27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Marzu 2014

dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships

2014/C 88/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikoli 153 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu l-ogħla livelli storiċi fis-snin li għaddew f'diversi Stati Membri, mingħajr ebda sinjal ta' tnaqqis fuq medda qasira ta' żmien. It-trawwim tal-kapaċità għall-impjieg u tal-produttività taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jersqu lejn is-suq tax-xogħol.

(2)

Transizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg hija kruċjali biex ittejjeb iċ-ċans taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. It-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-iffaċilitar tat-transizzjoni tagħhom lejn l-impjieg huma meħtieġa biex tinkiseb il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 li timmira li sal-2020 tilħaq rata ta' impjieg ta' 75 % tan-nisa u l-irġiel li għandhom bejn l-20 u l-64 sena. Il-linja gwida nru 8 dwar il-politika tax-xogħol tal-Istati Membri tistieden lill-Istati Membri biex iħaddmu skemi biex jgħinu liż-żgħażagħ u b'mod partikolari dawk li m'għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ biex isibu impjieg inizjali, esperjenza ta' xogħol, jew aktar opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, inklużi t-traineeships, u biex jintervjenu malajr meta ż-żgħażagħ jitilfu l-impjieg (1).

(3)

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, it-traineeships saru punt ta' dħul importanti fis-suq tax-xogħol.

(4)

Ser ikun hemm spejjeż soċjoekonomiċi jekk it-traineeships, partikolarment dawk ripetuti, jieħdu post l-impjieg regolari, partikolarment karigi ta' livell ta' dħul li s-soltu jiġu offruti lit-trainees. Barra minn hekk, traineeships ta' kwalità baxxa, speċjalment dawk bi ftit kontenut ta' tagħlim, ma jwasslux għal progress sinifikanti fil-produttività u lanqas ma fihom effetti li jibagħtu sinjal pożittiv. L-ispejjeż soċjali jistgħu jinħolqu wkoll b'rabta ma' traineeships mhux imħallsa li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet tal-karriera ta' dawk li ġejjin minn ambjent żvantaġġat.

(5)

Hemm evidenza li jeżistu rabtiet bejn il-kwalità tat-traineeship u l-eżitu tal-impjieg. Il-valur tat-traineeships biex titħaffef it-transizzjoni lejn l-impjieg jiddependi fuq il-kwalità tagħhom f'termini ta' kontenut tat-tagħlim u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. It-traineeships ta' kwalità jġibu benefiċċji diretti ta' produttività, itejbu l-adattament tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol u jippromwovu l-mobbiltà, partikolarment billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix u t-tqabbil kemm għall-intrapriżi kif ukoll għat-trainees.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (2) tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali.

(7)

Minn diversi studji u stħarriġiet instab li l-problemi tal-kwalità jolqtu proporzjon sinifikanti ta' traineeships, b'mod partikolari dawk fejn ebda istituzzjoni edukattiva jew ta' taħriġ ma hija responsabbli direttament għall-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-traineeship.

(8)

L-evidenza turi li għadd sinifikanti ta' trainees sempliċiment jintalbu jagħmlu xogħol ta' livell baxx. Traineeship ta' kwalità jrid joffri wkoll kontenut solidu u sinifikanti ta' tagħlim. Dan ifisser, fost l-oħrajn, l-identifikazzjoni tal-ħiliet speċifiċi li għandhom jinkisbu, superviżjoni u mentoraġġ tat-trainee, u monitoraġġ tal-progress tiegħu.

(9)

Ġew identifikati wkoll problemi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, eż. sigħat twal ta' xogħol, nuqqas ta' kopertura mis-sigurtà soċjali, il-preżenza ta' riskji għas-saħħa u s-sigurtà jew okkupazzjonali, ftit jew ebda remunerazzjoni u/jew kumpens, nuqqas ta' ċarezza dwar ir-reġimi legali applikabbli, u tul ta' żmien tat-traineeship imtawwal iżżejjed.

(10)

Bħalissa t-traineeships mhumiex regolati f'xi Stati Membri u setturi u, fejn hemm r-regolamentazzjoni, hija varjata ħafna u tipprovdi elementi differenti ta' kwalità jew prattiki differenti ta' implimentazzjoni. Fin-nuqqas ta' qafas jew strument regolatorju, jew għax hemm nuqqas ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' kundizzjonijiet tax-xogħol għat-traineeships u l-kontenut ta' tagħlim tagħhom, ħafna minn dawk li joffru traineeships jistgħu jużaw lit-trainees bħala xogħol irħis jew saħansitra mhux imħallas.

