa prevista taħt il-programmi tematiċi u mill-inqas 90 % tan-nefqa prevista taħt il-programm Pan-Afrikan għandhom jissodisfaw il-kriterji tal-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC.

5.   L-azzjonijiet koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (15) u eliġibbli għal finanzjament taħt dak ir-Regolament ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-kooperazzjoni minn kriżi għal kundizzjonijiet stabbli għall-iżvilupp. F'dawk il-każijiet, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali sabiex ikun żgurat li s-sokkors umanitarju, ir-riabilitazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp ikunu marbuta b'mod effettiv.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   L-Unjoni tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, permezz ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni sħab.

2.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jkun segwit approċċ differenzjat fost il-pajjiżi sħab, sabiex ikun żgurat li huma jiġu pprovduti b'kooperazzjoni speċifika, imfassla apposta għalihom, ibbażata fuq:

(a)

il-bżonnijiet tagħhom, abbażi tal-kriterji bħall-popolazzjoni, id-dħul per capita u l-livell ta' faqar, id-distribuzzjoni tad-dħul u l-livell ta' żvilupp tal-bniedem;

(b)

il-kapaċitajiet tagħhom li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tagħhom li jużaw tali finanzi; u

(c)

l-impenji u l-prestazzjoni tagħhom, abbażi ta' kriterji u indikaturi, bħall-progress politiku, ekonomiku u soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-progress fir-rigward ta' governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem u l-użu effikaċi tal-għajnuna, partikolarment il-mod kif pajjiż juża riżorsi skarsi għall-iżvilupp, billi jibda mir-riżorsi tiegħu stess; u

(d)

l-impatt potenzjali tal-għajnuna mill-UE f'pajjiżi sħab.

Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari l-pajjiżi bl-inqas żvilupp u l-pajjiżi b'introjtu baxx, kif ukoll il-pajjiżi fi stati ta' kriżi, ta' wara kriżi u f'sitwazzjoni fraġli u vulnerabbli, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

Kriterji bħall-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika u indiċijiet rilevanti oħra, inkluż għall-kejl tal-faqar u l-inugwaljanza fil-pajjiżi, għandhom jitqiesu biex isejsu l-analiżi u l-identifikazzjoni tal-pajjiżi l-aktar fil-bżonn.

3.   Fil-programmi kollha, għandhom jiġu integrati kwistjonijiet trasversali kif iddefiniti fil-Konsensus Ewropew. Barra minn hekk, fejn ikun rilevanti għandhom jiġu integrati l-prevenzjoni tal-konflitti, ix-xogħol deċenti u t-tibdil fil-klima.

Il-kwistjonijiet trasversali msemmija fl-ewwel subparagrafu huma mifhuma li jinkludu d-dimensjonijiet li ġejjin, li għandha tingħata attenzjoni speċifika għalihom fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu hekk: in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranza, id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, id-drittijiet tal-persuni b'mard li jipperikola l-ħajja u gruppi vulnerabbli oħra, drittijiet ċentrali tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali, l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-parlamenti u s-soċjetà ċivili, u l-promozzjoni tad-djalogu, il-parteċipazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, kif ukoll il-bini ta' istituzzjonijiet, inkluż fil-livell lokali u reġjonali.

4.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu żgurati l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-konsistenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u mal-politiki l-oħra rilevanti tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 208 TFUE.

F'dan ir-rigward, il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, inklużi dawk ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandhom ikunu bbażati fuq il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp stabbiliti fi strumenti bħal ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjanijiet ta' azzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab u r-reġjuni kkonċernati, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet, l-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji rilevanti tal-Unjoni.

5.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari u frekwenti ta' informazzjoni, inkluż ma' donaturi oħra, u jippromwovu kordinazzjoni u komplementarjetà aħjar bejn id-donaturi billi jaħdmu għal ipprogrammar pluriennali konġunt ibbażat fuq l-istrateġiji tal-pajjiżi sħab għat-tnaqqis tal-faqar jew strateġiji ekwivalenti għall-iżvilupp. Huma jistgħu jwettqu azzjoni konġunta, inkluża analiżi ta' u rispons konġunt għal dawn l-istrateġiji li jidentifikaw setturi prijoritarji ta' intervent u diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż, permezz ta' missjonijiet konġunti bejn id-donaturi kollha u bl-użu ta' arranġamenti ta' kofinanzjament u ta' kooperazzjoni delegata.

6.   L-Unjoni għandha tippromwovi approċċ multilaterali għall-isfidi globali u għandha tikkoopera mal-Istati Membri f'dak ir-rigward. Fejn ikun xieraq, hija għandha trawwem il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali u donaturi bilaterali oħra.

7.   Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, minn naħa waħda, u l-pajjiżi sħab, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu bbażati fuq u għandhom jippromwovu l-valuri komuni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll il-prinċipji tal-appartenenza u ta' responsabbiltà reċiproka.

Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw l-impenn tagħhom u r-rekord fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali u relazzjonijiet kontrattwali mal-Unjoni.

8.   L-Unjoni għandha tippromwovi kooperazzjoni effettiva mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab bi qbil mal-aħjar prattika internazzjonali. Hija għandha tallinja s-sostenn tagħha mal-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali jew reġjonali, mal-politiki u l-proċeduri ta' riforma kull fejn ikun possibbli, u ssostni sjieda demokratika kif ukoll l-obbligu ta' rendikont domestiku u reċiproku. Għal dak il-għan, hija għandha tippromwovi:

(a)

proċess ta' żvilupp li jkun trasparenti u mmexxi minn u jappartjeni għal pajjiż jew reġjun sieħeb, inkluża l-promozzjoni tal-għarfien espert lokali;

(b)

(ġdid) approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm jekk ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, biex ikunu integrati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, ikunu megħjuna l-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ lid-detenturi tad-drittijiet, b'iffokar fuq gruppi foqra u vulnerabbli, meta jasserixxu d-drittijiet tagħhom;

(c)

l-għoti ta' setgħa lill-popolazzjoni ta' pajjiżi sħab, approċċi inklużivi u parteċipatorji għall-iżvilupp u l-involviment wiesa' tas-segmenti kollha tas-soċjetà fil-proċess tal-iżvilupp u fid-djalogu nazzjonali u reġjonali, inkluż id-djalogu politiku. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-rwoli rispettivi tal-parlamenti, tal-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili, inter alia dwar il-parteċipazzjoni, is-sorveljanza u r-responsabbiltà;

(d)

modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni effettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, f'konformità mal-aħjar prattiki tal-OECD/DAC, inkluż l-użu ta' strumenti innovattivi bħat-taħlita ta' għotjiet u self u mekkaniżmi oħra għall-kondiviżjoni tar-riskju f'setturi u pajjiżi magħżula u l-involviment tas-settur privat, b'kont debitu meħud għall-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn, in-numru ta' mekkaniżmi bħal dawn, u l-ħtieġa għal valutazzjoni sistematika tal-impatt f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar.

Il-programmi kollha, interventi u modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni għandhom ikunu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull pajjiż jew reġjun sieħeb, b'iffukar fuq approċċi bbażati fuq il-programmi, il-kunsinna ta' finanzjament prevedibbli ta' għajnuna, fuq il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi privati, inklużi dawk mis-settur privat lokali, l-aċċess universali u mhux diskriminatorju għas-servizzi bażiċi, u l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-pajjiż;

(e)

il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku permezz tat-tisħiħ ta' politika fiskali tal-pajjiżi sħab bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

(f)

titjib fl-impatt tal-politiki u l-ipprogrammar permezz ta' koordinazzjoni, konsistenza u armonizzazzjoni bejn id-donaturi sabiex jinħolqu sinerġiji u jitnaqqsu l-elementi ta' duplikazzjoni, sabiex tittejjeb il-komplementarjetà u biex jiġu sostnuti inizjattivi bejn id-donaturi kollha;

(g)

il-koordinazzjoni f'pajjiżi u reġjuni sħab bl-użu ta' linji gwida u prinċipji tal l-aħjar prattika dwar l-effikaċja tal-koordinazzjoni u l-għajnuna;

(h)

approċċi għall-iżvilupp ibbażati fuq ir-riżultati anki permezz tal-użu ta' oqfsa tar-riżultati trasparenti fil-livell tal-pajjiżi, ibbażati fuq, fejn ikun xieraq, il-miri u l-indikaturi miftiehma internazzjonalment bħal dawk tal-MDGs, biex ikunu evalwati u kkomunikati r-riżultati, inklużi l-outputs, l-eżiti u l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp.

9.   L-Unjoni għandha tappoġġa, kif ikun xieraq, l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni u djalogu bilaterali, reġjonali u multilaterali, id-dimensjoni ta' żvilupp ta' ftehimiet ta' sħubija, u kooperazzjoni triangolari. L-Unjoni għandha tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar.

10.   Il-Kummissjoni għandha tinforma u għandu jkollha skambji ta' opinjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew.

11.   Il-Kummissjoni għandha jkollha skambji ta' informazzjoni regolari mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali.

12.   Fl-attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha l-Unjoni għandha tuża u tikkondividi, kif ikun xieraq, l-esperjenzi ta' riforma u tranżizzjoni tal-Istati Membri u t-tagħlimiet miksuba.

13.   L-assistenza mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tintuża biex jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' armi jew munizzjon, jew operazzjonijiet li jkollhom skopijiet militari jew ta' difiża.

TITOLU II

PROGRAMMI

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-Assistenza mill-Unjoni

L-assistenza mill-Unjoni għandha tiġi implimentata, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014 permezz ta':

(a)

programmi ġeografiċi;

(b)

permezz ta' programmi tematiċi, li jikkonsistu fi:

(i)

programm ’Beni u Sfidi Pubbliċi Globali’, u

(ii)

programm ’Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u Awtoritajiet Lokali’, u

(c)

programm Pan-Afrikan.

Artikolu 5

Programmi ġeografiċi

1.   L-attivitajiet ta' kooperazzjoni tal-Unjoni skont dan l-Artikolu għandhom ikunu implimentati għal attivitajiet ta' natura nazzjonali, reġjonali, transreġjonali u kontinentali.

2.   Programm ġeografiku għandu jinkludi kooperazzjoni f'oqsma adatti ta' attività:

(a)

fuq bażi reġjonali ma' pajjiżi sħab imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1), b'mod partikolari bil-għan li jittaffa l-impatt tal-gradwazzjoni f'pajjiżi sħab li juru inugwaljanzi kbar u li qed jiżdiedu; jew

(b)

fuq bażi bilaterali:

(i)

ma' pajjiżi sħab li mhumiex pajjiżi b'introjtu medju-għoli fuq il-lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-OECD/DAC jew li m'għandhomx prodott domestiku gross ogħla minn wieħed fil-mija tal-prodott domestiku gross globali;

(ii)

f'każijiet eċċezzjonali, inkluż bil-ħsieb tat-tnaqqis gradwali ta' għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp, kooperazzjoni bilaterali tista' titwettaq ukoll ma' għadd limitat ta' pajjiżi sħab meta dan ikun debitament ġustifikat skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2). Il-waqfien gradwali għandu jsir f'koordinament mill-qrib ma' donaturi oħra. It-terminazzjoni ta' dik it-tip ta' kooperazzjoni għandu jiġi akkumpanjat, kull fejn ikun xieraq, minn djalogu politiku mal-pajjiżi kkonċernati, b'emfażi fuq il-bżonnijiet tal-gruppi l-aktar fqar u l-aktar vulnerabbli.

