5.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 349/1 |
DIRETTIVA 2014/104/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta' Novembru 2014
dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 103 u 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma kwistjoni ta' politika pubblika u għandhom jiġu applikati b'mod effettiv fl-Unjoni kollha sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix imfixkla. |
(2) |
L-infurzar pubbliku tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jitwettaq mill-Kummissjoni bl-użu tas-setgħat previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3). Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE, u għadhom identiċi fis-sustanza. L-infurzar pubbliku jitwettaq ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. F'konformità ma' dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinnominaw awtoritajiet amministrattivi kif ukoll ġudizzjarji biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE bħala infurzaturi pubbliċi u biex iwettqu l-funzjonijiet varji mogħtija lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni minn dak ir-Regolament. |
(3) |
L-Artikoli 101 u 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu, għall-individwi kkonċernati, drittijiet u obbligi li l-qrati nazzjonali jridu jinfurzaw. Il-qrati nazzjonali għandhom rwol ugwalment essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (infurzar privat). Meta jieħdu deċiżjoni dwar tilwim bejn individwi privati, huma jipproteġu d-drittijiet soġġettivi skont il-liġi tal-Unjoni, pereżempju billi jagħtu kumpens għad-danni lill-vittmi ta' ksur. L-effett sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u b'mod partikolari l-effett prattiku tal-projbizzjonijiet stipulati fihom, jeħtieġ li kulħadd — sew jekk individwu, inklużi konsumaturi u impriżi, jew awtorità pubblika — ikun jista' jagħmel pretensjoni għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali għall-ħsara kkawżata lilu minn ksur ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Id-dritt għal kumpens fil-liġi tal-Unjoni japplika bl-istess mod għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE minn impriżi pubbliċi u minn impriżi li ġew fdati bi drittijiet speċjali jew esklużivi mill-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 106 TFUE. |
(4) |
Id- dritt fil-liġi tal-Unjoni għall-kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-Unjoni jirrikjedi li kull Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv ta' dak id-dritt. Il-ħtieġa għal rimedji proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni. |
(5) |
L-azzjonijiet għad-danni huma biss element wieħed minn sistema effettiva ta' infurzar privat ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u huma kkumplimentati minn possibilitajiet alternattivi ta' rimedju, bħar-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim u deċiżjonijiet ta' infurzar pubbliku li jinċentivaw lill-partijiet biex jipprovdu kumpens. |
(6) |
Sabiex jiġu żgurati azzjonijiet ta' infurzar privat skont il-liġi ċivili u infurzar pubbliku effettiv mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li ż-żewġ għodod jinteraġixxu biex tiġi żgurata l-effettività massima tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Huwa meħtieġ li tiġi rregolata l-koordinazzjoni ta' dawk iż-żewġ forom ta' infurzar, b'mod koerenti, pereżempju fir-rigward tal-arranġamenti għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tevita wkoll id-diverġenza tar-regoli applikabbli, li tista' tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
(7) |
Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa żgurat. Hemm differenzi kbar bejn ir-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Dawk id-differenzi jwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont it-TFUE u jaffettwaw l-effettività sostantiva tat-tali dritt. Billi l-partijiet li ġarrbu l-ħsara ta' spiss jagħżlu l-Istat Membru tagħhom ta' stabbiliment bħala l-forum li fih jitolbu kumpens għad-danni, id-diskrepanzi bejn ir-regoli nazzjonali jwasslu għal kondizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni u għalhekk jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-swieq li fihom jaħdmu dawn il-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-impriżi li wettqu l-ksur. |
(8) |
L-impriżi stabbiliti u li qegħdin jaħdmu f'diversi Stati Membri huma soġġetti għal regoli proċedurali differenti li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-punt sa liema jkunu jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Dan l-infurzar mhux indaqs tad- dritt għall-kumpens fil-liġi tal-Unjoni jista' jirriżulta mhux biss f'vantaġġ kompetittiv għal xi impriżi li kisru l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, iżda wkoll f'diżinċentiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' stabbiliment u l-provvista ta' oġġetti jew servizzi f'dawk l-Istati Membri fejn id-dritt għal kumpens huwa infurzat b'mod aktar effettiv. Minħabba li d-differenzi fir-reġimi ta' responsabbiltà applikabbli fl-Istati Membri jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa adatt li din id-Direttiva tiġi bbażata fuq il-bażijiet legali doppji tal-Artikoli 103 u 114 TFUE. |
(9) |
Filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ksur fuq skala kbira tal-liġi tal-kompetizzjoni spiss ikollu element transkonfinali, jeħtieġ li jiġu żgurati kondizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern u li jittejbu l-kondizzjonijiet għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet li huma jiksbu mis-suq intern. Għalhekk huwa xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur kemm tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni kif ukoll tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta din tiġi applikata b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Approssimazzjoni ta' dawk ir-regoli tgħin biex tiġi evitata ż-żieda ta' differenzi bejn ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fil-każijiet ta' kompetizzjoni. |
(10) |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li “[f]ejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu [101(1) TFUE] li jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mill-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].” Fl-interessi tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal ċertezza legali akbar u kondizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi u l-konsumaturi, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiġi estiż għall-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta tiġi applikata skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-applikazzjoni ta' regoli differenti dwar ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 jew102 TFUE u fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni li għandhom jiġu applikati fl-istess każijiet b'mod parallel għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jaffettwaw b'mod negattiv il-pożizzjoni tal-atturi fl-istess każ u l-ambitu tal-pretensjonijiet tagħhom, u jikkostitwixxu ostakolu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Din id-Direttiva ma għandhiex jaffettwa azzjonijiet għad-danni fir-rigward ta' ksur tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni li ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. |
(11) |
Fin-nuqqas tal-liġi tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja), kwalunkwe persuna tista' titlob kumpens għal ħsara mġarrba fejn ikun hemm relazzjoni kawżali bejn dik il-ħsara u ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Jeħtieġ li r-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. Dan ifisser li ma għandhomx ikunu fformulati jew applikati b'mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE jew b'mod inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet domestiċi simili. Meta l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet oħra għall-kumpens skont il-liġi nazzjonali, bħal kawżalità, adegwatezza jew ħtija huma għandhom ikunu jistgħu jżommu kondizzjonijiet bħal dawn sakemm huma jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta' effettività u ekwivalenza, u din id-Direttiva. |
(12) |
Din id-Direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li ġarrab xi ħsara kkawżata minn tali ksur jista' jagħmel talba għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens), għall-profitt li ġie miċħud lil dik il-persuna (telf ta' profitt jew lucrum cessans), bl-imgħax, irrispettivament minn jekk dawk il-kategoriji ġewx stabbiliti separatament jew flimkien fil-liġi nazzjonali. Il-ħlas tal-imgħax hu komponent essenzjali tal-kumpens biex jagħmel tajjeb għad-dannu sostnut billi tiġi kkunsidrata l-iskadenza taż-żmien u għandu jkun dovut mill-mument li tkun seħħet il-ħsara sal-mument meta jitħallas il-kumpens, mingħajr preġudizzju għall-kwalifika ta' tali interess bħala interess kumpensatorju jew ta' kontumaċja skont il-liġi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni ta' jekk l-iskadenza taż-żmien tiġix ikkunsidrata bħala kategorija separata (imgħax) jew bħala parti kostitwenti tat-telf reali jew tat-telf tal-profitt. Huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli li għandhom jiġu applikati għal dak il-fini. |
(13) |
