31.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 83/2014

tad-29 ta’ Jannar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru li ssostitwixxa l-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (3), eskluża s-Subparti Q dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ћin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ.

(2)

Skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ir-regoli ta’ implimentazzjoni relatati mal-ħinijiet tat-titjir u tax-xogħol (tas-servizz) u r-rekwiżiti tal-perjodi ta’ mistrieħ inizjalment għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet sostantivi kollha tas-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91, b’kunsiderazzjoni għall-aktar provi xjentifiċi u tekniċi reċenti.

(3)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(5) u 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, għalhekk is-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 għandha titħassar skont l-Artikolu 69(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Madankollu, is-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 għandha tibqa’ tapplika sakemm il-perjodi ta’ tranżizzjoni previsti f’dan ir-Regolament jiskadu u għat-tipi ta’ operazzjonijiet li għalihom ma ġiet stabbilita l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni.

(4)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-limiti u l-istandards minimi diġà stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE (4), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-ġranet mingħajr xogħol, li għandhom dejjem jiġu rrispettati għall-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet l-oħra approvati skont dan ir-Regolament mhumiex maħsuba biex jiġġustifikaw kwalunkwe tnaqqis fil-livelli eżistenti ta’ protezzjoni għal dak il-persunal mobbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jipprekludux u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal aktar protezzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi tax-xogħol li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw jew jiddevjaw minn dan ir-Regolament jew mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni relatati rispettivament, billi japplikaw dispożizzjonijiet ta’ livell ta’ sikurezza li jkun tal-anqas ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-kunsiderazzjonijiet nazzjonali jew prattiki operattivi partikolari. Kwalunkwe deroga jew devjazzjoni minn dan ir-Regolament għandha tiġi nnotifikata u ttrattata skont l-Artikoli 14 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, li jiżguraw deċiżjonijiet ibbażati fuq kriterji oġġettivi li jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji.

(6)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “L-Aġenzija”) ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni (5) lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 għandu għalhekk jiġi emendat biex jinkludi l-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt (6) li ġej:

“(6)

‘operazzjoni air-taxi’ tfisser, għall-iskop tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz, operazzjoni ta’ trasport bl-ajru kummerċjali mhux skedata u fuq talba b’ajruplan b’konfigurazzjoni massima operattiva ta’ sits tal-passiġġieri (‘MOPSC’) ta’ 19-il sit jew inqas.”;

2.

L-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir

1.   L-operazzjonijiet CAT li jsiru permezz tal-ajruplani għandhom ikunu soġġetti għas-Subparti FTL tal-Anness III.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-operazzjonijiet CAT ta’ air taxi, ta’ servizz mediku ta’ emerġenza u ta’ pilota wieħed bl-ajruplani għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 u għas-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 u l-eżenzjonijiet nazzjonali relatati, abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju għas-sikurezza mwettqin mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-operazzjonijiet CAT bil-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali.”;

3.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a

L-Aġenzija għandha twettaq analiżi kontinwa tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ li jinsabu fl-Annessi II u III. L-Aġenzija għandha tipproduċi l-ewwel rapport dwar ir-riżultati ta’ din l-analiżi mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2019.

Dik l-analiżi għandha tinvolvi l-għarfien espert xjentifiku u għandha tkun ibbażata fuq dejta operattiva miġbura, bl-għajnuna tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ perjodu twil wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1, għandha tevalwa l-impatt fuq il-viġilanza tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ mill-inqas dan li ġej:

xogħol ta’ aktar minn 13-il siegħa fl-aktar ħin favorevoli tal-jum;

xogħol ta’ aktar minn 10 sigħat fl-inqas ħin favorevoli tal-jum;

xogħol ta’ aktar minn 11-il siegħa għall-membri tal-ekwipaġġ fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni;

xogħol li jinkludi livell għoli ta’ setturi (aktar minn 6);

xogħol fuq sejħa bħal dmir ta’ standby jew ta’ riżerva segwit bi dmirijiet ta’ titjir; u kif ukoll

skedi ta’ ħinijiet irregolari”;

4.

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

5.

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2016.

B’deroga mit-tieni paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-punt ORO.FTL.205(e) tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar mistrieħ meħud waqt it-titjira sas-17 ta’ Frar 2017.

Meta Stat Membru japplika d-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija u għandu jiddeskrivi r-raġunijiet għad-deroga, it-tul ta’ żmien tagħha, u kif ukoll il-programm ta’ implimentazzjoni li jinkludi l-azzjonijiet previsti u l-iskedar korrispondenti.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4.

(4)  ĠU L 302, 1.12.2000, p. 57.

(5)  L-Opinjoni Nru 04/2012 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2012 għal Regolament li jistabbilixxi Regoli ta’ Implimentazzjoni dwar il-Limitazzjonijiet fuq il-Ħinijiet tat-Tajran u tax-Xogħol u r-rekwiżiti ta’ serħan (FTL) għal trasport kummerċjali bl-ajru (CAT) b’ajruplani (http://www.easa.europa.eu/agency-measures/docs/opinions/2012/04/translations/EASA_2012_00120000_MT_TRA.pdf).


ANNESS I

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, jiddaħħlu l-punti ARO.OPS.230 u ARO.OPS.235 li ġejjin:

ARO.OPS.230 Determinazzjoni ta’ skedi ta’ ħinijiet irregolari

Għall-iskop ta’ limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina, skont id-definizzjonijiet ta’ ‘tip kmieni’ u ‘tip tard’ tal-iskedi ta’ ħinijiet irregolari fil-punt ORO.FTL.105 tal-Anness III, liema minn dawn iż-żewġ tipi ta’ skedi ta’ ħinijiet irregolari għandha tapplika għall-operaturi CAT taħt is-superviżjoni tagħha.

