20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/72


DIRETTIVA 2014/26/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, u b’mod partikolari l-Artikoli 50(1), 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Unjoni li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati diġà jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien għad-detenturi tad-drittijiet u għaldaqstant qafas li fih jista’ jsir dan l-isfruttament ta’ kontenut protett b’dawk id-drittijiet. Dawk id-Direttivi jikkontribwixxu għall-iżvilupp u ż-żamma tal-kreattività. F’suq intern fejn il-kompetizzjoni mhijiex imfixkla, il-ħarsien tal-innovazzjoni u l-ħolqien intellettwali jħeġġeġ ukoll l-investiment fis-servizzi u l-prodotti innovattivi.

(2)

It-tixrid ta’ kontenut li huwa protett bi drittijiet tal-awtur u minn drittijiet, inklużi kotba, produzzjonijiet awdjoviżivi u mużika rreġistrata, u servizzi relatati magħhom, jeħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet minn detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħall-awturi, artisti, produtturi u pubblikaturi. Huwa normalment għad-detentur tad-drittijiet li jagħżel bejn l-immaniġġjar individwali jew kollettiv tad-drittijiet tiegħu, kemm-il darba l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor, skont it-termini tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, l-awditjar tal-utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet derivat mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu għall-użi li huma stess ma jkunux f’pożizzjoni jikkontrollaw jew jinfurzaw, inkluż fis-swieq mhux domestiċi.

(3)

Skont l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tqis id-diversità kulturali fl-azzjoni tagħha u tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġi enfasizzat il-wirt kulturali komuni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom u għandu jibqa’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu bħala promoturi tad-diversità tal-espressjoni kulturali, kemm billi jagħmlu possibbli li r-repertorji żgħar u anqas popolari jkollhom aċċess għas-suq u kemm billi jipprovdu servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom u tal-pubbliku.

(4)

Meta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-libertajiet ipprovduti mit-Trattati meta jkunu qed jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew ikunu qed joħorġu liċenzji lill-utenti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(5)

Jeżistu differenzi sinifikanti fir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabbiltà tagħhom lill-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħhom. F’għadd ta’ każi dan wassal għal diffikultajiet, b’mod partikolari għad-detenturi tad-drittijiet mhux domestiċi, meta jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u għal ġestjoni finanzjarja ħażina tad-dħul miġbur. Il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv iwasslu għal ineffiċjenzi fl-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq intern kollu għad-detriment kemm tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, detenturi u utenti.

(6)

Il-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv diġà ġiet identifikata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE (3). Dik ir-Rakkomandazzjoni stabbilixxiet għadd ta’ prinċipji, bħal-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħhom, trattament indaqs tal-kategoriji tad-detenturi tad-drittijiet u tqassim ekwu tar-royalties. Hija talbet ukoll lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv sabiex jipprovdu lill-utenti informazzjoni suffiċjenti dwar it-tariffi u r-repertorju qabel ma jsiru negozjati bejniethom. Kienet tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar ir-responsabbiltà, ir-rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u r-riżolvimentta’ tilwim. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ġiet segwita b’mod li ma kienx dejjem l-istess.

(7)

Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-immanġġjar tad-drittijiet tal-awtur u l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għandhom jiġu kkoordinati fejn l-Istati Membri jippermettu dawn l-operazzjonijiet bil-għan li jkun hemm garanziji ekwivalenti madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 50(1) tat-TFUE.

(8)

L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom, u għalhekk għandu jkollha wkoll bħala bażi legali l-Artikolu 53(1) tat-TFUE. Barra minn hekk, billi tikkonċerna settur li joffri servizzi fl-Unjoni kollha, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 62 tat-TFUE.

(9)

L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex jiġi żgurat standard għoli ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rappurtar. Dan m’għandux, madankollu, iżomm lill-Istati Membri milli jkomplu jżommu jew milli jimponu, f’relazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom, standards aktar stretti minn dawk stabbiliti fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, sakemm tali standards aktar stretti huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jipprekludi Stat Membru milli japplika l-istess dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet simili għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li huma stabbiliti barra mill-Unjoni imma li joperaw f’dak l-Istat Membru.

(11)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jipprekludi lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv milli jikkonkludu ftehimiet ta’ rappreżentanza ma’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra – fir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mill-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE – fil-qasam tal-immaniġġjar tad-drittijiet bil-għan li jiffaċilitaw, itejbu u jissemplifikaw il-proċeduri għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-utenti, inkluż għall-finijiet ta’ fatturazzjoni unika, taħt kundizzjonijiet indaqs, nondiskriminatorji u trasparenti, u joffru liċenzji multiterritorjali wkoll f’oqsma differenti minn dawk imsemmija fit-Titolu III ta’ din id-Direttiva.

(12)

Din id-Direttiva, filwaqt li tapplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha, bl-eċċezzjoni tat-Titolu III japplika biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali onlajn fuq bażi multiterritorjali, ma tinterferixxix mal-arranġamenti li jirrigwardaw l-immaniġġjar tad-drittijiet fl-Istati Membri bħalma huma l-immaniġġjar individwali, l-effett estiż ta’ ftehim bejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv rappreżentattiva u utent, jiġifieri liċenzjar kollettiv estiż, immaniġġjar kollettiv mandatarju, preżunzjonijiet ġuridiċi ta’ rappreżentazzjoni u trasferiment ta’ drittijiet lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(13)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-possibilità li l-Istati Membri jiddeterminaw permezz ta’ liġi, regolament jew permezz ta’ kwalunkwe mekkaniżmu speċifiku ieħor simili, il-kumpens ġust tad-detenturi tad-drittijiet għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet għal derogi mid-dritt esklussiv fir-rigward tas-self pubbliku provdut fid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) applikabbli fit-territorju tagħhom kif ukoll kondizzjonijiet applikabbli għall-ġbir tagħhom.

(14)

Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jadottaw forma ġuridika speċifika. Fil-prattika, dawk l-organizzazzjonijiet joperaw f’diversi forom ġuridiċi bħalma huma assoċjazzjonijiet, kooperattivi jew kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata, li huma kkontrollati jew għandhom bħala sidien lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jew lill-entitajiet li jirrappreżentaw tali detenturi tad-drittijiet. F’xi każijiet eċċezzjonali, madankollu, minħabba l-forma ġuridika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-element tas-sieda jew tal-kontroll mhuwiex preżenti. Dan hu, pereżempju, il-każ għall-fondazzjonijiet, li ma għandhomx membri. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għandhom japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu ċ-ċirkumvenzjoni tal-obbligi skont din id-Direttiva permezz tal-għażla tal-forma ġuridika. Għandu jiġi nnotat li l-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, u li huma membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu jkunu organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, assoċjazzjonijiet ta’ detenturi tad-drittijiet, junjins jew organizzazzjonijiet oħra.

(15)

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu liberi li jafdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom f’idejn entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti. Tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti huma entitajiet kummerċjali li huma differenti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, fost l-oħrajn minħabba l-fatt li m’għandhomx bħala sidien id-detenturi tad-drittijiet u l-anqas ma huma kkontrollati minnhom. Madankollu, sal-punt li tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti jwettqu l-istess attivitajiet bħall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, huma għandhom ikunu obbligati jagħtu ċerta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet li huma jirrappreżentaw, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, lill-utenti u lill-pubbliku.

(16)

Il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom stess, f’ċerti każijiet b’mod parallel ma’ drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom minn, pereżempju, artisti, abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali, u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Il-pubblikaturi tal-kotba, mużika u gazzetti jilliċenzjaw drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Għalhekk il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara u l-pubblikaturi m’għandhomx jitqiesu bħala “entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti”. Barra minn hekk, il-maniġers u l-aġenti tal-awturi u tal-artisti li jaġixxu ta’ intermedjarji u li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv m’għandhomx jitqiesu bħala “entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti” peress li ma jimmaniġġjawx id-drittijiet fis-sens tal-iffissar tat-tariffi, l-għoti tal-liċenzji jew il-ġbir tal-flus mill-utenti.

(17)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu liberi li jagħżlu li ċerti attivitajiet tagħhom, bħalma huma l-fatturazzjoni tal-utenti jew id-distribuzzjoni tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, jiġu mwettqa minn sussidjarji jew minn entitajiet oħra li huma jikkontrollaw. F’każijiet bħal dawn, dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li kienu jkunu applikabbli li kieku l-attività kellha titwettaq direttament minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu applikabbli għall-attivitajiet tas-sussidjarji jew entitajiet oħra.

(18)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq intern meta d-drittijiet tagħhom ikunu qed jiġu mmaniġġjati b’mod kollettiv u li l-libertà tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ma tiġix affettwata b’mod mhux xieraq, huwa neċessarju li jiġi pprovdut għall-inklużjoni tal-garanziji xierqa fl-istatut tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Barra minn hekk, orgnizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex, meta jkun qed jipprovdi s-servizzi ta’ mmaniġġjar tiegħu, tiddiskrimina, b’mod dirett jew indirett, bejn id-detenturi tad-drittijiet fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom, il-post ta’ residenza jew is-sede prinċipali.

(19)

B’kont meħud tal-libertajiet stabbiliti fit-TFUE, l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jirrikjedi li detentur tad-drittijiet għandu jkun jista’ jagħżel liberament organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-immaniġġjar tad-drittijiet tiegħu, kemm jekk dawk id-drittijiet ikunu drittijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif ukoll drittijiet ta’ riproduzzjoni, jew kategoriji ta’ drittijiet relatati ma’ forom ta’ operat bħalma huma x-xandir, il-wirjiet teatrali jew ir-riproduzzjoni għad-distribuzzjoni onlajn, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li d-detentur tad-drittijiet ikun jixtieq jagħżel tkun diġà qed timmaniġġja dawn id-drittijiet jew kategoriji ta’ drittijiet.

Id-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor immaniġġjati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jiġu determinati mill-assemblea ġenerali tal-membri ta’ dik l-organizzazzjoni jekk dawn ma jkunux diġa’ ġew determinati fl-istatut tagħha jew preskritti mil-liġi. Huwa importanti li d-drittijiet u l-kategoriji ta’ drittijiet jiġu determinati b’mod li jżomm bilanċ bejn il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jiddisponu mix-xogħlijiet tagħhom u minn materjal tematiku ieħor u l-ħila tal-organizzazzjoni li timmaniġġja d-drittijiet b’mod effettiv billi tqis b’mod partikolari l-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjoni u s-settur kreattiv li fih hija topera. Filwaqt li jitqies kif xieraq dak il-bilanċ, id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jirtiraw faċilment id-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom jew xogħlijiet individwali minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u jimmaniġġjaw dawk id-drittijiet b’mod individwali jew jafdaw jew jittrasferixxu l-immaniġġjar kollu jew parti minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew entità oħra irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-entità l-oħra jew id-detentur tad-drittijiet. Fejn Stat Membr, f’rispett għad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jipprovdi għall-immaniġġjar kollettiv mandatarju tad-drittijiet, il-għażla tad-detenturi tad-drittijiet tkun limitata għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw tipi differenti ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, bħal xogħlijiet letterarji, mużikali jew fotografiċi, għandhom ukoll jagħtu din il-flessibilità lid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ tipi differenti ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor. Sa fejn għandhom x’jaqsmu użi mhux kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħtu liċenzji għal tali użi. Tali passi għandhom jinkludu, inter alia, deċiżjoni mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv dwar il-kondizzjonijiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt kif ukoll l-għoti lill-membri tagħhom ta’ informazzjoni dwar dawk il-kundizzjonijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar din l-għażla u jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet relatati ma’ dawk l-għażliet b’mod kemm jista’ jkun faċli. Id-detenturi tad-drittijiet li jkunu diġà awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu jiġu mgħarrfa permezz tas-sit elettroniku tal-organizzazzjoni. Rekwiżit li jingħata l-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet fl-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar ta’ kull dritt, kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor m’għandux jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jaċċettaw emendi sussegwenti proposti għal dik l-awtorizzazzjoni bi ftehim awtomatiku skont il-kundizzjonijiet spjegati fid-dritt nazzjonali. La l-arranġament kuntrattwali skont liema arranġamenti terminazzjoni jew irtirar min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet għandhom effett immedjat fuq il-liċenzji mogħtija qabel tali terminazzjoni jew irtirar, u l-anqas l-arranġamenti kuntrattwali skont liema arranġamenti tali liċenzji jibqgħu mhux affettwati għal ċertu perjodu ta’ żmien wara tali terminazzjoni jew irtirar, ma huma, bħala tali, preklużi minn din id-Direttiva. Tali arranġamenti m’għandhomx, madankollu, joħolqu ostaklu għall-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika l-possibbiltà li d-detenturi tad-drittijiet jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom b’mod individwali, inkluż fil-każ tal-użi mhux kummerċjali.