Id-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod — irrispettivament jekk teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impriża ħatja tal-ksur, u irrispettivament jekk jinstabx jew le li kien hemm ksur fil-passat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-kumpens għal telf ta' opportunità, il-kumpens sħiħ skont din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew jekk permezz ta' ħsara punittiva, multipla jew ħsarat oħra. |
(14) |
Azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f'idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih. F'dawn iċ-ċirkustanzi, rekwiżiti legali stretti biex l-atturi jiddikjaraw fid-dettal il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn qabel elementi ta' evidenza ta' sostenn speċifikati b'mod preċiż jistgħu jimpedixxu indebitament l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE. |
(15) |
L-evidenza hija element importanti biex jitressqu azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, billi l-litigazzjoni rigward il-liġi tal-kompetizzjoni hija kkaratterizzata minn asimmetrija tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-atturi jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-mezzi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk l-atturi. Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu wkoll jordnaw li l-evidenza tingħata minn partijiet terzi, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi. Meta l-qorti nazzjonali tkun tixtieq tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza mill-Kummissjoni, japplika l-prinċipju fl-Artikolu 4(3) TUE ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-talbiet għall-informazzjoni. Meta l-qrati nazzjonali jordnaw lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiddivulgaw l-evidenza, japplikaw il-prinċipji ta' kooperazzjoni legali u amministrattiva skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. |
(16) |
Il-Qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu, taħt il-kontroll strett tagħhom, speċjalment rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri ta' divulgazzjoni, jordnaw divulgazzjoni ta' partijiet speċifiċi ta' evidenza jew kategoriji ta' evidenza fuq talba ta' parti. Mir-rekwiżit tal-proporzjonalità jirriżulta li jista' jkun hemm ordni għad-divulgazzjoni biss ladarba attur jistabbilixxi b'mod kredibbli, fuq il-bażi ta' fatti li huma disponibbli għal dak l-attur b'mod raġonevoli, li l-attur ikun ġarrab ħsara li ġiet ikkawżata mill-konvenut. Meta talba għad-divulgazzjoni għandha l-għan li tikseb kategorija ta' evidenza, dik il-kategorija għandha tiġi identifikata b'referenza għal karatteristiċi komuni tal-elementi kostituttivi tagħha bħan-natura, is-suġġett jew il-kontenut tad-dokumenti li ntalbet id-divulgazzjoni tagħhom, iż-żmien li matulu tfasslu, jew kriterji oħra, dment li l-evidenza li taqa' f'din il-kategorija hija rilevanti skont it-tifsira ta' din id-Direttiva. Tali kategoriji għandhom jiġu definiti b'mod kemm jista' jkun preċiż u strett abbażi ta' fatti raġonevolment disponibbli. |
(17) |
Meta qorti fi Stat Membru wieħed titlob lil qorti kompetenti fi Stat Membru ieħor biex tiġbor evidenza jew titlob li tinġabar evidenza direttament minn Stat Membru ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (4). |
(18) |
Filwaqt li l-evidenza rilevanti li jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra kunfidenzjali għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fl-azzjonijiet għad-danni, it-tali informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi protetta kif xieraq. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta' miżuri biex it-tali informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix divulgata matul il-proċedimenti. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-possibbiltà li partijiet sensittivi f'dokumenti jiġu riveduti, seduti jsiru in camera, jiġu limitati l-persuni li jitħallew jaraw l-evidenza, u istruzzjoni lill-esperti biex jipproduċu sintesi tal-informazzjoni b'mod aggregat jew f'forma mhux kunfidenzjali. Miżuri li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali, madankollu, m'għandhiextimpedixxi l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens. |
(19) |
Din id-Direttiva la taffettwa l-possibbiltà taħt il-liġijiet tal-Istati Membri li jsir appell għal ordnijiet ta' divulgazzjoni, u lanqas il-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta' tali appelli. |
(20) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (5) jirregola l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u huwa mfassal biex jagħti lill-pubbliku dritt għall-aċċess l-aktar wiesa' possibbli għal dokumenti ta' dawk l-istituzzjonijiet. Madankollu, dak id-dritt huwa soġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta' interess Minn dan isegwi li s-sistema ta' eċċezzjonijiet stipulata fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi kuntrarji f'sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, l-interessi li jkunu aġevolati mid-divulgazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni u, dawk li jkunu kompromessi minn tali divulgazzjoni. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal tali regoli u prattiki skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001. |
(21) |
L-effettività u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward id-divulgazzjoni tal-evidenza li hija inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni. Id-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma tkoprix id-divulgazzjoni ta' dokumenti interni ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew ta' korrispondenza bejniethom. |
(22) |
Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens, mhux meħtieġ li kull dokument relatat mal-proċedimenti skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE jiġi żvelat lil attur għas-sempliċi raġuni tal-intenzjoni tal-attur għal azzjoni għad-danni, peress li huwa ferm improbabbli li l-azzjoni għad-danni tkun teħtieġ li tkun ibbażata fuq l-evidenza kollha fil-fajl relatat ma' dawk il-proċedimenti. |
(23) |
Ir-rekwiżit tal-proporzjonalità għandu jiġi vvalutat b'attenzjoni meta jkun hemm riskju li d-divulgazzjoni tikxef l-istrateġija ta' investigazzjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni billi jiġi divulgat liema dokumenti huma parti mill-fajl jew riskji li għandhom effett negattiv fuq il-mod li bih l-impriżi jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni ta' “spedizzjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni”, jiġifieri t-tiftix mhux speċifiku jew mifrux ħafna għal informazzjoni li huwa probabbli li ma tkunx ta' rilevanza għall-partijiet għall-proċedimenti. Għalhekk it-talbiet għad-divulgazzjoni ma għandhomx jitqiesu proporzjonati meta jirreferu għad-divulgazzjoni ġenerika tad-dokumenti fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni relatati ma' każ speċifiku, jew id-divulgazzjoni ġenerika ta' dokumenti ppreżentati minn parti fil-kuntest ta' każ partikolari. Tali talbiet wesgħin għad-divulgazzjoni ma jkunux kompatibbli mad-dmir tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika l-oġġetti ta' evidenza jew il-kategoriji tal-evidenza b'mod l-aktar preċiż u strett possibbli. |
(24) |
Din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt tal-qrati li jikkunsidraw, skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, l-interessi tal-infurzar pubbliku effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni meta jordnaw divulgazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' evidenza bl-eċċezzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment. |
(25) |
Għandha tapplika eżenzjoni fir-rigward ta' kull divulgazzjoni li, jekk tingħata, tinterferixxi bla bżonn ma' investigazzjoni li tkun għaddejja minn awtorità tal-kompetizzjoni rigward il-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. L-informazzjoni li tħejjiet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u li ntbagħtet lill-partijiet għal dawk il-proċedimenti (bħal, pereżempju, “Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet”) jew imħejjija minn parti f'dawk il-proċedimenti (bħal pereżempju tweġibiet għat-talbiet ta' informazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni jew dikjarazzjonijiet tax-xhieda), għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiġu divulgati f'azzjonijiet għad-danni biss wara li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedimenti tagħha, pereżempju bl-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 5 jew skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 bl-eċċezzjoni ta' deċiżjonijiet dwar miżuri temporanji. |
(26) |
