21.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/49


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/79/UE

tal-20 ta' Ġunju 2014

li temenda l-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tat-TCEP, tat-TCPP u tat-TDCP

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,

Billi:

(1)

Is-sustanza fosfat tat-tris (2-kloruetil) (TCEP), CAS No 115-96-8, hija ester tal-fosfat użat bħala plastifikant ritardant tal-fjammi fil-polimeri. Il-friegħi industrijali ewlenin li sa issa fihom intuża t-TCEP huma l-industrija tal-bini, tal-għamara u tat-tessuti. It-TCEP hu klassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (2) bħala karċinoġenu tal-kategorija 2 u tossiku għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B.

(2)

Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għas-sustanzi li huma klassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Dawn is-sustanzi ma jistgħux jintużaw fil-ġugarelli, f'komponenti tal-ġugarelli jew f'partijiet distinti mikrostrutturalment tal-ġugarelli, ħlief jekk ma jkunux aċċessibbli għat-tfal, jekk ikunu permessi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni jew jekk ikunu jinsabu f'konċentrazzjonijiet individwali ugwali għall-konċentrazzjonijiet rilevanti stabbiliti għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet li jkun fihom dawn is-sustanzi bħala CMRs, jew iżgħar minnhom. Fin-nuqqas ta' ebda rekwiżiti speċifiċi, it-TCEP jista' jitqiegħed fil-ġugarelli f'konċentrazzjonijiet ugwali jew f'konċentrazzjonijiet iżgħar minn dik rilevanti stabbilita għall-klassifikazzjoni ta' taħlitiet li fihom minnha bħala CMRs, jiġifieri 0,5 % mill-20 ta' Lulju 2013 u 0,3 % mill-1 ta' Ġunju 2015 rispettivament.

(3)

It-TCEP ġie vvalutat b'mod komprensiv fl-2009 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (3). Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju, intitolat “European Union Risk assessment on TCEP”, juri li t-TCEP faċilment jemigra, u, meta jiġi inġestit, jirriżulta f'tossoċità fil-kliewi, fil-fwied u fil-moħħ u jikkawża ħsarat għas-saħħa u jista' jikkawża l-kanċer.

(4)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju juri wkoll li sa mill-2001 ma kien hemm ebda produzzjoni tat-TCEP fl-UE. L-użu tiegħu fl-UE naqas ukoll, peress li t-TCEP inbidel progressivament b'sustanzi oħra li jwaqqfu t-tixrid tan-nar. Madankollu, il-preżenza tat-TCEP fil-ġugarelli ma tistax tiġi eskluża, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-ġugarelli disponibbli fis-suq tal-UE huma importati, u b'hekk manifatturati barra l-UE.

(5)

Biex jiġu vvalutati l-effetti tat-TCEP fil-ġugarelli fuq is-saħħa, u l-adegwatezza tal-limiti ġeneriċi tad-Direttiva 2009/48/KE għat-TCEP bħala sustanza CMR, il-Kummissjoni bagħtet talba għal opinjoni lill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER). Fl-opinjoni tiegħu, adottata fit-22 ta' Marzu 2012 u intitolata“Opinion on tris(2-chloroethyl)phosphate (TCEP) in toys”, l-SCHER jinnota li l-effetti fuq is-saħħa (b'mod partikolari l-effetti fuq il-kliewi) ġew osservati wara espożizzjoni ripetuta għal 12 mg ta' TCEP/kg tal-piż tal-ġisem kuljum. L-SCHER innota wkoll li l-kontenut tat-TCEP misjub mill-Aġenzija Daniża għall-Ħarsien tal-Ambjent (l-EPA Daniża) fil-ġugarelli (0,5-0,6 %), kif rappurtat mill-EPA Daniża fis-“Survey and risk assessment of perfume and flavours in toys and childcare articles. Survey of chemical substances in consumer products”, hu ta' riskju għat-tfal, anke mingħajr ma jitqiesu espożizzjonijiet oħra. Meta jitqies l-esponiment għat-TCEP minn sorsi oħra apparti l-ġugarelli (eż. l-arja, it-trab), l-SCHER ikkonkluda li l-ebda esponiment ieħor mill-ġugarelli ukoll ma jista' jitqies bħala mingħajr periklu, u jirrakkomanda li l-limitu għat-TCEP fil-ġugarelli jiġi stabbilit fil-limitu ta' skoperta ta'metodu analitiku aktar sensittiv.