3.   Sabiex jinkisbu l-objettivi previsti fl-Artikolu 2, il-programmi geografiċi għandhom joħorġu mill-oqsma ta' kooperazzjoni fil-Konsensus Ewropew u l-modifiki li sussegwentement sarulu wara qbil kif ukoll mill-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin:

(a)

id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba:

(i)

id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

(ii)

l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti ta' setgħa u opportunitajiet ugwali għan-nisa;

(iii)

il-ġestjoni tas-settur pubbliku fil-livell ċentrali u lokali;

(iv)

il-politika u l-amministrazzjoni fiskali;

(v)

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(vi)

is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali;

(vii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal

(b)

tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem:

(i)

is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-impjiegi u l-kultura;

(ii)

l-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq dinjija;

(iii)

l-agrikoltura sostenibbli, ikel u sigurtà tan-nutrizzjoni;

(iv)

l-enerġija sostenibbli;

(v)

il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, inkluż l-art, il-forestrija u l-ilma;

(vi)

it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

(c)

oqsma oħra sinifikanti għall-iżvilupp:

(i)

il-migrazzjoni u l-ażil;

(ii)

ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

(iii)

ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri;

(iv)

l-iżvilupp u s-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni ta' konflitti.

4.   Aktar dettalji dwar l-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jinsabu fl-Anness I.

5.   F'kull programm bilaterali, l-Unjoni fil-prinċipju għandha tikkonċentra l-assistenza tagħha fuq massimu ta' tliet setturi, li dwarhom għandu jsir qbil mal-pajjiż sieħeb konċernat fejn ikun possibbli.

Artikolu 6

Programmi tematiċi

1.   L-azzjonijiet li jsiru permezz tal-programmi tematiċi għandhom iżidu l-valur għal, u jkunu komplementari għal, u koerenti ma', l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programmi ġeografiċi.

2.   Għallinqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin għandha tapplika għall-ipprogrammar tal-azzjonijiet tematiċi:

(a)

L-objettivi tal-politika tal-Unjoni skont dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod xieraq jew effettiv permezz ta' programmi ġeografiċi, inkluż, fejn ikun xieraq, fejn m'hemm l-ebda programm ġeografiku jew fejn ġie sospiż jew fejn m'hemm l-ebda ftehim dwar l-azzjoni mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat;

(b)

l-azzjonijiet jindirizzaw inizjattivi globali li jsostnu għanijiet tal-iżvilupp maqbula fuq bażi internazzjonali jew beni pubbliċi globali u sfidi globali;

(c)

l-azzjonijiet għandhom natura multireġjonali, multipajjiż u/jew trażversali;

(d)

l-azzjonijiet jimplimentaw politiki innovattivi jew inizjattivi bl-objettiv li jispiraw azzjonijiet futuri;

(e)

l-azzjonijiet jirriflettu prijorità tal-politika tal-Unjoni jew obbligu jew impenn internazzjonali tal-Unjoni rilevanti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

3.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-azzjonijiet tematiċi għandhom jibbenefikaw direttament lil pajjiżi u territorji speċifikati fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) u għandhom jitwettqu f'dawn il-pajjiżi jew territorji. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jitwettqu barra minn dawk il-pajjiżi jew territorji meta dan ikun l-aktar mod effettiv li jinkisbu l-objettivi tal-programm ikkonċernat.

Artikolu 7

Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali

1.   L-objettiv tal-assistenza mill-Unjoni taħt il-programm ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’ għandu jkun li tappoġġa azzjonijiet f'oqsma li għandhom jidderivaw minn:

(a)

l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

(b)

l-enerġija sostenibbli;

(c)

l-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi x-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-kultura;

(d)

is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli; u

(e)

il-migrazzjoni u l-ażil.

2.   Aktar dettalji dwar l-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jinsabu fil-Parti A tal-Anness II.

Artikolu 8

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali

1.   L-objettiv tal-għajnuna mill-Unjoni taħt il-programm ’Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u Awtoritajiet Lokali’ hu li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab u, meta jkun previst f'dan ir-Regolament, fl-Unjoni u l-benefiċjarji eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014.

L-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati għandhom jitwettqu primarjament mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali. Fejn ikun xieraq, biex jiżgura l-effikaċja tagħhom, dawk l-azzjonijiet jistgħu jsiru minn atturi oħra għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali kkonċernati.

2.   Aktar dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt dan l-Artikolu jinsabu fil-Parti B tal-Anness II.

Article 9

Programm Pan-African

1.   L-objettiv tal-għajnuna mill-Unjoni taħt il-programm 'Pan-Afrikan għandu jkun li jingħata appoġġ lis-sħubija strateġika Afrika, u l-modifiki u żidiet sussegwenti fih, biex ikopri l-attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fl-Afrika u mal-Afrika.

2.   Il-programm Pan-Afrikan għandu jkun komplementari u konsistenti ma' programmi oħra taħt dan ir-Regolament, kif ukoll strumenti oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat.

3.   Aktar dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt dan l-Artikolu jinsabu fl-Anness III.

TITOLU III

PROGRAMMAR U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 10

Qafas ġenerali

1.   Għall-programmi ġeografiċi, għandhom jitfasslu programmi indikattivi pluriennali għall-pajjiżi u r-reġjuni sħab abbażi tad-doskument strateġiku, kif provdut fl-Artikolu 11.

Għall-programmi tematiċi, il-programmi indikattivi Pluriennali għandhom jitfasslu kif ipprovdut fl-Artikolu 13.

Il-programm indikattiv pluriennali Pan-Afrikan għandu jitfassal kif previst fl-Artikolu 14.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 abbażi tad-dokumenti tal-ipprogrammar imsemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14.

3.   L-appoġġ mill-Unjoni jista' jieħu l-forma ta' miżuri mhux koperti fid-dokumenti tal-ipprogrammar msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 ta' dan ir-Regolament, kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

4.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fl-istadju bikri u fit-tul kollu tal-proċess tal-ipprogrammar sabiex jippromwovu l-koerenza, il-komplementarjetà u l-konsistenza fost l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tagħhom. Tali konsultazzjoni tista' twassal għal programmar konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll lil donaturi u atturi oħra tal-iżvilupp inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u entitajiet oħra tal-implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jkun informat.

5.   L-ipprogrammar taħt dan ir-Regolament għandu jqis kif dovut id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi sħab.

6.   Jistgħu jitħallew mhux allokati fondi previsti minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat rispons xieraq tal-Unjoni f'każ ta' ċirkostanzi mhux imbassra, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fraġli ta' kriżi jew ta' wara kriżi, kif ukoll biex tkun tista' ssir is-sinkronizzazzjoni maċ-ċikli strateġiċi tal-pajjiżi sħab u l-adattament ta' allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi bħala riżultat tar-reviżjonijiet li jsiru taħt l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 13 (2) u l-Artikolu 14 (3). Suġġett għall-allokazzjoni jew ir-riallokazzjoni sussegwenti tagħhom skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 15, l-użu ta' dawn il-fondi għandu jiġi deċiż f'data iktar tard skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Il-parti tal-fondi li titħalla mhux allokata fil-livell ta' kull tip ta' programm ma għandhiex tkun iżjed minn 5 %, ħlief għal finijiet ta' sinkronizzazzjoni u għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 12(1).

7.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 2(3), il-Kummissjoni tista' tinkludi allokazzjoni finanzjarja speċifika biex tgħin lil pajjiżi u reġjuni sħab isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom ma' reġjuni ultraperiferiċi ġirien tal-Unjoni.

8.   Kwalunkwe pprogrammar jew reviżjoni ta' programmi li jsiru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' nofs it-terminu imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandhom jieħdu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 11

Dokumenti ta' pprogrammar għal programmi ġeografiċi

1.   It-tħejjija, l-implimentazzjoni u r-rieżami tad-dokumenti kollha tal-ipprogrammar taħt dan l-Artikolu għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u dawk tal-effikaċja tal-għajnuna: jiġifieri, sjieda demokratika, sħubija, koordinament, armonizzazzjoni, allinjament mas-sistemi ta' pajjiż jew reġjun sieħeb, trasparenza, obbligu ta' rendikont reċiproku u orjentazzjoni lejn ir-riżultati kif stipulatfl-Artikolu 3(4) sa (8). Fejn ikun possibbli, il-perjodu tal-ipprogrammar għandu jiġi sinkronizzat maċ-ċikli tal-istrateġija tal-pajjiż imsieħeb.

Dokumenti tal-ipprogrammar għal programmi ġeografiċi, inklużi dokumenti konġunti ta' programmar, għandhom jiġu bbażati, sal-livell l-aktar possibbli, fuq djalogu bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiż jew ir-reġjun imsieħeb ikkonċernat, inklużi l-parlamenti nazzjonali u reġjonali, u għandhom jinvolvu s-soċjetà civili u l-awtoritajiet lokali u partijiet oħra, sabiex tittejjeb is-sjieda tal-proċess u jiġi inkoraġġut l-appoġġ għall-istrateġiji tal-iżvilupp nazzjonali, partikolarment għal dawk immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom ikunu mfassla mill-Unjoni għall-pajjiż jew reġjun sieħeb ikkonċernat sabiex tipprovdi qafas koerenti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni, u dak il-pajjiż jew reġjun sieħeb, b'mod konsistenti mal-għan u l-kamp ta' applikazzjoni ġenerali, l-objettivi, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ta' politika li jinsabu f'dan ir-Regolament.

3.   M'għandu jkun meħtieġ ebda dokument ta' strateġija għal:

(a)

pajjiżi li jkollhom strateġija nazzjonali għall-iżvilupp fil-forma ta' pjan nazzjonali dwar l-iżvilupp jew dokument simili dwar l-iżvilupp, aċċettat mill-Kummissjoni bħala bażi għall-programm indikattiv pluriennali korrispondenti, fiż-żmien li jiġi adottat dan id-dokument tal-aħħar;

(b)

pajjiżi jew reġjuni li għalihom ikun tfassal dokument qafas konġunt li jipprovdi strateġija komprensiva tal-Unjoni, inkluż kapitolu speċifiku dwar il-politika għall-iżvilupp;

(c)

pajjiżi jew reġjuni li għalihom ikun ġie miftiehem dokument ta' programmar pluriennali konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

(d)

reġjuni li jkollhom strateġija maqbula b'mod konġunt mal-Unjoni;

(e)

pajjiżi fejn l-Unjoni beħsiebha tissinkronizza l-istrateġija tagħha ma' ċiklu nazzjonali ġdid li jibda qabel l-1 ta' Jannar 2017; f'każijiet bħal dawn il-programm indikattiv pluriennali għall-perjodu interim bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-bidu taċ-ċiklu nazzjonali ġdid għandu jkun fih ir-risposta tal-Unjoni għal dak il-pajjiż.

(f)

il-pajjiżi jew reġjuni li jirċievu allokazzjoni ta' fondi mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament li ma taqbiżx EUR 50 000 000 għall-perjodu 2014-2020.

Fil-każijiet msemmija fil-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu, il-programm indikattiv pluriennali għall-pajjiż jew reġjun konċernat għandu jinkludi l-istrateġija tal-Unjoni dwar l-iżvilupp għal dak il-pajjiż jew reġjun.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu riveduti f'nofs it-terminu tagħhom jew ad hoc kif ikun neċessarju, f'konformità, kif ikun adatt, mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni konklużi mal-pajjiż jew reġjun ikkonċernat.

5.   Għandhom jitfasslu programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi għal kull wieħed mill-pajjiżi jew reġjuni li jirċievu allokazzjoni finanzjarja indikattiva ta' fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Ħlief għal pajjiżi jew reġjuni msemmija fil-punti eb) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, dawn id-dokumenti għandhom ikunu mfassla abbażi tad-dokumenti ta' strateġija jew dokumenti ekwivalenti kif imsemmija fil-paragrafu 3.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, id-dokument ta' programmar konġunt pluriennali previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jista' jkun ikkunsidrat bħala l-programm indikattiv pluriennali sakemm ikun konformi mal-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, inkluż allokazzjoni indikattiva ta' fondi, u bil-proċeduri pprovduti għalihom fl-Artikolu 15.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta' prijorità magħżula għal finanzjament mill-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti, l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, kemm globalment u għal kull qasam ta' prijorità u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi pluriennali f'kull programm ġeografiku skont il-prinċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2), u billi tikkunsidra, flimkien mal-ispeċifiċitajiet tal-programmi differenti, id-diffikultajiet partikolari ffaċċjati minn pajjiżi jew reġjuni fi kriżi, sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, fraġilità, kunflitt jew suxxettibbli għal diżastri.