(11)

Qafas ta’ Kwalità għat-traineeships jappoġġja t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kontenut ta' tagħlim tat-traineeships. L-element ewlieni tal-Qafas ta' Kwalità għat-traineeships huwa l-ftehim bil-miktub ta' traineeship li jindika l-għanijiet edukattivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, id-drittijiet u l-obbligi, u tul ta’ żmien raġonevoli għat-traineeships.

(12)

In-nuqqas ta' informazzjoni huwa waħda mill-kawżi ta' traineeships ta' kwalità baxxa u huwa problema ħafna aktar mifruxa għat-traineeships milli għal impjiegi regolari. Aktar rekwiżiti ta' trasparenza għal avviżi jew reklami ta' pożizzjonijiet ta' traineeship jgħinu biex jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u jistimolaw il-mobbiltà transkonfinali.

(13)

L-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politika u programmi ta' taħriġ. Il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, il-fornituri ta' servizzi ta' gwida dwar il-karriera tul il-ħajja u l-awtoritajiet rilevanti tista' timmira biex it-trainees jiġu pprovduti informazzjoni mmirata dwar l-opportunitajiet ta' karriera disponibbli u l-ħiliet meħtieġa fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-trainees. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali jistgħu jkollhom rwol fit-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità għat-traineeships, notevolment billi jfasslu u jagħmlu disponibbli ftehim mudell sempliċi u konċiż ta' traineeship, partikolarment għall-użu mill-mikrointrapriżi u maħsub għall-iskopijiet speċifiċi tagħhom. Fil-Qafas ta' Azzjonijiet tagħhom dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' Lulju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej ħadu nota tal-ħsieb tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'dan il-qasam u ħabbru l-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet tal-Istati Membri bil-għan li jtejbu l-kwalità tat-traineeships.

(14)

Waħda mill-isfidi hija li tiżdied il-mobbiltà transkonfinali tat-trainees fl-Unjoni sabiex tgħin fit-trawwim ta' suq tax-xogħol Ewropew ġenwin. Id-diversità li teżisti fir-regolamenti tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp tal-mobbiltà transkonfinali tat-trainees. Barra minn hekk, f'xi każijiet, instab li l-ostakoli amministrattivi u legali għall-mobbiltà transkonfinali tat-trainees jaffettwaw diversi mill-Istati Membri destinatarji. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni disponibbli dwar id-dritt tat-trainees għall-mobbiltà transkonfinali, b'mod partikolari d-drittijiet inklużi fid-Direttiva 2004/38/KE (3), hija importanti. Billi jipprovdi prinċipji u linji gwida biex jiswew ta' referenza, il-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships ser jiffaċilita wkoll l-aċċess għat-traineeships transnazzjonali.

(15)

L-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kwalità għat-traineeships se jżid it-trasparenza. Barra minn hekk, huwa jista' jappoġġa estensjoni tal-EURES għal traineeships mħallsa, u b'hekk jiffaċilita l-mobbiltà.

(16)

Il-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru traineeships jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi Ewropej. Barra minn hekk, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ser tappoġġa t-traineeships fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u żżomm fil-mira żgħażagħ mir-reġjuni tal-Unjoni l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2014-2020. Il-FSE kif ukoll l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jintużaw biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-iskemi ta' traineeship tal-Istati Membri. Dan jinvolvi possibbiltà ta' kontribuzzjoni għall-ispejjeż tat-traineeships inkluża, skont ċerti kundizzjonijiet, parti mill-benefiċċju. Barra minn hekk, huma jistgħu wkoll jappoġġaw l-ispejjeż ta' forom oħra ta' taħriġ li t-trainees jistgħu jsegwu lil hinn mit-traineeship tagħhom, eż. korsijiet tal-lingwa.

(17)

Il-Kummissjoni nediet Programm speċifiku tal-FSE ta' Assistenza Teknika għall-Istati Membri biex jistabbilixxu skemi ta' traineeship bl-appoġġ tal-FSE. Dan il-Programm ta' Appoġġ jipprovdi pariri strateġiċi, operattivi u politiċi lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li qed jikkunsidraw it-twaqqif ta' skemi ta' traineeship ġodda, jew il-modernizzazzjoni ta' skemi eżistenti.

(18)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar id-Djalogu Strutturat dwar l-Impjieg għaż-Żgħażagħ ta' Mejju 2011, il-Kunsill iddikjara li huwa mixtieq qafas ta' kwalità għall-internship sabiex jiġi garantit il-valur edukattiv ta' tali esperjenza.

(19)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar “Promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020” stiednu lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida dwar kundizzjonijiet għal traineeships ta' kwalità għolja permezz ta' qafas ta' kwalità għat-traineeships.