ARO.OPS.235 Approvazzjoni ta’ skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir individwali

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tapprova skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir proposti mill-operaturi CAT jekk l-operatur juri konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u s-Subparti FTL tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

(b)

Kull meta skema ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir proposta minn operatur tiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli maħruġin mill-Aġenzija, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-proċedura deskritta fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(c)

Kull meta skema ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir proposta minn operatur tidderoga mir-regoli ta’ implimentazzjoni applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-proċedura deskritta fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(d)

Id-devjazzjonijiet jew id-derogi approvati għandhom ikunu soġġetti, wara li jiġu applikati, għal valutazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk devjazzjonijiet jew derogi bħal dawn għandhomx jiġu kkonfermati jew emendati. L-awtorità kompetenti u l-Aġenzija għandhom iwettqu valutazzjoni indipendenti fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-operatur. Il-valutazzjoni għandha tkun proporzjonata, trasparenti u msejsa fuq prinċipji u għarfien xjentifiċi.”


ANNESS II

Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, tiżdied is-Subparti FTL li ġejja:

“SUBPARTI FTL

LIMITAZZJONIJIET FUQ IL-ĦIN TAT-TITJIR U L-ĦIN TAS-SERVIZZ U R-REKWIŻITI TAL-MISTRIEĦ

TAQSIMA 1

Ġenerali

ORO.FTL.100 Ambitu

Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jintlaħqu minn operatur u l-membri tal-ekwipaġġ tiegħu rigward il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għall-membri tal-ekwipaġġ.

ORO.FTL.105 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din is-Subparti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘akklimatizzat’ tfisser l-istat li fih l-arloġġ bijoloġiku ċirkadjan ta’ membru tal-ekwipaġġ ikun sinkronizzat maż-żona tal-ħin fejn ikun jinsab il-membru tal-ekwipaġġ. Membru tal-ekwipaġġ huwa kkunsidrat li jkun akklimatizzat għal żona tal-ħin b’tul ta’ sagħtejn madwar il-ħin lokali tal-punt tat-tluq. Meta l-ħin lokali fil-post fejn jibda d-dmir ivarja b’aktar minn sagħtejn mill-ħin lokali fil-post fejn jibda d-dmir li jmiss, il-membru tal-ekwipaġġ, għall-kalkolu tal-perjodu massimu tad-dmir tat-titjir ta’ kuljum, jitqies li jkun akklimatizzat skont il-valuri fit-Tabella 1.

Tabella 1

Id-differenza fil-ħin (h) bejn il-ħin ta’ referenza u l-ħin lokali fejn il-membru tal-ekwipaġġ jibda d-dmir li jmiss

Il-ħin li jgħaddi mir-rappurtar għax-xogħol fil-ħin ta’ referenza

 

< 48

48–71:59

72–95:59

96–119:59

≥ 120

< 4

B

D

D

D

D

≤ 6

B

X

D

D

D

≤ 9

B

X

X

D

D

≤ 12

B

X

X

X

D

‘B’

tfisser akklimatizzat għall-ħin lokali taż-żona tal-ħin tal-punt tat-tluq.

‘D’

tfisser akklimatizzat għall-ħin lokali fejn il-membru tal-ekwipaġġ jibda d-dmir li jmiss; u

‘X’

tfisser li l-membru tal-ekwipaġġ jinsab fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni.

(2)

‘ħin ta’ referenza’ tfisser il-ħin lokali fil-punt tar-rappurtar li jkun jinsab f’żona ta’ ħin b’tul ta’ sagħtejn madwar il-ħin lokali fejn il-membru tal-ekwipaġġ ikun akklimatizzat;

(3)

‘akkomodazzjoni’ tfisser, għall-iskop ta’ dmir ta’ standby u dmir maqsum, post kwiet u komdu, mhux miftuħ għall-pubbliku, li jkollu d-disponibbiltà li jiġu kkontrollati d-dawl u t-temperatura, mgħammar b’għamara xierqa li tipprovdi l-membru tal-ekwipaġġ bil-possibbiltà li jorqod, b’biżżejjed kapaċità biex jakkomoda l-membri kollha tal-ekwipaġġ li jkunu preżenti fl-istess ħin u b’aċċess għall-ikel u x-xorb;

(4)

‘akkomodazzjoni xierqa’ tfisser, għall-iskop ta’ standby, dmir maqsum u ta’ mistrieħ, kamra separata għal kull membru tal-ekwipaġġ li tinsab f’ambjent kwiet u mgħammra b’sodda, li hija ventilata biżżejjed, għandha mekkaniżmu biex jirregola t-temperatura u l-intensità tad-dawl, u b’aċċess għall-ikel u x-xorb;

(5)

‘ekwipaġġ tat-titjira supplimentari’ tfisser ekwipaġġ ta’ titjira li jinkludi iktar min-numru minimu meħtieġ biex jopera l-inġenju tal-ajru, li jippermetti lil kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jħalli l-kariga assenjata, għall-iskop ta’ mistrieħ meħud matul it-titjira, u li jiġi sostitwit minn membru ieħor tal-ekwipaġġ tat-titjira bi kwalifiki xierqa;

(6)

‘pawża’ tfisser perjodu ta’ żmien matul il-perjodu tad-dmir tat-titjira, iqsar minn perjodu ta’ mistrieħ, li jgħodd bħala dmir u li matulu l-membru tal-ekwipaġġ ikun ħieles mill-kompiti kollha;

(7)

‘rappurtar tard’ tfisser il-posponiment ta’ FDP skedat mill-operatur qabel ma membru tal-ekwipaġġ ikun telaq mill-post ta’ mistrieħ;

(8)

‘skeda ta’ ħinijiet irregolari’ tfisser roster ta’ membru tal-ekwipaġġ li tfixkel l-opportunità ta’ rqad matul l-aħjar perjodu ta’ ħin ta’ rqad billi tinkludi FDP jew kombinazzjoni ta’ FDPs li jitrikkbu, jibdew jew jispiċċaw matul kwalunkwe parti tal-ġurnata jew tal-lejl fejn il-membru tal-ekwipaġġ ikun akklimatizzat; Skeda jista’ jkollha ħinijiet irregolari minħabba li s-servizz jista’ jibda kmieni, jispiċċa tard jew minħabba xiftijiet ta’ billejl.

