30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/8


DIRETTIVA 2014/54/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni proklamat fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. “Membri tal-familja tagħhom” għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta' ħaddiema tal-fruntiera.

(2)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wkoll element ewlieni fl-iżvilupp ta' suq ġenwin tax-xogħol tal-Unjoni, li jippermetti lill-ħaddiema jiċċaqilqu għal żoni fejn hemm nuqqas ta' ħaddiema jew aktar opportunitajiet ta' impjiegi, li jgħin aktar persuni biex isibu postijiet li jixirqu aktar lill-ħiliet tagħhom u li jegħleb il-konġestjoni fis-suq tax-xogħol.

(3)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema jagħti d-dritt lil kull ċittadin tal-Unjoni, irrispettivament minn fejn ikun il-post ta' residenza tiegħu jew tagħha, li jiċċaqlaq b'mod liberu lejn Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmhekk u/jew biex jirrisjedi hemmhekk għal raġunijiet ta' xogħol. Dan jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet ta' impjiegi u xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tar-rimunerazzjoni, it-tkeċċija, kif ukoll vantaġġi soċjali u dawk marbuta mat-taxxa, billi jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom, skont il-liġi, il-prattika u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali, meta mqabbel maċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Dawn id-drittijiet għandhom jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni miċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu, fosthom ħaddiema permanenti, stagjonali u dawk tal-fruntiera. Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li tipprovdi servizzi, li tinkludi d-dritt tal-impriżi li jagħtu servizzi fi Stat Membru ieħor, li għalihom jistgħu jistazzjonaw temporanjament lill-ħaddiema tagħhom stess fi Stat Membru ieħor sabiex dawn iwettqu x-xogħol meħtieġ biex jagħtu servizzi f'dak l-Istat Membru.

(4)

Fir-rigward tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu, l-Artikolu 45 tat-TFUE jagħti drittijiet sostanzjali għall-eżerċizzju ta' din il-libertà fundamentali, li huma speċifikati aktar fir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Madanakollu, l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema għadu sfida kbira u ħafna drabi bosta ħaddiema tal-Unjoni ma jkunux konxji tad-drittijiet tagħhom għal moviment liberu. Minħabba inter alia,l-pożizzjoni potenzjalment aktar vulnerabbli tagħhom, il-ħaddiema tal-Unjoni għadhom jistgħu jbatu minn restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom tal-moviment liberu, bħan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki, diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità u sfruttament meta jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor. Għalhekk hemm qabża bejn il-liġi u l-applikazzjoni tagħha fil-prattika u din jeħtieġ li tiġi indirizzata.

(6)

F'Lulju 2010, fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri” il-Kummissjoni indikat li hija ser tesplora modi kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi l-ġodda b'mod partikolari fid-dawl ta' tendenzi ġodda ta' mobbiltà li l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Hija ddikjarat ukoll li, fil-kuntest tal-istrateġija l-ġdida għas-suq intern, hija ser tikkunsidra kif tippromwovi u ttejjeb il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. Il-Kummissjoni ġabret ukoll fil-qosor l-iżviluppi fil-leġilazzjoni u l-ġurisprudenza b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni personali tal-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u s-sustanza tad-drittijiet li jgawdu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom.

(7)

Fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE intitolat “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” tas-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni identifikat l-applikazzjoni diverġenti u żbaljata tal-liġi tal-Unjoni dwar id-dritt tal-moviment liberu bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin li jiltaqgħu miegħu ċ-ċittadini tal-UE meta jiġu biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li tieħu azzjoni biex “tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familji tagħhom minn pajjiżi terzi billi tinforza r-regoli tal-UE b'mod strett, inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, billi tippromwovi prattiki tajbin u għarfien ikbar jew regoli tal-UE fost in-nies u billi żżid it-tixrid tal-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet għal moviment liberu tagħhom” (azzjoni 15 tar-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE). Addizzjonalment, fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE intitolat:“Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom”, il-Kummissjoni indirizzat il-ħtieġa li jitneħħa x-xkiel amministrattiv u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għal ċittadini tal-Unjoni li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħrajn.