(6)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-valuri ġeneriċi tal-limitu ta' 0,5 u 0,3 % msemmija fid-Direttiva 2009/48/KE ma jidhirx li huma xierqa għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal. Wara konsultazzzjoni mal-partijiet interessati, il-“limitu ta' skoperta ta' metodu analitiku sensittiv biżżejjed” għat-TCEP kien stabbilit bħala 5 mg/kg. Peress li dan il-limitu jirreferi għal-livell ta' skoperta, dan ma kienx ibbażat fuq approċċ tossikoloġiku.

(7)

Minbarra t-TCEP, l-SCHER evalwa wkoll is-sostituti aloġenati tat-TCEP, jiġifieri l-fosfat tat-tris[2-kloro-1-(klorometil)etil] (TCPP), CAS Nru 13674-87-8, u l-fosfat tat-tris(2-kloro-1-metiletil) (TDCP), CAS Nru 13674-84-5, fl-opinjoni msemmija hawn fuq tat-22 ta' Marzu 2012. Dawn is-sostituti kienu vvalutati fl-2008 skont ir-Regolament (KEE) Nru 793/93.

(8)

Fl-opinjoni tiegħu l-SCHER jaqbel mal-konklużjoni tal-valutazzjonijiet dwar ir-riskju tas-sostituti, li hemm biżżejjed informazzjoni mill-istrutturi, mill-karatteristiċi fiżikokimiċi, u mill-profili tossikokinetiċi u mutaġeniċi tat-TCEP, tat-TDCP u tat-TCPP biex isostnu l-analiżi kwalitattiva, li tindika tħassib potenzjali għall-karċinoġeniċità tat-TCPP minn mekkaniżmu mhux ġenotossiku. L-analiżi timplika, skont l-SCHER, li l-kunsiderazzjonijiet mogħtija għat-TCEP jistgħu jiġu applikati għas-sostituti aloġenati tagħha wkoll, jekk dawn jintużaw fil-manifattura tal-ġugarelli.

(9)

It-TDCP huwa kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala karċinoġenu tal-kategorija 2 u għat-TCPP, minkejja li dan mhux ikklassifikat, l-SCHER identifika tħassib potenzjali għall-karċinoġeniċità. Għalhekk, f'konformità mal-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq għat-TCEP u l-opinjoni tal-SCHER, il-valuri tal-limitu għat-TDCP u t-TCPP għandhom ikunu stabbiliti għal 5 mg/kg.

(10)

Id-Direttiva 2009/48/KE tipprevedi li, biex tkun protetta aħjar is-saħħa tat-tfal, jistgħu jiġu stabbiliti valuri ta' limitu speċifiċi għal dawn is-sustanzi, fejn xieraq, għal ġugarelli maħsuba biex jintużaw mit-tfal ta' taħt it-tliet snin, u ġugarelli oħra maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq.

(11)

Għalhekk, id-Direttiva 2009/48/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat, stabbilit skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2009/48/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE jinbidel kif ġej:

“Appendiċi C

Valuri ta' limitu speċifiċi għall-kimiċi użati f'ġugarelli intiżi għall-użu mit-tfal ta' taħt is-36 xahar jew f'ġugarelli oħra li jitqiegħdu fil-ħalq, adottati skont l-Artikolu 46(2)

Sustanza

Nru tal-CAS

Il-valur tal-limitu

TCEP

115-96-8

5 mg/kg (il-limitu tal-kontenut)

TCPP

13674-84-5

5 mg/kg (il-limitu tal-kontenut)

TDCP

13674-87-8

5 mg/kg (il-limitu tal-kontenut)”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-21 ta' Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-21 ta' Diċembru 2015.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttva lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.