(20)

L-adeżjoni għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, inkluż fir-rigward tal-pubblikaturi li permezz ta’ ftehim dwar l-isfruttament tad-drittijiet huma intitolati għal sehem mid-dħul derivat mid-drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u biex jiġbru dan id-dħul mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dawk il-kriterji m’għandhomx jobbligaw lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaċċettaw membri li l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom, il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tagħhom jaqa’ barra mill-ambitu tal-attività tagħhom. Ir-reġistri miżmuma minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jippermettu l-identifikazzjoni u s-sejbien tal-lok tal-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħha li d-drittijiet tagħhom l-organizzazzjoni tkun qed tirrappreżenta abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn dawk id-detenturi tad-drittijiet.

(21)

Bil-għan li jiġu protetti dawk id-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma direttament rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv imma li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tagħha, huwa xieraq li jiġi rekwiżit li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-membri jiġu applikati wkoll lil tali detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdulhom drittijiet li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(22)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi kollettivi tad-detenturi tad-drittijiet li huma jirrappreżentaw. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu pprovduti sistemi li jippermettu lill-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala membri billi jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni. Xi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom kategoriji differenti ta’ membri, li jistgħu jirrappreżentaw tipi differenti ta’ detenturi tad-drittijiet, bħalma huma l-produtturi u l-artisti. Ir-rappreżentazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dawk il-kategoriji differenti ta’ membri għandha tkun waħda ġusta u bilanċjata. L-effettività tar-regoli dwar l-assemblea ġenerali tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kienet tiddgħajjef kieku ma jkunx hemm dispożizzjonijiet dwar kif għandha titmexxa l-assemblea ġenerali. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-assemblea ġenerali tissejjaħ b’mod regolari, u talanqas darba f’sena, u li l-aktar deċiżjonijiet importanti fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jittieħdu mill-assemblea ġenerali.

(23)

Il-membri kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem u jivvutaw fl-assemblea ġenerali tal-membri. L-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet għandu jkun suġġett biss għal restrizzjonijiet ġusti u proporzjonati. F’xi każijiet eċċezzjonali, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġu stabbiliti fil-forma ġuridika ta’ fondazzjoni, u għaldaqstant ma għandhomx membri. F’dawn il-każijiet, is-setgħat tal-assemblea ġenerali tal-membri għandhom jiġu eżerċitati mill-korp fdat bil-funzjoni superviżorja. Fejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet bħala l-membri tagħhom, kif jista’ jkun il-każ fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun kumpanija ta’ responsabbiltà limitata u l-membri tagħha jkunu assoċjazzjnijiet tad-detenturi tad-drittijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li xi setgħat jew is-setgħat kollha tal-assemblea ġenerali tal-membri għandhom jiġu eżerċitati minn assemblea ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet. L-assemblea ġenerali tal-membri għandha, tal-inqas, ikollha s-setgħa li tistabbilixxi l-qafas tal-attivitajiet tal-maniġment, b’mod partikolari rigward l-użu tad-dħul mid-drittijiet mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dan għandu, madankollu, ikun mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti dwar, pereżempju, investimenti, fużjonijiet jew it-teħid ta’ self, inkluża projbizzjoni fuq kwalunkwe tali tranżazzjoni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tal-membri tagħhom fl-assemblea ġenerali. L-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot għandu jkun iffaċilitat għall-membri li jattendu l-assemblea ġenerali u anke għal dawk li ma jattendux. Minbarra li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-membri għandhom jitħallew jieħdu sehem u jivvutaw fl-assemblea ġenerali tal-membri permezz ta’ prokura. Il-votazzjoni bil-prokura għandha tkun ristretta f’każijiet ta’ konflitti ta’ interess. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal restrizzjonijiet fir-rigward ta’ prokuri fil-każ biss fejn dan ma jippreġudikax il-parteċipazzjoni xierqa u effettiva tal-membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, il-ħatra ta’ detenturi ta’ prokuri tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni xierqa u effettiva tal-membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet ikollhom opportunità ġenwina li jagħżlu li jkollhom organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom irrispettivament mill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tkun stabbilita.

(24)

Il-membri għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-monitoraġġ kontinwu tal-immaniġġjar tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Għal dak il-għan, dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom funzjoni superviżorja li tkun xierqa għall-istruttura organizzattiva tagħhom u għandhom jippermettu lill-membri jiġu rappreżentati fil-korp li jeżerċita dik il-funzjoni. Skont l-istruttura organizzattiva tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-funzjoni superviżorja tista’ tiġi eżerċitata minn korp separat, bħalma hu bord superviżorju, jew minn dawk id-diretturi fil-bord amministrattiv, kollha jew xi wħud minnhom, li ma jimmaniġġjawx l-attività tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Ir-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni ġusta u bilanċjata tal-membri m’għandux jipprevjeni lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli taħtar partijiet terzi biex jeżerċitaw il-funzjoni superviżorja, inklużi persuni b’kompetenza professjonali rilevanti, u detenturi tad-drittijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-adeżjoni jew li mhumiex rappreżentati mill-organizzazzjoni b’mod dirett iżda permezz ta’ entità li tkun membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(25)

Għal raġunijiet ta’ mmaniġġjar tajjeb, il-maniġment ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkun indipendenti. Il-maniġers, kemm jekk eletti bħala diretturi, kemm jekk imħaddma għal żmien qasir u kemm jekk impjegati mill-organizzazzjoni abbażi ta’ kuntratt, għandhom ikunu obbligati jiddikjaraw, qabel ma jieħdu l-pożizzjoni tagħhom u minn dakinhar ‘il quddiem fuq bażi annwali, jekk hemmx kunflitti bejn l-interessi tagħhom u dawk tad-detenturi tad-drittijiet li huma rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tali dikjarazzjonijiet annwali għandhom isiru wkoll mill-persuni li jeżerċitaw il-funzjoni superviżorja. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jagħmlu dawn id-dikjarazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku jew li jressquhom lill-awtoritajiet pubbliċi.

(26)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġbru, jimmaniġġjaw u jqassmu d-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet fdati lilhom mid-detenturi tad-drittijiet. Dak id-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lil detenturi tad-drittijiet, li jista’ jkollhom relazzjoni ġuridika diretta mal-organizzazzjoni, jew jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta’ entità li hija membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv teżerċita l-ogħla diliġenza fil-ġbir, l-immaniġġjar u t-tqassim ta’ dak id-dħul. It-tqassim preċiż huwa possibbli biss fejn l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv iżżomm rekords tajbin tal-membri, il-liċenzji u l-użu ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor. Id-dejta rilevanti li hija rikjesta għall-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet għandha tkun ipprovduta wkoll mid-detenturi tad-drittijiet u l-utenti u tkun verifikata mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(27)

L-ammonti miġbura u dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandhom jinżammu separatament fil-kontijiet minn kwalunkwe assi proprji li jista’ jkollha l-organizzazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti fuq l-investiment, inkluża projbizzjoni ta’ investiment tad-dħul mid-drittijiet, fejn tali ammonti jiġu investiti, dan għandu jsir skont il-politika ġenerali dwar l-investiment u l-immaniġġjar tar-riskju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Sabiex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe dħul li jista’ jirriżulta mill-isfruttar ta’ tali drittijiet imur għall-benefiċċju tagħhom, l-investimenti li tagħmel l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u li hi d-detentriċi tagħhom, għandhom ikunu mmaniġġjati skont il-kriterji li jkunu jobbligaw lill-organizzazzjoni tieħu azzjoni prudenti, filwaqt li jippermettulha tiddeċiedi dwar l-iktar politika ta’ investiment sikura u effiċjenti. Dan għandu jippermetti lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħżel allokazzjoni tal-assi li taqbel man-natura preċiża u d-durata ta’ kwalunkwe esponiment għar-riskju ta’ kwalunkwe dħul mid-drittijiet investit u ma tippreġudikax indebitament kwalunkwe dħul mid-drittijiet dovut lid-detenturi tad-drittijiet.

(28)

Billi d-detenturi tad-drittijiet huma intitolati li jitħallsu għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom, huwa importanti li t-tariffi tal-immaniġġjar ma jkunux ogħla mill-ispejjeż ġustifikati tal-immaniġġjar tad-drittijiet u li kwalunkwe tnaqqis, minbarra fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, pereżempju tnaqqis għal finijiet soċjali, kulturali jew edukattivi, għandu jiġi deċiż mill-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu trasparenti lejn id-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tar-regoli li jirregolaw tali tnaqqis, L-istess rekwiżiti għandhom japplikaw għal kwalunkwe deċiżjoni biex id-dħul mid-drittijiet jintuża għad-distribuzzjoni kollettiva, bħalma huma l-boroż ta’ studju. Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom aċċess, fuq bażi nondiskriminatorja, għal kwalunkwe servizz soċjali, kulturali jew edukattiv li jkun iffinanzjat permezz ta’ dan it-tnaqqis. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa it-tnaqqis skont il-liġi nazzjonali, bħalma hu t-tnaqqis għall-provvediment ta’ servizzi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett li mhux regolat minn din id-Direttiva kemm-il darba tali tnaqqis ikun jirrispetta d-dritt tal-Unjoni.

(29)

Id-distribuzzjoni u l-ħlas ta’ ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali jew, skont ma jkun il-każ, lil kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet, għandhom jitwettqu b’mod li jkun f’waqtu u skont il-politika ġenerali dwar id-distribuzzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikkonċernati, inkluż meta jitwettqu permezz ta’ entità oħra li tirrappreżenta lid-detenturi tad-drittijiet. Huma biss raġunijiet oġġettivi li jkunu barra mill-kontroll ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li jistgħu jiġġustifikaw dewmien fid-distribuzzjoni u l-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, Għalhekk, ċirkostanzi bħal pereżempju fejn id-dħul mid-drittijiet ikunu ġew investiti suġġett għal data ta’ maturità ma għandhomx jikkwalifikaw bħala raġunijiet validi għal tali dewmien. Huwa xieraq li jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar regoli li jiżguraw id-distribuzzjoni f’waqtha u t-tiftixa effettiva għal, u l-identifikazzjoni ta’, detenturi tad-drittijiet f’każijiet fejn iseħħu tali raġunijiet oġġettivi. Bil-għan li jiġi żgurat li l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet jiġu distribwiti b’mod xieraq u effettiv, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti, jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġu rekwiżiti jieħdu miżuri raġonevoli u diliġenti, abbażi tal-bona fede, biex jidentifikaw u jsibu fejn huma d-detenturi rilevanti tad-drittijiet. Huwa xieraq ukoll li l-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, sa fejn ikun permess skont id-dritt nazzjonali, għandhom jiddeċiedu dwar l-użu ta’ kwalunkwe ammonti li ma jistgħux jiġu distribwiti f’sitwazzjonijiet fejn id-dententuri tad-drittijiet li huma intitolati għal dawk l-ammonti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew ma jkunux jistgħu jinstabu.

(30)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw id-drittijiet u jiġbru d-dħul mill-isfruttament tagħhom skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra. Biex tħares id-drittijiet tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni u dawk li timmaniġġja direttament għad-detenturi tad-drittijiet tagħha. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lanqas ma għandha titħalla tapplika tnaqqis fuq id-dħul mid-drittijiet miġbur f’isem organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, minbarra tnaqqis fir-rigward ta’ tariffi tal-immaniġġjar, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-organizzazzjoni l-oħra. Huwa xieraq ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikunu rekwiżiti li jiddistribwixxu u jagħmlu ħlasijiet lil organizzazzjonijiet oħra abbażi ta’ tali ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni mhux aktar tard minn meta jiddistribwixxu u jagħmlu ħlasijiet lill-membri tagħhom stess u lid-detenturi tad-drittijiet mhux membri li huma jirrappreżentaw. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni riċevitriċi għandha min-naħa tagħha tkun rekwiżita li tiddistribwixxi l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li hija tirrappreżenta mingħajr dewmien.

(31)

Termini kummerċjali ġusti u nondiskriminatorji fl-għoti ta’ liċenzji huma partikolarment importanti biex jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jottjenu liċenzji għal xogħlijiet u materjal tematiku ieħor li fir-rigward tagħhom organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta d-drittijiet, u biex tiġi żgurata r-remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom imexxu n-negozjati tal-ħruġ ta’ liċenzji in bona fede u japplikaw tariffi li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Huwa xieraq li jiġi rekwiżit li t-tariffa tal-liċenzji jew ir-rimunerazzjoni determinati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun raġonevoli f’relazzjoni, inter alia, mal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet f’kuntest partikolari. Fl-aħħar nett, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom iwieġbu mingħajr dewmien żejjed għat-talbiet tal-utenti għal liċenzji.