(a)

‘tip kmieni’ ta’ skeda ta’ ħinijiet irregolari tfisser:

(i)

f’każ ta’ ‘bidu bikri’ perjodu ta’ dmir li jibda fil-perjodu bejn il-05:00 u s-05:59 fiż-żona tal-ħin li fiha jkun akklimatizzat il-membru tal-ekwipaġġ; kif ukoll

(ii)

f’każ ta’ ‘tmiem fit-tard’ perjodu ta’ dmir li jispiċċa fil-perjodu bejn il-23:00 u s-01:59 fiż-żona tal-ħin li fiha jkun akklimatizzat il-membru tal-ekwipaġġ.

(b)

‘tip tard’ ta’ skeda ta’ ħinijiet irregolari tfisser:

(i)

f’każ ta’ ‘bidu bikri’ perjodu ta’ dmir li jibda fil-perjodu bejn il-05:00 u s-06:59 fiż-żona tal-ħin li fiha jkun akklimatizzat il-membru tal-ekwipaġġ; kif ukoll

(ii)

f’każ ta’ ‘tmiem fit-tard’ perjodu ta’ dmir li jispiċċa fil-perjodu bejn 00:00 u s-01:59 fiż-żona tal-ħin li fiha jkun akklimatizzat il-membru tal-ekwipaġġ.

(9)

‘dmir billejl’ tfisser perjodu ta’ dmir li jitrikkeb fi kwalunkwe parti tal-perjodu bejn is-02:00 u l-04:59 fiż-żona tal-ħin li fiha jkun akklimatizzat l-ekwipaġġ;

(10)

‘dmir’ tfisser kwalunkwe kompitu li membru tal-ekwipaġġ iwettaq għall-operatur, inkluż xogħol f’titjir, xogħol amministrattiv, li jagħti jew jirċievi taħriġ u verifiki, pożizzjonament, u xi elementi ta’ dmir ta’ standby;

(11)

‘perjodu ta’ dmir’ tfisser perjodu li jibda meta membru tal-ekwipaġġ ikun mitlub minn operatur biex jirraporta għal jew biex jibda xogħol u jispiċċa meta dik il-persuna tkun ħielsa mid-dmirijiet kollha, inkluż id-dmir ta’ wara t-titjira;

(12)

‘perjodu tad-dmir tat-titjira (flight duty period ‘FDP’)’ tfisser perjodu li jibda meta l-membru tal-ekwipaġġ ikun mitlub li jirrapporta għax-xogħol, li jinkludi settur jew sensiela ta’ setturi, u jispiċċa meta l-inġenju tal-ajru finalment jieqaf u l-magni jkunu ntfew, fi tmiem l-aħħar settur li fuqu l-membru tal-ekwipaġġ jaġixxi bħala membru operattiv tal-ekwipaġġ;

(13)

‘ħin ta’ titjir’ tfisser, għal ajruplani u għal ‘touring motor gliders’, il-ħin bejn meta l-ajruplan jiċċaqlaq għall-ewwel darba mill-post fejn ikun ipparkjat għall-iskop li jitlaq, sa meta jieqaf fil-post ippjanat għall-ipparkjar u l-magni u l-iskrejjen kollha jkunu ntfew.

(14)

‘bażi tas-servizz’ tfisser il-post, assenjat mill-operatur lill-membru tal-ekwipaġġ, li minnu l-membru tal-ekwipaġġ normalment jibda u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, f’kundizzjonijiet normali, l-operatur ma jkunx responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat;

(15)

‘jum lokali’ tfisser perjodu ta’ 24 siegħa li jibda f’00:00 ħin lokali;

(16)

‘lejl lokali’ tfisser perjodu ta’ 8 sigħat li jseħħ bejn l-22:00 u t-08:00 ħin lokali;

(17)

‘membru operattiv tal-ekwipaġġ’ tfisser membru tal-ekwipaġġ li jwettaq dmirijiet f’inġenju tal-ajru waqt settur;

(18)

‘pożizzjonament’ tfisser it-trasferiment ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ minn post għal ieħor, fuq it-talba tal-operatur esklużi:

il-ħin tal-vjaġġ mill-post ta’ mistrieħ privat għall-post maħsub għar-rappurtar fil-bażi tas-servizz u viċe versa, u

il-ħin għat-trasferiment lokali mill-post ta’ mistrieħ għall-bidu tad-dmirijiet u viċe versa;

(19)

‘faċilità ta’ mistrieħ’ tfisser sodda jew sit b’appoġġ xieraq għar-riġlejn u s-saqajn sabiex membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jorqdu abbord inġenju tal-ajru.

(20)

‘riżerva’ tfisser perjodu ta’ żmien definit li matulu membru tal-ekwipaġġ ikun mitlub mill-operatur li jkun disponibbli sabiex jirċievi assenjazzjoni għal FDP, pożizzjonament jew dmirijiet oħra, innotifikat minn tal-anqas 10 sigħat qabel.

(21)

‘perjodu ta’ mistrieħ’ tfisser perjodu ta’ żmien kontinwu, mhux interrott u definit, wara d-dmir jew qabel id-dmir, li matulu membru tal-ekwipaġġ ikun ħieles mid-dmirijiet kollha, id-dmir ta’ standby u r-riżerva.

(22)

‘rotazzjoni’ huwa dmir jew sensiela ta’ dmirijiet, inkluż tal-inqas dmir ta’ titjira waħda u perjodi ta’ mistrieħ ‘il barra mill-bażi tas-servizz, li jibda mill-bażi tas-servizz u li jintemm mar-ritorn fil-bażi tas-servizz għal perjodu ta’ mistrieħ fejn l-operatur ma jibqax responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ.