(20)

Fl-14 ta' Ġunju 2012 fir-Riżoluzzjoni tiegħu “Lejn irkupru għani fl-Impjiegi” il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-traineeships, u tiddefinixxi standards minimi li jappoġġaw l-għoti u t-twettiq ta' traineeships ta' kwalità għolja.

(21)

Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju 2012 stieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li testendi l-portal tal-EURES għat-traineeships.

(22)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Diċembru 2012 stiednu lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr il-qafas ta' kwalità għat-traineeships.

(23)

Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ tas-6-7 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar Qafas ta’ Kwalità għat-traineeships. Fit-tweġibiet tagħhom, l-imsieħba soċjali tal-UE informaw lill-Kummissjoni li ma kellhomx l-intenzjoni li jniedu negozjati għal ftehim awtonomu skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

(24)

Il-Kunsill Ewropew tas-27-28 ta' Ġunju 2013 kkonferma mill-ġdid li l-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships għandu jkun stabbilit kmieni fl-2014.

(25)

Il-Qafas tal-Kwalità huwa punt ta’ referenza importanti għad-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi offerta ta' kwalità tajba tat-traineeships skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għat-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ.

(26)

Skont l-Istħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2014 huwa essenzjali għall-iffaċilitar tat-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol, l-iktar b'żieda ta' disponibbiltà ta' skemi ta' xogħol u traineeships ta' kwalità tajba.

(27)

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, it-traineeships jfissru perijodu limitat ta' prattika ta' xogħol, imħallas jew le, li jinkludi komponent ta' tagħlim u taħriġ, li jsir biex tinkiseb esperjenza prattika u professjonali bil-għan li tittejjeb l-impjegabbiltà u tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal impjieg regolari.

(28)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tkoprix kollokamenti f'postijiet għall-esperjenza ta' xogħol li huma parti mill-kurrikula ta' edukazzjoni formali jew taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali. Traineeships li l-kontenut tagħhom huwa regolat skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija tagħhom hija rekwiżit obbligatorju għal aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.) mhumiex koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

(29)

Meta jiġu kkunsidrati n-natura u l-objettiv ta' din ir-Rakkomandazzjoni, hija ma għandhiex tiġi interpretata li xxekkel lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għat-trainees minn dawk rakkomandati.

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.

Itejbu l-kwalità tat-traineeships, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol billi jħaddmu dawn il-prinċipji għal Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships fil-prattika:

Konklużjoni ta' ftehim bil-miktub għat-traineeships

2.

Jitolbu li t-traineeships jkunu bbażati fuq ftehim bil-miktub konkluż fil-bidu tat-traineeship bejn it-trainee u l-fornitur tat-traineeship;

3.

Jitolbu li l-ftehim ta' traineeship jindikaw l-objettivi edukattivi, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, jekk benefiċċju jew kumpens lit-trainee huwiex ipprovdut mill-fornitur tat-traineeship, u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali applikabbli, kif ukoll it-tul ta' żmien tat-traineeship, kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet 4-12;

Objettivi ta' tagħlim u taħriġ

4.

Jippromwovu l-aħjar prattika fir-rigward tal-objettivi ta' tagħlim u taħriġ sabiex jgħinu lit-trainees jiksbu esperjenza prattika u ħiliet rilevanti; il-kompiti assenjati lit-trainee għandhom jippermettu li jinkisbu dawn l-objettivi;

5.

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tat-traineeships jagħżlu superviżur għat-trainees li jiggwida lit-trainee fil-kompiti assenjati, jissorvelja u jivvaluta l-progress tiegħu;

Kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għat-trainees

6.

Jiżguraw li jiġu rispettati d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali applikabbli, inklużi limiti għall-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa, il-perijodi minimi ta' mistrieħ ta' kuljum fil-ġimgħa u, fejn applikabbli, l-intitolamenti minimi ta' btala;

7.

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tat-traineeships jiċċaraw jekk jipprovdux kopertura fir-rigward tal-assigurazzjoni tas-saħħa u kontra l-inċidenti kif ukoll il-leave minħabba mard;

8.

Jitolbu li l-ftehim ta' traineeship iċċara jekk tapplikax allowance jew kumpens, u jekk tapplika, l-ammont tagħha;

Drittijiet u obbligi

9.

Jinkoraġġixxu lill-partijiet ikkonċernati jiżguraw li l-ftehim ta' traineeship jistipula d-drittijiet u l-obbligi tat-trainee u l-fornitur tat-traineeship, inkluż, fejn rilevanti, l-politika tal-fornitur tat-traineeship dwar il-kunfidenzjalità u s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Tul ta' żmien raġonevoli

10.

