3.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/1


DIRETTIVA 2014/63/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE (3) tiddefinixxi l-għasel bħala sustanza naturali u ħelwa prodotta min-naħal Apis Mellifera (“naħal”). L-għasel jikkonsisti essenzjalment f'zokkrijiet differenti, speċjalment fruttosju u glukosju, kif ukoll sustanzi oħra bħal aċidi organiċi, enżimi u partikoli solidi derivati mill-ġbir tal-għasel. Id-Direttiva 2001/110/KE tillimita l-intervent tal-bniedem li jista' jbiddel il-kompożizzjoni tal-għasel u b'hekk tippermetti l-preservazzjoni tal-karattru naturali tal-għasel. B'mod partikolari, id-Direttiva 2001/10/KE tipprojbixxi ż-żieda ta' kwalunkwe ingredjent alimentari mal-għasel, inklużi addittivi tal-ikel, u kwalunkwe żieda oħra għajr ta' għasel. Bl-istess mod, dik id-Direttiva tipprojbixxi t-tneħħija ta' kwalunkwe kostitwent partikolari għall-għasel, inkluż it-trab tad-dakra, sakemm tali tneħħija ma tkunx inevitabbli fit-tneħħija ta' materjal barrani. Dawk ir-rekwiżiti huma konformi mal-istandard tal-Codex Alimentarius għall-għasel (Codex Stan 12-1981).

(2)

It-trab tad-dakra hu parti mill-kriterji tal-kompożizzjoni tal-għasel kif stabbilit fid-Direttiva 2001/110/KE. L-evidenza disponibbli, inkluża dejta empirika u xjentifika, tikkonferma li n-naħal huma l-oriġini tal-preżenza tat-trab tad-dakra fl-għasel. Frak tat-trab tad-dakra jispiċċa fin-nettaru, li mbagħad jinġabar min-naħal. In-nettaru li jinġabar fid-doqqajs ikun fih frak tat-trab tad-dakra li jiġi mibdul f'għasel min-naħal. Skont dejta disponibbli, trab tad-dakra addizzjonali fl-għasel jista' jiġi mit-trab tad-dakra li jkun hemm fuq ix-xagħar tan-naħal, minn trab tad-dakra li jkun hemm fl-arja ġewwa d-doqqajs u minn trab tad-dakra ppakkjat f'ċelloli min-naħal u rilixxat bħala riżultat tal-ftuħ aċċidentali ta' dawk iċ-ċelloli waqt l-estrazzjoni tal-għasel mill-operaturi fin-negozju tal-ikel. Jista' jingħad li t-trab tad-dakra jidħol fid-doqqajs bħala riżultat tal-attività tan-naħal u jinsab fl-għasel b'mod naturali indipendentement minn jekk l-għasel jiġix estratt jew le mill-operaturi fin-negozju tal-ikel. Barra minn hekk, iż-żieda deliberatament ta' trab tad-dakra fl-għasel mill-operaturi fin-negozju tal-ikel hija projbita skont id-Direttiva 2001/110/KE.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jiddefinixxi “ingredjent” bħala kwalunkwe sustanza użata fil-manifattura jew il-preparazzjoni tal-ikel u li tibqa' preżenti fil-prodott lest, anke jekk f'forma mibdula. Dik id-definizzjoni timplika użu apposta ta' sustanza fil-manifattura jew il-preparazzjoni ta' ikel. Meta jitqies il-karattru naturali tal-għasel, u b'mod partikolari l-oriġini naturali tal-preżenza ta' kostitwenti, partikolari għall-għasel, it-trab tad-dakra, billi huwa kostitwent naturali partikolari tal-għasel, m'għandux jitqies bħala “ingredjent” tal-għasel fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(4)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament għall-għasel li fih trab tad-dakra modifikat ġenetikament, minħabba li tali għasel jikkostitwixxi ikel prodott minn organiżmi modifikati ġenetikament fit-tifsira ta' dak ir-Regolament. Fil-kawża C-442/09 (6), Karl Heinz Bablok u oħrajn v Freistaat Bayern, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qatgħetha li l-kriterju determinanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, kif stabbilit fil-premessa 16 ta' dak ir-Regolament, hu jekk hemmx materjal minn sors modifikat ġenetikament preżenti fl-ikel. Għasel li fih trab tad-dakra ġenetikament modifikat għandu għalhekk ikun meqjus bħala “ikel (parzjalment) prodott minn OĠM” fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-istabbiliment ta' dispożizzjoni bl-effett li t-trab tad-dakra mhuwiex ingredjent tal-għasel għalhekk ma taffettwax il-konklużjoni tal-Qorti fil-kawża C-442/09 li għasel li fih trab tad-dakra ġenetikament modifikat hu suġġett għar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, b'mod partikolari għar-rekwiżiti tiegħu dwar awtorizzazzjoni minn qabel biex jitqiegħed fis-suq, dwar is-superviżjoni u, fejn applikabbli, it-tikkettar.