(23)

‘ġurnata waħda ħielsa mid-dmir’ tfisser, għall-iskop ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE (*), ħin ħieles mid-dmirijiet kollha u mid-dmir ta’ standby li tikkonsisti f’jum wieħed u żewġt iljieli lokali, li jiġi nnotifikat minn qabel. Perjodu ta’ mistrieħ jista’ jiġi inkluż bħala parti mill-ġurnata waħda ħielsa mis-servizz.

(24)

‘settur’ tfisser il-parti ta’ FDP bejn meta l-ajruplan jiċċaqlaq għall-ewwel darba sa meta jieqaf wara l-inżul fil-post tal-parkeġġ ippjanat.

(25)

‘dmir ta’ standby’ tfisser perjodu ta’ żmien innotifikat minn qabel u definit li waqtu membru tal-ekwipaġġ ikun mitlub mill-operatur biex ikun disponibbli sabiex jirċievi assenjazzjoni għal titjira, pożizzjonament jew dmirijiet oħra mingħajr perjodu ta’ mistrieħ fil-frattemp.

(26)

‘dmir ta’ standby fl-ajruport” tfisser standby imwettaq fl-ajruport;

(27)

‘dmir ieħor ta’ standby’ tfisser standby kemm fid-dar jew f’akkomodazzjoni xierqa;

(28)

‘window of circadian low (“WOCL”)’ tfisser il-perjodu bejn is-02:00 u s-05:59 fiż-żona tal-ħin li għaliha membru tal-ekwipaġġ ikun akklimatizzat.

ORO.FTL.110 Responsabbiltajiet tal-operatur

Operatur għandu:

(a)

jippubblika r-rosters tax-xogħol kmieni biżżejjed biex jipprovdi l-opportunità li l-membri tal-ekwipaġġ jippjanaw mistrieħ xieraq;

(b)

jiżgura li l-perjodi tad-dmirijiet tat-titjir ikunu ppjanati b’mod li jippermettu li l-membri tal-ekwipaġġ jibqgħu ħielsa biżżejjed mill-għeja biex ikunu jistgħu joperaw f’livell sodisfaċenti ta’ sikurezza fiċ-ċirkostanzi kollha.

(ċ)

jispeċifika l-ħinijiet ta’ rappurtar li jippermettu ħin suffiċjenti għad-dmirijiet fuq l-art;

(d)

jikkunsidra r-relazzjoni bejn il-frekwenza u l-mudell tal-perjodi tad-dmirijiet tat-titjir u l-perjodi ta’ mistrieħ u jikkunsidra l-effetti kumulattivi ta’ sigħat twal ta’ xogħol flimkien ma’ perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(e)

jalloka mudelli tax-xogħolli jevitaw prattiki li jikkawżaw tfixkil serju f’mudell stabbilit ta’ rqad/xogħol, bħall-alternazzjoni bejn dmirijiet matul il-ġurnata/il-lejl;

(f)

jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar skedi ta’ ħinijiet irregolari skont ARO.OPS.230;

(g)

jipprovdi perjodi ta’ ħin ta’ mistrieħ suffiċjenti biex il-membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jegħlbu l-effetti tad-dmirijiet ta’ qabel u jkunu mistrieħa biżżejjed mal-bidu tal-perjodu tad-dmir tat-titjir li jkun imiss;

(h)

jippjana perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti u jinnotifika lill-membri tal-ekwipaġġ kmieni biżżejjed;

(i)

jippjana d-dmirijiet tat-titjira sabiex jintemmu fi żmien il-perjodu tad-dmir tat-titjira permissibbli filwaqt li jikkunsidra l-ħin meħtieġ għad-dmirijiet ta’ qabel it-titjira, is-settur u l-ħinijiet ta’ tibdil bejn il-wasla u tluq (turnaround);

(j)

jibdel l-iskeda u/jew l-arranġamenti tal-ekwipaġġ jekk l-operazzjoni effettiva taqbeż il-perjodu tad-dmir tat-titjira f’aktar minn 33 % tad-dmirijiet tat-titjiriet f’dik l-skeda matul il-perjodu staġonali ta’ dik l-iskeda.

ORO.FTL.115 Responsabbiltajiet tal-membri tal-ekwipaġġ

Il-membri tal-ekwipaġġ għandhom:

(a)

jikkonformaw mal-punt CAT.GEN.MPA.100 (b) tal-Anness IV (il-Parti-CAT); kif ukoll

(b)

jagħmlu użu tajjeb mill-opportunitajiet u mill-faċilitajiet ipprovduti għall-mistrieħ, u għandhom jippjanaw u jużaw il-perjodi ta’ mistrieħ tagħhom tajjeb.

ORO.FTL.120 Ġestjoni tar-riskju tal-għeja (Fatigue risk management - FRM)

(a)

Meta FRM hija meħtieġa minn din is-Subparti, jew minn speċifikazzjoni ta’ ċertifikazzjoni applikabbli, l-operatur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm FRM bħala parti integrali mis-sistema ta’ ġestjoni tiegħu. L-FRM għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali fil-punti 7.f, 7.g u 8.f tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. L-FRM għandha tkun deskritta fil-manwal tal-operat.