Fejn ikun xieraq, l-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw fil-forma ta' firxa u/jew xi fondi jistgħu jibqgħu mhux allokati. Ma tista' tkun prevista ebda allokazzjoni finanzjarja indikattiva lil hinn mill-perijodu 2014 — 2020, sakemm ma tkunx suġġetta speċifikament għad-disponibbiltà tar-riżorsi lil hinn minn dak il-perjodu.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi jistgħu jiġu riveduti fejn ikun meħtieġ, inkluż għall-implimentazzjoni effettiva, b'kont meħud ta' reviżjonijiet ta' nofs il-perjodu jew ad hoc tad-dokument ta' strateġija li jkunu bbażati fuqu.

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, prijoritajiet, objettivi speċifiċi, riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna jistgħu wkoll jiġu adattati b'riżultat tar-reviżjonijiet, b'mod partikolari f'sitwazzjoni ta' wara kriżi.

Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ikopru ħtiġijiet kif ukoll l-impenn u l-progress fir-rigward tal-objettivi maqbula għall-iżvilupp, inklużi dawk li jirriferu għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-ipprogrammar konġunt mal-Istati Membri fir-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet f'każijiet fejn l-ipprogrammar konġunt ma jkunx inkiseb għal kollox.

Artikolu 12

L-ipprogrammar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità

1.   Meta jfasslu d-dokumenti ta' pprogrammar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità jew li huma suxxettibbli għal diżastri naturali, għandhom ikunu debitament ikkunsidrati l-vulnerabbiltà, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċjali tal-pajjiżi jew ir-reġjuni kkonċernati.

Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-prevenzjoni ta' kunflitti, il-bini tal-istat u tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni wara konflitti u l-miżuri ta' rikostruzzjoni, kif ukoll lir-rwol tan-nisa u d-drittijiet tat-tfal f'dawk il-proċessi.

Fejn pajjiżi jew reġjuni sħab ikunu direttament involuti fi, jew affettwati minn sitwazzjoni ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità, għandha titpoġġa enfasi speċjali sabiex tiżdied il-kordinazzjoni bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp bejn l-atturi rilevanti kollha biex tiġi megħjuna t-transizzjoni minn sitwazzjoni ta' emerġenza għall-fażi ta' żvilupp.

Id-dokumenti ta' pprogrammar għall-pajjiżi u r-reġjuni f'sitwazzjoni ta' fraġilità jew suġġetti għal diżastri naturali għandhom jipprovdu għall-preparazzjoni u l-prevenzjoni tad-diżastri u għall-immaniġġar tal-konsegwenzi ta' dawn id-diżastri u għandhom jindirizzaw il-vulnerabbiltà għax-xokkijiet u jsaħħu r-reżiljenza.

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, bħal kriżijiet jew perikli imminenti għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista tadotta atti ta' implimentazzjoni immedjatament applikabbli taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 biex jiġu modifikati karti ta' strateġija u programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Dawn ir-reviżjonijiet jistgħu jipproponu strateġija speċifika u adattata sabiex tiżgura kooperazzjoni u żvilupp għat-tul, li tippromwovi kordinament u transizzjoni aħjar bejn l-istrumenti umanitarji u ta' politika għall-iżvilupp.

Artikolu 13

Dokumenti ta' pprogrammar għal programmi tematiċi

1.   Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jipprovdu l-istrateġija tal-Unjoni għat-tema kkonċernata u, fir-rigward tal-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali, għal kull qasam ta' kooperazzjoni, il-prijoritajiet magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet tas-sħab ewlenin u, fejn ikun applikabbli, il-modalitajiet tal-għajnuna.

Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet fir-rigward tar-riżorsi u l-interventi għall-parteċipazzjoni f'inizjattivi globali.

Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu komplementari għall-programmi ġeografiċi u għandhom ikunu konsistenti mad-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jagħtu l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, b'mod globali, skont il-qasam tal-kooperazzjoni u skont il-prijorità. Fejn ikun xieraq, l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tista' tingħata fil-forma ta' firxa u/jew xi fondi jistgħu jibqgħu mhux allokati.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jiġu riveduti fejn ikun neċessarju għal implimentazzjoni effettiva tal-politika, billi jitqiesu r-reviżjonijiet ta' nofs it-terminu jew ad hoc.

Allokazzjonijiet indikattivi, prijoritajiet, riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna jistgħu wkoll jiġu adattati b'riżultat tar-reviżjonijiet.

Artikolu 14

Dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan

1.   It-tħejjija, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna kif stipulati fl-Artikolu 3(4) sa (8).

Id-dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan għandhom ikunu bbażati fuq djalogu li jinvolvi l-partijiet interessati kollha rilevanti, bħall-Parlament Pan-Afrikan.

2.   Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jipprovdi l-prijoritajiet magħżula għall-finanzjament, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna.

Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jkun koerenti mal-programmi ġeografiċi u tematiċi.

3.   Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jagħti l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, b'mod globali, skont il-qasam tal-attività u skont il-prijorità. Fejn ikun xieraq, l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tista' tingħata fil-forma ta' firxa.

Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan jista' jiġi rivedut fejn ikun meħtieġ, sabiex iwieġeb għal sfidi mhux previsti jew problemi ta' implimentazzjoni, u sabiex iqis kwalunkwe reviżjoni tas-sħubija strateġika.

Artikolu 15

Approvazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija u adozzjoni tal-programmi indikattivi pluriennali

1.   Il-Kummissjoni għandha tapprova d-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11 u għandha tadotta programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll għal reviżjonijiet li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti l-istrateġija jew l-ipprogrammar tagħha.

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, bħal kriżijiet jew perikli imminenti għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista tirrivedi dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament u programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 ta' dan ir-Regolament taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Parteċipazzjoni minn pajjiż terz mhux eliġibbli taħt dan ir-Regolament

F'ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament, sabiex tkun żgurata l-koerenza u l-effikaċja tal-finanzjament mill-Unjoni jew sabiex titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali jew transreġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fi ħdan il-programmi indikattivi pluriennali skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament jew l-atti ta' implimentazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, li testendi l-eliġibbiltà ta' azzjonijiet għal pajjiżi u territorji li altrimenti ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament skont l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, fejn l-azzjoni għall-implimentazzjoni tkun ta' natura globali, reġjonali, transreġjonali jew transkonfinali.

Artikolu 17

Delega ta' setgħa lill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 18 biex temenda:

(a)

id-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fi:

(i)

l-Artikolu 5(3) kif stabbilit fil-Parti A u Parti B tal-Anness I;

(ii)

l-Artikolu 7(2) kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness II;

(iii)

l-Artikolu 8(2) kif stabbilit fil-Parti B tal-Anness II;

(iv)

l-Artikolu 9(3) kif stabbilit fl-Anness III, b'mod partikolari b'segwitu għas-Summits Afrika-UE

(b)

l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi taħt il-Programmi ġeografiċi u taħt il-programm tematiku ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’, kif stabbilit fl-Anness IV. L-emendi ma għandhomx ikollhom l-effett li jnaqqsu l-ammont inizjali b'aktar minn 5 %, ħlief għall-allokazzjonijiet taħt il-punt (b) tal-Anness IV(1).

2.   B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 17 hija mogħtija lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 17 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għanhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“kumitat tad-DCI”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Osservatur mill-BEI għandu jieħu sehem fil-proċeduri tal-kumitat tad-DCI dwar dawk il-kwistjonijiet li jkunu jikkonċernaw lill-BEI

Artikolu 20

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu 2014-2020 għandu jkun ta' EUR 19 661 639 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   L-ammonti indikattivi allokati għal kull programm imsemmi fl-Artikoli 5 sa 9 għall-perjodu 2014-2020 huma stabbiliti fl-Anness IV.

3.   Konformement mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), għandu jkun allokat ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew għall-Viċinat, l-Istrument ta' Sħubija u l-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) għal azzjonijiet fir-rigward ta' mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim lejn jew minn pajjiżi sħab fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, u għal kooperazzjoni u djalogu dwar politika ma' awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandhom japplikaw għall-użu ta' dawk il-fondi.

Il-finanzjament għandu jsir disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jifdal rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandu jkun rifless fl-ipprogrammar indikattiv pluriennali previst f'dan ir-Regolament, skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti fil-każ ta' ċirkostanzi maġġuri mhux previsti jew bidliet politiċi importanti skont il-prijoritajiet esterni tal-Unjoni.

4.   Il-finanzjament taħt dan ir-Regolament għal azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jisboq EUR 707 000 000. Il-fondi għandhom jinħarġu mill-allokazzjonijiet finanzjarji għall-programmi ġeografiċi, u għandhom ikunu speċifikati d-distribuzzjoni reġjonali mistennija u t-tipi ta' azzjoni. Il-finanzjament taħt dan ir-Regolament immirat għall-finanzjament ta' azzjonijiet koperti mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu jintuża għal azzjonijiet għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab koperti minn dan ir-Regolament, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-ifqar pajjiżi. L-azzjonijiet ta' mobbiltà għal studenti u persunal iffinanzjati permezz tal-allokazzjoni minn dan ir-Regolament, għandhom jiffokaw fuq oqsma li huma rilevanti għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, lista tal-azzjonijiet kollha msemmija fil-poaragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li l-finanzjament għalihom huwa dderivat minn dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tagħhom mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(4)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(5)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(9)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(12)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tas-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta'Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).


ANNESS I

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI ĠEOGRAFIĊI

A.   OQSMA KOMUNI TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI ĠEOGRAFIĊI

Il-programmi ġeografiċi għandhom jinsiltu mill-oqsma ta' kooperazzjoni mniżżlin hawn taħt, li m'għandhomx jitqiesu l-istess bħas-setturi. Se jkunu stabbiliti prijoritajiet skont l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp li l-Unjoni tkun involuta fihom, b'mod partikolari l-MDGs u miri ġodda għall-iżvilupp għall-wara l-2015 maqbula internazzjonalment li jimmodifikaw jew jissostitwixxu l-MDGs, u abbażi ta' djalogu ta' politika ma' kull pajjiż jew reġjun sħab eliġibbli.

I.   Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba

(a)   Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

(i)

l-appoġġ tad-demokratizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż ir-rwol tal-parlamenti;

(ii)

it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji u ta' protezzjoni u l-iżgurar ta' aċċess għall-ġustizzja bla tfixkil u ugwali għal kullħadd,

(iii)

l-appoġġ tal-funzjonament trasparenti u responsabbli tal-istituzzjonijiet u d-deċentralizzazzjoni; il-promozzjoni ta' djalogu soċjali parteċipatorju fil-pajjiż u djalogi oħrajn dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem,

(iv)

il-promozzjoni tal-libertà tal-mezzi tal-informazzjoni, inkluż għal mezzi ta' komunikazzjoni moderni,

(v)

il-promozzjoni tal-pluraliżmu politiku, il-ħarsien tad-drittijiet ċivili, kulturali, ekonomiċi, politiċi u soċjali u l-ħarsien ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli,

(vi)

l-appoġġ tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-prattiki diskriminatorji għal kwalunkwe raġuni, fost l-oħrajn, abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika, il-kasta, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-sess, l-identità tal-ġeneru, jew l-orjentazzjoni sesswali, l-affiljazzjoni soċjali, id-diżabbiltà, l-istatus tas-saħħa jew l-età,

(vii)

il-promozzjoni tar-reġistrazzjoni ċivili, speċjalment ir-reġistrazzjoni tat-twelid u l-mewt.

(b)   L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti ta' setgħa u opportunitajiet ugwali għan-nisa

(i)

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ekwità,

(ii)

il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inkluż permezz ta' azzjonijiet kontra ż-żwieġ tat-tfal u prattiki tradizzjonali oħra ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza sessista,

(iii)

il-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa, inkluż fir-rwoli tagħhom bħala atturi għall-iżvilupp u bennejja tal-paċi.