Jiżguraw tul ta’ żmien raġonevoli tat-traineeships li, fil-prinċipju, ma jaqbiżx is-sitt xhur, għajr f'każijiet fejn tul ta' żmien itwal ikun iġġustifikat, meta titqies il-prattika nazzjonali;

11.

Jiċċaraw iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom traineeship jista' jiġi estiż jew imġedded wara li jkun skada l-ftehim ta' traineeship inizjali;

12.

Jinkoraġġixxu l-prattika li fil-ftehim ta' traineeship jiġi speċifikat li kemm it-trainee kif ukoll il-fornitur tat-traineeship jistgħu jtemmu l-ftehim b'komunikazzjoni bil-miktub, li tagħti avviż minn qabel fi żmien xieraq fid-dawl tat-tul tat-traineeship u l-prattika nazzjonali rilevanti;

Għarfien xieraq tat-traineeships

13.

Jippromwovu r-rikonoxximent u l-validità tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul it-traineeships u jinkoraġġixxu lill-fornituri tat-traineeship biex jiċċertifikawhom, abbażi ta' valutazzjoni, permezz ta' ċertifikat;

Rekwiżiti ta' trasparenza

14.

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tat-traineeships jinkludu fl-avviżi u r-reklami tagħhom dwar il-postijiet vakanti informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-traineeship, b’mod partikolari dwar jekk japplikawx benefiċċju u/jew kumpens u assigurazzjoni tas-saħħa u kontra l-inċidenti; jinkoraġġixxu lill-fornituri tat-traineeships jagħtu informazzjoni dwar il-politiki ta' reklutaġġ, inkluż il-proporzjon ta' trainees reklutati fl-aħħar snin;

15.

Jinkoraġġixxu lis-servizzi tal-impjieg u lil fornituri oħra ta' gwida tal-karriera biex japplikaw rekwiżiti ta' trasparenza, jekk jipprovdu informazzjoni dwar it-traineeships;

Traineeships transkonfinali

16.

Jiffaċilitaw il-mobbiltà transkonfinali tat-trainees fl-Unjoni Ewropea fost l-oħrajn, billi jiċċaraw il-qafas legali nazzjonali għat-traineeships u jistabbilixxu regoli ċari dwar l-ilqugħ tat-trainees minn Stati Membri oħra, u l-ibgħit tat-trainees lejn Stati Membri oħra u billi jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi;

17.

Jeżaminaw il-possibbiltà li jagħmlu użu tan-netwerk EURES estiż u li jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar it-traineeships bi ħlas permezz tal-portal EURES;

Użu ta' Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment

18.

Jagħmlu użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, fil-perijodu ta' programmazzjoni tal-2014-2020, u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, fejn applikabbli, biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tat-traineeships, inkluż permezz ta' sħubijiet effettivi mal-partijiet interessati rilevanti kollha;

Applikazzjoni ta' Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships

19.

Jieħdu miżuri adatti biex japplikaw il-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships malajr kemm jista' jkun;

20.

Jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni sa tmiem l-2015 dwar il-miżuri li ttieħdu f'konformità ma' din ir-Rakkomandazzjoni;

21.

Jippromwovu l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fl-applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships;

22.

Jippromwovu l-involviment attiv tas-servizzi tal-impjieg, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-fornituri tat-taħriġ fl-applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships;

JINNOTA LI L-KUMMISSJONI GĦANDHA L-ĦSIEB LI:

23.

Trawwem il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra bil-għan li din ir-Rakkomandazzjoni tiġi applikata b'mod rapidu;

24.

Tissorvelja, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u b'mod partikolari permezz tal-Kumitat tal-Impjiegi, il-progress fl-applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships skont din ir-Rakkomandazzjoni u tanalizza l-impatt tal-politika li hemm fis-seħħ;

25.

Tirrapporta dwar il-progress fl-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri;

26.

Taħdem mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-servizzi tal-impjieg, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tat-trainees u partijiet interessati oħra biex tippromwovi din ir-Rakkomandazzjoni;

27.

Tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattika bejniethom, biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew Fondi Ewropej oħra għall-perijodu ta' programmar 2014-2020 biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tat-traineeships;

28.

Teżamina, flimkien mal-Istati Membri, il-possibbiltà li jiġu inklużi traineeships bi ħlas f'EURES, u tistabbilixxi paġna elettronika ddedikata rigward oqfsa legali nazzjonali għat-traineeships.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

I. VROUTSIS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-Impjiegi, 2010/707/EU tal-21.10.2010, (ĠU L 308, 24.11.2010, p.46).

(2)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(3)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).