(b)

L-FRM stabbilita, implimentata u miżmuma għandha tipprovdi għal titjib kontinwu fil-prestazzjoni globali tal-FRM u għandha tinkludi:

(1)

deskrizzjoni tal-filosofija u tal-prinċipji tal-operatur fir-rigward tal-FRM, imsejħa l-politika tal-FRM;

(2)

dokumentazzjoni tal-proċessi tal-FRM, inkluż proċess biex il-persunal ikun jaf ir-responsabbiltajiet tiegħu u l-proċedura biex jemenda din id-dokumentazzjoni;

(3)

prinċipji u għarfien xjentifiċi;

(4)

proċess ta’ identifikazzjoni tal-perikli u valutazzjoni tar-riskju li jippermettu ġestjoni operattiva fuq bażi kontinwa tar-riskju(i) tal-operatur li jirriżulta(w) minn għeja ta’ membru tal-ekwipaġġ;

(5)

proċess ta’ tnaqqis tar-riskju li jipprovdi sabiex l-azzjonijiet ta’ rimedju jiġu implimentati fil-pront, li huma neċessarji sabiex jitnaqqas b’mod effettiv ir-riskju(i) tal-operatur li jirriżulta(w) mill-għeja ta’ membru tal-ekwipaġġ u għal monitoraġġ kontinwu u valutazzjoni regolari ta’ tnaqqis tar-riskji ta’ għeja miksub minn dawn l-azzjonijiet;

(6)

proċessi ta’ assigurazzjoni tas-sikurezza tal-FRM;

(7)

proċessi ta’ promozzjoni tal-FRM

(c)

L-FRM għandha tikkorrispondi mal-iskema ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir, id-daqs tal-operatur u n-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tiegħu, u għandha tqis il-perikli u r-riskji assoċjati magħhom inerenti f’dawn l-attivitajiet u l-iskema ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir applikabbli.

(d)

L-operatur għandu jieħu azzjonijiet ta’ tnaqqis meta l-proċess ta’ assigurazzjoni tas-sikurezza tal-FRM juri li l-prestazzjoni tas-sikurezza meħtieġa mhix qed tinżamm.

ORO.FTL.125 Skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir

(a)

L-operaturi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir li jkunu xierqa gћat-tip(i) ta’ operazzjoni mwettqa u li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008, din is-Subparti u leġiżlazzjoni applikabbli oħra, inkluża d-Direttiva 2000/79/KE.

(b)

Qabel ma jiġu implimentati, l-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir, inkluża kwalunkwe FRM relattiva fejn meħtieġ, għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti.

(c)

Biex juri l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u din is-Subparti, l-operatur għandu japplika l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli adottati mill-Aġenzija. Alternattivament, jekk l-operatur ikun irid jiddevja minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, għandu jipprovdi deskrizzjoni sħiħa tad-devjazzjoni maħsuba lill-awtorità kompetenti qabel ma jimplementaha. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe reviżjoni fil-manwali jew fil-proċeduri li jistgħu jkunu rilevanti, kif ukoll valutazzjoni li turi li r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u ta’ din is-Subparti ntlaħqu.

(d)

Għall-iskop tal-punt ARO.OPS.235(d), fi żmien sentejn mill-implimentazzjoni ta’ devjazzjoni jew ta’ deroga, l-operatur għandu jiġbor dejta dwar id-devjazzjoni jew id-deroga mogħtija u janalizza dik id-dejta billi juża prinċipji xjentifiċi bil-għan li jevalwa l-effetti tad-devjazzjoni jew tad-deroga fuq l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru. Din l-analiżi għandha tingħata fil-forma ta’ rapport lill-awtorità kompetenti.

TAQSIMA 2

Operaturi tat-trasport tal-ajru kummerċjali

ORO.FTL.200 Bażi tas-servizz

Operatur għandu jassenja bażi tas-servizz lil kull membru tal-ekwipaġġ.

ORO.FTL.205 Perjodu tad-dmir tat-titjira (Flight duty period - FDP)

(a)

L-operatur għandu:

(1)

jiddefinixxi l-ħinijiet ta’ rappurtar xierqa għal kull operazzjoni individwali b’kunsiderazzjoni għal ORO.FTL.110(c);

(2)

jistabbilixxi proċeduri li jispeċifikaw kif il-kmandant għandu, fil-każ ta’ ċirkostanzi speċjali li jistgħu jwasslu għall-għeja gravi, u wara konsultazzjoni mal-membri tal-ekwipaġġ ikkonċernati, inaqqas il-ħin tad-dmir fuq titjira u/jew iżid il-ħin ta’ mistrieħ biex jelimina kull effett ħażin fuq is-sikurezza tat-titjira;

(b)

FDP massimu bażiku ta’ kuljum

(1)

L-FDP massimu ta’ kuljum mingħajr l-użu ta’ estensjonijiet għall-membri tal-ekwipaġġ akklimatizzati għandu jkun skont it-tabella li ġejja:

Tabella 2

FDP massimu ta’ kuljum — Membri tal-ekwipaġġ akklimatizzati

Bidu ta’ FDP f’ħin ta’ referenza

Setturi 1–2

Settur 3

Settur 4

Settur 5

Settur 6

Settur 7

Settur 8

Settur 9

Settur 10

0600–1329

13:00

12:30

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

1330–1359

12:45

12:15

11:45

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

1400–1429

12:30

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

1430–1459

12:15

11:45

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

09:00

1500–1529

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

09:00

1530–1559

11:45

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

09:00

09:00

1600–1629

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

09:00

09:00

1630–1659

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

09:00

09:00

09:00

1700–0459

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

09:00

09:00

09:00

0500–0514

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

09:00

0515–0529

12:15

11:45

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

09:00

0530–0544

12:30

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

0545–0559

12:45

12:15

11:45

11:15

10:45

10:15

09:45

09:15

09:00

(2)

L-FDP massimu ta’ kuljum meta l-membri tal-ekwipaġġ ikunu fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni għandu jkun skont it-tabella li ġejja:

Tabella 3

Membri tal-ekwipaġġ fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni

FDP massimu ta’ kuljum skont is-setturi

1–2

3

4

5

6

7

8

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

09:00

09:00

(3)

L-FDP massimu ta’ kuljum meta l-membri tal-ekwipaġġ ikunu fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni u l-operatur ikun implimenta FRM għandu jkun skont it-tabella li ġejja:

Tabella 4

Membri tal-ekwipaġġ fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni skont l-FRM

Il-valuri fit-tabella li ġejja jistgħu japplikaw sakemm l-FRM tal-operatur twettaq monitoraġġ kontinwu u turi li l-prestazzjoni tas-sikurezza meħtieġa qed tinżamm.