(c)   Il-ġestjoni tas-settur pubbliku fil-livell ċentrali u lokali

(i)

l-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur pubbliku bl-iskop tat-tisħiħ tal-aċċess universali u mhux diskriminatorju għal servizzi bażiċi, speċjalment is-saħħa u l-edukazzjoni,

(ii)

l-appoġġ ta' programmi biex itejbu l-formulazzjoni tal-politika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, inklużi t-twaqqif u t-tisħiħ ta' korpi u miżuri ta' verifika, kontroll u kontra l-frodi, u żvilupp istituzzjonali, inkluż il-ġestjoni tar-riżorsi umani,

(iii)

it-tisħiħ tal-għarfien espert tekniku tal-parlamenti, li jippermettilhom li jivvalutaw u jikkontribwixxu għall-formulazzjoni u s-sorveljanza ta' baġits nazzjonali, anke fir-rigward tad-dħul domestiku mill-estrazzjoni ta' riżorsi u kwistjonijiet fiskali.

(d)   Il-politika u l-amministrazzjoni fiskali

(i)

l-appoġġ għall-bini jew it-tisħiħ ta' sistemi fiskali domestiċi ġusti, trasparenti, effettivi, progressivi u sostenibbli,

(ii)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-flussi finanzjarji illeċiti,

(iii)

l-appoġġ għall-produzzjoni u t-tixrid tal-ħidma dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-impatt tagħha, b'mod partikolari minn korpi ta' sorveljanza, parlamenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili,

(iv)

l-appoġġ għal inizjattivi multilaterali u reġjonali dwar l-amministrazzjoni fiskali u r-riformi fiskali,

(v)

l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipparteċipaw b'mod aktar effettiv fl-istrutturi u l-proċessi tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa,

(vi)

l-appoġġ għall-inklużjoni ta' rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż u proġett bi proġett fil-leġislazzjoni ta' pajjiżi sħab sabiex tissaħħaħ it-trasparenza finanzjarja.

(e)   Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

(i)

l-assistenza lill-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-forom kollha ta' korruzzjoni, inkluż permezz tal-ħidma ta' promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni u r-rappurtar

(ii)

iż-żieda fil-kapaċità tal-korpi ta' kontroll u ta' sorveljanza u tal-ġudikatura.

(f)   Is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali

(i)

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tissaħħaħ il-vuċi tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp u għall-avvanz tad-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku,

(ii)

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u l-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert tagħhom għall-promozzjoni ta' approċċ territorjali għall-iżvilupp, inklużi l-proċessi ta' deċentralizzazzjoni;

(iii)

il-promozzjoni ta' ambjent ta' abilitazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni tas-soċjetà ċivili.

(g)   Il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal

(i)

il-promozzjoni tal-għoti ta' dokumenti legali,

(ii)

l-appoġġ għal kwalità ta' ħajja adegwata u f'saħħitha u tkabbir b'saħħtu għall-età adulta,

(iii)

l-iżgurar li tiġi pprovduta edukazzjoni bażika lil kulħadd.

II.   Tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

(a)   Is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-impjiegi u l-kultura

(i)

l-appoġġ għar-riformi settorjali li jżidu l-aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari s-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni ta' kwalità, b'attenzjoni fuq l-MDGs relatati u fuq l-aċċess għal tali servizzi mill-fqar u mill-gruppi marġinalizzati u vulnerabbli,

(ii)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali biex jirrispondu għall-isfidi globali, reġjonali u lokali, inkluż permezz tal-użu tal-appoġġ settorjali tal-baġit bi djalogu politiku intensifikat,

(iii)

it-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa, fost l-oħrajn bl-indirizzar tan-nuqqas ta' persuni kkwalifikati fis-settur tal-kura tas-saħħa, il-finanzjament ġust għas-saħħa u biex il-mediċini u l-vaċċini jsiru aktar abbordabbli għall-fqar,

(iv)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom u f'dan il-kuntest is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

(v)

l-iżgurar ta' provvista adegwata ta' ilma għax-xorb ta' kwalità tajba abbordabbli, sanità u iġjene adegwati,

(vi)

it-tisħiħ tal-appoġġ għall-edukazzjoni ta' kwalità u għal aċċess ugwali għaliha,

(vii)

l-appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali għall-impjegabbiltà u l-kapaċità li jitwettqu u jintużaw ir-riżultati tar-riċerka favur l-iżvilupp sostenibbli,

(viii)

l-appoġġ għall-iskemi u l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali nazzjonali, inklużi s-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali għas-saħħa u l-iskemi tal-pensjonijiet, b'attenzjoni fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanza,

(ix)

l-appoġġ għall-aġenda tax-xogħol diċenti, u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali,

(x)

il-promozzjoni ta' djalogu interkulturali, d-diversità kulturali u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-kulturi kollha;

(xi)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali biex tistimola l-kontribut ta' industriji kulturali għal tkabbir ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha għall-ġlieda kontra l-faqar, inkluż l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-aċċess għas-suq u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

(b)   L-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq dinjija

(i)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' settur privat lokali kompetittiv, inkluż billi tinbena l-kapaċità lokali istituzzjonali u tan-negozju;

(ii)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi ta' produzzjoni lokali u ta' intrapriżi lokali inklużi intrapriżi ekoloġiċi;

(iii)

il-promozzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), il-mikrointrapriżi u l-kooperattivi u tal-kummerċ ġust,

(iv)

il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' swieq lokali, domestiċi u reġjonali, inklużi swieq għall-prodotti u s-servizzi ambjentali,

(v)

l-appoġġ għar-riformi tal-qafas leġislattiv u dak regolatorju u l-infurzar tagħhom,

(vi)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tan-negozji u finanzjarji bħall-mikrokreditu u t-tfaddil, il-mikroassigurazzjoni u t-trasferiment tal-pagamenti;

(vii)

l-appoġġ għall-infurzar tad-drittijiet tax-xogħol maqbula internazzjonalment;

(viii)

l-istabbiliment u t-titjib ta' liġijiet u reġistri tal-artijiet sabiex jiġu protetti drittijiet tal-proprjetà tal-art u tal-proprjetà intellettwali;

(ix)

il-promozzjoni ta' politiki ta' riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv;

(x)

il-promozzjoni tal-investimenti li jiġġeneraw impjiegi sostenibbli, inklużi permezz ta' mekkaniżmi ta' taħlit, b'attenzjoni fuq il-finanzjament għall-kumpanniji domestiċi u l-ingranaġġ tal-kapitali domestiċi, b'mod partikolari fil-livell tal-SMEs, u l-appoġġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani;

(xi)

it-titjib tal-infrastruttura b'rispett sħiħ għall-istandards soċjali u ambjentali;

(xii)

il-promozzjoni ta' approċċi settorjali għal trasport sostenibbli, li jissodisfa l-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab, li jiżgura s-sigurtà tat-trasport, l-abbordabbiltà u l-effiċjenza, u l-minimizzar ta' effetti negattivi fuq l-ambjent,

(xiii)

l-impenn mas-settur privat għat-tisħiħ tal-iżvilupp soċjalment responsabbli u sostenibbli, il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali korporattiva u l-obbligu ta' rendikont u d-djalogu soċjali;

(xiv)

l-assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tal-kummerċ u tal-integrazzjoni reġjonali u kontinentali, u l-provvista ta' assistenza għall-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tagħhom fl-ekonomija dinjija;

(xv)

l-appoġġ għal aċċess aktar ġeneralizzat għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex tingħalaq id-differenza diġitali.

(c)   Agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni

(i)

l-għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tinbena r-reżiljenza tagħhom għax-xokkijiet (bħall-iskarsezza ta' riżorsi u l-provvista, il-volatilità tal-prezzijiet) u l-indirizzar ta' inugwaljanzi, billi persuni foqra jingħataw aċċess aħjar għall-art, l-ikel, l-ilma, l-enerġija u l-finanzi mingħajr ma' jiġi pperikolat l-ambjent;

(ii)

l-appoġġ għal prattiki ta' agrikoltura sostenibbli u riċerka agrikola rilevanti, u l-iffokar fuq l-agrikoltura fuq skala żgħira u l-għajxien rurali;

(iii)

l-appoġġ għan-nisa fl-agrikoltura;

(iv)

l-inkoraġġiment għall-isforzi tal-gvernijiet biex jiffaċilitaw investiment privat soċjalment u ekoloġikament responsabbli;

(v)

l-appoġġ għal approċċi strateġiċi għas-sigurtà tal-ikel, b'attenzjoni fuq id-disponibbiltà tal-ikel, l-aċċess, l-infrastruttura, il-ħżin u n-nutrizzjoni;

(vi)

l-indirizzar tan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni permezz ta' interventi bażiċi f'sitwazzjonijiet ta' transizzjoni u fraġilità;

(vii)

l-appoġġ għall-iżvilupp territorjali mmexxi mill-pajjiżi, parteċipatorju, deċentralizzat u ambjentalment sostenibbli.

(d)   Enerġija sostenibbli

(i)

it-titjib tal-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni, abbordabbli, sostenibbli, effiċjenti, nodfa u rinnovabbli;

(ii)

il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli lokali u reġjonali, u l-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata.

(e)   Il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, inkluż l-art, il-forestrija u l-ilma, b'mod partikolari:

(i)

l-appoġġ għall-proċessi u l-korpi ta' sorveljanza u s-sostenn ta' riformi ta' governanza li jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u trasparenti u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali

(ii)

il-promozzjoni ta' aċċess ekwu għall-ilma, kif ukoll il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar;

(iii)

il-promozzjoni tal-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema;

(iv)

il-promozzjoni ta' xejriet sostenibbli tal-produzzjoni u tal-konsum u l-ġestjoni sigura u sostenibbli ta' sustanzi kimiċi u skart, billi jitqiesu l-impatti tagħhom fuq is-saħħa.

(f)   It-tibdil fil-klima u l-ambjent

(i)

il-promozzjoni tal-użu ta' teknoloġiji aktar nodfa, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi sostenibbli bil-għan li jinkiseb żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju filwaqt li jiġu rinfurzati standards ambjentali,

(ii)

it-titjib fir-reżiljenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jiġu appoġġati l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bbażati fuq l-ekosistema u l-miżuri tat-tnaqqis fir-riskju tad-diżastri,

(iii)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, b'mod partikolari t-tisħiħ tad-dimensjoni ambjentali tal-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli u l-promozzjoni tal-ħarsien tal-bijodiversità,

(iv)

il-pajjiżi sħab jiġu megħjuna sabiex jadattaw mal-isfida tal-ispostament u l-migrazzjoni kkważata mill-effetti tat-tibdil fil-klima, u l-bini mill-ġdid tal-għajxien tar-refuġjati minħabba l-klima.

III.   Oqsma oħra ta' importanza għall-iżvilupp

(a)   Il-migrazzjoni u l-asil

(i)

l-appoġġ għal sforzi mmirati sabiex tiġi sfruttata bis-sħiħ l-interrelazzjoni bejn il-migrazzjoni, il-mobbiltà, l-impjieg u t-tnaqqis ta-faqar, sabiex il-migrazzjoni tkun forza pożittiva għall-iżvilupp u jitnaqqas l-“eżodu ta' mħuħ”,

(ii)

l-appoġġ għal pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-adozzjoni ta' politiki fuq perijodu ta' żmien twil għall-ġestjoni tal-flussi migratorji, li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u l-familji tagħhom u li jtejbu l-protezzjoni soċjali tagħhom.

(b)   Ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(i)

ir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni, fuq perijodu ta' żmien medju u twil, ta' reġjuni u pajjiżi milquta minn konflitti kif ukoll minn diżastri provokati mill-bniedem u diżastri naturali;

(ii)

it-twettiq ta' attivitajiet fuq perijodu ta' żmien medju u twil immirati għall-awtosuffiċjenza u l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni mġiegħla jitilqu minn arthom, billi tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.