(8)

Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” tat-18 ta' April 2012 (il-Pakkett dwar l-Impjiegi), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li: tressaq proposta leġiżlattiva (tagħrif u pariri) sa tmiem l-2012 biex issostni l-ħaddiema mobbli fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 492/2011, u ħeġġet lill-Istati Membri: “ikabbru l-għarfien tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza tas-sessi u l-moviment ħieles tal-ħaddiema u jiftħu u jiffaċilitaw l-aċċess għal ċittadini tal-Unjoni għal pożizzjonijiet fis-setturi pubbliċi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni kif inhi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja”. F'dan il-kuntest, il-Qorti kienet dejjem tal-fehma li r-restrizzjoni ta' aċċess għal ċerti karigi fis-servizz pubbliku għaċ-ċittadini tal-Istat Membru stess għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv u li tkopri biss karigi li jinvolvu sehem dirett jew indirett fit-tħaddim tas-setgħat mogħtija mil-liġi pubblika u d-dmirijiet imfassla biex iħarsu l-interessi ġenerali tal-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

(9)

Applikazzjoni u infurzar adatti u effettivi tal-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011, kif ukoll l-għarfien tad-drittijiet, huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet u t-trattamant ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, filwaqt li l-infurzar dgħajjef jimmina l-effettività tar-regoli tal-Unjoni applikabbli f'dan il-qasam u jipperikola d-drittijiet u l-ħarsien tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom.

(10)

Applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tad-drittijiet li jagħtu r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema hija meħtieġa wkoll għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(11)

Għandhom jittejbu l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema biex jiġi żgurat li l-ħaddiema tal-Unjoniu l-membri tal-familja tagħhom kif ukoll min iħaddem, l-awtoritajiet pubbliċi, u persuni oħrajn ikkonċernati jiġu mgħarrfa aħjar dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-moviment liberu, biex jgħinu u jipproteġu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom fit-tħaddim ta' dawk id-drittijiet, u biex jiġġieldu l-evażjoni ta' dawk ir-regoli mill-awtoritajiet pubbliċi u minn dawk li jħaddmu fis-settur pubbliku jew dak privat. F'dak il-kuntest l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll l-effetti ta' aktar mobilità, bħal“eżodu tal-imħuħ” jew “eżodu taż-żgħażagħ”.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli sostantivi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jipproteġu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu tagħhom mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità u minn kull restrizzjoni jew xkiel mhux ġustifikati għat-tħaddim ta' dak id-dritt.

(13)

Għal dak il-għan huwa kunsiljabbli li jiġu pprovduti regoli speċifiċi għal infurzar effettiv u tiġi ffaċilitata applikazzjoni aħjar u aktar uniformi tar-regoli sostantivi li jirregolaw il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011. L-infurzar ta' dik il-libertà fundamentali għandu jqis il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għal kwalunkwe raġuni stipulata fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

(14)

F'dak il-kuntest, il-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li ġew soġġetti għal diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, jew għal kwalunkwe restrizzjoni u xkiel mhux ġustifikati fit-tħaddim tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, għandhom jingħataw garanzija ta' protezzjoni ġudizzjarja reali u effettiva. Fejn l-Istati Membri jipprevedu proċeduri amministrattivi bħala mezzi legali ta' rimedju, huma għandhom jiżguraw li kull deċiżjoni amministrattiva tista' tiġi kkontestata quddiem tribunal skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta. Filwaqt li jitqies id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-ħaddiema tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa minn kull trattament negattiv jew konsegwenza negattiva li jirriżultaw minn ilment jew proċediment li jkollu l-għan li jinforza d-drittijiet salvagwardati taħt din id-Direttiva.

(15)

Sabiex jingħataw livelli ta' protezzjoni aktar effettivi, assoċjazzjonijiet u entitajiet legali, fosthom l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti, kif jiddeterminaw l-Istati Membri, jew f'isem jew bħala appoġġ għal kwalunkwe vittma allegata, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-proċedura li jikkonċernaw ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati, u għal kompetenzi oħra u drittijiet kollettivi ta' msieħba soċjali, impjegati u rappreżentanti ta' dawk li jħaddmu, bħal dawk relatati mal-infurzar ta' ftehimiet kollettivi, fejn applikabbli, fosthom azzjonijiet f'isem interess kollettiv, skont il-liġi jew prattika nazzjonali. Bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva, u mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta' difiża kollettiva eżistenti disponibbli għall-imsieħba soċjali u l-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri huma mistiedna jeżaminaw l-implimentazzjoni ta' prinċipji komuni għal mekkaniżmi inġuntivi u kumpensatorji ta' rimedju kollettiv.