FDP massimu ta’ kuljum skont is-setturi

1–2

3

4

5

6

7

8

12:00

11:30

11:00

10:30

10:00

09:30

09:00

(c)

FDP b’ħin differenti ta’ rappurtar għall-ekwipaġġ tat-titjira u għall-ekwipaġġ tal-kabina.

Kull meta l-ekwipaġġ tal-kabina jkun jeħtieġ aktar ħin mill-ekwipaġġ tat-titjira għall-għoti ta’ informazzjoni qabel it-titjira tagħhom għall-istess settur jew sensiela ta’ setturi, l-FDP tal-ekwipaġġ tal-kabina jista’ jigi estiż bid-differenza fil-ħin ta’ rappurtar bejn l-ekwipaġġ tal-kabina u l-ekwipaġġ tat-titjira. Id-differenza m’għandhiex taqbeż siegħa. L-FDP massimu ta’ kuljum għall-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina għandu jkun ibbażat fuq il-ħin li fih l-ekwipaġġ tat-titjira jirrapporta għall-FDP tiegħu, iżda l-FDP għandu jibda mill-ħin tar-rapport tal-ekwipaġġ tal-kabina.

(d)

L-FDP massimu ta’ kuljum għal membri tal-ekwipaġġ li jkunu akklimatizzati bl-użu ta’ estensjonijiet mingħajr mistrieħ meħud waqt it-titjira.

(1)

L-FDP massimu ta’ kuljum jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ siegħa mhux aktar minn darbtejn f’7 ijiem konsekuttivi. F’dak il-każ:

(i)

il-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ qabel it-titjira u wara t-titjira għandhom jiżdiedu b’sagħtejn; jew

(ii)

il-perjodu ta’ wara t-titjira għandu jiżdied b’4 sigħat;

(2)

Meta l-estensjonijiet jiġu użati għal FDPs konsekuttivi, il-mistrieħ miżjud ta’ qabel u wara t-titjira bejn iż-żewġ FDPs estiżi meħtieġa skont is-subparagrafu 1 għandu jingħata b’mod konsekuttiv.

(3)

L-użu tal-estensjoni għandu jiġi ppjanat minn qabel, u għandu jkun limitat għal massimu ta’:

(i)

5 setturi meta d-WOCL ma tkunx imrikkba jew

(ii)

4 setturi, meta d-WOCL tkun imrikkba b’sagħtejn jew inqas; jew

(iii)

2 setturi, meta d-WOCL tkun imrikkba b’aktar minn sagħtejn;

(4)

L-estensjoni tal-FDP ta’ kuljum massimu bażiku mingħajr mistrieħ meħud waqt it-titjira m’għandhiex tkun ikkombinata ma’ estensjonijiet mogħtija minħabba mistrieħ meħud waqt it-titjira jew dmir maqsum fl-istess perjodu ta’ dmir.

(5)

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw il-limiti għall-estensjonijiet tal-FDP bażiku massimu ta’ kuljum skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni, b’kunsiderazzjoni għal:

(i)

l-għadd ta’ setturi ta’ titjir; kif ukoll

(ii)

ir-rikba tad-WOCL.

(e)

L-FDP massimu ta’ kuljum bl-użu ta’ estensjonijiet minħabba mistrieħ meħud matul it-titjira

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-estensjonijiet tal-FDP bażiku massimu ta’ kuljum skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni, b’kunsiderazzjoni għal:

(i)

l-għadd ta’ setturi ta’ titjir;

(ii)

il-mistrieħ minimu meħud matul it-titjira allokat għal kull membru tal-ekwipaġġ;

(iii)

it-tip ta’ faċilitajiet għall-mistrieħ waqt it-titjira; kif ukoll

(iv)

iż-żieda fl-ekwipaġġ bażiku tat-titjira.

(f)

Ċirkostanzi mhux mistennija f’operazzjonijiet ta’ titjir — id-diskrezzjoni tal-kmandant

(1)

Il-kundizzjonijiet li jimmodifikaw il-limiti tad-dmir tat-titjira, il-perjodi ta’ dmir u ta’ mistrieħ mill-kmandant fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija f’operazzjonijiet ta’ titjir, li jibdew fi jew wara l-ħin tar-rappurtar, għandhom jikkonformaw ma’ dan li ġej:

(i)

L-FDP massimu ta’ kuljum li jirriżulta wara li jiġu applikati l-punti (b) u (e) tal-punt ORO.FTL.205 jew tal-punt ORO.FTL.220 ma jistax jiżdied b’aktar minn sagħtejn sakemm ma kienx hemm żieda fl-ekwipaġġ tat-titjira, f’liema każ, il-perjodu massimu ta’ dmir tat-titjira ma jistax jiżdied b’aktar minn 3 sigħat;

(ii)

jekk fl-aħħar settur ta’ FDP iż-żieda permessa tinqabeż minħabba ċirkostanzi mhux mistennija wara t-tluq, it-titjira tista’ tkompli lejn id-destinazzjoni ppjanata jew ajrudrom alternattiv; kif ukoll

(iii)

il-perjodu ta’ mistrieħ wara l-FDP jista’ jitnaqqas imma qatt ma jista’ jkun inqas minn 10 sigħat.

(2)

Fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija li jistgħu jwasslu għal għeja gravi, il-kmandant għandu jnaqqas il-perjodu tad-dmir tat-titjira u/jew iżid il-perjodu ta’ mistrieħ biex jelimina kull effett ħażin fuq is-sikurezza tat-titjira.

(3)

Il-kmandant għandu jikkonsulta l-membri kollha tal-ekwipaġġ dwar il-livelli tal-viġilanza tagħhom qabel ma jiddeċiedi l-modifiki skont is-subparagrafi 1 u 2.

(4)

Il-kmandant gћandu jibgħat rapport lill-operatur meta FDP jiżdied jew meta perjodu ta’ mistrieħ jitnaqqas skont id-diskrezzjoni tiegħu.