(32)

Fl-ambjent diġitali, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv huma rekwiżiti b’mod regolari li joħorġu liċenzja għar-repertorju tagħhom għal forom totalment ġodda ta’ sfruttament u mudelli ta’ negozju. F’każijiet bħal dawn u bil-għan li jitrawwem ambjent li jwassal għall-iżvilupp ta’ tali liċenzji, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jipprovdu, malajr kemm jista’ jkun, liċenzji individwalizzati għal servizzi onlajn innovattivi, mingħajr ir-riskju li t-termini ta’ dawk il-liċenzji jistgħu jintużaw bħala preċedent biex jiġu determinati t-termini għal liċenzji oħra.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva, l-utenti għandhom jagħtu lil dawk l-organizzazzjonijiet l-informazzjoni rilevanti dwar l-użu tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dan l-obbligu m’għandux japplika għall-persuni fiżiċi li qed jaġixxu għal finijiet li huma barra mill-mestier, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom u li għalhekk jaqgħu barra mid-definizzjon tal-utent kif stipulat f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-informazzjoni rikjesta mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun limitata għal dak li hu raġonevoli, meħtieġ u għad-dispożizzjoni tal-utent sabiex tali organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Dak l-obbligu jista’ jiġi inkluż fi ftehim bejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u utent; dan ma jipprekludix id-drittijiet statutorji nazzjonali għall-informazzjoni. L-iskadenzi applikabbli għall-fornimet tal-informazzjoni min-naħa tal-utenti għandhom ikunu tali li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw l-iskadenzi ffissati għad-distribuzzjoni tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jesiġu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tagħhom li joħorġu fatturi konġunti.

(34)

Sabiex isaħħu l-fiduċja tad-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra fl-immaniġġjar tad-drittijiet li jsir minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ trasparenza speċifiċi. Għaldaqstant, kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew il-membru tagħha li jkun entità responsabbli għall-attribuzzjoni jew il-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandha tkun rekwiżita tagħti ċerta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet individwali tal-inqas darba fis-sena, bħalma huma l-ammonti attribwiti jew imħallsa lilhom u t-tnaqqis li jkun sar. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu rekwiżiti wkoll jipprovdu informazzjoni suffiċjenti, inkluża informazzjoni finanzjarja, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra li tagħhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni.

(35)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u l-utenti jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambitu tal-attività tal-organizzazzjoni u x-xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hija tirrappreżenta, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħti informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet bi tweġiba għal talba debitament iġġustifikata. Il-kwistjoni ta’ jekk jistgħux jintalbu tariffi raġonevoli għall-forniment ta’ dan is-servizz, u sa fejn jistgħu jintalbu, għandha titħalla għal-liġi nazzjonali. Kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha wkoll tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar l-istruttura tagħha u l-mod li bih twettaq l-attivitajiet tagħha, inkluż b’mod partikolari l-istatuti u l-politiki ġenerali tagħha dwar it-tariffi tal-immaniġġjar, it-tnaqqis u t-tariffi.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jimmonitorjaw u jqabblu l-prestazzjonijiet rispettivi tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, tali organizzazzjonijiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku rapport annwali dwar it-trasparenza li jkun jikkonsisti f’informazzjoni finanzjarja awditjata kumparabbli li tkun speċifika għall-attivitajiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ukoll iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku rapport annwali speċjali, li jifforma parti mir-rapport annwali dwar it-trasparenza, dwar l-użu tal-ammonti ddedikati lis-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi. Din id-Direttiva m’għandhiex timpedixxi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli tippubblika l-informazzjoni rekwiżita mir-rapport annwali dwar it-trasparenza f’dokument wieħed, pereżempju bħala parti mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħha, jew f’rapporti separati.

(37)

Il-fornituri ta’ servizzi onlajn li jagħmlu użu minn xogħlijiet mużikali, bħal servizzi mużikali li jippermettu lill-konsumaturi jniżżlu l-mużika jew jisimgħuha permezz ta’ streaming, kif ukoll servizzi oħra li jipprovdu aċċess għal films jew logħob fejn il-mużika hija element importanti, l-ewwel iridu jiksbu d-dritt li jużaw dawn ix-xogħlijiet. Id-Direttiva 2001/29/KE tirrikjedi li tiġi ottenuta liċenzja għal kull wieħed mid-drittijiet fl-isfruttament onlajn tax-xogħlijiet mużikali. Fir-rigward tal-awturi, dawk id-drittijiet huma d-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni u d-dritt esklussiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, li jinkludi d-dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Dawk id-drittijiet jistgħu jiġu mmaniġġjati mid-detenturi tad-drittijiet stess individwalment, bħalma huma awturi jew pubblikaturi mużikali, jew mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet. Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti jistgħu jimmaniġġjaw id-drittijiet tar-riproduzzjoni tal-awturi u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, hemm każijiet fejn għadd ta’ detenturi tad-drittijiet għandhom drittijiet fl-istess xogħol u jistgħu jkunu awtorizzaw organizzazzjonijiet differenti biex joħorġu liċenzja għas-sehem rispettiv tagħhom ta’ drittijiet fix-xogħol. Kull utent li jixtieq jipprovdi servizz onlajn li joffri għażla wiesgħa ta’ xogħlijiet mużikali lill-konsumaturi jeħtieġ li jaggrega d-drittijiet fix-xogħlijiet minn detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti.

(38)

Filwaqt li l-Internet ma għandu l-ebda konfini, is-suq onlajn għas-servizzi tal-mużika fl-Unjoni għadu frammentat, u għadu ma seħħx għalkollox suq uniku diġitali. F’numru ta’ każijiet, il-kumplessità u d-diffikultà assoċjati mal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet fl-Ewropa aggravaw din il-frammentazzjoni tas-suq diġitali Ewropew għas-servizzi tal-mużika onlajn. Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta bil-kbir mat-talba li qed tikber b’mod rapidu min-naħa tal-konsumaturi għall-aċċess għal kontenut diġitali u servizzi innovattivi assoċjati, inkluż lil hinn minn fruntieri nazzjonali.

(39)

Ir-Rakkomandazzjoni 2005/737/KE ippromwoviet ambjent regolatorju ġdid li huwa aktar adattat għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ mużika onlajn leġittimi, fil-livell tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tirrikonoxxi li fl-era tal-isfruttament onlajn tax-xogħlijiet mużikali, l-utenti kummerċjali jeħtieġu politika ta’ ħruġ ta’ liċenzji li tikkorrispondi għall-ubikwità tal-ambjent onlajn u hija multiterritorjali. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ma kinitx suffiċjenti biex tħeġġeġ il-ħruġ mifrux ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jew biex tindirizza d-domandi speċifiċi tal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali.

(40)

Fis-settur tal-mużika onlajn, fejn l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi fuq bażi territorjali tibqa’ n-norma, huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għall-prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzji l-aktar effettivi mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv f’kuntest li qed isir dejjem iżjed transkonfinali. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi pprovdut sett ta’ regoli li jippreskrivu l-kundizzjonijiet bażiċi għall-forniment mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ta’ ħruġ ta’ liċenzji kollettivi multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, inkluża l-lirika. L-istess regoli għandhom japplikaw għal tali għoti ta’ liċenzji għax-xogħlijiet mużikali kollha, inklużi x-xogħlijiet mużikali inkorporati f’xogħlijiet awdjoviżivi. Madankollu, is-servizzi onlajn li jipprovdu unikament aċċess għal xogħlijiet mużikali f’forma ta’ mużika stampata fuq folji separati m’għandhomx jiġu koperti. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw il-kwalità minima meħtieġa ta’ servizzi transkonfinali pprovduti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, b’mod partikolari f’dawk li huma t-trasparenza tar-repertorju rappreżentat u l- preċiżjoni tal-flussi finanzjarji relatati mal-użu tad-drittijiet. Dawn għandhom jistabbilixxu wkoll qafas biex jiffaċilita l-aggregazzjoni volontarja tar-repertorju u d-drittijiet tal-mużika, u b’hekk inaqqsu l-għadd ta’ liċenzji li għandu bżonn utent biex jopera servizz multirepertorju, multiterritorju. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jippermettu lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv titlob organizzazzjoni oħra tirrappreżenta r-repertorju tagħha fuq bażi multiterritorjali meta hija ma tkunx tista’jew ma tkunx tixtieq tissodisfa r-rekwiżiti hi stess. Għandu jkun hemm obbligu fuq l-organizzazzjoni rikjesta, sakemm din diġà taggrega r-repertorji u toffri jew tagħti liċenzji multiterritorjali, biex taċċetta l-mandat tal-organizzazzjoni li tagħmel it-talba. L-iżvilupp ta’ servizzi ta’ mużika onlajn legali fl-Ewropa kollha għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-infrazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur onlajn.

(41)

Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u komprensiva dwar xogħlijiet mużikali, id-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija awtorizzata li tirrappreżenta f’territorju partikolari hija ta’ importanza partikolari għal proċess effettiv u trasparenti tal-ħruġ ta’ liċenzji, għall-ipproċessar sussegwenti tar-rapporti tal-utenti u l-fatturazzjoni relatata tal-fornituri tas-servizzi, u għat-tqassim tal-ammonti dovuti. Għal dik ir-raġuni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jagħtu liċenzji multiterritorjali għal xogħlijiet mużikali għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw din id-dejta ddettaljata b’mod rapidu u preċiż. Dan jeħtieġ l-użu ta’ bażijiet ta’ dejta dwar is-sjieda ta’ drittijiet li huma liċenzjati fuq bażi multiterritorjali, li jinkludu dejta li tippermetti l-identifikazzjoni tax-xogħlijiet, id-drittijiet u d-detenturi tad-drittijiet li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun awtorizzata li tirrappreżenta u tat-territorji koperti mill-awtorizzazzjoni. Kwalunkwe tibdil ta’ dik l-informazzjoni għandu jitqies mingħajr dewmien żejjed u l-bażijiet ta’ dejta għandhom jiġu aġġornati kontinwament. Dawk il-bażijiet ta’ dejta għandhom jgħinu wkoll fit-tqabbil tal-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ma’ informazzjoni dwar il-fonogrammi jew kwalunkwe fissazzjoni oħra li fiha ġie inkorporat ix-xogħol. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-utenti u d-detenturi tad-drittijiet prospettivi, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu bil-għan li jidentifikaw ir-repertorju li dawk l-organizzazzjonijiet ikunu qed jirrappreżentaw. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex iħarsu l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex jikkontrollaw l-użu mill-ġdid tagħhom u biex iħarsu l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(42)

Sabiex jiżguraw li d-dejta dwar ir-repertorju tal-mużika li jipproċessaw tkun kemm jista’ jkun preċiża, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal xogħlijiet mużikali għandhom ikunu meħtieġa jaġġornaw il-bażijiet tad-dejta tagħhom kontinwament u mingħajr dewmien skont il-ħtieġa. Dawn għandhom jistabbilixxu proċeduri aċċessibbli faċilment biex jippermettu lill-fornituri tas-servizzi onlajn, kif ukoll lid-detenturi tad-drittijiet u lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra jinfurmawhom dwar kull ineżattezza li jista’ jkun fiha l-bażi tad-dejta tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward tax-xogħlijiet li huma proprjetà tagħhom jew li jikkontrollaw, inklużi drittijiet – b’mod parzjali jew sħiħ – u t-territorji li għalihom awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv rilevanti biex taġixxi, mingħajr madankollu ma titfa’ f’periklu l-veraċità u l-integrità tad-dejta li jkollha f’idejha l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Peress li d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tagħti lil kull suġġett tad-dejta d-dritt li jikseb rettifika, tħassir jew imblokk ta’ dejta mhux preċiża jew mhux kompluta, din id-Direttiva għandha tiżgura wkoll li l-informazzjoni mhux preċiża rigward detenturi tad-drittijiet jew organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra fil-każ ta’ liċenzji multiterritorjali għandha tiġi korreġuti mingħajr dewmien żejjed. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom il-kapaċità li jipproċessaw elettronikament ir-reġistrazzjoni tax-xogħlijiet u l-awtorizzazzjonijiet biex jiġu mmaniġġjati d-drittijiet. Minħabba l-importanza tal-awtomazzjoni tal-informazzjoni għall-ipproċessar rapidu u effettiv tad-dejta, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jipprovdu għall-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni strutturata ta’ dik l-informazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. Sa fejn hu possibbli, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jiżguraw li dawn il-mezzi elettroniċi jqisu l-istandards jew il-prattiki tal-industrija volontarji rilevanti li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni.

(43)

L-istandards industrijali għall-użu tal-mużika, ir-rappurtar tal-bejgħ u l-fatturazzjoni huma strumentali fit-titjib tal-effiċjenza fl-iskambju tad-dejta bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti. Il-monitoraġġ tal-użu tal-liċenzji għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-gwadanji fl-effiċjenza jissarfu f’ipproċessar finanzjarju aktar rapidu u finalment f’pagamenti aktar kmieni lid-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu meħtieġa li jibgħatu fattura lill-fornituri tas-servizzi u li jqassmu l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet mingħajr dewmien. Biex dan ir-rekwiżit ikun effettiv, huwa meħtieġ li l-utenti jagħtu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv rapporti preċiżi u fil-ħin dwar l-użu tax-xogħlijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw ir-rapporti tal-utenti f’formati proprjetarji meta jkunu disponibbli standards industrijali li jintużaw b’mod mifrux ħafna. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhomx jiġu preklużi milli jesternalizzaw servizzi relatati mal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Il-kondiviżjoni jew il-konsolidazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-“back office” għandhom jgħinu lill-organizzazzjonijiet itejbu s-servizzi ta’ mmaniġġjar u jirrazzjonalizzaw l-investimenti fil-għodod tal-immaniġġjar tad-dejta.