(5)

Skont ir-rekwiżiti tat-tikkettar tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, mhemmx obbligu li tiġi indikata l-preżenza tat-trab tad-dakra ġenetikament modifikat fl fuqtikketti tal-għasel jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfati: dan it-trab tad-dakra ma jaqbiżx 0,9 % tal-għasel, u l-preżenza tiegħu fl-għasel tkun aċċidentali jew teknikament mhux evitabbli. Għandu jitfakkar li, d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw li jkun hemm il-preżenza mhux intenzjonata ta' organiżmi ġenetikament modifikati fl-għasel.

(6)

Skont id-Direttiva 2011/110/KE, jekk l-għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, l-indikazzjoni mandatorja tal-pajjiżi tal-oriġini tista' tiġi sostitwita b'waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun xieraq: “taħlita ta' għasel tal-KE”, “taħlita ta' għasel mhux tal-KE”, “taħlita ta' għasel tal-KE u mhux tal-KE”. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea. Għaldaqstant huwa xieraq li r-rekwiżiti rilevanti dwar it-tikkettar jiġu ċċarati billi r-riferenza għall-“KE” tinbidel b'riferenza għall-“UE”.

(7)

Id-Direttiva 2001/110/KE tikkonferixxi s-setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha. B'mod partikulari, is-setgħa biex tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet fir-rigward tal-adattament għall-progress tekniku u biex dik id-Direttiva tinġieb konformi mal-leġiżlazzjoni ġenerali tal-Unjoni dwar l-oġġetti tal-ikel. Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/110/KE tikkonferixxi s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta metodi li jippermettu l-verifika tal-konformità tal-għasel ma dik id-Direttiva. Jeħtieġ li l-ambitu ta' dik is-setgħa jiġi rieżaminat.

(8)

Biex jiġi żgurat li jkun hemm prattiki kummerċjali ġusti, li jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi u li jkunu jistgħu jitfasslu metodi rilevanti ta' analiżi, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tistipula parametri kwantitattivi għall-kriterju ta' “primarjament” fir-rigward ta' oriġini minn fjuri jew ħxejjex tal-għasel u l-kontenut minimu tat-trab tad-dakra fl-għasel iffiltrat wara t-tneħħija ta' materjal organiku jew inorganiku estranju. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

(9)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li japplika għall-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf fil-livell ta' Unjoni u nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni dwar l-oġġetti tal-ikel japplikaw direttament għall-prodotti koperti mid-Direttiva 2001/110/KE. Għalhekk ma għadux meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa biex tallinja d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni dwar l-oġġetti tal-ikel. Id-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu dik is-setgħa għandhom għalhekk jitħassru.

(10)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/110/KE jiġu adattati għal dak ir-Regolament.

(11)

Sabiex l-Istati Membri jitħallew jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva 2001/110/KE, kif emendat minn din id-Direttiva, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' traspożizzjoni ta' 12-il xahar. Matul dak il-perjodu, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/110/KE, minbarra l-emendi mdaħħla b'din id-Direttiva, jibqgħu applikabbli.