(5)

Fejn iż-żieda ta’ FDP jew it-tnaqqis ta’ perjodu ta’ mistrieħ ikun ta’ aktar minn siegħa, kopja tar-rapport, li miegħu l-operatur għandu jżid il-kummenti tiegħu, għandhom jintbagħtu mill-operatur lill-awtorità kompetenti sa mhux aktar tard minn 28 jum wara li dan ikun seħħ.

(6)

L-operatur għandu jimplimenta proċess mhux punittiv għall-użu tad-diskrezzjoni deskritta skont din id-dispożizzjoni u għandu jiddeskrivih fil-manwal tal-operat.

(g)

Ċirkostanzi mhux mistennija f’operazzjonijiet ta’ titjir — ir-rappurtar tard

L-operatur għandu jistabbilixxi proċeduri fil-manwal tal-operat, għar-rappurtar tard fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija, skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni.

ORO.FTL.210 Il-ħinijiet tat-titjir u l-perjodi tad-dmir

(a)

Il-perjodi totali ta’ dmirijiet li jistgħu jiġu assenjati lil membru tal-ekwipaġġ m’għandux jaqbeż:

(1)

60 siegħa ta’ dmir f’7 ijiem konsekuttivi;

(2)

110 sigħat ta’ dmir f’14-il jum konsekuttiv; kif ukoll

(3)

190 siegħa ta’ dmir fi 28 jum konsekuttiv, mifruxa bl-aktar mod indaqs prattikabbli matul dak il-perjodu;

(b)

Il-ħin totali ta’ titjir tas-setturi li jiġu assenjati lil membru individwali tal-ekwipaġġ bħala membru operattiv tal-ekwipaġġ m’għandux jaqbeż:

(1)

100 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi 28 jum konsekuttiv;

(2)

900 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi kwalunkwe sena kalendarja; kif ukoll

(3)

1 000 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi 12-il xahar konsekuttiv tal-kalendarju;

(c)

Id-dmir ta’ wara t-titjira għandu jgħodd bħala perjodu ta’ dmir. L-operatur għandu jispeċifika fil-manwal tal-operat tiegħu l-perjodu minimu għad-dmirijiet ta’ wara t-titjira

ORO.FTL.215 Pożizzjonament

Jekk operatur jippożizzjona membru tal-ekwipaġġ, għandu japplika dan li ġej:

(a)

Il-pożizzjonamnet wara r-rappurtar imma qabel l-operat għandu jingħadd bħala FDP iżda m’għandux jgħodd bħala settur;

(b)

Il-ħin kollu mqatta’ fuq il-pożizzjonament għandu jgħodd bħala perjodu ta’ dmir.

ORO.FTL.220 Dmir maqsum

Il-kundizzjonijiet biex jiġi estiż l-FDP bażiku massimu ta’ kuljum minħabba waqfa fuq l-art għandhom ikunu skont dan li ġej:

(a)

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw l-elementi li ġejjin għal dmir maqsum skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni:

(1)

it-tul ta’ żmien minimu ta’ waqfa fuq l-art; kif ukoll

(2)

il-possibbiltà li jestendu l-FDP preskritt fil-punt ORO.FTL.205(b) meta jiġu kkunsidrati t-tul tal-waqfa fuq l-art, il-faċilitajiet tal-mistireħ mogħtija lill-membri tal-ekwipaġġ u fatturi rilevanti oħra.

(b)

Il-waqfa fuq l-art għandha tgħodd bis-sħiħ bħala FDP.

(ċ)

Dmir maqsum m’għandux isegwi perjodu ta’ mistrieħ imnaqqas.

ORO.FTL.225 Dmirijiet ta’ standby u dmirijiet fl-ajruport

Jekk operatur jassenja dmir ta’ standby jew kwalunkwe dmir fl-ajruport lill-membri tal-ekwipaġġ, dan li ġej għandu japplika skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni:

(a)

Dmir ta’ standby jew kwalunkwe dmir fl-ajruport għandu jkun fir-roster u l-bidu u t-tmiem tal-ħin ta’ standby għandhom jiġu ddefiniti u nnotifikati bil-quddiem lill-membri tal-ekwipaġġ ikkonċernati sabiex ikollhom l-opportunità li jippjanaw il-mistrieħ xieraq.

(b)

Membru tal-ekwipaġġ jitqies li jkun fuq dmir ta’ standby fl-ajruport minn meta jirrapporta fil-punt tar-rappurtar sat-tmiem tal-perjodu nnotifikat tad-dmir ta’ standby fl-ajruport.

(ċ)

Id-dmir ta’ standby fl-ajruport għandu jgħodd bis-sħiħ bħala perjodu ta’ dmir għall-iskopijiet tal-punti ORO.FTL.210 u ORO.FTL.235.

(d)

Kull dmir fl-ajruport għandu jgħodd bis-sħiħ bħala perjodu ta’ dmir u l-FDP għandu jgħodd bis-sħiħ mill-ħin tar-rappurtar tad-dmir fl-ajruport.

(e)

L-operatur għandu jipprovdi akkomodazzjoni lil membru tal-ekwipaġġ li jkun fuq dmir ta’ standby fl-ajruport.

(f)

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw l-elementi li ġejjin:

(1)

it-tul massimu ta’ kwalunkwe dmir ta’ standby;

(2)

l-impatt tal-ħin imqatta’ fuq dmir ta’ standby fuq l-FDP massimu li jista’ jiġi assenjat, meta jitqiesu l-faċilitajiet tal-mistrieħ ipprovduti lill-membri tal-ekwipaġġ u fatturi rilevanti oħra, bħal:

il-ħtieġa ta’ prontezza immedjata tal-membru tal-ekwipaġġ,

l-interferenza tad-dmir ta’ standby mal-irqad, u

in-notifka suffiċjenti biex tipproteġi l-opportunità ta’ rqad bejn is-sejħa għad-dmir u l-FDP assenjat;

(3)

il-perjodu minimu ta’ mistrieħ wara dmir ta’ standby li ma jwassalx għal assenjament ta’ FDP;

(4)

kif għandu jingħadd il-ħin imqatta’ fuq dmir ta’ standby minbarra d-dmir ta’ standby fl-ajruport għall-iskop ta’ perjodi ta’ dmir kumulattivi.