(44)

L-aggregazzjoni ta’ repertorji mużikali differenti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tiffaċilita l-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzji u, billi tagħmel ir-repertorji kollha aċċessibbli għas-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, issaħħaħ id-diversità kulturali u tikkontribwixxi għat-tnaqqis fin-numru ta’ tranżazzjonijiet, li fornitur ta’ servizzi onlajn jeħtieġ sabiex joffri servizzi. Din l-aggregazzjoni ta’ repertorji għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi onlajn ġodda, u għandha tirriżulta wkoll fi tnaqqis fil-kosti ta’ tranżazzjoni li jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li mhumiex lesti jew mhumiex kapaċi jagħtu liċenzji multiterritorjali direttament fir-repertorju mużikali tagħhom proprju għandhom jiġu inkoraġġiti biex fuq bażi volontarja jawtorizzaw organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex jimmaniġġjaw ir-repertorju tagħhom fuq bażi mhux diskriminatorji. L-esklussività fil-ftehimiet dwar il-liċenzji multiterritorjali tkun tirrestrinġi l-għażliet disponibbli għall-utenti li jkunu qed ifittxu liċenzji multiterritorjali u tirrestrinġi wkoll l-għażliet disponibbli għall-organizzazzjojiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jkunu qed ifittxu servizzi amministrattivi għar-repertorju tagħhom fuq bażi multiterritorjali. Għaldaqstant, il-ftehimiet kollha ta’ rappreżentazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għandhom jiġu konklużi fuq bażi mhux esklussiva.

(45)

It-trasparenza tal-kundizzjonijiet li taħthom l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jimmaniġġjaw id-drittijiet onlajn hija ta’ importanza partikolari għall-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-membri tagħhom dwar it-termini ewlenin ta’ kull ftehim li jawtorizza kwalunkwe organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex tirrappreżenta d-drittijiet ta’ mużika onlajn ta’ dawk il-membri għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

(46)

Huwa importanti wkoll li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toffri jew tagħti liċenzji multiterritorjali tkun rekwiżita taqbel li tirrappreżenta r-repertorju ta’ kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tiddeċiedi li ma tagħmilx hekk direttament. Biex jiġi żgurat li dan ir-rekwiżit ma jkunx sproporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha tkun obbligata li taċċetta r-rappreżentazzjoni biss jekk it-talba tkun limitata għad-dritt onlajn jew għall-kategoriji ta’ drittijiet onlajn li tkun tirrappreżenta hi stess. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit għandu japplika biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jaggregaw ir-repertorju u ma għandux jestendi għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu liċenzji multiterritorjali għar-repertorju tagħhom proprju biss. Lanqas ma għandu japplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li sempliċement jaggregaw id-drittijiet fl-istess xogħlijiet għall-fini li jkunu jistgħu jilliċenzjaw b’mod konġunt kemm id-dritt tar-riproduzzjoni kif ukoll id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta’ tali xogħlijiet. Biex jiġu mħarsal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tkun qed tagħti l-awtorizzazzjoni u bil-għan li jiġi żgurat li r-repertorji żgħar u inqas magħrufa fl-Istati Membri jkunu jistgħu jidħlu fis-suq intern b’kundizzjonijiet indaqs, huwa importanti li r-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tkun qed tagħti l-awtorizzazzjoni jiġi mmaniġġjat bl-istess kudizzjonijiet bħar-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata u li jiġi inkluż fl-offerti indirizzati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata lill-fornituri tas-servizzi onlajn. It-tariffa tal-immaniġġjar imposta mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tippermetti lil dik l-organizzazzjoni tirkupra l-investimenti meħtieġa u raġonevoli mġarrba. Kull ftehim li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet oħra biex jagħtu liċenzji multiterritorjali fir-repertorju tal-mużika tagħha stess għall-użu onlajn ma għandux jipprevjeni lill-ewwel organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv imsemmija milli tkompli tagħti liċenzji limitati għat-territorju tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita dik l-organizzazzjoni, fir-repertorju tagħha stess u fi kwalunkwe repertorju ieħor li tista’ tiġi awtorizzata li tirrappreżenta f’dak it-territorju.

(47)

L-objettivi u l-effettività tar-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kienu jkunu mitfuha f’riskju sinifikanti kieku d-detenturi tad-drittijiet ma kinux kapaċi jeżerċitaw dawn id-drittijiet fir-rigward tal-liċenzji multiterritorjali meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li lilha jkunu taw id-drittijiet tagħhom ma tkunx tat jew ma tkunx offriet liċenzji multiterritorjali u barra minn hekk ma tkunx riedet tawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex tagħmel dan. Għal din ir-raġuni, ikun importanti f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħtu l-liċenzji multiterritorjali rikjesti mill-fornituri tas-servizzi onlajn huma stess jew permezz ta’ parti jew partijiet oħra, billi jirtiraw id-drittijiet tagħhom mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oriġinali tagħhom sa fejn ikun meħtieġ għal-liċenzjar multiterritorjali għall-użi onlajn, u li jħallu l-istess drittijiet mal-organizzazzjoni oriġinali tagħhom għall-finijiet ta’ liċenzjar monoterritorjali.

(48)

Ġeneralment, l-organizzazzjonijiet tax-xandir iserrħu fuq liċenzja minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lokali, għax-xandiriet tagħhom stess ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jinkludu xogħlijiet mużikali. Ħafna drabi dik il-liċenzja hija limitata għal attivitajiet ta’ xandir. Tkun meħtieġa liċenzja għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali sabiex dawn ix-xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jkunu jistgħu jkunu disponibbli wkoll onlajn. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet ta’ trażmissjoni simultanja u differita ta’ xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jeħtieġ li tiġi pprovduta deroga mir-regoli li nkella jkunu japplikaw għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Deroga bħal din għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex ikun possibbli aċċess għal programmi tat-televiżjoni jew tar-radju onlajn u għal materjal li għandu relazzjoni ċara u subordinata max-xandira oriġinali prodotta għal finijiet bħal pereżempju supplimentar, previżjoni jew rieżami ta’ dak il-programm tat-televiżjoni jew tar-radju konċernat. Dik id-deroga ma għandhiex topera b’tali mod li tfixkel il-kompetizzjoni b’servizzi oħra li jagħtu lill-konsumaturi aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, u lanqas ma għandha twassal għal prattiki restrittivi, bħalma huma l-kondiviżjoni tas-suq jew tal-konsumaturi, ħaġa li tkun bi ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-TFUE.

(49)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. L-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv għandhom joffru lill-membri tagħhom proċeduri speċifiċi għat-trattament tal-ilmenti. Dawk il-proċeduri għandhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni ta’ detenturi ta’ drittijiet oħra li huma rrappreżentati direttament mill-organizzazzjoni u għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li f’isimhom timmaniġġja d-drittijiet taħt ftehim ta’ rappreżentanza. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-membri tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti rigward l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jista’ jiġi sottomess għal proċedura alternattiva rapida, indipendenti u imparzjali ta’ riżolviment ta’ tilwim. B’mod partikolari, l-effikaċja tar-regoli dwar l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali tista’ tiġi mdgħajfa jekk it-tilwim bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet oħra ma jiġix riżolt malajr u b’mod effiċjenti. B’riżultat ta’ dan, huwa xieraq li, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għal tribunal, tiġi pprovduta l-possibilità ta’ proċeduri extra ġudizzjarji aċċessibbli faċilment, effiċjenti u imparzjali, bħalma huma l-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, biex jiġu riżolti l-kunflitti bejn, fuq naħa waħda, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jagħtu l-liċenzji multiterritorjali u fuq in-naħa l-oħra, l-fornituri tas-servizzi onlajn, id-detenturi tad-drittijiet jew organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, min-naħa l-oħra. Din id-Direttiva la tippreskrivi mod speċifiku li bih tali riżolviment ta’ tilwim alternattiva għandha tiġi organizzata, u l-anqas ma tiddetermina liema korp għandu jwettaqha, kemm-il darba l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tagħha huma ggarantiti. Fl-aħħar, huwa xieraq ukoll li l-Istati Membri jiġu rekwiżiti jkollhom proċeduri ta’ riżolviment ta’ tilwim li jkunu indipendenti, imparzjali u effettivi, permezz ta’ korpi li għandhom għarfien espert fil-liġi tal-proprjetà intellettwali jew permezz ta’ qrati, li jkunu adatti biex jirriżolvu t-tilwim kummerċjali bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti dwar il-kondizzjonijiet eżistenti jew proposti ta’ ħruġ tal-liċenzji jew dwar ksur ta’ kuntratt.

(50)

L-Istati Membri għandhomx jistabbilixxu proċeduri xierqa li permezz tagħhom ikun possibbli li tiġi mmonitorjata l-konformità mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma’ din id-Direttiva. Filwaqt li mhuwiex xieraq li din id-Direttiva tirrestrinġi l-għażla tal-Istati Membri fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti, u lanqas fir-rigward tan-natura ex-ante jew ex-post tal-kontroll fuq l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, għandu jiġi żgurat li tali awtoritajiet ikunu kapaċi jindirizzaw b’mod effettiv u f’waqtu kwalunkwe preokkupazzjoni li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jistabbilixxu awtoritajiet kompetenti ġodda. Barra minn hekk, għandu jkun ukoll possibbli li l-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet oħra interessati jinnotifikaw awtorità kompetenti fir-rigward ta’ attivitajiet jew ċirkostanzi li, fl-opinjoni tagħhom, jikkostitwixxu ksur tal-liġi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u, fejn rilevanti, minn utenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa jimponu sanzjonijiet jew miżuri fejn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva ma jkunu rispettati. Din id-Direttiva ma tipprovdix għal tipi speċifiċi ta’ sanzjonijiet jew miżuri, kemm-il darba jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Tali sanzjonijiet jew miżuri jistgħu jinkludu ordnijiet biex jitneħħew diretturi li jkunu aġixxew b’mod negliġenti, spezzjonijiet fil-bini ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, f’każijiet fejn tinħareġ awtorizzazzjoni biex organizzazzjoni topera, l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjoni. Din id-Direttiva għandha tibqa’ newtrali fir-rigward tar-reġimi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ superviżjoni fl-Istati Membri, inkluż rekwiżit li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentata, sakemm dawk ir-reġimi jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u ma joħolqux xkiel għall-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva.

(51)

Sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jilħqu dak l-għan. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxi għajnuna reċiproka permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom bil-għan li jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(52)

Huwa importanti li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali ta’ kwalunkwe detentur tad-drittijiet, membru, utent u individwu ieħor li jipproċessaw id-dejta personali tiegħu. Id-Direttiva 95/46/KE tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dik id-Direttiva u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħtura mill-Istati Membri. Id-detenturi tad-drittijiet, għandhom jingħataw informazzjoni xierqa dwar l-ipproċessar tad-dejta tagħhom, ir-riċevituri ta’ dik id-dejta, il-limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ tali dejta fi kwalunkwe bażi ta’ dejta, u l-mod li biha d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jkollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom li tikkonċernahom, jikkoreġuha jew iħassruha skont id-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, l-identifikaturi uniċi li jippermettu l-identifikazzjoni indiretta ta’ persuna, għandhom jiġu ttrattati bħala dejta personali skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva.

(53)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ infurzar għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi indipendenti nazzjonali li huma stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva 95/46/KE biex jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(54)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva relatati mar-riżolviment ta’ tilwim, ma għandux iżomm partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal tribunal kif garantit fil-Karta.

(55)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tittejjeb il-kapaċità tal-membri tagħhom fl-eżerċizzju tal-kontroll fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, li tiġi ggarantita trasparenza suffiċjenti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u li jittejjeb il-ħruġ tal-liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(56)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u kwalunkwe liġi oħra rilevanti f’oqsma oħra inklużi l-kunfidenzjalità, is-sigrieti tan-negozju, il-privatezza, l-aċċess għad-dokumenti, il-liġi tal-kuntratti u l-liġi internazzjonali privata li huma relatati mal-liġijiet u l-ġurisdizzjoni tal-qrati, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u d-dritt tagħhom għall-organizzazzjoni.

(57)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet iġġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġġustifikata.

(58)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta opinjoni fid-9 ta’ Ottubru 2012,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   It-titoli I, II, IV u V bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha stabbiliti fl-Unjoni.

2.   It-Titolu III u l-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fl-Unjoni li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għal użu onlajn fuq bażi multiterritorjali.