(12)

Sabiex jitqiesu l-interessi tal-operaturi tan-negozju tal-ikel li jqiegħdu fis-suq jew li jittikkettaw il-prodotti tagħhom bi qbil mar-rekwiżiti applikabbli qabel l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2001/110/KE, kif emendat minn din id-Direttiva, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tranżitorji adegwati. Għaldaqstant, għandu jkun possibbli skont għall-prodotti mqiegħda fis-suq jew ittekkattati qabel l-applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet li jibqgħu jiġu kkumerċjalizzati sakemm jinħlew l-istokks.

(13)

Għalhekk, id-Direttiva 2001/110/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(14)

Billi l-emendi marbutin mal-konferiment tas-setgħa lill-Kummissjoni jikkonċernaw biss is-setgħa tal-Kummissjoni, dawn ma jeħtieġx li jiġu trasposti mill-Istati Membri,

(15)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi previst li t-trab tad-dakra, billi huwa kostitwent naturali partikolari tal-għasel, m'għandux jitqies bħala “ingredjent” tal-għasel, li tikkjarifika r-rekwiżiti ta' ttikkettar għall-każijiet meta għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, u biex jiġi rieżaminat l-ambitu tas-setgħa eżistenti kkonferita lill-Kummissjoni, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2001/110/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(4), il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

il-pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini fejn inġabar l-għasel għandhom ikunu indikati fuq it-tikketta.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, jekk l-għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, l-indikazzjoni tal-pajjiżi tal-oriġini tista' tiġi sostitwita b'waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun xieraq:

‘taħlita ta' għasel tal-UE’,

‘taħlita ta' għasel mhux tal-UE’,

‘taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE’.”.

(2)

Fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“5.

Billi t-trab tad-dakra huwa kostitwent naturali partikolari għall-għasel, ma għandux jitqies bħala ingredjent, fit-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

(*)  Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”."

(3)

L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', filwaqt li tqis l-istandards internazzjonali u l-progress tekniku, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), tistabbilixxi metodi ta' analiżi biex tivverifika jekk l-għasel huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformita' mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2) ta' din id-Direttiva. Sa l-adozzjoni ta' dawn il-metodi, l-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jużaw metodi ta' analiżi validati rikonoxxuti internazzjonalment bħal dawk approvati mill-Codex Alimentarius biex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2.   Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm prattiki kummerċjali ġusti u li jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi u li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti metodi rilevanti ta' analiżi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 6, biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-parametri kwantitattivi relatati ma' dan li ġej:

(a)

il-kriterju ta' ‘primarjament’ fir-rigward tal-oriġini minn fjuri jew ħxejjex tal-għasel kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2)(b); kif ukoll,

(b)

il-kontenut minimu tat-trab tad-dakra fl-għasel iffiltrat wara t-tneħħija ta' materjal organiku jew inorganiku estranju, msemmi fil-punt 2(b)(viii) tal-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi, f'dawk l-atti delegati, arranġamenti tranżizzjonali xierqa għal prodotti mqiegħda fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom.

(**)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).”."

(4)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-23 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded taċitament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali tiġdid sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 4(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn mid-data tan-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(5)

L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (il-‘Kumitat’) mwaqqaf bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***). Il-kumitat huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi tal-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)."

(****)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(6)

Fl-Anness II, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-punt 2(b)(viii) tal-Anness I, la t-trab tad-dakra u lanqas xi kostitwent ieħor partikolari għall-għasel ma jista' jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta' materjal inorganiku jew organiku.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-punti (1), (2) u (6) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mill-24 ta' Ġunju 2015.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

Il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu ttikkettati qabel l-24 ta' Ġunju 2015, skont id-Direttiva 2001/110/KE jistgħu jkomplu jiġu kkumerċjalizzati sakemm jinħlew l-istokks.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 88.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(6)  2011 Ġabra I-07419

(7)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).