ORO.FTL.230 Riżerva

Jekk operatur jassenja riżerva lill-membri tal-ekwipaġġ, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni:

(a)

Ir-riżerva għandha tkun fir-roster;

(b)

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw l-elementi li ġejjin:

(1)

it-tul massimu ta’ kwalunkwe perjodu ta’ riżerva waħda;

(2)

in-numru ta’ jiem ta’ riżerva konsekuttivi li jista’ jiġi assenjat lil membru tal-ekwipaġġ.

ORO.FTL.235 Perjodi ta’ mistrieħ

(a)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ fil-bażi tas-servizz.

(1)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ipprovdut qabel ma jitwettaq FDP li jibda mill-bażi tas-servizz għandu jkun twil tal-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir preċedenti jew 12-il siegħa, skont liema minnhom huwa l-itwal.

(2)

B’deroga mill-punt (1), il-mistrieħ minimu stipulat fil-punt (b) japplika jekk l-operatur jipprovdi akkomodazzjoni xierqa lill-membri tal-ekwipaġġ fil-bażi tas-servizz.

(b)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ‘il bogħod mill-bażi tas-servizz.

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ipprovdut qabel ma jitwettaq FDP li jibda ‘l bogħod mill-bażi tas-servizz għandu jkun twil tal-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir preċedenti jew 10 sigħat, skont liema minnhom huwa l-itwal. Dan il-perjodu għandu jinkludi opportunità ta’ raqda ta’ 8 sigħat minbarra l-ħin għall-ivvjaġġar u l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi.

(c)

Mistrieħ imnaqqas

B’deroga mill-punti (a) u (b), l-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir jistgħu jnaqqsu l-perjodi minimi ta’ mistrieħ skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għat-tip ta’ operazzjoni u billi jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(1)

il-perjodu minimu ta’ mistrieħ imnaqqas;

(2)

iż-żieda tal-perjodu ta’ mistrieħ sussegwenti; kif ukoll

(3)

it-tnaqqis tal-FDP wara l-mistrieħ imnaqqas.

(d)

Perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw il-perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti sabiex jikkumpensaw għall-għeja kumulattiva. Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti għandu jkun ta’ 36 siegħa, inklużi 2 iljieli lokali, u fi kwalunkwe każ, il-ħin bejn it-tmiem ta’ perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti u l-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż li jmiss m’għandhomx ikunu aktar minn 168 siegħa. Il-perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti għandu jiżdied għal jumejn lokali darbtejn kull xahar.

(e)

L-iskemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir għandhom jispeċifikaw il-perjodi ta’ mistrieħ addizzjonali skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli biex jikkumpensaw għal:

(1)

l-effetti tad-differenzi fiż-żoni tal-ħin u l-estensjonijiet tal-FDP;

(2)

l-għeja kumulattiva addizzjonali minħabba skedi ta’ tfixkil; kif ukoll

(3)

il-bidla ta’ bażi tas-servizz.

ORO.FTL.240 Nutrizzjoni

(a)

Matul l-FDP għandu jkun hemm l-opportunità għal ikla u xarba biex jiġi evitat tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ, speċjalment meta l-FDP jaqbeż is-sitt (6) sigħat.

(b)

Operatur għandu jispeċifika fil-manwal tal-operat tiegħu kif tkun żgurata n-nutrizzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ matul FDP.

ORO.FTL.245 Rekords tal-bażi tas-servizz, il-ħinijiet tat-titjir u l-perjodi ta’ dmir u ta’ mistrieħ

(a)

Operatur għandu jżomm, għal perjodu ta’ 24 xahar:

(1)

Rekords individwali għal kull membru tal-ekwipaġġ inkluż:

(i)

il-ħinijiet tat-titjir;

(ii)

il-bidu, it-tul u t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ dmir u FDP;

(iii)

il-perjodi ta’ mistrieħ u ġranet ħielsa mid-dmirijiet kollha; kif ukoll

(iv)

il-bażi tas-servizz assenjata

(2)

Rapporti dwar il-perjodi ta’ dmir tat-titjir estiżi u perjodi ta’ mistrieħ imnaqqsa.

(b)

Fuq talba, l-operatur għandu jipprovdi kopji tar-rekords individwali tal-ħinijiet tat-titjiriet, il-perjodi ta’ dmir u l-perjodi ta’ mistrieħ għal:

(1)

il-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat; kif ukoll

(2)

operatur ieħor, fir-rigward ta’ membru tal-ekwipaġġ li huwa jew li jsir membru tal-ekwipaġġ tal-operatur ikkonċernat.

(c)

Ir-rekords imsemmija fil-punt CAT.GEN.MPA.100(b)(5) fir-rigward ta’ membri tal-ekwipaġġ li jwettqu dmirijiet għal iktar minn operatur wieħed għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 24 xahar.

ORO.FTL.250 Taħriġ fil-ġestjoni tal-għeja

(a)

L-operatur għandu jipprovdi taħriġ inizjali u rikorrenti dwar il-ġestjoni tal-għeja għall-membri tal-ekwipaġġ, għall-persunal responsabbli għat-tħejjija u l-manutenzjoni tar-rosters tal-ekwipaġġ u għall-persunal tal-ġestjoni kkonċernat.

(b)

Dan it-taħriġ għandu jsegwi programm ta’ taħriġ stabbilit mill-operatur u jkun deskritt fil-manwal tal-operat. Is-sillabu tat-taħriġ għandu jkopri l-kawżi possibbli u l-effetti tal-għeja u l-kontramiżura għall-għeja.”