Il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta' riżolviment huma għodda importanti għall-infurzar pubbliku tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni minħabba li jikkontribwixxu għall-iskoperta u l-prosekuzzjoni effiċjenti tal-impożizzjoni ta' penali għall-aktar ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, peress li ħafna deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'każijiet ta' kartell huma bbażati fuq l-applikazzjoni għall-klemenza, u azzjonijiet għad-danni f'każijiet ta' kartell ġeneralment isegwu minn dawk id-deċiżjonijiet, il-programmi ta' klemenza huma wkoll importanti għall-effettività tal-azzjonijiet għad-danni f'każijiet ta' kartell. L-impriżi jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taħt il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta' riżolviment jekk jiġu divulgati dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti bħal dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment, li huma prodotti unikament għall-fini tal- kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali divulgazzjoni tippreżenta riskju li tesponi impriżi li qed jikkooperaw jew il-persunal maniġerjali tagħhom għal responsabbiltà ċivili jew kriminali taħt kondizzjonijiet agħar milli dawk tal-kokontraventuri li ma jikkooperawx mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-volontà kontinwa tal-impriżi biex javviċinaw b'mod volontarju lill-awtoritajiet b'dikjarazzjonijiet ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment, tali dikjarazzjonijiet għandhom ikunu eżenti mid-divulgazzjoni tal-evidenza. Dik l-eżenzjoni għandha tapplika wkoll għal kwotazzjonijiet verbatim minndikjarazzjonijiet ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment inklużi f'dokumenti oħra. Dawk il-limitazzjonijiet għad-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali. Sabiex jiġi żgurat li dik l-eżenzjoni ma tinterferixxix mingħajr raġuni mad-drittijiet ta' partijiet milquta għal kumpens, għandha tiġi limitata għal dawk id-dikjarazzjonijiet volontarji u awtoinkriminanti u s-sottomissjonijiet ta' riżolviment. |
(27) |
Ir-regoli f'din id-Direttiva dwar id-divulgazzjoni ta' dokumenti apparti dokumenti ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment jiżguraw li l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jibqa' jkollhom mezzi alternattivi suffiċjenti li bihom jiksbu aċċess għall-evidenza li jeħtieġu sabiex iħejju l-azzjonijiet tagħhom għad-danni. Il-qrati nazzjonali għandhom, fuq talba minn attur, ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal dokumenti li għalihom tiġi invokata l-eżenzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-kontenuti tagħhom jaqgħux barra id-definizzjonijiet ta' dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolvimenti stabbiliti f'din id-Direttiva. Kwalunkwe kontenut li jaqa' barra dawk id-definizzjonijiet għandu jista' jkun divulgat taħt il-kondizzjonijiet rilevanti. |
(28) |
Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw fi kwalunkwe ħin, fil-kuntest ta' azzjoni għal danni, id-divulgazzjoni ta' evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta' awtorità ta' kompetizzjoni (“informazzjoni preeżistenti”). |
(29) |
Id-divulgazzjoni ta' evidenza għandha tiġi ordnata minn awtorità tal-kompetizzjoni biss meta dik l-evidenza ma tistax tinkiseb b'mod raġonevoli minn parti oħra jew minn parti terza. |
(30) |
Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fuq inizjattiva tagħhom stess, jistgħu jibagħtu osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Sabiex jiġi ppreservat il-kontribut magħmul mill-infurzar pubbliku għall-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom bl-istess mod ikunu jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom, lill-qrati nazzjonali sabiex jivvalutaw il-proporzjonalità tad-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajls tal-awtoritajiet, fid-dawl tal-impatt li tali divulgazzjoni jkollha fuq l-effettività tal-infurzar pubbliku tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu sistema li permezz tagħha awtorità tal-kompetizzjoni tiġi infurmata bit-talbiet għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni meta l-persuna li titlob id-divulgazzjoni jew il-persuna li mingħandha hija mitluba d-divulgazzjoni hija involuta f'dik l-investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-ksur allegat, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu proċedimenti ex-parte. |
(31) |
Kull persuna fiżika jew ġuridika li tikseb l-evidenza permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għamdha tkun tista' tuża dik l-evidenza għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni li tkun parti minnha. Tali użu għandu wkoll jiġi permess min-naħa ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ittrasferiet id-drittijiet u l-obbligi tagħha, inkluż permezz tax-xiri tal-pretensjoni tagħha. Fejn l-evidenza tkun inkisbet minn persuna ġuridika li tifforma parti minn grupp korporattiv li jikkostitwixxi impriża waħda għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, persuni ġuridiċi oħrajn li jappartjenu għall-istess impriża għandhom ukoll ikunu jistgħu jużaw dik l-evidenza. |
(32) |
Madankollu, l-użu ta' evidenza miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni ma għandux inaqqas bla raġuni l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-limitazzjonijiet fuq id-divulgazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva ma jiġux kompromessi, l-użu ta' evidenza tat-tipi msemmija fil-premessi 24 u 25 li nkisbet unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għandu jkun limitat taħt l-istess ċirkostanzi. Il-limitazzjoni għandha tieħu l-forma ta' inammissibbiltà f'azzjonijiet għal danni jew il-forma ta' kwalunkwe protezzjoni oħra skont regoli nazzjonali applikabbli li jistgħu jiżguraw l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' dik it-tip ta' evidenza. Barra minn hekk, l-evidenza miksuba minn awtorità tal-kompetizzjoni ma għandhiex issir oġġett ta' skambju. Il-possibbiltà li tintuża l-evidenza li tkun inkisbet biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għalhekk għandha tkun limitata għall-persuna fiżika jew ġuridika li oriġinalment ingħatalha aċċess u s-suċċessuri legali tagħha. Madankollu, dik il-limitazzjoni biex jiġi evitat il-kummerċ ta' evidenza ma tipprojbixxix lil qorti nazzjonali milli tordna d-divulgazzjoni ta' dik l-evidenza skont il-kondizzjonijiet previsti f'din id-Direttiva. |
(33) |
Il-fatt li pretensjoni għad-danni tinbeda, jew li investigazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni tiġi skattata, jinvolvi riskju li l-persuni kkonċernati jistgħu jeqirdu jew jaħbu l-evidenza li tista' tkun utli biex tiġi sostanzjata pretensjoni għad-danni ta' parti li ġarrbet ħsara. Sabiex l-evidenza rilevanti ma tiġix distrutta u biex ikun żgurat li ordnijiet tal-qorti rigward id-divulgazzjoni ta' evidenza jitwettqu, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-saħħa li jimponu penali suffiċjentement deterrenti. Safejn jirrigwarda l-partijiet fil-proċedimenti, ir-riskju li jsiru inferenzi negattivi fil-proċedimenti għad-danni jista' jkun penalità partikolarment effettiva u jista' jgħin biex jiġi evitat dewmien żejjed. Għandu jkun hemm ukoll penali għal min ma jonorax l-obbligu ta' protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u għal użu abbużiv minn informazzjoni li tkun divulgata. B'mod simili, għandhom ikunu disponibbli penali jekk l-informazzjoni miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jiġi użat b'mod abbużiv f'azzjonijiet għad-danni. |
(34) |
L-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-effett tad-deċiżjonijiet finali dwar il-ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Deċiżjonijiet bħal dawn huma adottati biss wara li l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata dwar id-deċiżjoni prevista jew, fin-nuqqas ta' dan, kull dokument ieħor li jindika d-direzzjoni tal-azzjoni proposta skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u jekk il-Kummissjoni ma tkunx neħħiet il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni billi tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) ta' dak ir-Regolament.Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi tipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali b'mod bilaterali u fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, biex tiġi evitata l-inkonsistenza fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, biex tiżdied l-effettività u l-effikaċja proċedurali tal-azzjonijiet għad-danni u biex jitrawwem il-funzjonament tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, is-sejba ta' ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE f'deċiżjoni finali minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell ma għandhiex terġa' tgħaddi minn litigazzjoni f'azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Għaldaqstant tali sejba għandha titqies li tkun stabbilita b'mod inkontestabbli f'azzjonijiet għal danni miġjuba fl-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew tal-qorti tal-appell dwar dak il-ksur. Madankollu, l-effett tas-sejba għandu jkopri biss in-natura tal-ksur u l-kamp ta' applikazzjoni materjali, personali, temporali u territorjali tiegħu kif determinat mill-awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Fejn dikjarazzjoni tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni nkisru f'każijiet fejn il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni huma applikati fl-istess każ u b'mod parallel, dak il-ksur għandu wkoll jitqies li ġie stabbilit b'mod irribattibbli. |
(35) |
Meta azzjoni għad-danni titressaq fi Stat Membru li mhuwiex Stat Membru ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li sab il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE li jirrigwarda l-azzjoni, għandu jkun possibbli li dik is-sejba tiġi ppreżentata f'deċiżjoni finali mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-qorti tal-appell quddiem il-qorti nazzjonali bħala evidenza, tal-anqas prima facie, tal-fatt li jkun seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Is-sejba tista' tiġi vvalutata, kif xieraq, flimkien ma' kwalunkwe evidenza oħra miġjuba mill-partijiet. L-effetti ta' deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-appell li jsibu ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE. |