(16)

F' konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali dwar il-limiti ta' żmien għall-infurzar tad-drittijiet skont din id-Direttiva għandhom ikunu b'tali mod li ma jistgħux jitqiesu bħala kapaċi li jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet.

(17)

Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità tissaħħaħ jekk f'kull Stat Membru jkun hemm korpi effettivi b'għarfien espert adegwat li jkollhom kompetenza biex jippromwovu t-trattament ugwali, biex janalizzaw il-problemi li bihom ikunu ffaċċati ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, biex jistudjaw soluzzjonijiet possibbli u biex jagħtuhom assistenza speċifika. Il-kompetenza ta' dawk il-korpi għandha tinkludi, inter alia, il-provvediment lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ta' assistenza legali indipendenti u/jew assistenza oħra, bħall-għoti ta' pariri legali dwar l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, ta' informazzjoni dwar proċeduri ta' lmenti, u ta' għajnuna biex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Tista' tinkludi wkoll assistenza fi proċedimenti legali.

(18)

Għandu jkun f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk għandhomx jiġu attribwiti l-kompiti li għandhom jitwettqu taħt din id-Direttiva lill-korpi msemmija hawn fuq jew dawk il-kompiti għandhomx jiġu attribwiti lil korpi eżistenti li għandhom objettivi simili fil-livell nazzjonali, pereżempju, il-promozzjoni tal-moviment liberu ta' persuni, l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jew is-salvagwardja ta' drittijiet individwali. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jespandi l-mandat ta' korp diġà eżistenti, huwa għandu jiżgura l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi għall-korp eżistenti għall-prestazzjoni effettiva u adegwata tal-kompiti eżistenti u addizzjonali tiegħu. Meta l-kompiti jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jiġu kkoordinati b'mod adegwat.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wieħed jew aktar minn dawk il-korpi jaħdmu bħala punt ta' kuntatt u li jikkooperaw u jaqsmu informazzjoni, bħad-dettalji ta' kuntatt tal-korpi kollha, il-mezzi ta' rimedju u d-dettalji ta' kuntatt tal-assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li jagħtu informazzjoni u servizzi lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, b'punti ta' kuntatt ekwivalenti fi Stati Membri oħrajn. Il-lista ta' punti ta' kuntatt għandha tkun disponibbli pubblikament.

(20)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-korpi maħturin minnhom taħt din id-Direttiva u s-servizzi eżistenti ta' informazzjoni u assistenza mogħtija mill-imsieħba soċjali, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali rilevanti oħrajn, bħal organizzazzjonijiet b'responsabbiltà għal arranġamenti ta' koordinazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, fejn rilevanti, l-ispettorati tax-xogħol.

(21)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-promozzjoni ta' sinerġiji ma' għodod tal-informazzjoni u tal-appoġġ eżistenti fil-livell tal-Unjoni u, għal dak il-għan, għandhom jiżguraw li l-korpi eżistenti jew li għadhom kif inħolqu jaħdmu mill-qrib mas-servizzi eżistenti ta' informazzjoni u assistenza, bħalma huma L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT in-Netwerk Enterprise Europe, u l-Punti ta' Kuntatt Waħdieni u l-EURES, fosthom, fejn rilevanti, is-sħubijiet transkonfinali tal-EURES.

(22)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi adatti biex jindirizzaw u jiġġieldu restrizzjonijiet u xkiel mhux ġustifikati għad-dritt għal moviment liberu jew forom differenti ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità.

(23)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif iċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal ħaddiema, studenti, gradwati riċenti, kif ukoll min iħaddem, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra jistgħu jingħataw tagħrif rilevanti u faċilment aċċessibbli dwar id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, fosthom informazzjoni dwar il-korpi maħtura skont din id-Direttiva u mezzi disponibbli ta' rimedju u protezzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex din l-informazzjoni tkun disponibbli f'aktar minn lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni filwaqt li titqies id-domanda fis-suq tax-xogħol. Dan m'għandux ixekkel il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi. Dak it-tagħrif jista' jingħata b'konsulenza individwali u għandu jkun faċilment aċċessibbli permezz ta' L-Ewropa Tiegħek u l-EURES.

(24)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-Unjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (6) għandha tiġi implimentata u mmonitorjata b'mod konsistenti.