3.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-entitajiet li huma direttament jew indirettament ipposseduti jew ikkontrollati, b’mod sħiħ jew parzjalment, minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, kemm-il darba tali entitajiet iwettqu attività li, jekk issir minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Artikolu 16(1), l-Artikoli 18 u 20, il-punti (a), (b), (c), (e), (f) u (g) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 36 u 42, japplikaw għall-entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti kollha stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)

tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)

tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(b)

“entità ta’ mmaniġġjar indipendenti” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha u li:

(i)

la tkun ipposseduta u l-anqas ikkontrollata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mid-detenturi tad-drittijiet u

(ii)

tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(c)

“detentur tad-drittijiet” tfisser kull persuna jew entità, minbarra organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, li għandha dritt tal-awtur jew dritt relatat jew li, skont ftehim għall-isfruttament tad-drittijiet jew bil-liġi, hija intitolata għal sehem mid-dħul tad-drittijiet;

(d)

“membru ” tfisser detentur tad-drittijiet jew entità li tirrappreżenta detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet oħra ta’ detenturi tad-drittijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u huma ammessi minnha;

(e)

“statut” tfisser il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatut, ir-regoli jew id-dokumenti ta’ kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(f)

“assemblea ġenerali tal-membri” tfisser il-korp fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li fih il-membri jipparteċipaw u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-organizzazzjoni;

(g)

“direttur” tfisser:

(i)

fejn id-dritt nazzjonali jew l-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdu għal bord unitarju, kwalunkwe membru tal-bord amministrattiv;

(ii)

fejn id-dritt nazzjonali jew l-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdi għal bord doppju, kwalunkwe membru tal-bord ta’ tmexxija jew tal-bord superviżorju;

(h)

“dħul mid-drittijiet” tfisser id-dħul miġbur minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens;

(i)

“tariffi għall-immaniġġjar” tfisser l-ammonti imposti, imnaqqsa jew paċuti minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati;

(j)

“ftehim ta’ rappreżentazzjoni” tfisser kwalunkwe ftehim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex timmaniġġja d-drittijiet li tirrappreżenta, inkluż ftehim konkluż skont l-Artikoli 29 u 30.

(k)

“utent” tfisser kwalunkwe persuna jew entità li tkun qed twettaq atti suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet jew ħlas ta’ kumpens lid-detenturi tad-drittijiet u li ma tkunx qed taġixxi fil-kapaċità ta’ konsumatur.

(l)

“repertorju” tfisser ix-xogħlijiet li fir-rigward tiegħu organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmaniġġja d-drittijiet.

(m)

“liċenzja multiterritorjali” tfisser liċenzja li tkopri t-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed;

(n)

“drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali” tfisser kwalunkwe wieħed mid-drittijiet ta’ awtur f’xogħol mużikali previsti skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE li huma meħtieġa għall-forniment ta’ servizz ta’ mużika onlajn.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ MMANIĠĠJAR KOLLETTIV

KAPITOLU 1

Rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u adeżjoni u organizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma jirrappreżentaw u li ma jimponu l-ebda obbligu fuqhom li ma jkunx oġġettivament neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tagħhom jew għall-immaniġġjar effettiv tad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 5

Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet għandhom id-drittijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 u li dawk id-drittijiet huma spjegati fl-istatut jew termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

2.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet. Kemm-il darba l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet oġġettivament ġustifikati biex tirrifjuta mmaniġġjar, hija għandha tiġi obbligata timmaniġġja tali drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, kemm-il darba l-immaniġġjar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħha.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt jagħtu liċenzji għal użi mhux kummerċjali ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji tad-drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor li huma jistgħu jagħżlu.

4.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw l-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor mogħtija minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew li jirtiraw minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, kif determinat skont il-paragrafu 2, għat-territorji tal-għażla tagħhom, meta jagħtu avviż fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tiddeċiedi li din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

5.   Jekk ikun hemm ammonti dovuti lil detentur tad-drittijiet għal atti ta’ sfruttament li jkunu seħħew qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ it-terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet, jew skont liċenzja mogħtija qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar, id-detentur tad-drittijiet għandu jżomm id-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 12, 13, 18, 20, 28 u 33.

6.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tirrestrinġi l-eżerċitar tad-drittijiet previsti skont il-paragrafi 4 u 5 billi tirrikjedi, bħala kondizzjoni tal-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, li l-immaniġġjar tad-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li huma suġġetti għat-terminazzjoni jew l-irtirar jiġi fdat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

7.   Fil-każijiet fejn detentur tad-drittijiet jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, huwa għandu jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hu jawtorizza lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmaniġġja. Kwalunkwe tali kunsens għandu jiġi evidenzjat f’forma dokumentata.

8.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tinforma lid-detenturi tad-drittijiet dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi minn 1 sa 7, kif ukoll dwar kwalunkwe kundizzjoni marbuta mad-dritt stabbilit fil-paragrafu 3, qabel ma tikseb il-kunsens tagħhom biex timmaniġġja kwalunkwe dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor.

Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tinforma lil dawk id-detenturi tad-drittijiet li jkunu diġà awtorizzawha dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 7, kif ukoll dwar kwalunkwe kundizzjoni marbuta mad-dritt stabbilit fil-paragrafu 3, sal-10 ta’ Ottubru 2016.

Artikolu 6

Regoli tal-adeżjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha taċċetta lid-detenturi tad-drittijiet u lill-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmanġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet oħra, bħala membri jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ adeżjoni li għandhom ikunu bbażati fuq kriterji objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Dawk ir-rekwiżiti ta’ adeżjoni għandhom jiġu inklużi fl-istatut jew it-termini ta’ sħubija tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fil-każijiet fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrifjuta li tilqa’ talba għal adeżjoni, hija għandha tipprovdi lid-detentur tad-drittijiet spjegazzjoni ċara tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

3.   L-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa u effettivi ta’ parteċipazzjoni tal-membri tagħha fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni. Ir-rappreżentazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ membri fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun wieħed ġust u bilanċjat.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippermetti lill-membri tagħha jikkomunikaw magħha permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż għall-finijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-membri.

5.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha żżomm rekords tal-membri tagħha u għandha regolarment taġġorna dawk ir-rekords.

Artikolu 7

Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 6(4), 20, 29(2) u 33 fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li għandhom relazzjoni ġuridika diretta permezz tal-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor magħhom imma li mhumiex membri tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-Direttiva lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 8

Assemblea ġenerali tal-membri tal-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assemblea ġenerali tal-membri tkun organizzata skont ir-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 10.

2.   Assemblea ġenerali tal-membri għandha tiġi organizzatamill-inqas darba f’sena.

3.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi dwar kwalunkwe emenda fl-istatut u dwar it-termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, fejn dawk it-termini ma jkunux irregolati mill-istatut.

4.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tad-diretturi, tirrieżamina l-prestazzjoni ġenerali tagħhom u tapprova r-remunerazzjoni tagħhom u benefiċċji oħra bħal benefiċċji monetarji u mhux monetarji, għotjiet ta’ pensjonijiet u drittijiet, drittijiet għal għotjiet oħra u drittijiet għal danni.

F’organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv b’sistema ta’ bord doppju, l-assemblea ġenerali tal-membri ma għandhiex tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tal-membri tal-bord ta’ tmexxija jew tapprova r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra tagħhom fejn is-setgħa għat-teħid ta’ tali deċiżjonijiet hija delegata lill-bord superviżorju.

5.   F’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II, l-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi għall-anqas dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-politika ġenerali tat-tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;

(b)

il-politika ġenerali dwar l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(c)

il-politika ta’ investiment ġenerali fir-rigward tad-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;

(d)

il-politika ġenerali dwar it-tnaqqis mid-dħul tad-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;

(e)

l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(f)

il-politika tal-immaniġġjar tar-riskju;

(g)

l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe akkwist, bejgħ jew ipoteka ta’ proprjetà immobbli;

(h)

l-approvazzjoni ta’ fużjonijiet u alleanzi, it-twaqqif ta’ sussidjarji, u l-akkwist ta’ entitajiet jew ishma jew drittijiet oħra f’entitajiet oħra;

(i)

l-approvazzjoni tat-teħid ta’ self, l-għoti ta’ self u l-provvediment ta’ garanzija għal self.

6.   L-assemblea ġenerali tal-membri tista’ tiddelega s-setgħat elenkati fil-punti (f), (g), (h) u (i) tal-paragrafu 5, permezz ta’ riżoluzzjoni jew permezz ta’ dispożizzjoni fl-istatut, lill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

7.   Għall-finijiet tal-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 5, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-assemblea ġenerali tal-membri tiddetermina kundizzjonijiet aktar dettaljati għall-użu tad-dħul mid-drittijiet u l-introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet.

8.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tikkontrolla l-attivitajiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv billi, tal-anqas, tiddeċiedi dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awditur u l-approvazzjoni tar-rapport annwali dwar it-trasparenza msemmi fl-Artikolu 22.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu sistemi jew modalitajiet alternattivi għall-ħatra u t-tneħħija tal-awditur, kemm-il darba dawk is-sistemi jew modalitajiet jiġu ddisinjati biex jiżguraw l-indipendenza tal-awditur mill-persuni li jimmaniġġjaw l-affarijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

9.   Il-membri kollha tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw, fl-assemblea ġenerali tal-membri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipparteċipaw, u li jeżerċitaw id-dritt tal-vot, fl-assemblea ġenerali tal-membri, abbażi ta’ waħda minn dawn il-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

perjodu tal-adeżjoni;

(b)

l-ammonti riċevuti minn membru jew dovuti lilu,

kemm-il darba tali kriterji jiġu determinati u applikat b’tali mod li jkun ġust u proporzjonat.

Il-kriterji stipulati fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu inklużi fl-istatut jew fit-termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikoli 19 u 21.

10.   Kull membru ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollu d-dritt li jaħtar kwalunkwe persuna jew entità oħra bħala detentur ta’ prokura biex tipparteċipa, u tivvota, fl-assemblea ġenerali tal-membri f’ismu, kemm-il darba tali ħatra ma tirriżultax f’konflitt ta’ interess li jista’ jseħħ, pereżempju, fejn il-membru li jkun qed jagħmel il-ħatra u d-detentur ta’ prokura jkunu jappartienu għal kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħatra ta’ detenturi ta’ prokura u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tal-membri li huma jirrappreżentaw jekk tali restrizzjonijiet ma jippreġudikawx il-parteċipazzjoni xierqa u effikaċi tal-membri fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

Kull prokura għandha tkun valida għal assemblea ġenerali tal-membri waħda biss. Id-detentur tal-prokura għandu jkollu l-istess drittijiet fl-assemblea ġenerali tal-membri bħal dawk li għalihom kien ikun intitolat il-membru li jagħmel il-ħatra. Id-detentur tal-prokura għandu jivvota skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-membru li jagħmel il-ħatra.

11.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li s-setgħat tal-assemblea ġenerali tal-membri jistgħu jiġu eżerċitati minn assemblea tad-delegati eletti tal-inqas kull erba’ snin mill-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa u effikaċi tal-membri fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv; kif ukoll

(b)

ir-rappreżentanza tal-kategoriji differenti ta’ membri fl-assemblea tad-delegati tkun ġusta u bbilanċjata.

Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10 għandhom japplikaw għall-assemblea tad-delegati mutatis mutandis.

12.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, minħabba l-forma ġuridika tagħha, ma għandhiex assemblea ġenerali tal-membri, is-setgħat ta’ dik l-assemblea għandhom jiġu eżerċitati mill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja. Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5, 7 u 8 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal tali korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

13.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ikollha membri li huma entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, jew is-setgħat kollha tal-assemblea ġenerali tal-membri jew uħud minnhom għandhom jiġu eżerċitati minn assemblea ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet. Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-assemblea tad-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 9

Funzjoni Superviżorja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha fis-seħħ funzjoni superviżorja għall-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet u t-twettiq tad-dmirijiet tal-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tal-organizzazzjoni.

2.   Għandu jkun hemm rappreżentanza ġusta u bbilanċjata tal-kategoriji differenti tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fil-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

3.   Kull persuna li teżerċita l-funzjoni superviżorja għandha tagħmel dikjarazzjoni individwali annwali dwar kunflitti ta’ interess li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2), lil-laqgħa ġenerali tal-membri.

4.   Il-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja għandu jiltaqa’ b’mod regolari u għandu jkollu talanqas dawn il-poteri li ġejjin:

(a)

li jeżerċita s-setgħat delegati lilu mil-laqgħa ġenerali tal-membri, innkluż skont l-Artikolu 8(4) u (6);

(b)

li jimmonitorja l-attivitajiet u t-twettiq tad-dmirijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10, inkluża l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-membri u, b’mod partikolari, tal-politiki ġenerali elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 8(5).

5.   Il-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja għandu jirraporta dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu lil-laqgħa ġenerali tal-membri mill-anqas darba fis-sena.