(36) |
Ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, it-tul, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx ixekklu milli jitressqu azzjonijiet għad-danni. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-azzjonijiet li jibnu fuq is-sejba ta' ksur minn awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell. Għan dan il-għan, għandu jkun possibbli li titressaq azzjoni għad-danni wara l-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni, bil-ħsieb li tkun infurzata l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-perijodu ta' preskrizzjoni ma għandux jibda jgħodd qabel ma l-ksur ikun waqaf u qabel ma attur ikun jaf, jew jista' jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf, l-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur, il-fatt li l-ksur ikkawża ħsara lill-attur u l-identità tal-kontraventur. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu perijodi ta' limitazzjoni assoluti li huma ta' applikazzjoni ġenerali, dment li t-tul ta' żmien ta' tali perijodi ta' limitazzjoni assoluti ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ. |
(37) |
Meta bosta impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni b'mod konġunt, bħal pereżempju fil-każ ta' kartell, huwa xieraq li jiġi previst li dawk il-kokontraventuri jkunu responsabbli in solidum għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Kokontraventur għandu jkollu d-dritt li jikseb kontribuzzjoni minn kokontraventuri oħra jekk huwa jkun ħallas kumpens aktar mis-sehem tiegħu. Id-determinazzjoni ta' dak is-sehem bħala r-responsabbiltà relattiva ta' kontraventur speċifiku u l-kriterji rilevanti, bħal pereżempju l-fatturat, is-sehem fis-suq, jew ir-rwol fil-kartell, hija kwistjoni għal-liġi nazzjonali applikabbli, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. |
(38) |
L-impriżi li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza għandhom rwol ewlieni fit-turija ta' ksur sigriet ta' kartell u biex iwaqqfu dan il-ksur, u b'hekk ta' spiss inaqqsu l-ħsara li setgħet tiġi kkawżata li kieku kompla sar il-ksur. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li l-impriżi li jkunu rċevew l-immunità minn multi minn awtorità tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza jiġu protetti milli jiġu esposti bla bżonn għall-pretensjonijiet għad-danni, filwaqt li jitqies li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun sabet il-ksur tista' ssir finali għall-benefiċjarju tal-immunità qabel ma ssir finali għal impriżi oħra li ma jkunux irċevew l-immunità, u b'hekk jagħmlu potenzjalment lill-benefiċjarju tal-immunità l-mira preferenzjali tal-litigazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li l-benefiċjarju tal-immunità jinħeles fil-prinċipju mir-responsabbiltà in solidum għall-ħsara kollha u li kwalunkwe kontribuzzjoni li jrid jagħmel vis-à-vis l-kokontraventuri ma jaqbiżx l-ammont tal-ħsara kkawżata lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu stess jew, fil-każ ta' kartell għax-xiri, il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu. Sal-punt fejn kartell ikun ikkawża ħsara lil oħrajn li mhumiex il-klijenti jew il-fornituri tal-kontraventuri, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità ma għandhiex taqbeż ir-responsabbiltà relattiva tiegħu għall-ħsara kkawżata mill-kartell. Dak is-sehem għandu jiġi determinat skont l-istess regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet bejn il-kontraventuri. Il-benefiċjarju tal-immunità għandu jibqa' responsabbli bis-sħiħ għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu biss meta dawn ma jistgħux jiksbu kumpens sħiħ minn kontraventuri oħra. |
(39) |
Il-ħsara fil-forma ta' telf reali tista' tirriżulta mid-differenza fil-prezz bejn dak li fil-fatt tħallas u dak li kieku kellu jitħallas kieku ma kienx hemm il-ksur tal-liġi. Meta parti li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf reali tagħha billi tittrasferih kollu jew parzjalment lix-xerrejja tagħha stess, it-telf li jkun ġie trasferit ma jkunx jirrappreżenta aktar ħsara li għaliha l-parti li tkun ittrasferietu jeħtieġ li tikseb kumpens. Għalhekk huwa xieraq fil-prinċipju li kontraventur jiġi permess li jinvoka t-trasferiment tat-telf reali bħala difiża kontra pretensjoni għad-danni. Huwa xieraq li jiġi previst li l-kontraventur, sakemm jinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, jrid jagħti prova tal-eżistenza u l-limitu tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda. Dan l-obbligu tal-prova ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għall-kontraventur li juża evidenza minbarra dik li mhix fil-pussess tiegħu, bħall-evidenza diġà akkwistati fil-proċedimenti jew l-evidenza miżmuma minn partijiet oħra jew partijiet terzi. |
(40) |
F'sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment irriżulta f'anqas bejgħ u għalhekk fi ħsara f'forma ta' telf tal-profitt, ma għandux jinbidel id-dritt għal talba għal kumpens għal telf simili tal-profitt. |
(41) |
Skont il-kondizzjonijiet li taħthom qed joperaw l-impriżi, tista' tkun il-prattika kummerċjali li ż-żieda fil-prezzijiet tiġi trasferita 'l isfel fil-katina tal-provvista. Il-konsumaturi jew l-impriżi, li lilhom ġie b'hekk trasferit it-telf reali ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Filwaqt li tali ħsara għandha tiġi kkumpensata mill-kontraventur, jista' jkun partikolarment diffiċli għall-konsumaturi jew għall-impriżi li ma xtrawx huma stess mingħand dak il-kontraventur biex jippruvaw il-kobor ta' dik il-ħsara. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li, meta l-eżistenza ta' pretensjoni għad-danni jew l-ammont tad-danni li għandu jingħata jiddependi fuq jekk jew sa liema punt ikunu ġew trasferiti l-ispejjeż żejda mħallsa mix-xerrej dirett mill-kontraventur lix-xerrej indirett, dan tal-aħħar huwa meqjus li jkun ta l-prova li l-ispejjeż żejda mħallsa minn dak ix-xerrej dirett ikunu ġew trasferiti għal-livell tiegħu, fejn ikun jista' juri prima facie li tali trasferiment twettaq. Din is-suppożizzjoni konfutabbli tapplika sakemm il-kontraventur ma jurix b'mod kredibbli għas-sodisfazzjoni tal-qorti li t-telf effettiv ma ġiex ittrasferit jew mhux kompletament lix-xerrej indirett. Barra minn hekk huwa xieraq li jiġi definit taħt liema kondizzjonijiet ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun stabbilixxa t-tali prova prima facie. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jikkalkolaw liema sehem tal-ispejjeż żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja indiretti fit-tilwim pendenti quddiemhom. |
(42) |
Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida ċari, sempliċi u komprensivi għall-qrati nazzjonali dwar kif jiġi stmat is-sehem tal-ispejjeż żejda ttrasferiti lix-xerrejja indiretti. |
(43) |
Il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ta' spiss jirrigwarda l-kondizzjonijiet u l-prezz li bih jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi u jwassal għal spejjeż żejda u ħsara oħra għall-klijenti tal-kontraventuri. Il-ksur jista' wkoll jikkonċerna l-provvisti lill-kontraventur (pereżempju fil-każ ta' kartell tax-xerrej). F'każijiet bħal dawn, it-telf reali jista' jirriżulta minn prezz aktar baxx imħallas minn kontraventuri lill-fornituri tagħhom. Din id-Direttiva u b'mod partikolari r-regoli dwar it-trasferiment għandhom japplikaw skont dan għal dawk il-każijiet. |
(44) |
L-azzjonijiet għad-danni jistgħu jitressqu kemm minn dawk li xtraw l-oġġetti jew is-servizzi mingħand il-kontraventur kif ukoll minn xerrejja iktar 'l isfel fil-katina tal-provvista. Fl-interess ta' konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn proċedimenti relatati u għalhekk biex tiġi evitata l-ħsara kkawżata mill-fatt li l-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ma tiġix ikkumpensata b'mod sħiħ jew mill-fatt li l-kontraventur ikun meħtieġ iħallas danni għall-ħsara li ma tkunx saret, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jagħmlu stima tal-proporzjon ta' kwalunkwe spejjeż żejda mġarrba mix-xerrejja diretti jew indiretti fit-tilwim pendenti quddiemhom. F'dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jqisu kif dovut, permezz ta' mezzi proċedurali jew sostantivi disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, kwalunkwe azzjoni relatata u s-sentenza li tirriżulta minnha, b'mod partikolari fejn issib li ġie pprovat trasferiment. Il-qrati nazzjonali għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi proċedurali xierqa, bħall-konsolidazzjoni tal-pretensjonijiet, biex jiżguraw li l-kumpens għat-telf reali mħallas fi kwalunkwe livell tal-katina ta' provvista ma jeċċedix il-ħsara tal-ispejjeż żejda kkawżata f'dak il-livell. Tali mezzi għandhom ikunu disponibbli wkoll f'każijiet transkonfinali. Din il-possibbiltà li jittieħed kont debitu tas-sentenzi għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tad-difiża u għad-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust ta' dawk li ma kinux partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji, u mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-valur ta' evidenza tas-sentenzi mogħtija f'dak il-kuntest. Huwa possibbli li azzjonijiet pendenti quddiem il-qrati ta' Stati Membri differenti, jitqiesu bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Taħt dak l-Artikolu, il-qrati nazzjonali ħlief dik invokata l-ewwel mill-każ, jistgħu jissospendu l-proċeduri jew, taħt ċerti ċirkustanzi, jirrifjutaw li jagħtu sentenza. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont dak ir-Regolament. |