(c)   Ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

(i)

f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, l-appoġġ għat-twassil ta' servizzi bażiċi u l-bini ta' istituzzjonijiet Statali leġittimi, effettivi u reżiljenti u soċjetà ċivili attiva u organizzata, fi sħubija mal-pajjiż ikkonċernat;

(ii)

il-kontribut għal approċċ ta' prevenzjoni għall-fraġilità tal-Istat, il-konflitti, id-diżastri naturali u tipi oħra ta' kriżijiet billi l-pajjiżi sħab u l-isforzi ta' organizzazzjonijiet reġjonali jiġu megħjuna biex isaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija u l-governanza demokratika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali,

(iii)

l-appoġġ għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-istat ta' preparazzjoni għad-diżastri u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konsegwenzi ta' tali diżastri.

(d)   L-iżvilupp u s-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni ta' konflitti

(i)

l-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' konflitt, inkluż il-faqar, id-degradazzjoni, l-esplojtazzjoni u d-distribuzzjoni u l-aċċess mhux ugwali għar-riżorsi tal-art u naturali, il-governanza dgħajfa, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-inugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz ta' appoġġ għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-bini tal-paċi,

(ii)

il-promozzjoni tad-djalogu, il-parteċipazzjoni u r-rikonċiljazzjoni bil-għan tal-promozzjoni tal-paċi u l-prevenzjoni ta' tifqigħ ta' vjolenza, f'konformità mal-aħjar prattika internazzjonali,

(iii)

it-trawwim tal-kooperazzjoni u r-riforma tal-politika fl-oqsma tas-sigurtà u l-ġustizzja, il-ġlieda kontra d-drogi u traffikar ieħor, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

B.   OQSMA SPEĊIFIĊI TA' KOOPERAZZJONI GĦAL KULL REĠJUN

L-għajnuna mill-Unjoni għandha tappoġġa azzjonijiet u djalogi settorjali konsistenti mal-Artikolu 5 u Parti A ta' dan l-Anness I, u mal-għan ġenerali u l-ambitu ġenerali, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament. Għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-oqsma deskritti hawn taħt, li jirriflettu strateġiji maqbula b'mod konġunt.

I.   L-Amerika Latina

(a)

L-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, xogħol diċenti u ekwità, ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa;

(b)

l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' governanza u l-appoġġ għar-riformi tal-politika, b'mod partikolari fl-oqsma tal-politiki soċjali, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u t-tassazzjoni, is-sigurtà (inklużi d-drogi, il-kriminalità u l-korruzzjoni), it-tisħiħ tal-governanza tajba, l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, (anki permezz ta' mekkaniżmi innovattivi għall-provvista ta' kooperazzjoni teknika, pereżempju l-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) u ġemellaġġi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, tal-persuni indiġeni u tal-persuni b'dixxendenza Afrikana, ir-rispett għall-istandards tax-xogħol ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-ambjent, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal u l-ġlieda kontra l-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(c)

l-appoġġ għal soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(d)

It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali b'mod partikolari bl-istabbiliment u t-tisħiħ ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli, inklużi l-assigurazzjoni soċjali, u r-riforma fiskali, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' sistemi fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u d-distribuzzjoni tal-ġid;

(e)

l-assistenza lill-Istati tal-Amerika Latina fit-twettiq tal-obbligu tagħhom ta' diliġenza dovuta fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni legali, is-sanzjonijiet, l-indennizz u l-attenzjoni għall-femminiċidju;

(f)

l-appoġġ għal diversi proċessi ta' integrazzjoni reġjonali u l-interkonnessjoni ta' infrastrutturi tan-netwerks, filwaqt li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-attivitajiet appoġġati mill- BEI u istituzzjonijiet oħra;

(g)

l-indirizzar tar-rabta żvilupp-sigurtà;

(h)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

(i)

l-appoġġ għall-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta' qasam komuni tal-edukazzjoni għolja tal-Amerika Latina;

(j)

l-indirizzar tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-kontribuzzjoni għat-trasformazzjoni strutturali billi jkunu stabbiliti sħubiji sodi madwar relazzjonijiet miftuħa u ġusti ta' kummerċ, investimenti produttivi għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-ekonomija ekoloġika u inklużiva, it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, u l-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, b'attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-flussi migratorji, is-sigurtà tal-ikel (inkluż l-agrikoltura u s-sajd sostenibbli), it-tibdil fil-klima, l-enerġiji sostenibbli u l-ħarsien u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistemi, inkluż l-ilma, il-ħamrija u l-foresti; l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mikrointrapriżi u SMEs bħala s-sors ewlieni għat-tkabbir inklużiv, l-iżvilupp u l-impjiegi; il-promozzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-kummerċ biex jiġi żgurat u SMEs tal-Amerika Latina jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet kummerċjali internazzjonali; billi jittieħed kont tal-bidliet fl-iskema ġeneralizzata tal-preferenzi;

(k)

il-mitigazzjoni tal-effetti negattivi li ser ikollha l-esklużjoni mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi ġeneralizzati fuq l-ekonomiji ta' bosta pajjiżi fir-reġjun;

(l)

l-iżgurar ta' segwitu adatt għal miżuri ta' emerġenza għal perijodu ta' żmien qasir li jindirizzaw l-irkupru wara diżastru jew wara kriżi, li jiġu implimentati permezz ta' strumenti oħrajn ta' finanzjament.

II   L-Asja ta' Isfel

(1)   Il-promozzjoni ta' governanza demokratika

(a)

l-appoġġ għall-proċessi demokratiċi, it-trawwim ta' governanza demokratika effettiva, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-korpi pubbliċi (inkluż fil-livell lokali), l-appoġġ għad-deċentralizzazzjoni effiċjenti, ir-ristrutturazzjoni tal-istat u l-proċessi elettorali;

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, inklużi l-mezzi tal-komunikazzjoni, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(c)

il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet leġittimi, effettivi u responsabbli, il-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali u amministrattivi, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-appoġġ għall-istat tad-dritt;

(d)

it-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, il-migranti, il-popli indiġeni u l-gruppi vulnerabbli, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal u t-traffikar tal-bnedmin.

(e)

il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali (fosthom dwar il-governanza tajba u kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika) u riformi leġislattivi, amministrattivi u regolatorji f'konformità ma' standards internazzjonali, b'mod partikolari fi Stati fraġli u pajjiżi f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt;

(2)   Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu

(a)

l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni, is-saħħa u politiki soċjali oħrajn;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni; it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għal kullħadd bil-ħsieb li jiżdiedu l-għarfien, il-ħiliet u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, inkluż — fejn rilevanti — bl-indirizzar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tax-xogħol u d-dixxendenza, u b'mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti;

(c)

il-promozzjoni tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni, l-impjiegi deċenti u l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni, is-saħħa u politiki soċjali oħra;

(d)

il-promozzjoni ta' edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u servizzi tas-saħħa ta' kwalità għolja li huma aċċessibbli għal kullħadd (inklużi għall-bniet u n-nisa);

(e)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u bbażata fuq id-dixxendenza, il-ħtif tat-tfal, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi u kontra forom oħra ta' traffikar;

(f)

l-istabbiliment ta' sħubiji orjentati lejn l-iżvilupp madwar l-agrikoltura, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kummerċ, l-investiment, l-għajnuna, il-migrazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u l-provvista ta' beni pubbliċi, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali;

(3)   L-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, iż-żieda fir-reżiljenza tas-soċjetajiet tal-Asja t'Isfel kontra t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali

(a)

il-promozzjoni tat-tkabbir u l-għajxien sostenibbli u inklużiv, l-iżvilupp rurali integrat, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-enerġija rinnovabbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u l-immaniġġar tal-iskart, il-ħarsien tal-ħamrija u tal-foresti

(c)

il-kontribut għall-isforzi għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima permezz tal-appoġġ għall-adattament, il-mitigazzjoni u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji;

(d)

l-appoġġ għall-isforzi għat-titjib tad-diversifikazzjoni ekonomika, il-kompetittività u l-kummerċ, l-iżvilupp tas-settur privat b'attenzjoni partikolari fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs u l-kooperattivi.

(e)

il-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli kif ukoll l-investimenti f'teknoloġiji nodfa, l-enerġiji sostenibbli, it-trasport, l-agrikoltura u s-sajd sostenibbli, il-ħarsien u t-titjib tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, inkluż l-ilma u l-foresti, u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti fl-ekonomija ekoloġika;

(f)

l-appoġġ għall-istat ta' preparazzjoni għad-diżastri u l-irkupru fit-tul wara diżastru, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-assistenza lill-persuni mġiegħla jitilqu minn arthom;

(4)   L-appoġġ għall-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali

(a)

l-inkoraġġiment tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, b'mod orjentat lejn ir-riżultati permezz ta' appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali u d-djalogu, b'mod partikolari permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali u l-promozzjoni tal-objettivi ta' żvilupp tal-proċess ta' Istanbul (“Il-Qalba tal-Asja”);

(b)

l-appoġġ għall-ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli f'reġjuni tal-fruntiera; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(c)

l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali li jimmiraw il-mard prinċipali li jittieħed; il-kontribut għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ambjenti diversi tagħhom;

III.   L-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

(1)   Il-promozzjoni ta' governanza demokratika

(a)

il-kontribut għad-demokratizzazzjoni: il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet u korpi pubbliċi leġittimi, effettivi u responsabbli u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali (fosthom dwar il-governanza tajba u kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika) u riformi leġislattivi, amministrattivi u regolatorji f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari fi stati u pajjiżi fraġli f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u post-konflitt;

(b)

it-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi u tal-popli indiġeni, il-promozzjoni tar-rispett għall-istandards fundamentali tax-xogħol, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal, inklużi t-tfal f'konflitti armati, u l-indirizzar tal-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin;

(c)

l-appoġġ għall-istruttura tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), speċjalment il-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem;

(d)

il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet u korpi pubbliċi leġittimi, effettivi u b'obbligu ta' rendikont;

(e)

l-appoġġ ta' soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(f)

l-appoġġ għall-isforzi tar-reġjun għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà taċ-ċittadini, inkluż permezz tar-riforma tal-ġustizzja u tas-settur tas-sigurtà, u l-promozzjoni ta' djalogu interetniku u bejn nies ta' fidi differenti u proċessi ta' paċi;

(g)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi u kontra forom oħra ta' traffikar, u l-appoġġ ta' ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fir-reġjuni tal-fruntiera; l-appoġġ għall-attivitajiet tat-tneħħija ta' mini;

(2)   Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu

(a)

l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni; it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għal kullħadd bil-ħsieb li jiżdiedu l-għarfien, il-ħiliet u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, inkluż — fejn rilevanti — bl-indirizzar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tax-xogħol u d-dixxendenza, u b'mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti;

(c)

l-istabbiliment ta' sħubiji orjentati lejn l-iżvilupp madwar l-agrikoltura, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kummerċ, l-investiment, l-għajnuna, il-migrazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u l-provvista ta' beni pubbliċi, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali;

(d)

l-appoġġ għall-isforzi tar-reġjun għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u d-diversi ambjenti tagħhom;

(e)

il-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva, tagħlim tul il-ħajja u taħriġ (inkluż l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ), u t-titjib tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol,

(f)

il-promozzjoni ta' ekonomija aktar ekoloġika u sostenibbli u tkabbir inklużiv speċjalment fir-rigward tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-enerġija sostenibbli u l-ħarsien u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi;

(g)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u abbażi tad-dixxendenza u l-ħtif tat-tfal;

(3)   L-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u ż-żieda fir-reżiljenza tas-soċjetajiet tal-Asja tax-Xlokk kontra t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali

(a)

l-appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta' konsum u produzzjoni sostenibbli;

(b)

l-appoġġ lir-reġjun sabiex jintegra t-tibdil fil-klima fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli, biex jiżviluppa politiki u strumenti għall-adattament u l-mitigazzjoni, biex jindirizza l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-inizjattivi ta' kooperazzjoni fit-tul u jnaqqas il-vulnerabbiltà għad-diżastri, biex jappoġġa l-Qafas Multisettorjali tal-ASEAN dwar it-Tibdil fil-Klima: L-Agrikoltura u l-Forestrija lejn is-Sigurtà tal-Ikel;

(c)

fid-dawl tal-espansjoni tal-popolazzjoni u d-domanda tal-konsumaturi li qed tinbidel, l-appoġġ għal konsum u produzzjoni sostenibbli kif ukoll investimenti f'teknoloġiji nodfa b'mod partikolari fil-livell reġjonali, enerġiji sostenibbli, trasport, agrikoltura u sajd sostenibbli, il-ħarsien u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż l-ilma u l-foresti, u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti fl-ekonomija ekoloġika;

(d)

tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp billi jiġi żgurat segwitu adatt għall-miżuri ta' emerġenza għal perijodu qasir li jindirizzaw l-irkupru ta' wara diżastru jew ta' wara kriżi implimentati permezz ta' strumenti oħrajn ta' finanzjament; l-appoġġ għat-tħejjija għad-diżastri u l-irkupru fit-tul wara diżastru, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutriment u l-għajnuna lill-persuni mġiegħla jitilqu minn arthom.