Artikolu 10

Obbligi tal-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex il-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tagħha jagħmlu dan b’mod prudenti, sod u adegwat, permezz ta’ proċeduri amministrattivi u ta’ kontabbiltà u mekkaniżmi ta’ kontroll intern tajba.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jimplimentaw u japplikaw proċeduri biex jevitaw kunflitti ta’ interess, u fejn tali kunflitti ma jkunux jistgħu jiġu evitati, jużaw proċeduri li jidentifikaw, jimmaniġġjaw, jimmonitorjaw jaw u jiżvelaw kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali b’tali mod li tevita milli taffettwa ħażin l-interessi kollettiv tad-detenturi tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjoni.

Il-proċeduri msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu dikjarazzjoni annwali individwali minn kull waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 lil-laqgħa ġenerali tal-membri, li tkun tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe interess fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(b)

kwalunkwe remunerazzjoni fis-sena finanzjarja preċedenti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, inkluż fil-forma ta’ skemi ta’ pensjonijiet, benefiċċji materjali u tipi oħra ta’ benefiċċji;

(c)

kwalunkwe ammont li jasal fis-sena finanzjarja preċedenti bħala detentur tad-dritt mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonċerna kwalunkwe kunflitt reali jew potenzjali bejn kwalunkwe interessi personali u dawk tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew bejn kwalunkwe obbligu dovut lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kwalunkwe dmir dovut lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra.

KAPITOLU 2

Immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet

Artikolu 11

Ġbir u użu ta’ dħul mid-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jikkonformaw mar-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu diliġenti fil-ġbir u l-immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kolletiv għandha żżomm separat fil-kontijiet tagħha:

(a)

id-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe introjtu li jirriżultamill-investiment tad-dħul mid-drittijiet; kif ukoll

(b)

kwalunkwe assi proprji u dħul derivat minn dawn l-assi, li jista’ jkollha, mit-tariffi tal-immaniġġjar jew minn attivitajiet oħra.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tkun tista’ tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dħul mid-drittijiet għal finijiet li jmorru lil hinn mit-tqassim lid-detenturi tad-dritt, ħlief f’każijiet fejn tista’ tnaqqas jew tpaċi t-tariffi tal-immaniġġjar tagħha b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-punt(d) tal-Artikolu 8(5) jew li tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-Artikolu 8(5).

5.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tinvesti d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, hija għandha tagħmel dan fl-aħjar interess tad-detenturi tad-dritt li tirrappreżenta d-drittijiet tagħhom, skont il-politika ġenerali dwar l-investiment ġenerali u l-immaniġġjar tar-riskju msemmija fil-punti (c) u (f) tal-Artikolu 8(5) u b’kunsiderazzjoni tar-regoli li ġejjin:

(a)

meta jkun hemm kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għanda tiżgura li l-investiment isir biss fl-interess uniku ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet;

(b)

l-assi għandhom ikunu investiti sabiex jiżguraw is-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabbiltà tal-portafoll kollu;

(c)

l-assi għandhom ikunu diversifikati kif xieraq sabiex tkun evitata dipendenza eċċessiva fuq kwalunkwe assi partikolari u akkumulazzjoni ta’ riskji fil-portafoll kollu kemm hu.

Artikolu 12

Tnaqqis

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta detentur tad-dritt jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija mitluba tipprovdi lid-detentur tad-dritt b’informazzjoni dwar it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, qabel ma jinkiseb il-kunsens tiegħu għall-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tiegħu.

2.   It-tnaqqis għandu jkun raġonevoli skont is-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, inkluż, fejn xieraq, is-servizzi msemmija fil-paragrafu 4, u għandu jkun stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

3.   It-tariffi tal-immaniġġjar ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż ġustifikati u dokumentati tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fl-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli għall-użu u t-trasparenza dwar l-użu tal-ammonti mnaqqsa jew paċuti fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar japplikaw għal kwalunkwe tnaqqis ieħor magħmul sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

4.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tipprovdi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi ffinanzjati permezz ta’ tnaqqis mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti abbażi ta’ kriterji ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawk is-servizzi u l-estent tagħhom.

Artikolu 13

Tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15(3) u 28, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet b’mod regolari, diliġenti u akkurat skont il-politika ġenerali dwar it-tqassim imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8(5).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jew il-membri tagħhom li huma entitajiet li jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet iqassmu u jħallsu dawk l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet malajr kemm jistà jkun iżda mhux aktar minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li tulha nġabar id-dħul mid-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari għar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, tad-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, fejn applikabbli, lill-membri tagħha milli jissodisfaw dik l-iskadenza.

2.   Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, fl-iskadenza ffissata fil-paragrafu 1 peress li d-detenturi tad-drittijiet rilevanti ma jistgħux jiġu identifikati jew jinstabu u li għalihom ma tapplikax l-eċċezzjoni għal dik l-iskadenza, dawk l-ammonti għandhom jinżammu separati fil-kontijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji, b’konformità mal-paragrafu 1, biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet. B’mod partikolari, sa mhux aktar minn tliet xhur mit-tmiem tal-iskadenza ffissata fil-paragrafu 1, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel disponibbli informazzjoni dwar ix-xogħolijiet u materjal tematiku ieħor li għalihom detentur tad-dritt wieħed jew aktar ma jkunux ġew identifikati jew misjuba lil:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet li tirrappreżenta;

(b)

l-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, fejn tali entitajiet huma membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv; u

(c)

l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha li magħhom tkun ikkonkludiet ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni,.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi, fejn disponibbli, dan li ġej:

(a)

it-titolu tax-xogħol jew ta’ kwalunkwe materjal tematiku ieħor,

(b)

l-isem tad-detentur tad-dritt,

(c)

l-isem tal-pubblikatur jew produttur rilevanti, u

(d)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli li tista’ tgħin fl-identifikazzjoni tad-detentur tad-dritt.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tivverifika ukoll ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 6(5) u kwalunkwe rekord ieħor disponibbli faċilment. Jekk il-miżuri msemmija hawn fuq jonqsu milli jagħtu riżultati, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku sa mill-anqas sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tliet xhur.

4.   Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, wara tliet snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja fejn ikun sar il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet, u sakemm l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun ħadet il-miżuri neċessarji kollha biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 3, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu bħala li ma jistgħux jitqassmu..

5.   Il-laqgħa ġenerali tal-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tiddeċiedi dwar l-użu ta’ ammonti mhux utilizzabbli skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(5), mingħajr preġudizzju għad-dritt tad-detenturi tad-drittijiet li jitlobu dawn l-ammonti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv skont il-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-istatut tal-limitazzjonijiet tat-talbiet.

6.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-użi permessi ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu inter-alia billi jkun żgurat li tali ammonti jintużaw b’mod separat u indipendenti sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet.

KAPITOLU 3

L-immaniġġjar tad-drittijiet f’isem organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra

Artikolu 14

Drittijiet immaniġġjati skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma tiddiskriminax kontra kwalunkwe detentur tad-drittijiet li timmaniġġja d-drittijiet tiegħu skont ftehim ta’ rappreżentanza, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi applikabbli, it-tariffi tal-immaniġġjar, u l-kundizzjonijiet għall-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 15

Tnaqqis u pagamenti fil-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandha tapplika l-ebda tnaqqis, ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, mid-dħul mid-drittijiet derivat mid-drittijiet li timmaniġġja abbażi ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni, jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dak id-dħul mid-drittijiet, sakemm l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li hi parti għall-ftehim ta’ rappreżentazzjoni tagħti kunsens ċar għal dan it-tnaqqis.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħrajn b’mod regolari, diliġenti u akkurat lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel dan it-tqassim u l-ħlasijiet malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha kien miġbur id-dħul mid-drittijiet, sakemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari mar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħlijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet, jipprevjenu lis-soċjetà kollettriċi milli tissodisfa l-iskadenza.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra, jew, meta jkollha bħala membri tagħha entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, dawk il-membri, għandhom iqassmu u jħallsu lid-detenturi tad-drittijiet l-ammonti dovuti lilhom malajr kemm jistà jkun iżda mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta dawk l-ammonti ġew riċevuti, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari għar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, tad-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, fejn applikabbli lill-membri tagħha milli jissodisfaw dik l-iskadenza.

KAPITOLU 4

Relazzjonijiet mal-utenti

Artikolu 16

Ħruġ ta’ liċenzji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.   It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Meta organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu liċenzji, mhumiex meħtieġa jużaw, bħala preċedent għal servizzi onlajn oħra, termini għall-ħruġ tal-liċenzji mifthiema ma’ utent, fejn l-utent jipprovdi tip ġdid ta’ servizz onlajn li kien disponibbli għalll-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin.

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.

3.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għat-talbiet mill-utenti, billi jindikaw inter alia l-informazzjoni meħtieġa biex l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun tista’ toffri liċenzja.

Hekk kif tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġġjar kollettiv għandhom mingħajr dewmien żejjed, jew toffri liċenzja jew inkella tipprovdi lill-utent b’dikjarazzjoni motivata li tispjega għalfejn mhijiex beħsiebha toħroġ liċenzja għal servizz partikolari.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippermetti lill-utenti biex jikkomunikaw magħha permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż fejn xieraq, għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-użu tal-liċenzja.

Artikolu 17

Obbligi tal-utenti

L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet li jipprovdu lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, fi żmien miftiehem jew stabbilit minn qabel, u f’format miftiehem jew stabbilit minn qabel, b’tali informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għalihom dwar l-użu tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li hija meħtieġa għall-ġbir tad-dħul tad-drittijiet u għat-tqassim u l-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Fid-deċiżjoni dwar il-format għall-provviżjoni ta’ tali informazzjoni, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jikkunsidraw, sa fejn ikun possibbli, standards industrijali volontarji.

KAPITOLU 5

Trasparenza u rappurtar

Artikolu 18

Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 19 u 28(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tqiegħed għad-dispożizzjoni mhux anqas minn darba f’sena lil kull wieħed mid-detenturi tad-drittijiet li lilu tkun attribwiet d-dħul mid-drittijiet jew tkun għamlet pagamenti, matul il-perjodu li għalih tirreferi l-informazzjoni, tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe dettall ta’ kuntatt li d-detentur tad-drittijiet ikun awtorizza li tintuża mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv,biex jiġi identifikat u lokalizzat id-detentur tad-drittijiet;

(b)

id-dħul mid-drittijiet attribwit lid-detentur tad-drittijiet;

(c)

l-ammonti mħallsa mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detentur tad-drittijiet skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u skont it-tip ta’ użu;

(d)

il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom kienu allokati u mħallsal-ammonti lid-detentur tad-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati mar-rappurtar mill-utenti ma jipprevjenux l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli tipprovdi din l-informazzjoni;

(e)

it-tnaqqis li sar fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar;

(f)

it-tnaqqis li sar għal kwalunkwe skop ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, inklużi dawk li jistgħu jkunu rikjesti mil-liġi nazzjonali għall-provvediment ta’ kwalunkwe servizz soċjali, kulturali u edukattiv;

(g)

kwalunkwe dħul mid-drittijiet attribwit lid-detentur tad-drittijiet li huwa pendenti għal kwalunkwe perjodu.

2.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tattribwixxi dħul mid-drittijiet u jkollha bħala membri entitajiet li huma responsabbli għat-tqassim ta’ dħul mid-drittijiet lid-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tipprovdi l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 lil dawk l-entitajiet, sakemm huma ma jkollhomx f’idejhom dik l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet jagħmlu disponibbli tal-anqas l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, mhux anqas minn darba fis-sena, lil kull detentur tad-dritt li lilu jkunu attribwew dħul mid-drittijiet jew għamlu pagamenti fil-perjodu relatat mal-informazzjoni.

Artikolu 19

Informazzjoni pprovduta lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tagħmel disponibbli talanqas l-informazzjoni li ġejja, mhux inqas minn darba kull sena u permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw id-drittijiet f’isimha skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, għall-perjodu li għalih tirrelata l-informazzjoni:

(a)

id-dħul mid-drittijiet attribwiti, l-ammonti mħallsa mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv skont il-kategorija li timmaniġġja, u skont it-tip ta’ użu, għad-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni, u kwalunkwe dħul mid-drittijiet attribwiti li huma żejda għal kwalunkwe perjodu;

(b)

it-tnaqqis li sar fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar;

(c)

it-tnaqqis li sar għal kwalunkwe raġuni ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar kif imsemmija fl-Artikolu 15;

(d)

informazzjoni dwar kull liċenzja mogħtija jew rifjutata fir-rigward ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor koperti mill-ftehim ta’ rappreżentazzjoni;

(e)

riżoluzzjonijietadottati mil-laqgħa ġenerali tal-membri sakemm dawk ir-riżoluzzjonijiet jkunu rilevanti għall-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni.

Artikolu 20

Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u utenti, fuq talba

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’risposta għal talba debitament ġustifikata, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħmel disponibbli mill-anqas l-informazzjoni li ġejja b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien żejjed lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li timmaniġġja f’isimha d-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni jew lil kwalunkwe detentur tad-drittijiet jew għal kwalunkwe utent:

(a)

ix-xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li tirrappreżenta, id-drittijiet li timmaniġġja, direttament jew skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni, u t-territorji koperti; jew

(b)

fejn, minħabba l-ambitu tal-attività tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tali xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor ma jistgħux jiġu determinati, it-tipi ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal tematiku ieħor li tirrappreżenta, id-drittijiet li timmaniġġja u t-territorji koperti.