(25)

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti l-għażla lill-Istati Membri li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-Istati Membri jistgħu wkoll iwessgħu l-kompetenzi tal-organizzazzjonijiet inkarigati b'kompiti relatati mal-ħarsien tal-ħaddiema tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità sabiex ikun kopert id-dritt għal trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom, kif inhu proklamat fl-Artikolu 21 tat-TFUE u fid-Direttiva 2004/38/KE. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex isservi sabiex tiġġustifika kwalunkwe rigressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f'kull Stat Membru.

(26)

L-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva timplika li l-Istati Membri, meta jadottaw il-miżuri adatti biex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, għandhom jagħtu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-miżuri ta' implimentazzjoni.

(27)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom, b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-traspożizzjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġustifikata.

(28)

Wara li jkun skada biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummisjoni għandha tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha, li b'mod partikolari jevalwa l-opportunità li titressaq kull proposta meħtieġa bil-għan li jiġi żgurat infurzar aħjar tal- liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindirizza d-diffikultajiet possibbli li jħabbtu wiċċhom magħhom gradwati żgħażagħ li jkunu qed ifittxu xogħol madwar l-Unjoni u l-konjuġi minn pajjiżi terzi ta' ħaddiema tal-Unjoni.

(29)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta b'mod partikolari l-libertà fl-għażla tal-mestier u d-dritt għal xogħol, id-dritt għal nondiskriminazzjoni, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' nazzjonalità, id-dritt għal negozjar kollettiv u azzjoni, kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, id-dritt għal moviment liberu u residenza u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust. Din trid tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

(30)

Din id-Direttiva tirrispetta l-mudelli differenti ta' suq tax-xogħol tal-Istati Membri, fosthom il-mudelli ta' suq tax-xogħol irregolati minn ftehimiet kollettivi.

(31)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jkun stabbilit qafas komuni ġenerali ta' dispożizzjonijiet xierqa, miżuri u mekkaniżmi ta' kontroll meħtieġa għall-applikazzjoni u l-infurzar aħjar u aktar uniformi fil-prattika tad-drittijiet relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema konferiti mit-TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom (“ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom”).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema:

(a)

l-aċċess għall-impjiegi;

(b)

il-kondizzjonijiet tal-impjieg u x-xogħol, b'mod partikolari rigward ir-remunerazzjoni, it-tkeċċija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u, fil-każ li l-ħaddiema tal-Unjoni jisfgħu mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid;

(c)

l-aċċess għall-vantaġġi soċjali u fiskali;

(d)

is-sħubija fi trade unions u eliġibilità għall-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema;

(e)

l-aċċess għat-taħriġ;

(f)

l-aċċess għall-akkomodazzjoni;

(g)

l-aċċess għall-edukazzjoni,apprendistati u taħriġ vokazzjonali għat-tfal tal-ħaddiema tal-Unjoni;

(h)

għajnuna mogħtija mill-uffiċċji tal-impjiegi.

2.   Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Artikolu 3

Salvagwardja ta' drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara rikors possibbli għal awtoritajiet kompetenti oħra, anke fejn huma jqisuh adegwat, ikunu disponibbli proċeduri ta' konċiljazzjoni, proċeduri ġudizzjarji, għall-infurzar tal- obbligi taħt l-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 għall-ħaddiema kollha tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jqisu li jkunu batew jew qed ibatu minn restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tagħhom għal moviment liberu jew li jqisu ruħhom trattati b'mod inġust minħabba li ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, anke wara li tkun intemmet ir-relazzjoni li fiha tkun seħħet l-allegata restrizzjoni u xkiel jew diskriminazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, fosthom imsieħba soċjali, jew entitajiet legali oħra, li, skont il-kriterji stabbiliti fil-liġi nazzjonali, il-prattika jew il-ftehimiet kollettivi tagħhom, għandhom interess leġittimu li jiżguraw li ssir konformità ma' din id-Direttiva, ikunu jistgħu jieħdu sehem, f'isem il-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jew b'appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tagħhom, f'kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-infurzar tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kompetenzi oħra u drittijiet kollettivi tal-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tal-impjegati u ta' dawk li jħaddmu, fejn applikabbli, fosthom id-dritt ta' azzjoni f'isem interess kollettiv, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

4.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' proċedura li jikkonċernaw ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.

5.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-limiti ta' żmien għall-infurzar tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Madankollu, dawk il-limiti ta' żmien nazzjonali ma għandhomx jagħmluha virtwalment impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema tal-Unjoni minn kwalunkwe trattament negattiv jew konsegwenza negattiva bħala reazzjoni għal ilment jew għal proċedimenti li jkollhom l-għan li jinfurzaw il-konformità mad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Korpi biex jippromwovu t-trattament ugwali u jappoġġaw lil ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar struttura, waħda jew aktar, jew korp, wieħed jew aktar, (“korpi”) għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha tal-Unjoniu tal-membri tal-familja tagħhom mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità restrizzjonijiet jew ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tagħhom ta' moviment liberu u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament korrett ta' dawn il-korpi. Dawk il-korpi jistgħu jifformaw parti minn korpi eżistenti fil-livell nazzjonali li jkollhom objettivi simili.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi ta' dawk il-korpi jkunu jinkludu li:

(a)

jipprovdu jew jiżguraw l-għoti ta' assistenza indipendenti legali u/jew oħra lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom, u għad-drittijiet tal-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra msemmija fl-Artikolu 3;

(b)

jaġixxu bħala punt ta' kuntatt vis-à-vis punti ta' kuntatt ekwivalenti fi Stati Membri oħra sabiex jikooperaw u jaqsmu informazzjoni rilevanti;

(c)

jagħmlu jew jikkummissjonaw stħarriġ u analiżi indipendenti dwar restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu, jew diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom; jew

(d)

jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma' dawn ir-restrizzjonijiet u ostakoli jew diskriminazzjoni;

(e)

jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni fil-livell nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

Ir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fejn korpi jagħtu għajnuna fi proċedimenti legali, tali għajnuna għandha tkun bla ħlas għal persuni li m'għandhomx biżżejjed riżorsi, f'konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-punti ta' kuntatt u kwalunkwe informazzjoni aġġornata jew bidliet li jirrigwardawhom. Il-Kummissjoni għandha żżomm lista ta' punti ta' kuntatt u għandha tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi eżistenti jew dawk li għadhom kemm inħolqu jkunu konxji mis-servizzi eżistenti tal-informazzjoni u l-assistenza fil-livell ta' Unjoni u jkunu kapaċi jużawhom u jikkooperaw magħhom, bħalma huma L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, il-EURES, in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punti ta' Kuntatt Waħdieni.

5.   Meta l-kompiti msemmija fil-paragrafu 2 jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kompiti jiġu kkoordinati b'mod adegwat.

Artikolu 5

Djalogu

L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-djalogu mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti li, skont il-liġi jew prattika nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jagħtu kontribut biex jiġġieldu kontra restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu, u diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom bil-ħsieb li jiġi promoss il-prinċipju tat-trattament ugwali.

Artikolu 6

Aċċess għal u disseminazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u skont l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, isiru jafu bihom il-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom, b'mod partikolari l-ħaddiema tal-Unjoni u min iħaddem, b'kull mezz adatt.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, f'aktar minn lingwa uffiċjali waħda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema li tkun ċara, bla ħlas, faċilment aċċessibbli, komprensiva u aġġornata. Din l-informazzjoni għandha wkoll tkun faċilment aċċessibbli permezz ta' L-Ewropa Tiegħek u l-EURES.

Artikolu 7

Rekwiżiti minimi

1.   L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet li jiffavorixxu aktar il-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kompetenzi tal- korpi msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoniu tal-membri tal-familja tagħhom mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità jkopru wkoll id-dritt għal trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu u tal-membri tal-familja tagħhom, skont l-Artikolu 21 tat-TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE.

3.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha tkun fl-ebda ċirkostanza raġuni biżżejjed biex jonqos il-livell ta' protezzjoni tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-oqsma li tapplika għalihom, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jaġixxu għal bidliet fis-sitwazzjoni billi jdaħħlu liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu differenti minn dawk fis-seħħ fl-20 ta' Mejju 2014, dment li dawn ikunu konformi ma' din id-Direttiva.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-21 ta' Mejju 2016. Dawn għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.

Artikolu 9

Rapport

Sal-21 ta' Novembru 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, bil-ħsieb li, fejn ikun il-każ, isiru l-emendi meħtieġa.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 54.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).

(5)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).