(4)   L-appoġġ għall-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali fl-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

(a)

l-inkoraġġiment ta' integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali akbar b'mod orjentat lejn ir-riżultati permezz ta' appoġġ għal integrazzjoni u djalogu reġjonali;

(b)

l-appoġġ għall-integrazzjoni soċjoekonomika u l-konnettività tal-ASEAN, inkluż l-implimentazzjoni tal-objettivi marbuta mal-iżvilupp tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN, il-Pjan Regolatorju dwar il-Konnettività tal-ASEAN u l-Viżjoni ta' Wara l-2015;

(c)

il-promozzjoni tal-assistenza marbuta mal-kummerċ u l-għajnuna għall-iżvilupp għall-kummerċ, inkluż biex jiġi żgurat li l-mikrointrapriżi u l-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali internazzjonali;

(d)

l-ingranaġġ tal-finanzjament għall-infrastrutturi u n-netwerks sostenibbli li jiffavorixxu l-integrazzjoni reġjonali, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir sostenibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-attivitajiet appoġġati mill-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni kif ukoll ma' istituzzjonijiet oħra f'dan il-qasam;

(e)

l-inkoraġġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-ASEAN u l-Unjoni.

(f)

l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali li jimmiraw il-mard prinċipali li jittieħed; il-kontribut għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ambjenti diversi tagħhom;

IV.   L-Asja Ċentrali

(a)

Bħala objettivi ġenerali, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jkun sostenibbli u inklużiv, il-koeżjoni soċjali u d-demokrazija;

(b)

l-appoġġ għas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għas-sigurtà tal-enerġija sostenibbli, l-ilma u s-sanità għall-popolazzjonijiet lokali; il-promozzjoni u l-appoġġ għal-istat ta' preparazzjoni għal diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

(c)

l-appoġġ għall-parlamenti rappreżentattivi u eletti b'mod demokratiku, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-governanza tajba u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni; ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi; l-istat tad-dritt, b'istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb u r-rispett effettiv għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; l-appoġġ għal soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ għas-sħab soċjali;

(d)

il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, l-indirizzar tal-inugwaljanzi soċjali u reġjonali, u l-appoġġ għall-innovazzjoni u t-teknoloġija, xogħol deċenti, l-iżvilupp agrikolu u rurali, il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni ekonomika permezz tal-appoġġ għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, filwaqt li jiġi stimolat l-iżvilupp ta' ekonomija soċjali tas-suq regolata, kummerċ u investiment miftuħ u ġust, inklużi r-riformi regolatorji;

(e)

l-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli f'reġjuni tal-fruntiera; fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta' traffikar, inkluż il-ġlieda kontra l-produzzjoni u l-konsum tad-drogi kif ukoll l-effetti negattivi tagħhom, inkluż l-HIV/AIDS;

(f)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali, id-djalogu u l-integrazzjoni inkluż ma' pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u strumenti oħra tal-Unjoni biex jappoġġaw ir-riformi tal-politika, fosthom permezz tal-bini tal-istituzzjonijiet meta adatt, l-assistenza teknika (pereżempju TAIEX), l-iskambju ta' informazzjoni u ġemellaġġi u b'investimenti ewlenin permezz ta' mekkaniżmi adatti sabiex jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji fis-setturi tal-edukazzjoni, l-ambjent u l-enerġija, l-iżvilupp b'livell baxx ta' emissjonijiet/reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

(g)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; l-appoġġ għall-aċċess tal-popolazzjoni, speċjalment iż-żgħażagħ u n-nisa, għall-impjiegi, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għat-titjib tal-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja.

V.   Il-Lvant Nofsani

(a)

L-indirizzar tad-demokratizzazzjoni u ta' kwistjonijiet relatati mal-governanza (inkluż fil-qasam tat-taxxa), l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza politika biex jiġu inkoraġġiti riformi politiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trasparenza tal-proċess ġudizzjarju u jinbnew istituzzjonijiet pubbliċi leġittimi, demokratiċi, effettivi u responsabbli u soċjetà ċivili attiva, indipendenti u organizzata; it-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ lis-sħab soċjali;

(b)

l-appoġġ lis-soċjetà ċivili fil-ġlieda tagħha għad-difiża tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi;

(c)

il-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp, b'mod partikolari l-ħolqien tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi; it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għas-servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; l-indirizzar, fejn ikun rilevanti, tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' impjieg jew dixxendenza, b'mod partikolari d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' kasta;

(d)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' kultura ċivika speċjalment permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

(e)

il-promozzjoni ta' riforma ekonomika sostenibbli u d-diversifikazzjoni, relazzjonijiet kummerċjali miftuħa u ġusti, l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq soċjali regolata u sostenibbli, investiment produttiv u sostenibbli fis-setturi ewlenin (bħall-enerġija, b'attenzjoni fuq l-enerġija rinnovabbli);

(f)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien, tal-kooperazzjoni, id-djalogu u l-integrazzjoni reġjonali, inkluż ma' pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u l-Istati tal-Golf koperti mill-Istrument ta' Sħubija u strumenti oħra tal-UE billi jiġu appoġġati l-isforzi ta' integrazzjoni fir-reġjun, b'mod indikattiv dwar l-ekonomija, l-enerġija, l-ilma, it-trasport u r-refuġjati;

(g)

il-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli u ġusta tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;

(h)

l-użu ta' riżorsi komplementari taħt dan ir-Regolament b'ħidma u appoġġ koerenti permezz ta' strumenti u politiki oħra tal-Unjoni, li jistgħu jiffukaw fuq aċċess għas-suq intern tal-Unjoni, il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol u integrazzjoni reġjonali usa';

(i)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(j)

fil-kuntest tar-rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-għajnuna lil persuni mċaqilqin minn djarhom u r-refuġjati;

VI.   Pajjiżi oħra

(a)

L-appoġġ għall-konsolidazzjoni ta' soċjetà demokratika, governanza tajba, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, Stat irregolat bl-istat tad-dritt u l-kontribut għall-istabbiltà u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali; appoġġ lil soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ lis-sħab soċjali;

(b)

l-għoti ta' appoġġ għall-isforzi ta' aġġustament xprunati mill-istabbiliment ta' diversi żoni ta' kummerċ ħieles;

(c)

l-appoġġ tal-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni, fosthom billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet bażiċi tal-komunitajiet żvantaġġati u billi tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u politiki ta' ridistribuzzjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

(d)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għas- servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

(e)

it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol b'enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tal-aġenda ta' xogħol deċenti tal-ILO;

(f)

l-indirizzar tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-kontribut għal trasformazzjoni strutturali b'enfasi fuq impjiegi deċenti permezz ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju billi jiġu stabbiliti sħubijiet b'saħħithom madwar relazzjonijiet kummerċjali ġusti, investimenti produttivi għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-ekonomija ekoloġika u inklużiva, it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u inklużiv fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, b'attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-flussi migratorji, id-djar, is-sigurtà tal-ikel (inkluż agrikoltura u sajd sostenibbli), it-tibdil fil-klima, l-enerġiji sostenibbli u l-protezzjoni u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u ekosistemi, inkluż l-ilma u l-ħamrija;

(g)

l-indirizzar tal-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u kwistjonijiet tas-saħħa, inkluż l-HIV/AIDS u l-impatti tagħhom fuq is-soċjetà.


ANNESS II

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI TEMATIĊI

A.   IL-PROGRAMM ’BENI PUBBLIĊI GLOBALI U SFIDI GLOBALI’

Il-programm ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’ huwa mmirat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab bil-għan li jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-programm għandu jinsilet mill-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin, u jiżgura sinerġija massima bejniethom fid-dawl tal-interkonnessjoni qawwija tagħhom.

I.   L-ambjent u t-tibdil fil-klima

(a)

Il-kontribut għad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima billi jiġi rispettat għalkollox il-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u prinċipji oħra stabbiliti fit-TFUE;

(b)

il-ħidma minn kmieni biex pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu assistiti biex jilħqu l-MDGs jew kwalunkwe qafas sussegwenti maqbul mill-Unjoni u l-Istati Membri, relatati mal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u s-sostenibbiltà ambjentali;

(c)

l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-Unjoni u impenji maqbula fuq livell internazzjonali u reġjonali u/jew ta' natura transkonfinali partikolarment fl-oqsma tat-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' strateġiji reżiljenti għat-tibdil fil-klima b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju li jagħtu prijorità lil strateġiji li jippromwovu l-bijodiversità, il-ħarsien tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, il-ġestjoni sostenibbli inklużi l-oċeani, l-art, l-ilma, is-sajd u l-foresti (pereżempju permezz ta' mekkaniżmi bħall-FLEGT), id-deżertifikazzjoni, il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma, il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ekoloġika;

(d)

iż-żieda fl-integrazzjoni u l-inklużjoni formali tal-objettivi relatati mat-tibdil fil-klima u l-ambjent fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE permezz ta' appoġġ għall-ħidma metodoloġika u ta' riċerka dwar, fi u minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li tinkludi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-kartografija tal-ekosistemi, evalwazzjoni u valutazzjoni, titjib tal-kompetenza ambjentali u l-promozzjoni ta' azzjonijiet innovattivi u l-koerenza tal-politika;

(e)

it-tisħiħ tal-governanza ambjentali u appoġġ għall-iżvilupp tal-politika internazzjonali sabiex tittejjeb il-koerenza u l-effiċjenza tal-governanza globali tal-iżvilupp sostenibbli, billi jiġu assistiti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ambjentali reġjonali u internazzjonali, u billi jiġu promossi miżuri effettivi ta' konformità u infurzar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw għal ftehimiet ambjentali multilaterali;

(f)

l-integrazzjoni kemm tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ippjanar tal-iżvilupp u l-investiment, u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' strateġiji li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju ta' diżastri, bħall-ħarsien tal-ekosistemi u r-restawr tal-artijiet mistagħdra;

(g)

ir-rikonoxximent tar-rwol deċiżiv tal-agrikoltura u taż-żamma tal-bhejjem fil-politiki dwar it-tibdil fil-klima billi jiġu promossi agrikoltura u trobbija tal-bhejjem fuq skala żgħira bħala strateġiji ta' adattament u mitigazzjoni awtonomi fin-Nofsinhar minħabba l-użu sostenibbli minnhom tar-riżorsi naturali, bħall-ilma u l-mergħat.

II.   Enerġija Sostenibbli

(a)

il-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi tal-enerġija affidabbli, siguri, bi prezz aċċessibbli, sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħala xprun ewlieni għall-qerda tal-faqar u għat-tkabbir u l-iżvilupp inklużiv b'enfasi speċjali fuq l-użu ta' sorsi lokali u reġjonali tal-enerġija rinnovabbli u fuq l-iżgurar ta' aċċess għal persuni fqar f'reġjuni mbiegħda;

(b)

it-trawwim ta' aktar użu ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari approċċi deċentralizzati, kif ukoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni ta' strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet;

(c)

il-promozzjoni tas-sigurtà tal-enerġija għal pajjiżi sħab u l-komunitajiet lokali, pereżempju permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u tar-rotot, il-konsiderazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-volatilità tal-prezzijiet, il-potenzjal ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib tas-swieq u t-trawwim tal-interkonnessjonijiet u l-kummerċ tal-enerġija u b'mod partikolari tal-elettriku.

III.   L-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi x-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-kultura

(a)   Is-saħħa

(i)

it-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-persuni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jkun appoġġat l-aċċess inklużiv u universali għal, u billi jiġu pprovduti b'mod ugwali faċilitajiet, prodotti u servizzi tas-saħħa pubblika essenzjali ta' kwalità tajba b'kontinwità tal-kura mill-prevenzjoni sa wara t-trattament u b'enfasi speċjali fuq il-ħtiġijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati u vulnerabbli;

(ii)

l-appoġġ u l-formazzjoni tal-aġenda politika ta' inizjattivi globali ta' benefiċċju dirett sinifikanti għall-pajjiżi sħab, billi jiġu kkunsidrati l-orjentazzjoni tar-riżultati, l-effettività tal-għajnuna u l-effetti fuq is-sistemi tas-saħħa, inkluż l-appoġġ lill-pajjiżi sħab biex jinvolvu ruħhom aħjar ma' dawk l-inizjattivi;

(iii)

l-appoġġ għall-inizjattivi speċifiċi speċjalment fuq livell reġjonali u globali, li jsaħħu s-sistemi tas-saħħa u jgħinu lill-pajjiżi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki nazzjonali tajba u sostenibbli dwar is-saħħa abbażi tal-evidenza, u f'oqsma prijoritarji bħas-saħħa tat-tfal u tal-omm, li jinkludu immunizzazzjoni u reazzjoni għat-theddid globali għas-saħħa (bħall-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja u mard ieħor ittraskurat relatat mal-faqar);

(iv)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom u f'dan il-kuntest is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

(v)

il-promozzjoni, l-għoti u l-estensjoni tas-servizzi essenzjali u l-appoġġ psikoloġiku għall-vittmi tal-vjolenza, speċjalment in-nisa u t-tfal.

(b)   Edukazzjoni, għarfien u ħiliet

(i)

l-appoġġ għall-kisba ta' miri maqbula internazzjonalment fl-edukazzjoni permezz ta' inizjattivi u sħubijiet globali, b'enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-valuri għal żvilupp sostenibbli u inklużiv;

(ii)

il-promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenza, prattiki tajba u l-innovazzjoni, abbażi ta' approċċ bilanċjat lejn l-iżvilupp tas-sistemi edukattivi;

(iii)

it-titjib tal-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u tal-kwalità tal-edukazzjoni b'mod partikolari għall-persuni li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli, migranti, in-nisa u l-bniet, u l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jgħixu f'kuntest fraġli, u fil-pajjiżi li għad fadlilhom l-aktar biex jilħqu l-miri globali, u t-titjib tal-ikkompletar tal-edukazzjoni bażika u t-transizzjoni għall-edukazzjoni sekondarja.

(c)   L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet

(i)

l-appoġġ għall-programmi fil-livell ta' pajjiż, reġjonali u lokali biex jiġu promossi l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali, it-tmexxija u l-parteċipazzjoni politika ugwali tan-nisa;

(ii)

l-appoġġ għall-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u globali biex jippromwovu l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-politiki, il-pjanijiet u l-baġits, inkluż fl-oqfsa tal-iżvilupp internazzjonali, reġjonali u nazzjonali u fl-aġenda dwar l-effikaċja tal-għajnuna; l-għajnuna għall-eradikazzjoni ta' prattiki tal-għażla tas-sessi bi preġudizzju bejn is-sessi;

(iii)

l-indirizzar tal-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u l-appoġġ għall-vittmi tagħha.

(d)   It-tfal u ż-żgħażagħ

(i)

il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal u kontra kull forma ta' vjolenza u abbuż fuq it-tfal u kull forma ta' tħaddim tat-tfal, il-ġlieda kontra ż-żwieġ ta' tfal, u l-promozzjoni ta' linji politiċi li jqisu l-vulnerabbiltajiet partikolari u l-potenzjal partikolari tat-tfal u taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, inkluża r-reġistrazzjoni tagħhom mat-twelid u l-interessi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-għajxien, li tibda bil-parteċipazzjoni u l-għoti ta' setgħat;

(ii)

it-tisħiħ fl-attenzjoni u l-kapaċità ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiżviluppaw politiki li jkunu ta' benefiċċju għat-tfal u ż-żgħażagħ u l-promozzjoni tar-rwol tat-tfal u ż-żgħażagħ bħala atturi għall-iżvilupp;

(iii)

l-appoġġ tal-iżvilupp ta' strateġiji u interventi konkreti li jindirizzaw problemi u sfidi partikolari li jolqtu lit-tfal u liż-żgħażagħ, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg, billi jitqiesu l-aħjar interessi tagħhom f'kull azzjoni rilevanti.

(e)   Nondiskriminazzjoni

(i)

l-appoġġ għal inizjattivi lokali, reġjonali, nazzjonali u globali biex ikun promoss in-nuqqas ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, identità tal-ġeneru, oriġini razzjali jew etnika, kasti, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, mard, età u orjentazzjoni sesswali permezz tal-iżvilupp ta' politiki, pjanijiet u baġits, kif ukoll l-iskambju ta' prattiki tajba u għarfien espert;

(ii)

l-iżgurar ta' djalogu aktar miftuħ fuq in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

(f)   Impjieg, ħiliet, protezzjoni soċjali u inklużjoni soċjali

(i)

is-sostenn ta' livelli għolja ta' impjiegi produttivi u deċenti b'mod partikolari b'appoġġ għal politiki u strateġiji tajba dwar l-edukazzjoni u x-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali għall-impjegabbiltà li jkun rilevanti għall-ħtiġijiet u l-perspettivi tas-suq lokali tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluż fl-ekonomija informali, il-promozzjoni ta' xogħol deċenti abbażi tal-istandards bażiċi tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), inkluża l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, u d-djalogu soċjali kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema filwaqt li jiġu rrispettati u promossi d-drittijiet tal-migranti;

(ii)

it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali b'mod partikolari bil-ħolqien u t-tisħiħ ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli, inklużi l-iskemi tal-assigurazzjoni soċjali għal dawk li jgħixu fil-faqar, u bir-riforma fiskali, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' sistemi fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u d-distribuzzjoni tal-ġid;

(iii)

it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali l-ugwaljanza bejn is-sessi b'kooperazzjoni dwar l-aċċess ekwu għas-servizzi bażiċi, l-impjieg għal kulħadd, l-għoti tas-setgħa u r-rispett lejn id-drittijiet ta' gruppi speċifiċi, speċjalment il-migranti, it-tfal u ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltajiet, in-nisa, popli indiġeni u persuni li jappartjenu għal minoranzi sabiex jiġi żgurat li dawk il-gruppi jistgħu u se jipparteċipaw u jgawdu mill-ħolqien tal-ġid u d-diversità kulturali.

(g)   Tkabbir, impjiegi u involviment tas-settur privat

(i)

il-promozzjoni ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, bl-iżvilupp tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-mikrointrapriżi u l-SMEs lokali u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija lokali, reġjonali u globali, li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintegraw ruħhom fis-sistemi kummerċjali reġjonali u multilaterali,

(ii)

l-iżvilupp ta' snajja' lokali, li jservu biex jippreżervaw il-wirt kulturali lokali,

(iii)

l-iżvilupp ta' settur privat lokali soċjalment u ekoloġikament responsabbli u t-titjib tal-ambjent tan-negozju,

(iv)

il-promozzjoni ta' politiki ekonomiċi effettivi li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ekonomija lokali u l-industriji lokali, lejn ekonomija ekoloġika u inklużiva, l-effiċjenza fir-riżorsi u proċessi ta' konsum u produzzjoni sostenibbli.

(v)

il-promozzjoni tal-użu tal-komunikazzjoni elettronika bħala għodda biex issostni t-tkabbir favur il-fqar mas-setturi kollha sabiex tingħalaq il-qasma diġitali bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk industrijalizzati u ġo pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jinkiseb qafas politiku u regolatorju adegwat f'dan il-qasam u jkun promoss l-iżvilupp tal-infrastruttura neċessarja u l-użu tas-servizzi u l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT.

(vi)

il-promozzjoni ta' inklużjoni finanzjarja billi jitrawwem l-aċċess għal u l-użu effettiv tas-servizzi finanzjarji, bħall-mikrokreditu u t-tfaddil, il-mikro-assigurazzjoni u t-trasferiment tal-pagamenti, mill-mikrointrapriżi u l-SMEs u l-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli.

(h)   Kultura

(i)

il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-kulturi kollha;

(ii)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali sabiex tistimola l-kontribut ta' industriji kulturali għat-tkabbir ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħha għall-ġlieda kontra l-faqar, li jinkludi l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-aċċess għas-suq u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(iii)

il-promozzjoni tar-rispett għall-valuri soċjali, kulturali u spiritwali ta' popli indiġeni u minoranzi sabiex jitjiebu l-ugwaljanza u l-ġustizzja f'soċjetajiet multi-etniċi f'konformità mad-drittijiet universali tal-bniedem li għalihom kulħadd għandu jedd, inklużi popli indiġeni u persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

(iv)

l-appoġġ għall-kultura bħala settur ekonomiku promettenti għall-iżvilupp u t-tkabbir.

IV.   Is-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment u l-agrikoltura sostenibbli

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenzi u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab fuq l-erba' pilastri tas-sigurtà tal-ikel b'approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi: id-disponibbiltà (produzzjoni) tal-ikel, l-aċċess (inklużi l-art, l-infrastruttura għat-trasport tal-ikel minn żoni biż-żejjed għal żoni bin-nieqes, is-swieq, l-istabbiliment ta' riżervi domestiċi tal-ikel, ix-xbieki tas-sigurtà), l-użu (interventi ta' nutriment b'kuxjenza soċjali) u l-istabbiltà, filwaqt li tindirizza l-kummerċ ġust u tipprijoritizza ħames dimensjonijiet: l-agrikoltura ta' skala żgħira u ż-żamma tal-bhejjem, l-ipproċessar tal-ikel biex jinħoloq valur miżjud, il-governanza, l-integrazzjoni reġjonali u l-mekkaniżmi ta' assistenza għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, b'dawn li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-agrikoltura sostenibbli fuq skala żgħira u ż-żamma tal-bhejjem permezz ta' aċċess sigur għal teknoloġija bbażata fuq l-ekosistemi, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima (inkluż teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni), permezz tar-rikonoxximent, il-promozzjoni u t-tisħiħ ta' strateġiji awtonomi ta' adattament fir-rigward tat-tibdil fil-klima, u permezz ta' estensjoni u servizzi tekniċi, skemi ta' żvilupp rurali, miżuri ta' investiment produttivi u responsabbli, f'konformità ma' linji gwida internazzjonali, il-ġestjoni sostenibbli tal-art u r-riżorsi naturali, il-ħarsien tad-drittijiet fuq l-art tal-popolazzjoni fid-diversi forom tagħha u l-aċċess għall-art għall-popolazzjonijiet lokali, il-ħarsien tad-diversità ġenetika, f'ambjent ekonomiku favorevoli;

(b)

appoġġ għat-tfassil tal-politika ambjentalment u soċjalment responsabbli u l-governanza tas-setturi relevanti, ir-rwol tal-atturi pubbliċi u dawk mhux pubbliċi fir-regolamentazzjoni tagħha u l-użu tal-beni pubbliċi, il-kapaċità organizzattiva tagħha, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-istituzzjonijiet;

(c)

it-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment permezz ta' politiki adegwati, inkluż il-protezzjoni tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi, politiki għall-adattament għall-klima, sistemi ta' informazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet, u strateġiji ta' nutriment għall-popolazzjonijiet vulnerabbli li jimmobilizzaw ir-riżorsi meħtieġa biex jitwasslu interventi bażiċi li jistgħu jipprevjenu l-maġġoranza vasta ta' każijiet ta' malnutriment;

(d)

it-trawwim ta' prattiki sikuri u sostenibbli permezz tal-katina tal-ikel u l-għalf.