Artikolu 21

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħmel disponibbli mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istatut tagħha;

(b)

it-termini ta’ adeżjoni tagħha u t-termini ta’ terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, jekk dawn ma jkunux inklużi fl-istatut;

(c)

il-kuntratti ta’ ħruġ ta’ liċenzji standard u t-tariffi applikabbli standard inkluż it-tnaqqis,

(d)

il-lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10;

(e)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;

(f)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tariffi tal-immaniġġjar;

(g)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tnaqqis, ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, inkluż it-tnaqqis għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(h)

lista tal-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni li hi parti minngom, u l-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġjar kollettivi li magħhom kienu konklużi dawk il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni;

(i)

il-politika ġenerali dwar l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(j)

il-proċeduri ta’ trattament tal-ilmenti u ta’ riżolviment ta’ tilwim disponibbli skont l-Artikoli 33, 345 u 35.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq il-websajt tagħha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 22

Rapport annwali dwar it-trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, irrispettivament mill-forma ġuridika skont il-liġi nazzjonali, tfassal u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, rapport annwali dwar it-trasparenza, inkluż ir-rapport speċjali msemmi fil-paragrafu 3, għal kull sena finanzjarja, sa mhux aktar tard minn tmin xhur wara t-tmiem ta’ dik is-sena finanzjarja.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha r-rapport annwali dwar it-trasparenza, li għandu jibqa’ disponibbli għall-pubbliku fuq dik il-websajt għal talanqas ħames snin.

2.   Ir-rapport annwali dwar it-trasparenza għandu talanqas jinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness.

3.   Ir-rapport speċjali għandu jindirizza l-użu tal-ammonti mnaqqsa għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi u għandu jinkludi talanqas l-informazzjoni stabbilita fil-punt 3 tal-Anness..

4.   L-informazzjoni dwar il-kontabbiltà nkluża fir-rapport annwali dwar it-trasparenza, għandha tiġi awditjata minn persuna waħda jew aktar li tkun mogħtija s-setgħa mil-liġi biex tagħmel awditu tal-kontijiet skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Ir-rapport tal-awditu, inkluża kwalunkwe kwalifika għal dan, għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ fir-rapport annwali dwar it-trasparenza.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà, għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt 1(a) tal-Anness u kwalunkwe informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punti (g) u (h) tal-punt 1 u fil-punt 2 tal-Anness.

TITOLU III

ĦRUĠ TA’ LIĊENZJI MULTITERRITORJALI TA’ DRITTIJIET ONLAJN F’XOGĦLIJIET MUŻIKALI MILL-ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ MMANIĠĠJAR KOLLETTIV

Artikolu 23

Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fis-suq intern

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li stabbiliti fit-territorju tagħhom, jikkonformaw mar-rekwiżiti f’dan it-Titolu meta joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 24

Kapaċità li jiġu pproċessati liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jkollha l-kapaċità suffiċjenti biex tipproċessa elettronikament b’mod effiċjenti u trasparenti, id-dejta meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dawn il-liċenzji, inkluż għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-repertorju u l-monitoraġġ tal-użu, il-fatturazzjoni tal-utenti, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv talanqas għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jkollha l-kapaċità li tidentifika b’mod preċiż, tidentifika b’mod sħiħ jew parzjali, ix-xogħlijiet mużikali li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi awtorizzata li tirrappreżenta;

(b)

li jkollha l-kapaċità li tidentifika b’mod preċiż, u b’mod sħiħ jew parzjali, fir-rigward ta’ kull territorju rilevanti, id-drittijiet u d-detenturi tad-drittijiet korrispondenti għal kull xogħol mużikali jew tiskambja ma’ dan li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija awtorizzata li tirrappreżenta;

(c)

li tagħmel użu ta’ identifikaturi uniċi biex jiġu identifikati detenturi tad-drittijiet u x-xogħlijiet mużikali, b’kunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, għall-istandards u l-prattiki industrijali volontarji li ġew żviluppati fuq il-livell internazzjonali jew tal-Unjoni;

(d)

li tagħmel użu ta’ mezzi adegwati biex tidentifika u tirriżolvi fil-ħin u b’mod effettiv inkonsistenzi fid-dejta miżmuma minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 25

Trasparenza ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, tipprovdi lill-fornituri tas-servizzi tal-mużika onlajn, lid-detenturi tad-drittijiet li tirrappreżenta d-drittijiet tagħhom u lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn, permezz ta’ mezzi elettroniċi, b’risposta għal talba debitament ġustifikata, informazzjoni aġġornata li tippermetti l-identifikazzjoni tar-repertorju ta’ mużika onlajn li tirrappreżenta. Din għandha tinkludi:

(a)

x-xogħlijiet mużikali rappreżentati;

(b)

id-drittijiet rappreżentati b’mod sħiħ jew parzjali; u

(c)

it-territorji koperti

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tieħu miżuri raġonevoli, fejn neċessarju, biex tħares il-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex tikkontrolla l-użu mill-ġdid tagħha u biex tħares id-dejta personali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 26

Preċiżjoni ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jkollha fis-seħħ arranġamenti li tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet, lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u lil fornituri ta’ servizzi onlajn li jitolbu korrezzjoni tad-dejta msemmija fil-lista ta’ kondizzjonijiet taħt l-Artikolu 24(2) jew l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 25, fejn dawn id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-fornituri ta’ servizzi onlajn, abbażi ta’ evidenza raġonevoli, jemmnu li d-dejta jew l-informazzjoni ma jkunux preċiżi fir-rigward tad-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali. Meta l-pretensjonijiet ikunu sostanzjati biżżejjed, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tiżgura li d-dejta jew l-informazzjoni jiġu korretti mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tipprovdi lid-detenturi tad-drittijiet li x-xogħlijiet tagħhom huma inklużi fir-repertorju mużikali tagħha u lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu afdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet onlajn tax-xogħolijiet mużikali tagħhom bi qbil mal-Artikolu 31, b’mezzi għas-sottomissjoni lilha, f’forma elettronika li tikkonċerna informazzjoni li tikkonċerna x-xogħlijiet mużikali jew id-drittijiet tagħhom f’dawk ix-xogħlijiet u t-territorji li fir-rigward tagħhom id-detenturi tad-drittijiet jawtorizzaw l-organizzazzjoni. Meta tagħmel dan, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u d-detenturi tad-drittijiet għandhom sa fejn ikun possibbli jqisu, l-istandards jew il-prattiki volontarji tal-industrija fir-rigward tal-iskambju tad-dejta li ġie żviluppat fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni, u għandha tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet jispeċifikaw ix-xogħol mużikali, b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet onlajn, b’mod sħiħ jew parzjali, u t-territorji, li fir-rigward tagħhom jawtorizzaw l-organizzazzjoni.

3.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li tagħti liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn tax-xogħolijiet mużikali skont l-Artikoli 29 u 30, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha ukoll tapplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li tagħhom ix-xogħolijiet mużikali jiġu inklużi fir-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, sakemm l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jilħqux ftehim differenti.

Artikolu 27

Rappurtar u fatturazzjoni b’mod preċiż u fil-ħin

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmonitorja l-użu ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali li jirrappreżentaw, b’mod sħiħ jew parzjali, minn fornituri tas-servizzi ta’ mużika onlajn li ħarġitilhom liċenzja multiterritorjali għal dawk id-drittijiet.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri lill-fornituri tas-servizzi ta’ mużika onlajn, il-possibbiltà li jirrappurtaw b’mezzi elettroniċi l-użu reali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali u l-fornituri tas-servizzi onlajn għandhom jirrapportaw b’mod preċiż l-użu reali ta’ dawk ix-xogħolijiet. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri l-użu talanqas ta’ metodu wieħed ta’ rappurtar li jkun iqis l-istandards u l-prattiki volontarji tal-industrija li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni għall-iskambju elettroniku ta’ din id-dejta. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tirrifjuta li taċċetta r-rappurtar mill-fornitur ta’ servizz onlajn f’format proprjetarju, jekk l-organizzazzjoni tippermetti r-rappurtar permezz ta’ standard tal-industrija għall-iskambju elettroniku ta’ dejta.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toħroġ fattura lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn permezz ta’ mezz elettroniku. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri l-użu ta’ mill-anqas format wieħed li jkun iqis l-istandards jew il-prattiki volontarji tal-industrija żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni. Il-fattura għandha tidentifika x-xogħlijiet u d-drittijiet li huma liċenzjati, b’mod sħiħ jew parzjali, abbażi tad-dejta msemmija fil-lista tal-kondizzjonijiet taħt l-Artikolu 24(2), u l-użi reali korrispondenti, sa fejn dan ikun possibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur ta’ servizz onlajn u l-format użat biex tingħata dik l-informazzjoni. Il-fornitur ta’ servizz onlajn ma jistax jirrifjuta li jaċċetta fattura minħabba l-format tagħha jekk l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun qed tuża format standard industrijali.

4.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toħroġ fattura b’mod preċiż u mingħajr dewmien lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu reali tax-xogħol mużikali, ħlief meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet attribwibbli lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn.

5.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollha fis-seħħ arranġamenti adegwati li jippermettu lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn li jikkontesta l-korrettezza tal-fattura, inkluż meta l-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn jirċievi fatturi minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kolletiv, jew aktar minn waħda, għall-istess drittijiet onlajn fl-istess xogħol mużikali.

Artikolu 28

Ħlasijiet preċiżi u fil-ħin lid-detenturi tad-drittijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, tqassam b’mod preċiż u mingħajr dewmien l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu akkumulaw minn dawn il-liċenzji, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu effettiv tax-xogħol, ħlief meta dan ma jkunx possibbli minħabba raġunijiet attribwibbli lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha talanqas tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lid-detenturi tad-drittijiet flimkien ma’ kull pagament li tagħmel skont il-paragrafu 1:

(a)

il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom huma dovuti l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet u t-territorji li fihom saru l-użi;

(b)

l-ammonti miġbura, it-tnaqqis magħmul u l-ammonti mqassma mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għal kull xogħol u dritt fi kwalunkwe xogħol mużikali li d-detenturi tad-drittijiet jkunu awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex, b’mod sħiħ jew parzjali, tirrappreżentahom;

(c)

l-ammonti miġbura għad-detenturi tad-drittijiet, it-tnaqqis li sar u l-ammonti mqassma mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward ta’ kull fornitur ta’ servizz onlajn.

3.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġjar kollettiv, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali skont l-Artikoli 29 u 30, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tqassam l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 b’mod preċiż u mingħajr dewmien u għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tagħti l-awtorizzazzjoni. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun responsabbli għat-tqassim sussegwenti ta’ dawn l-ammonti u għandha tipprovdi din l-informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet sakemm l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jilħqux ftehim mod ieħor.

Artikolu 29

Ftehimiet bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ftehim ta’ rappreżentazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju ta’ mużika tagħha, ikun ta’ natura mhux esklussiva. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha timmaniġġja dawk id-drittijiet onlajn fuq termini mhux diskriminatorji.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tinforma lill-membri tagħha dwar it-termini ewlenin tal-ftehim, inkluż it-tul tal-ftehim u l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tinforma lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tagħti l-awtorizzazzjoni dwar it-termini ewlenin li fuqhom se jiġu liċenzjati d-drittijiet onlajn tagħha, inkluż in-natura tal-isfruttament, id-dispożizzjonijiet kollha li huma relatati mat-tariffa tal-liċenzja jew li jaffettwawha, il-perjodu ta’ żmien tal-liċenzja, il-perjodi ta’ żmien tal-kontabbiltà u t-territorji koperti.

Artikolu 30

Obbligu ta’ rappreżentazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li ma toħroġx jew ma li toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju mużikali tagħha, titlob lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv sabiex tidħol fi ftehim ta’ rappreżentazzjoni biex tirrappreżenta dawk id-drittijiet, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi obbligata tilqa’ din it-talba jekk diġà tkun qed tagħti jew toffri li tagħti liċenzji multiterritorjali għall-istess kategorija ta’ drittijiet onlajn f’xogħolijiet mużikali fir-repertorju ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda jew aktar.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha twieġeb lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tressaq it-talba bil-miktub u mingħajr dewmien.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha timmaniġġja r-repertorju rappreżentat tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li hija tapplika għall-immainġġjar tar-repertorju tagħha stess.

4.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba t-talba għandha tinkludi r-repertorju rappreżentat tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tressaq it-talba fl-offerti kollha li tindirizza lill-fornituri ta’ servizzi onlajn.

5.   It-tariffa tal-immaniġġjar għas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba lill-organizzazzjoni li qed tressaq it-talba, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż li raġonevolment iġġarrab l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv miltuba.