(45) |
Parti li tkun ġarrbet ħsara li tkun tat prova li ġarrbet ħsara bħala riżultat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, xorta trid tagħti prova tal-livell tal-ħsara mġarrba sabiex tikseb id-danni. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni hija proċess li jirrikjedi l-preżentazzjoni ta' ħafna fatti u hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta' mudelli ekonomiċi kumplessi. Dan ta' spiss huwa proċess li jiswa ħafna flus, u l-atturi jkollhom diffikultajiet fir-rigward tal-ksib tad-data meħtieġa biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tista' għalhekk tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali li jipprevjeni pretensjonijiet effettivi għall-kumpens. |
(46) |
Fin-nuqqas ta' regoli tal-Unjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, is-sistema legali domestika ta' kull Stat Membru għandha tiddetermina r-regoli tagħha stess dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara u l-Istati Membri u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw liema rekwiżiti għandu jissodisfa l-attur meta jagħti prova tal-ammont ta' ħsara li jkun ġarrab, il-metodi li jistgħu jintużaw fil-kwantifikazzjoni tal-ammont u l-konsegwenzi jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali rigward il-kwantifikazzjoni ta' dannu f'każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna (il-prinċipju tal-effettività). Għandhom jitqiesu l-assimetriji tal-informazzjoni possibbli bejn il-partijiet u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tirrikjedi valutazzjoni ta' kif is-suq ikkonċernat kien jevolvi li kieku ma kienx sar ksur. Din il-valutazzjoni timplika paragun ma' sitwazzjoni li b'definizzjoni hija ipotetika u għalhekk ma tista' qatt issir b'eżattezza totali. Għalhekk huwa xieraq li jiġi żgurat li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Meta mitluba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jipprovdu gwida dwar il-quantum. Biex jiġu żgurati l-koerenza u l-prevedibbiltà l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida ġenerali fil-livell tal-Unjoni. |
(47) |
Bħala rimedju għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet għad-danni, huwa xieraq li wieħed jissoponi li l-ksur minn kartell jirriżulta fi ħsara, b'mod partikolari permezz ta' effett fuq il-prezzijiet. Skont il-fatti tal-każ, il-kartelli jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew impedixxu li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien iseħħ li kieku ma kienx il-kartell. Din is-suppożizzjoni ma għandhiex tkopri l-ammont konkret tal-ħsara. Il-kontraventuri għandhom jitħallew jikkontestaw it-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli, minħabba n-natura sigrieta tagħhom, li żżid l-asimmetrija tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli għall-atturi biex jiksbu l-evidenza meħtieġa biex jagħtu prova tal-ħsara. |
(48) |
Huwa mixtieq li tintlaħaq soluzzjoni “darba għal dejjem” għall-konvenuti bil-għan li titnaqqas l-inċertezza għall-kontraventuri u l-partijiet li ġarrbu ħsara. Għalhekk, il-kontraventuri u l-partijiet li ġarrbu ħsara għandhom jiġu mħeġġa biex jaqblu fuq kumpens tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta' mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim bħal pereżempju riżolvimenti barra mill-qorti (inklużi dawk fejn imħallef jista' jiddikjara riżolviment vinkolanti), l-arbitraġġ, il-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni. tali riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim għandha tkopri kemm jista' jkun legalment possibbli mill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-kontraventuri. Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar ir-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim għalhekk huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-użu tat-tali mekkaniżmi u jżidu l-effettività tagħhom. |
(49) |
Il-perijodi ta' preskrizzjoni biex titressaq azzjoni għad-danni jistgħu jkunu b'mod li jimpedixxu lill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-kontraventuri milli jkollhom biżżejjed żmien biex jaslu għal qbil dwar il-kumpens li għandu jitħallas. Sabiex iż-żewġ naħat jingħataw l-opportunità ġenwina biex ifittxu riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim qabel ma jibdew il-proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali, il-perijodi ta' preskrizzjoni jeħtieġu li jiġu sospiżi għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim. |
(50) |
Barra minn hekk, meta l-partijiet jiddeċiedu li jfittxu riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim wara li tkun tressqet azzjoni għad-danni għall-istess pretensjoni quddiem qorti nazzjonali, dik il-qorti għandha tkun tista' tissospendi l-proċedimenti li tressqu quddiemha għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim. Meta tqis jekk għandhomx jiġu sospiżi l-proċedimenti, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-vantaġġi ta' proċedura espedjenti. |
(51) |
Biex jiġu mħeġġa r-riżolvimenti kunsenswali, kontraventur li jħallas id-danni permezz ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim ma għandux jitqiegħed f'pożizzjoni vis-à-vis il-kokontraventuri tiegħu agħar minn dik li kien ikun fiha mingħajr is-soluzzjoni kunsenswali. Dak jista' jseħħ jekk kontraventur fir-riżolviment għat-tilwim ikun baqa' responsabbli in solidum għall-ħsara kkawżata mill-ksur anke wara li jinsab riżolviment kunsenswali. Għalhekk kontraventur fir-riżolviment fil-prinċipju ma għandux jikkontribwixxi għall-kokontraventuri tiegħu mhux fir-riżolviment meta dawn tal-aħħar ikunu ħallsu d-danni lil parti li tkun ġarrbet il-ħsara li magħha l-ewwel kontraventur ikun sab soluzzjoni qabel. Il-korrelazzjoni għal din ir-regola ta' nonkontribuzzjoni hi li l-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara għandha titnaqqas permezz tar-riżolviment tas-sehem tal-ħsara tal-kontraventur kkawżata lilha, irrispettivament jekk l-ammont tar-riżolviment hux indaqs jew hux differenti mis-sehem relattiv tal-ħsara li l-kokontraventur fir-riżolviment ikkaġuna lill-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara. Dak is-sehem relattiv għandu jiġi determinat skont ir-regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet fost il-kontraventuri. Mingħajr it-tali tnaqqis, il-kontraventuri mhux fir-riżolviment jkunu affettwati mingħajr bżonn mir-riżolviment li fih ma kinux parti. Madankollu, sabiex jiżgura d-dritt għal kumpens sħiħ, il-kokontraventuri fir-riżolviment xorta għandu ikollhom iħallsu d-danni meta dik tkun l-unika possibbiltà għall-parti fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara biex tikseb kumpensgħall-pretensjoni li jkun għad fadal. Il-pretensjoni li tkun għad fadal tirreferi għall-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara fir-riżolviment imnaqqsa mis-sehem tal-kokontraventur fir-riżolviment tal-ħsara li l-ksur ikkaġuna lill-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara. Il-possibbiltà ta' din tal-aħħar li titlob danni mill-kokontraventur fir-riżolviment teżisti, sakemm ma tkunx ġiet eskluża b'mod espliċitu skont it-termini tar-riżolviment kunsenswali. |
(52) |
Għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-kokontraventuri fir-riżolviment, bil-ħlas ta' kontribuzzjoni lil kokontraventuri mhux fir-riżolviment għal danni li huma ħallsu lil partijiet mhux fir-riżolviment li jkunu ġarrbu ħsara, iħallsu ammont totali ta' kumpens li jaqbeż ir-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata permezz tal-ksur. Għalhekk, meta l-kokontraventuri fir-riżolviment jintalbu biex jikkontribwixxu għad-danni li jkunu tħallsu sussegwentement mill-kokontraventuri mhux fir-riżolviment lill-partijiet mhux fir-riżolviment li jkunu ġarrbu ħsara, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu d-danni li diġà jkunu tħallsu permezz tar-riżolviment kunsenswali u b'hekk tkun qed iżżomm f'moħħha li mhux il-kokontraventuri kollha huma neċessarjament involuti b'mod ugwali fl-ambitu sostantiv, temporali u ġeografiku sħiħ tal-ksur. |
(53) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(54) |
Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta' regoli li jikkonċernaw azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-effetti sħaħ tal-Artikolu 101 u 102 TFUE, u il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jistgħu pjuttost, minħabba l-effettività u l-konsistenza meħtieġa fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
(55) |
F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument jew bosta dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata. |
(56) |
Huwa xieraq li jiġu previsti regoli għall-applikazzjoni temporali ta' din id-Direttiva, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta' impriżi, tista' b'mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.
2. Din id-Direttiva tistipula regoli li jikkoordinaw l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta' dawn ir-regoli f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni; |
(2) |
“kontraventur” tfisser l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' impriżi li wettqet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(3) |
“il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” tfisser id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b'mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li huma applikati għall-istess każ u b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bl-esklużjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu pieni kriminali fuq il-persuna fiżika, ħlief sa fejn dawn il-pieni kriminali huma l-mezz li bih jiġu applikati l-liġijiet tal-kompetizzjoni għall-impriża u jiġu infurzati; |
(4) |
“azzjoni għad-danni” tfisser azzjoni skont il-liġi nazzjonali li permezz tagħha pretensjoni għad-danni titressaq quddiem il-qorti nazzjonali minn parti li allegatament ġarrbet ħsara, minn xi ħadd li jaġixxi f'isem wieħed jew aktar partijiet li allegatament ġarrbu ħsara meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tipprevedi għal dik il-possibbiltà, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni; |
(5) |
“pretensjoni għad-danni” tfisser pretensjoni għal kumpens għal ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(6) |
“parti li ġarrbet ħsara” tfisser persuna li tkun sofriet danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(7) |
“awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni” tfisser awtorità nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; |
(8) |
“awtorità tal-kompetizzjoni” tfisser il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jew it-tnejn skont kif jeħtieġ il-kuntest; |
(9) |
“qorti nazzjonali” tfisser qorti jew tribunal ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE; |
(10) |
“qorti tal-appell” tfisser qorti nazzjonali li għandha s-setgħa bil-mezzi ta' appell ordinarji li teżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew li teżamina mill-ġdid is-sentenzi li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar dawk id-deċiżjonijiet, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għandhiex hija stess is-setgħa li ssib ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(11) |
“deċiżjoni dwar ksur” tfisser deċiżjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(12) |
“deċiżjoni finali dwar ksur” tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta' appell bil-mezzi ordinarji; |
(13) |
“evidenza” tfisser kull tip ta' mezz ta' prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali invokata, partikolarment dokumenti u l-oġġetti l-oħra kollha li jkun jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna; |
(14) |
“kartell” tfisser ftehim jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar li għandha l-għan li tikkoordina l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq jew tinfluwenza l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, permezz ta' prattiki bħal, imma mhux limitati għal, l-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ jew tax-xiri jew ta' kondizzjonijiet kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, il-kondiviżjoni tas-swieq u l-klijenti inklużi l-immanuvrar tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet jew l-azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħra; |
(15) |
“programm ta' klemenza” tfisser programm li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi nazzjonali li abbażi tiegħu parteċipant f'kartell sigriet, b'mod indipendenti mill-impriżi l-oħra involuti fil-kartell, jikkoopera ma' investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, billi jipprovdi b'mod volontarju preżentazzjonijiet rigward l-għarfien ta' dak il-parteċipant tal-kartell u r-rwol tiegħu fih, u bħala skambju għal dan il-parteċipant jirċievi, permezz ta' deċiżjoni jew permezz ta' twaqqif tal-proċedimenti, l-immunità mill-multi li għandhom jiġu imposti għall-involviment tiegħu fil-kartell jew tnaqqis tat-tali multi; |
(16) |
“dikjarazzjoni ta' klemenza” tfisser preżentazzjoni orali jew bil-miktub ipprovduta b'mod volontarju minn, jew f'isem, impriża jew persuna fiżika lil awtorità tal-kompetizzjoni jew rekord tagħha, li tiddeskrivi l-għarfien ta' dik l-impriża jew tal-persuna fiżika dwar kartell u r-rwol tagħha fih, li tkun tfasslet speċifikament biex titressaq lill-awtorità tal-kompetizzjoni bil-għan li tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-multi taħt programm ta' klemenza, li ma tinkludix informazzjoni preeżistenti; |
(17) |
“informazzjoni preeżistenti” tfisser evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta' awtorità kompetenti, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni; |
(18) |
“sottomissjoni ta' riżolviment” tfisser preżentazzjoni volontarja minn, jew f'isem, impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeskrivi r-rikonoxximent ta' impriża jew ir-rinunzja tagħha għal tilwima dwar is-sehem tagħha fi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-responsabbiltà tagħha għal dak il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li tkun tfasslet speċifikament sabiex tippermetti lill-awtorità tal-kompetizzjoni tapplika proċedura simplifikata jew proċedura mħaffa; |
(19) |
“benefiċjarju tal-immunità” tfisser impriża jew persuna fiżika li tkun ingħatat l-immunità mill-multi minn awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza; |
(20) |
“spejjeż żejda” tfisser id-differenza bejn il-prezz imħallas realment u l-prezz li kellu jitħallas fin-nuqqas ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(21) |
“riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim” tfisser kwalunkwe mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet jilħqu riżolvimenti għat-tilwim barra mill-qorti dwar talba għad-danni; |
(22) |
“riżolviment kunsenswali” tfisser qbil milħuq permezz ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim. |
(23) |
“xerrej dirett” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xtrat, direttament mingħand kontraventur, prodotti jew servizzi li kienu l-oġġett ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(24) |
“xerrej indirett” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xtrat, mhux direttament mingħand kontraventur, imma mingħand xerrej dirett jew xerrej sussegwenti, prodotti jew servizzi li kienu l-oġġett ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew prodotti jew servizzi li jkun fihom it-tali oġġetti jew imnisslin minnhom; |
Artikolu 3
Dritt għal kumpens sħiħ
1. L-Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista' titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.
2. Kumpens sħiħ għandu jqiegħed persuna li ġarrbet il-ħsara fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha dik il-persuna li kieku ma jkunx seħħ il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Għalhekk għandu jkopri d-dritt għall-kumpens għat-telf reali u għat-telf ta' profitt, kif ukoll il-ħlas tal-imgħax.
3. Kumpens sħiħ taħt din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew b'mezzi ta' danni punittivi, multipli jew dawk ta' tipi oħra.
Artikolu 4
Prinċipji ta' effettività u ekwivalenza
F'konformità mal-prinċipju ta' effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward l-eżerċizzju ta' talbiet għal kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b'mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. F'konformità mal-prinċipju tal-ekwivalenza, ir-regoli jew il-proċeduri nazzjonali rigward azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma għandhomx ikunu inqas favorevoli għall-partijiet li allegatament ikunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili għal danni li jirriżultaw minn ksur ta' liġi nazzjonali.
KAPITOLU II
DIVULGAZZJONI TAL-EVIDENZA
Artikolu 5
Divulgazzjoni tal-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma' azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta' attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b'mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti.
Dan il-paragrafu huwa bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta' elementi speċifiċi ta' evidenza jew ta' kategoriji rilevanti ta' evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta' fatti disponibbli b'mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta' jekk kwalunkwe divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw:
(a) |
safejn il-pretensjoni jew id-difiża hija appoġġata mill-fatti u l-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza; |
(b) |
l-ambitu u l-ispiża biex issir id-divulgazzjoni, speċjalment għal kwalunkwe part terza kkonċernata, inkluż l-evitar ta' tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x'aktarx ma tkunx ta' rilevanza għall-partijiet fil-proċedura; |
(c) |
jekk l-evidenza li qed tintalab id-divulgazzjoni tagħha fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna xi parti terza, u x'arranġamenti huma fis-seħħ għall-protezzjoni ta' tali informazzjoni kunfidenzjali. |
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw id-divulgazzjoni ta' evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-azzjoni għad-danni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw id-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex tiġi protetta tali informazzjoni.
5. L-interess tal-impriżi li jevitaw azzjonijiet għal danni wara ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandux jikkostitwixxi interess li jitlob protezzjoni.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jagħtu effett sħiħ lill-privileġġ professjonali legali applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali meta jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li mingħandhom tintalab id-divulgazzjoni jingħataw l- opportunità li jinstemgħu qabel qorti nazzjonali tordna d-divulgazzjoni skont dan l-Artikolu.
8. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 7 u għall-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jkollhom jew jintroduċu regoli li jwasslu għal divulgazzjoni akbar ta' evidenza.
Artikolu 6
Divulgazzjoni ta' evidenza inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tal-azzjonijiet għad-danni, meta l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, japplika dan l-Artikolu flimkien mal-Artikolu 5.
2. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-prattiki dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
3. Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-prattiki skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' dokumenti interni ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni u ta' korrispondenza bejn awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
4. Fil-valutazzjoni, skont l-Artikolu 5(3), tal-proporzjonalità ta' ordni għad-divulgazzjoni ta' informazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom, barra minn hekk, jikkunsidraw dan li ġej:
(a) |
it-talba ġietx ifformulata speċifikament fir-rigward tan-natura, is-suġġett jew il-kontenuti tad-dokumenti ppreżentati lil awtorità tal-kompetizzjoni jew miżmuma fil-fajl tagħha, aktar milli b'applikazzjoni mhux speċifika li tikkonċerna d-dokumenti ppreżentati lil awtorità tal-kompetizzjoni, |
(b) |
il-parti li titlob id-divulgazzjoni tkunx qed tagħmel dan b'rabta ma' azzjoni għad-danni quddiem qorti nazzjonali; u |
(c) |
b'rabta mal-paragrafi 5 u 10, jew fuq talba ta' awtorità tal-kompetizzjoni skont il-paragrafu 11, il-bżonn li tkun salvagwardjata l-effettività tal-eżekuzzjoni pubblika tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
5. Il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta' evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta' deċiżjoni jew b'mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha:
(a) |
informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni; |
(b) |
informazzjoni li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun ħejjiet u bagħtet lill-partijiet matul il-proċedimenti tagħhom; u |
(c) |
sottomissjonijiet ta' riżolviment li ġew irtirati. |
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw lil parti jew parti terza biex jiddivulgaw ebda waħda mill-kategoriji ta' evidenza li ġejjin:
(a) |
dikjarazzjonijiet ta' klemenza; u |
(b) |
sottomissjonijiet ta' riżolviment. |
7. Pretendent jista' jippreżenta talba ġustifikata biex qorti nazzjonali jkollha aċċess għall-evidenza msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 6 għall-uniku għan biex ikun żgurat li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi mad-definizzjonijiet fil-punti (16) u (18) tal-Artikolu 2. F'dik il-valutazzjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu assistenza biss mill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti. L-awturi tal-evidenza inkwistjoni jista' wkoll ikollhom il-possibbiltà li jinstemgħu. Fl-ebda każ il-qorti nazzjonali ma għandha tippermetti lil partijiet oħrajn jew lil partijiet terzi aċċess għal dik l-evidenza.
8. Jekk huma biss partijiet tal-evidenza mitluba li huma koperti mill-paragrafu 6, il-partijiet li jibqa' tagħha għandhom, skont il-kategorija li taqa' fiha, jiġu rilaxxati f'konformità mal-paragrafi rilevanti ta' dan l-Artikolu.
9. Id-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji elenkati f' dan l-Artikolu tista' tiġi ordnata f'azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument, mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jitolbu d-divulgazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni ta' evidenza inkluża fil-fajl tagħha biss meta l-ebda parti jew parti terza ma tkunx f'pożizzjoni jew ma tkunx tista' b'mod raġonevoli tipprovdi dik l-evidenza.
11. Sal-punt li awtorità tal-kompetizzjoni hija lesta li tiddikjara l-fehmiet tagħha dwar il-proporzjonalità ta' talbiet għal divulgazzjoni, hija tista', fuq inizjattiva tagħha stess, tippreżenta osservazzjonijiet lill-qorti nazzjonali li quddiemha jintalab ordni ta' divulgazzjoni.
Artikolu 7
Limiti għall-użu tal-evidenza miksuba biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(6) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew titqies inammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni jew inkella protetta skont ir-regoli nazzjonali biex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' evidenza stipulati fl-Artikolu 6.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm awtorità tal-kompetizzjoni tagħlaq il-proċedimenti tagħha billi tadotta deċiżjoni jew b'mod ieħor, l-evidenza fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(5) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' dik l-awtorità tal-kompetizzjoni jew titqies inammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni jew inkella tkun protetta skont ir-regoli nazzjonali applikabbli biex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' evidenza stipulati fl-Artikolu 6.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni u li ma taqax taħt il-paragrafu 1 jew 2, tkun tista' tintuża f'azzjoni għad-danni biss minn dik il-persuna jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-drittijiet ta' dik il-persuna, inkluża persuna li xtrat il-pretensjoni ta' dik il-persuna.
Artikolu 8
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu b'mod effettiv jimponu penali fuq partijiet, partijiet terzi u r-rappreżentanti legali tagħhom fil-każ ta' wieħed mis-segwenti:
(a) |
in-nuqqas jew ir-rifjut tagħhom li jikkonformaw ma' ordni ta' divulgazzjoni ta' kwalunkwe qorti nazzjonali; |
(b) |
id-distruzzjoni tagħhom ta' evidenza rilevanti; |
(c) |
in-nuqqas jew ir-rifjut tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi imposti minn ordni tal-qorti nazzjonali biex tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali; |
(d) |
il-ksur tagħhom tal-limiti rigward l-użu ta' evidenza kif previst f'dan il-Kapitolu. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali li jistgħu jiġu imposti mill-qrati nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi. Il-penali disponsibbli għall-qrati nazzjonali għandhom jinkludu, fir-rigward tal-imġiba ta' parti għal proċedimenti għal azzjoni għad-danni, il-possibbiltà li jaslu għal inferenzi negattivi, bħal pereżempju l-preżunzjoni li l-kwistjoni rilevanti kienet ippruvata jew ma jilqgħux talbiet u difiżi kollha jew in parti, u l-possibbiltà li jordnaw il-ħlas tal-ispejjeż.
KAPITOLU III
EFFETT TAD-DEĊIŻJONIJIET NAZZJONALI, IL-PERIJODI TA' PRESKRIZZJONI, IR-RESPONSABBILTÀ IN SOLIDUM
Artikolu 9
Effett ta' deċiżjonijiet nazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b'deċiżjoni finali ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b'mod inkontestabbli għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista', skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista' tiġi valutata flimkien ma' kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.
3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.
Artikolu 10
Perijodi ta' preskrizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom, f'konformità ma' dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta' preskrizzjoni, it-tul ta' żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.
2. Il-perijodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:
(a) |
bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(b) |
bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u |
(c) |
l-identità tal-kontraventur. |
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta' ħames snin.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.
Artikolu 11
Responsabbiltà in solidum
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta' imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; bl-effett li kull waħda minn dawk l-impriżi hi obbligata li tagħti kumpens sħiħ għall-ħsara, u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara għandha d-dritt titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun ġiet ikkumpensata bis-sħiħ.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kumpens sħiħ kif stipulat fl-Artikolu 3, fejn il-kontraventur ikun impriża żgħira jew ta' daqs medju (SME) kif definita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8), il-kontraventur huwa responsabbli biss għax-xerrejja proprji diretti jew indiretti fejn:
(a) |
is-sehem tagħha tas-suq fis-suq rilevanti kien taħt il-5 % f'xi żmien matul il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; u |
(b) |
l-applikazzjoni tar-regoli normali għar-responsabbiltà in solidum tkun b'mod irrimedjabbli tikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal biex l-assi tagħha jitilfu l-valur kollu tagħhom. |
3. Id-deroga stipulata fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika fejn:
(a) |
l-SME tkun mexxiet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni jew ġiegħlet lil impriżi oħrajn jipparteċipaw fil-ksur; jew |
(b) |
l-SME nstabet preċedentement li kisret il-liġi tal-kompetizzjoni. |
4. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarju ta' immunità jkun responsabbli in solidum kif ġej:
(a) |
għax-xerrejja jew fornituri diretti u indiretti tiegħu; u |
(b) |
għal partijiet oħra li ġarrbu ħsara biss meta kumpens sħiħ ma jistax jingħata mill-impriżi l-oħra li kienu involuti fl-istess ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' preskrizzjoni applikabbli għal każijiet taħt dan il-paragrafu huwa raġonevoli u suffiċjenti biex il-partijiet li ġarrbu l-ħsara jkunu jistgħu jagħmlu tali azzjonijiet.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontraventur jista' jirkupra l-kontribuzzjoni minn kwalunkwe kontraventur ieħor u l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta' kontraventur li jkun ingħata immunità mill-multi taħt programm ta' klemenza ma għandux jaqbeż l-ammont tal-ħsara li tkun ikkawżat lix-xerrejja jew lill-fornituri proprji diretti jew indiretti tiegħu.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-punt fejn il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lill-partijiet li ġarrbu ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tal-kontraventur, l-ammont ta' kwalunkwe kontribuzzjoni minn benefiċjarju tal-immunità lil kontraventuri oħra għandu jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tiegħu għal dik il-ħsara.
KAPITOLU IV
TRASFERIMENT TAL-ISPEJJEŻ ŻEJDA
Artikolu 12
Trasferiment tal-ispejjeż żejda u d-dritt għal kumpens sħiħ
1. Biex tkun żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt għal kumpens kif stipulat fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu, il-kumpens għal ħsara jista' jintalab minn kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet il-ħsara, irrispettivament ta' jekk humiex xerrejja diretti jew indiretti minn kontraventur, u li l-kumpens għal ħsara li jeċċedi dik ikkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni lill-attur, kif ukoll in-nuqqas ta' responsabbilità tal-kontraventur, jiġu evitati.
2. Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli proċedurali xierqa sabiex jiġi żgurat li l-kumpens għal telf attwali fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista ma jeċċedix il-ħsara minħabba spejjeż żejda, mġarrba f'dak il-livell.
3. Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' parti li tkun ġarrbet il-ħsara li titlob u tikseb kumpens għat-telf ta' profitti minħabba trasferiment sħiħ jew parzjali ta' spejjeż żejda.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli stipulati f'dan il-Kapitolu japplikaw fejn il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandu x'jaqsam mal-provvista lill-kontraventur.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li tikkalkolaw, skont il-proċeduri nazzjonali, is-sehem ta' kwalunkwe spejjeż żejda li ġew ittrasferiti.
Artikolu 13
Trasferiment tad-difiża
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konvenut f'azzjoni għad-danni jista' jinvoka, bħala difiża kontra pretensjoni għad-danni, il-fatt li l-attur ittrasferixxa l-ispejjeż żejda kollha jew parti minnhom li rriżultaw mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-piż tal-provahiom li l-ispejjeż żejda ġew trasferiti għandu jkun tal-konvenut li b'mod raġonevoli jista' jkun jeħtieġ divulgazzjoni mill-attur jew minn partijiet terzi.
Artikolu 14
Xerrejja indiretti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta f'azzjoni għad-danni l-eżistenza ta' talba għad-danni jew l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata jiddependu fuq jekk — jew sa liema punt — spiża żejda ġiet ittrasferita lill-attur, b'kont meħud tal-prattika kummerċjali li ż-żieda fil-prezzijiet tiġi ttrasferita 'l isfel fil-katina tal-provvista, il-piż tal-prova tal-eżistenza u tal-ambitu ta' tali trasferiment jaqa' fuq il-attur li b'mod raġonevoli jista' jkun jeħtieġ divulgazzjoni mill-konvenut jew minn partijiet terzi.
2. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun ta prova li sar trasferiment fuqu meta dak ix-xerrej indirett jkun wera li:
(a) |
il-konvenut wettaq ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(b) |
il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni rriżulta fi spejjeż żejda għax-xerrej dirett tal-konvenut; u |
(c) |
huwa jkun xtara l-oġġetti jew is-servizzi li kienu l-oġġett tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew xtara oġġetti jew servizzi mnisslin minnhom jew inkorporati fihom. |
Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-konvenut jista' b'mod kredibbli juri għas-sodisfazzjon tal-qorti li l-ispejjeż żejda ma kinux ġew trasferiti, jew mhux kollha, lix-xerrej indirett.
Artikolu 15
Azzjonijiet għad-danni mill-atturi f'livelli differenti tal-katina tal-provvista
1. Biex jiġi evitat li azzjonijiet għad-danni minn atturi f'livelli differenti tal-katina tal-provvista jwasslu għal responsabbiltà multipla jew nuqqas ta' responsabbiltà tal-kontraventur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-valutazzjoni ta' jekk il-piż tal-prova li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 hijiex issodisfata, il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jkunu jistgħu, b'mezzi disponibbli taħt il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, jieħdu kont debitu ta' kwalunkwe wieħed mis-segwenti:
(a) |
azzjonijiet għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, iżda li jitressqu mill-atturi minn livell oħra fil-katina tal-provvista; |
(b) |
sentenzi li jirriżultaw minn azzjonijiet għal danni kif imsemmija fil-punt (a); |
(c) |
informazzjoni rilevanti fid-dominju pubbliku li tirriżulta mill-infurzar pubbliku tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
2. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.
Artikolu 16
Linji gwida għall-qrati nazzjonali
Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida għall-qrati nazzjonali dwar kif jiġi stmat is-sehem ta' spiża żejda li jkun ġie ttrasferit lix-xerrej indirett.
KAPITOLU V
KWANTIFIKAZZJONI TAL-ĦSARA
Artikolu 17
Kwantifikazzjoni tal-ħsara
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-piż u lanqas l-istandard tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw l-ammont ta' ħsara jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab ħsara iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat b'mod preċiż il-ħsara mġarrba abbażi tal-evidenza disponibbli.
2. Għandu jiġi preżunt li ksur minn kartelli jikkaġuna ħsara. Il-kontraventur għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti marbuta ma' azzjoni għal danni, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tista', fuq talba ta' qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward taddeterminazzjoni tal-quantum tad-danni fejn dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li tali assistenza hija adatta.
KAPITOLU VI
RIŻOLUZZJONI KONSENSWALI TAT-TILWIM
Artikolu 18
Effett sospensiv u effetti oħra tar-riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni jkun sospiż għat-tul ta' żmien ta' kwalunkwe proċess ta' riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim. Is-sospensjoni tal-perijodu ta' preskrizzjoni japplika biss fir-rigward ta' dawk il-partijiet li huma jew li kienu involuti jew rappreżentati fir-riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali f'materji ta' arbitraġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jistgħu jissospendu l-proċedimenti tagħhom għal massimu ta' sentejn fejn il-partijiet għal dawk il-proċedimenti huma involuti f'riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim rigward il-pretensjoni koperta minn dik l-azzjoni għad-danni.
3. Awtorità tal-kompetizzjoni tista' tikkunsidra li l-kumpens li jitħallas b'riżultat ta' riżolviment kunsenswali u qabel id-deċiżjoni tagħha li timponi piena jkun fattur ta' mitigazzjoni.
Artikolu 19
Effett ta' riżolviment kunsenswali fuq azzjonijiet sussegwenti għad-danni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara riżolviment kunsenswali, mill-pretensjoni tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu, jitnaqqas is-sehem tad-dannu tal-kokontraventur f'riżolviment li jkun ikkaġuna l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq il-parti li ġarrbet id-dannu.
2. Kwalunkwe pretensjoni li jibqa' tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu għandha tiġi eżerċitata biss kontra kokontraventuri mhux f'riżolviment,. Il-kokontraventuri mhux f'riżolviment ma għandhomx ikunu permessi li jirkupraw il-kontribuzzjoni għall-bqija tal-pretensjoni mill-kokontraventur f'riżolviment.
3. B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kokontraventuri mhux f'riżolviment ma jistgħux iħallsu d-danni li jikkorrispondu għall-bqija tal-pretensjoni tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu, il-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu tista' teżerċita l-bqija tal-pretensjoni kontra l-kokontraventur f'riżolviment.
Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tiġi espressament eskluża skont it-termini tar-riżolviment kunsenswali.
4. Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-ammont ta' kontribuzzjoni li kokontraventur jista' jirkupra minn kwalunkwe kokontraventur ieħor f'konformità mar-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kont debitu ta' kwalunkwe dannu mħallas skont riżolviment kunsenswali preċedenti bl-involviment tal-kokontraventur rilevanti ta' ksur.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 20
Rieżami
1. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-27 ta' Diċembru 2020.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, fost oħrajn, jinkludi informazzjoni fuq is-segwenti kollha:
(a) |
l-impatt possibbli ta' restrizzjonijiet finanzjarji minħabba l-ħlas ta' penali imposti minn awtorità tal-kompetizzjoni għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq il-possibbiltà li partijiet li ġarrbu d-dannu jiksbu kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn dak il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
(b) |
il-punt sa fejn atturi għal danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni stabbiliti f'deċiżjoni ta' ksur adottata minn awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru ma jkunux jistgħu jippruvaw quddiem qorti nazzjonali ta' Stat Membru ieħor li tali ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni seħħ; |
(c) |
il-punt sa fejn il-kumpens għal telf attwali jaqbeż il-ħsara minħabba spejjeż żejda kkawżata minħabba l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew imġarrba fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista. |
3. Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.
Artikolu 21
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma' din id-Direttiva sas-27 ta' Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment.. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 22
Applikazzjoni temporali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta' din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta' Diċembru 2014.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 24
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Novembru 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
S. GOZI
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2014.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27,6.2001, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(7) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).