V.   Il-migrazzjoni u l-asil

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam hija maħsuba li ssaħħaħ id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali sabiex tiġi appoġġata l-mobbiltà tal-bniedem bħala element pożittiv tal-iżvilupp tal-bniedem. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam, ibbażata fuq approċċ li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk ċivili u politiċi, jew ekonomiċi, soċjali u kulturali, ser tindirizza l-isfidi tal-flussi migratorji, inkluża l-migrazzjoni bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar, is-sitwazzjoni ta' migranti vulnerabbli bħal minuri mhux akkumpanjati, vittmi ta' traffikar, persuni li jfittxu l-asil, migranti nisa, u l-kondizzjoni ta' tfal, nisa u familji li jitħallew fil-pajjiżi tal-oriġini, b'dawn li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' governanza tal-migrazzjoni fil-livelli kollha, b'enfasi partikolari fuq il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-migrazzjoni, u r-rikonoxximent tar-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża d-dijaspora, u l-awtoritajiet lokali fl-indirizzar tal-migrazzjoni bħala komponent essenzjali tal-istrateġija dwar l-iżvilupp;

(b)

tiġi żgurata ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-gvernijiet u partijiet interessati rilevanti oħra fil-pajjiżi sħab f'oqsma bħal: il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà; il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, il-kuntrabandu ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin; il-faċilitazzjoni tar-ritorn sostenibbli tal-migranti irregolari u l-appoġġ għar-ritorn volontarju u l-integrazzjoni mill-ġdid; kapaċitajiet ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri; u l-protezzjoni internazzjonali u l-asil.

(c)

jiġi massimizzat l-impatt tal-iżvilupp taż-żieda fil-mobbiltà reġjonali u globali tal-persuni, u b'mod partikolari tal-migrazzjoni tax-xogħol ġestita tajjeb, tittejjeb l-integrazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi tad-destinazzjoni, jiġu promossi u protetti d-drittijiet tal-migranti u l-familji tagħhom, permezz ta' appoġġ għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki reġjonali u nazzjonali tajba dwar il-migrazzjoni u l-asil, permezz tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-migrazzjoni f'politiki reġjonali u nazzjonali oħra u permezz ta' appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-migranti u l-awtoritajiet lokali fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-proċessi tal-implimentazzjoni tal-politika;

(d)

jiġi mtejjeb fehim komuni tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, inklużi l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-politiki tal-gvern, sew jekk ikunu fis-settur tal-migrazzjoni/asil jew f'setturi oħra;

(e)

tissaħħaħ il-kapaċità tal-asil u tal-akkoljenza f'pajjiżi sħab.

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam ser tiġi ġestita f'koerenza mal-Fond tal-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp.

B.   ’IL-PROGRAMM 'ORGANIZZAZZJONIJIET TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-AWTORITAJIET LOKALI’

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Inizjattiva ta' Djalogu Strutturat tal-Kummissjoni u l-appoġġ tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, l-objettiv ta' dan il-programm hu li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab u, meta previst f'dan ir-Regolament, fl-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali. Għandu l-għan li jrawwem ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni u l-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-iskambju ta' għarfien u esperjenzi u kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab b'appoġġ għall-għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili’ huma atturi mhux tal-Istat, li ma jagħmlux profitt u joperaw fuq bażi indipendenti u b'obbligu ta' rendikont li jinkludu: organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw popli indiġeni, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali u/ jew etniċi, organizzazzjonijiet ta' dijaspora, organizzazzjonijiet ta' migranti f'pajjiżi sħab, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti lokali u gruppi taċ-ċittadini, kooperattivi, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u trade unions (sħab soċjali), organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-frodi u jippromwovu governanza tajba, organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u organizzazzjonijiet li jiġġieldu d-diskriminazzjoni, organizzazzjonijiet lokali (inkluż netwerks) involuti fil-kooperazzjoni u l-integrazzjoni deċentralizzati reġjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet ambjentali, tat-tagħlim, kulturali, ta' riċerka u xjentifiċi, universitajiet, knejjes u assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-mezzi tax-xandir u kwalunkwe assoċjazzjoni mhux governattiva u fondazzjoni indipendenti, inkluż fondazzjonijiet politiċi indipendenti, li huwa probabbli li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, ’awtoritajiet’ lokali jinkludu varjetà kbira ta' livelli subnazzjonali u friegħi tal-gvern, jiġifieri muniċipalitajiet, komunitajiet, distretti, kontej, provinċji, reġjuni eċċ.

Dan il-programm għandu jikkontribwixxi għal:

(a)

soċjetà inklużiva u mogħtija s-setgħa fil-pajjiżi sħab permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali msaħħa u servizzi bażiċi mogħtija lill-popolazzjonijiet fil-bżonn;

(b)

livell akbar ta' sensibilizzazzjoni fl-Ewropa rigward kwistjonijiet ta' żvilupp u mobilizzazzjoni ta' appoġġ pubbliku attiv fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għal strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab;

(c)

kapaċità akbar tan-netwerks, il-pjattaformi u l-alleanzi tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali Ewropej u tan-Nofsinhar sabiex ikun żgurat djalogu politiku sostantiv u kontinwu fil-qasam tal-iżvilupp u sabiex tiġi promossa l-governanza demokratika.

Attivitajiet possibbli li ser jiġu appoġġati mill-programm:

(a)

interventi f'pajjiżi sħab li jappoġġaw gruppi vulnerabbli u emarġinati billi jipprovdu servizzi bażiċi mogħtija permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali;

(b)

żvilupp tal-kapaċità tal-atturi fil-mira, komplementari għall-appoġġ mogħti fil-qafas tal-programm nazzjonali, azzjonijiet immirati sabiex:

(i)

joħolqu l-ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni tas-soċjetà ċivili u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod effettiv fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-proċessi tal-implimentazzjoni tal-politika;

(ii)

jiffaċilitaw djalogu mtejjeb u interazzjoni aħjar bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali, l-Istat u atturi oħra tal-iżvilupp fil-kuntest tal-iżvilupp;

(iii)

isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċess ta' żvilupp filwaqt li jiġu rikonoxxuti r-rwol u l-ispeċifiċitajiet partikolari tagħhom;

(c)

titqajjem kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet ta' żvilupp, tingħata s-setgħa lil persuni sabiex isiru ċittadini attivi u responsabbli u tiġi promossa edukazzjoni formali u informali għall-iżvilupp fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, sabiex il-politika dwar l-iżvilupp tiġi ankrata fis-soċjetà, jiġi mobilizzat appoġġ pubbliku akbar għall-azzjoni kontra l-faqar u għal relazzjonijiet aktar ekwi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-popli tagħhom, u biex jiġi promoss id-dritt għal proċess ta' żvilupp li fih jistgħu jitwettqu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha u d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni;

(d)

koordinazzjoni, żvilupp tal-kapaċità u tisħiħ istituzzjonali tas-soċjetà ċivili u tan-netwerks tal-awtoritajiet lokali, fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom u bejn tipi differenti ta' partijiet interessati attivi fid-dibattitu pubbliku dwar l-iżvilupp kif ukoll il-koordinazzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità u t-tisħiħ istituzzjonali tan-netwerks tan-Nofsinhar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet ċentrali.


ANNESS III

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMM PAN-AFRIKAN

Il-programm Pan-Afrikan għandu jappoġġa l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tas-sħubija strateġika bejn Afrika u l-Unjoni. Huwa se jippromwovi l-prinċipji ta' sħubija ffokata fuq in-nies u “li tittratta lill-Afrika bħala waħda”, kif ukoll il-koerenza bejn il-livelli reġjonali u kontinentali. Hu ser jiffoka fuq attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fi u mal-Afrika, u jappoġġa inizjattivi konġunti UE-Afrika fix-xena globali. Il-programm b'mod partikolari għandu jipprovdi appoġġ fl-oqsma tas-sħubija li ġejjin:

(a)

il-paċi u sigurtà,

(b)

governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem,

(c)

il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura (inklużi l-materji primi),

(d)

l-MDGs u l-miri ġodda ta' żvilupp ta' wara l-2015 maqbula internazzjonalment,

(e)

l-enerġija,

(f)

it-tibdil fil-klima u l-ambjent,

(g)

il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjiegi,

(h)

ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju,

(i)

kwistjonijiet trasversali.


ANNESS IV

ALLOKAZZJONIJIET FINANZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-PERIJODU 2014-2020

(ċifri monetarji f'miljuni ta' EUR)

Total

19 662

(1)

Programmi ġeografiċi

11 809  (1)

(a)

Għal kull żona ġeografika

 

(i)

L-Amerika Latina

2 500

(ii)

L-Asja t'Isfel

3 813

(iii)

L-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

2 870

(iv)

L-Asja Ċentrali

1 072

(v)

Il-Lvant Nofsani

545

(vi)

Pajjiżi Oħra

251

(b)

Għal kull żona ta' kooperazzjoni

 

(i)

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba

mill-inqas 15 %

(ii)

Tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

mill-inqas 45 %

(2)

Programmi tematiċi

7 008

(a)

Beni pubbliċi globali u sfidi globali

5 101

(i)

L-ambjent u t-tibdil fil-klima (2)

27 %

(ii)

L-enerġija sostenibbli

12 %

(iii)

L-iżvilupp tal-bniedem, inklużi xogħol deċenti, ġustizzja soċjali u kultura

25 %

li minnhom:

 

Is-saħħa

mill-anqas 40 %

L-edukazzjoni, l- għarfien u l-ħiliet

mill-anqas 17,5 %

L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet; it-tfal u ż-żgħażagħ, in-nondiskriminazzjoni; l-impjiegi, il-ħiliet, l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali; it-tkabbir, l-impjiegi impenn tas-settur privat, kultura

mill-anqas 27,5 %

(iv)

Is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli

29 %

(v)

Il-migrazzjoni u l-asil

7 %

Mill-inqas 50 % tal-fondi, qabel l-użu tal-indikaturi bbażati fuq il-metodoloġija tal-OECD (l-indikaturi ta' Rio), ser iservu għall-azzjoni klimatika u l-objettivi relatati mal-ambjent.

(b)

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali

1 907

(3)

Programm Pan-Afrikan

845


(1)  Li minnhom EUR 758 miljun huma fondi mhux allokati.

(2)  Fil-prinċipju, il-fondi ser ikunu allokati b'mod ekwu bejn l-ambjent u t-tibdil fil-klima.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, fi ħdan pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-Iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strumentgħall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, dawn il-pajjiżi msieħba jitqiesu eliġibbli għal kooperazjoni bilaterali, bħala każijiet eċċezzjonali, inkluż fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali tal-għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp: Kuba, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Peru u l-Afrika t'Isfel.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

Il-Kummissjoni Ewropea se tfittex il-fehmiet tal-Parlament Ewropew qabel tibdel l-applikazzjoni tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-allokazzjoni għal servizzi bażiċi

Ir-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 għandu jippermetti li l-Unjoni tikkontribwixxi biex tissodisfa l-impenn konġunt tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-iżvilupp tal-bniedem biex tittejjeb ħajjet in-nies b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Mill-inqas 20 % tal-assistenza allokata taħt ir-Regolament se tkun allokata għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, u għall-edukazzjoni sekondarja, filwaqt li jkun rikonoxxut li livell ta' flessibilità irid jkun in-norma, bħal każijiet fejn tkun involuta assistenza eċċezzjonali. Id-dejta li tikkonċerna r-rispett ta' din id-dikjarazzjoni se tkun inkluża fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrument tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni ta' assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewopew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihom l-ebda referenza espliċita għall-possibbiltà li l-assitenza tiġi sospiża f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.