6.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet li tressaq it-talba għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba l-informazzjoni dwar ir-repertorju ta’ mużika tagħha meħtieġa għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Meta l-informazzjoni tkun insuffiċjenti jew tingħata f’forma li ma tippermettix lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba tilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan it-Titolu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha tkun intitolata li tiċċarġja għall-ispejjeż raġonevoli mġarrba biex tilħaq dawn ir-rekwiżiti jew li teskludi dawn ix-xogħlijiet li għalihom l-informazzjoni hija insuffiċjenti jew ma tistax tintuża.

Artikolu 31

Aċċess għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma toħroġx jew ma toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jew ma tippermettix lil organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta dawk id-drittijiet għal dan l-iskop sal-10 ta’ April 2017, id-detenturi tad-drittijiet li awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta d-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali, jistgħu jirtiraw minn dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv id-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fir-rigward tat-territorji kollha mingħajr ma jkunu obbligati li jirtiraw id-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji monoterritorjali, b’mod li jkunu jistgħu jagħtu liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali, huma nnifishom jew permezz ta’ xi parti oħra li huma jawtorizzaw jew permezz ta’ xi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 32

Deroga għal drittijiet ta’ mużika onlajn meħtieġa għal programmi tar-radju u tat-televiżjoni

It-Titolu III ma għandux japplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv meta jagħtu, abbażi tal-aggregazzjoni volontarja tad-drittijiet meħtieġa, f’konformità mar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, liċenzja multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali meħtieġa minn xandar biex jikkomunika jew jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-programmi tar-radju jew televiżivi tiegħu simultanjament max-xandira inizjali tagħhom jew warajha, kif ukoll kwalunkwe materjal ieħor onlajn, inkluż wiri b’mod antiċipat, prodott mix-xandar jew għalih.

TITOLU IV

MIŻURI TA’ INFURZAR

Artikolu 33

Proċeduri ta’ lmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jagħmlu disponibbli għall-membri, u lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li f’isimhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, proċeduri biex jittrattaw l-ilmenti u biex isolvu t-tilwim b’mod effettiv u fil-ħin, partikolarment fir-rigward tal-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġjaw id-drittiijiet, u t-terminazzjoni jew l-irtirar tad-drittijiet, it-termini ta’ adeżjoni, il-ġbir ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, it-tnaqqis u t-tqassim.

2.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jirrispondu bil-miktub l-ilmenti mressqa mill-membri jew mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li f’isimhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrifjuta ilment, għandha tagħti r-raġunijiet.

Artikolu 34

Proċeduri alternattivi għar-riżolviment ta’ tilwim

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, detenturi tad-drittijiet jew utenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għandhom jitressqu għal proċedura alternattiva għar- riżolviment ta’ tilwim li tkun rapida, indipendenti u imparzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw għall-finijiet tat-Titolu III, li t-tilwim li ġej relatat mal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fit-territorju tagħhom li toħroġ jew toffri li toħroġ liċenzji multiterritorjai għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, jistgħu jiġu sottomessi lil korpi indipendenti u imparzjali għal riżolviment ta’ tilwim:

(a)

tilwim ma’ fornitur tas-servizzi ta’ mużika onlajn reali u potenzjali dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 16, 25, 26 u 27;

(b)

tilwim ma’ detentur tad-drittijiet wieħed jew aktar dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 25, 26, 27, 28, 29, 30 u 31;

(c)

tilwim ma’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 25, 26, 27, 28, 29, u 30.

Artikolu 35

Riżolvimentta’ tilwim

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti fir-rigward, b’mod partikolari, kundizzjonijiet attwali u proposti ta’ ħruġ ta’ liċenzji jew ksur ta’ kuntratt, ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti, jew jekk xieraq, lil korp ta’ riżolviment ieħor li jkun indipendenti u imparzjali, meta dak il-korp ikollu l-għarfien espert fid-dritt dwar il-proprjetà intelletwali.

2.   L-Artikoli 33 u 34 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.

Artikolu 36

Konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tagħhom tiġi mmonitorjata mill-awtoritajiet kompetenti magħżula għal dak l-iskop.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri biex membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dan il-għan, dwar attivitajiet jew ċirkostanzi fejn, fl-opinjoni tagħhom, jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti stipulati minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nominati għal dan il-għan ikollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet adegwati jew li jieħdu miżuri adegwati meta d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux konformi magħha. Dawk is-sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 37 u 38 sal-10 ta’ April 2016. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni li tkun irċeviet f’dak ir-rigward.

Artikolu 37

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar

1.   Sabiex tiffaċilità l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li talba għall-informazzjoni riċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, nominata għal dak il-għan, rigward kwistjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jirċievi t-talba, tingħatalha tweġiba mingħajr dewmien żejjed mill-awtorità kompetenti nominata għal dak il-għan, sakemm din it-talba tkun debitament ġustifikata.

2.   Meta awtorità kompetenti tqis illi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li taġixxi fit-territorju tal-awtorità, tista’ ma tkunx qed tosserva d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi stabbilita liema dispożizzjonijiet ikunu ġew adottati skont id-dispożizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva, tista’ tittrasmetti l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih hi stabbilta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, akkumpanjata fejn xieraq minn talba lil dik l-awtorità li tieħu azzjoni xierqa skont il-kompetenzi tagħha. L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tagħti tweġiba motivata fi żmien tliet xhur.

3.   Il-kwistjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu riferuti wkoll mill-awtorità kompetenti li tkun qed tagħmel din it-talba lill-grupp ta’ esperti stabbilit skont l-Artikolu 41.

Artikolu 38

Kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi skambju regolari ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dan il-għan fl-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tmexxi konsultazzjonijiet regolari mar-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-utenti, il-konsumaturi u partijiet interessati oħra dwar l-esperjenza tagħhom bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, bl-informazzjoni kollha rilevanti li toħroġ minn dawk il-konsultazzjonijiet, fil-qafas tal-iskambju tal-informazzjoni provdut fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-10 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprovdu lill-Kummissjoni, b’rapport dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fit-territorju tagħhom. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-disponibbiltà ta’ liċenzji multiterritorjali fl-Istat Membru konċernat u dwar il-konformità tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ valutazzjoni tal-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenżji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħolijiet mużikali minn utenti, konsumaturi, detenturi tad-drittijiet u partijiet interessati oħra.

4.   Abbażi tar-rapporti li jkunu wasslu skont il-paragrafu 3 u l-informazzjoni miġbura skont il-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Jekk meħtieġ, u fejn xieraq abbażi ta’ rapport speċifiku, hija għandha tikkunsidra passi ulterjuri biex ikunu indirizzati kwalunkwe tip ta’ problemi identifikati. B’mod partikulari, dik il-valutazzjoni għandha tkopri dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Titolu III;

(b)

l-applikazzjoni tal-Artikoli 29 u 30, inkluż l-għadd ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni konklużi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv skont dawk l-Artikoli;

(c)

il-proporzjon mir-repertorju fl-Istati Membri li huwa disponibbli għall-ħruġ ta’ liċenzji fuq bażi multiterritorjali.

TITOLU V

RAPPURTAR U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Notifika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

Sal-10 ta’ April 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil f’dik il-lista.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni u żżommha aġġornata.

Artikolu 40

Rapport

Sal-10 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali, fuq id-diversità kulturali, fuq ir-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti u l-operat tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti barra mill-Unjoni u jekk ikun meħtieġ, dwar il-bżonn ta’ reviżjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq.

Article 41

Grupp ta’ esperti

Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ esperti. Dan għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-grupp ta’ esperti għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva tal-president jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru. Il-kompiti tal-kumitat għandhom ikunu kif ġej:

(a)

li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva dwar il-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u ta’ entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti fis-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe tip ta’ diffikultajiet;

(b)

li jorganizza konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(c)

li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi rilevanti fil-leġiżlazzjoni u fil-każistika, kif ukoll l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali, kulturali u teknoloġiċi rilevanti speċjalment fir-rigward tas-suq diġitali fix-xogħolijiet u materjal tematiku ieħor.

Artikolu 42

Protezzjoni tad-dejta personali

L-ipproċessar tad-dejta personali li jsir fil-qafas ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 43

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-10 ta’ April 2016. Huma għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 45

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi (ĠU L 276, 21.10.2005, p. 54).

(4)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(5)  Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(9)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).


ANNESS

1.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza msemmi fl-Artikolu 22(2) għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjonijiet finanzjarji li jinkludu karta ta’ bilanċ jew dikjarazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kont tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja u dikjarazzjoni tal-fluss tal-flus;

(b)

rapport dwar l-attivitajiet fis-sena finanzjarja;

(c)

informazzjoni dwar ir-rifjut għall-ħruġ ta’ liċenzja skont l-Artikolu 16(3);

(d)

deskrizzjoni tal-istruttura ġuridika u ta’ governanza tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe entità direttament jew indirettament ta’ proprjetà jew taħt il-kontroll, b’mod sħiħ jew parzjali tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(f)

informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ remunerazzjoni mħallsa lill-persuni msemmija fl-Artikoli 9(3) u 10 fis-sena preċedenti, u dwar benefiċċji oħra li ngħatawlhom;

(g)

l-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punt 2 ta’ dan l-Anness;

(h)

rapport speċjali dwar l-użu ta’ kwalunkwe ammont imnaqqas għall-finijiet tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi, li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-punt 3 ta’ dan l-Anness.

2.

Informazzjoni finanzjarja li għandha tkun ipprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza:

(a)

informazzjoni finanzjarja dwar id-dħul mid-drittijiet, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu (eż. xandir, onlajn, wiri pubblika) inkluż l-informazzjoni dwar l-introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dħul mid-drittijiet u l-użu ta’ dan id-dħul (kemm jekk imqassam lid-detenturi tad-drittijiet jew lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn, jew jekk jintuża b’mod differenti);

(b)

informazzjoni finanzjarja dwar l-ispiża tas-servizzi ta’ ġestjoni tad-drittijiet u servizzi oħra pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas dawn il-punti li ġejjin:

(i)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet ġestiti u fejn l-ispejjeż huma indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat biex jiġu allokati l-ispejjeż indiretti;

(ii)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u meta l-ispejjeż ikunu indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat għall-allokazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż indiretti, unikament fir-rigward tal-immaniġġjar tad-drittijiet inkluż il-ġestjoni ta’ tariffi tal-immaniġġjar imnaqqsa minn jew paċuti mad-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet bi qbil mal-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(1), (2) u (3);

(iii)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji fir-rigward tas-servizzi ħlief l-immaniġġjar tad-drittijiet, iżda li jinkludi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(iv)

riżorsi użati biex ikopru l-ispejjeż;

(v)

tnaqqis li jsir mid-dħul tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu u l-iskop tat-tnaqqis, bħall-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tad-drittijiet jew mas-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi;

(vi)

il-perċentwali li l-ispiża tas-servizzi ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet u servizzi oħra pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet jirrappreżentaw meta mqabbla mad-dħul mid-drittijiet fis-sena finanzjarja rilevanti, u, fejn l-ispejjeż ikunu indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat għall-allokazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż indiretti;

(c)

informazzjoni finanzjarja dwar l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)

l-ammont totali attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(ii)

l-ammont totali mħallas lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iii)

il-frekwenza tal-pagamenti, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iv)

l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawk l-ammonti;

(v)

l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex mqassam lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawk l-ammonti;

(vi)

meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun għadha ma għamlitx it-tqassim u l-ħlasijiet qabel l-iskadenza ffissata fl-Artikolu 13(1), ir-raġunijiet għal dan id-dewmien;

(vii)

l-ammonti totali li ma jistgħux jitqassmu, flimkien ma’ spjegazzjoni dwar il-mod kif dawk l-ammonti ntużaw.

(d)

informazzjoni dwar ir-relazzjonijet ma’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv b’deskrizzjoni ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)

l-ammonti li waslu minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u l-ammonti mħallsa lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija tad-drittijiet, skont it-tip ta’ użu u skont l-organizzazzjoni;

(ii)

it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet dovut lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet, skont it-tip ta’ użu u skont l-organizzazzjoni;

(iii)

it-tariffi tal-immaniġġjar għal u tnaqqis ieħor mill-ammonti mħallsa minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull organizzazzjoni;

(iv)

l-ammonti distribwiti direttament lid-detenturi tad-drittijiet li joriġina minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull organizzazzjoni.

3.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport speċjali msemmi fl-Artikolu 22(3) għandha tinkludi:

(a)

l-ammonti mnaqqsa għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi fis-sena finanzjarja, imqassma skont it-tip ta’ skop u, għal kull tip ta’ skop, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u għal kull tip ta’ użu;

(b)

spjegazzjoni tal-użu ta’ dawk l-ammonti, imqassma għal kull tip ta’ skop inkluż l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-ammonti mnaqqsa għall-finanzjament ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi u tal-ammonti separati użati għas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi.