5.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/31


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Marzu 2014

dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u Kummerċjalizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

(2014/117/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iressqu pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“ir-Regolament tal-OKS”) lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

(2)

Il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni huma strument obbligatorju għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(3)

Sabiex trawwem implimentazzjoni omoġenja tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet aktar dettaljati dwar l-istruttura, il-format u l-limiti ta’ żmien deskritti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1418/2013 (2) fl-għoti ta’ gwida ċara u dettaljata lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(4)

Sabiex tgħin lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fuq kif għandhom jippreżentaw l-istrateġija tagħhom intiża biex tqabbel il-produzzjoni u r-rekwiżiti tas-suq, b’mod partikolari fl-ispeċifikazzjoni dettaljata tal-programm tal-produzzjoni u l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni li jridu jinħolqu.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll eżempji tal-miżuri differenti li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jimplimentaw biex turihom kif jistgħu jgħinu b’mod konkret biex jintlaħqu l-għanijiet differenti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif jistipula l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 li għandhom jindirizzaw il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni.

(6)

Sabiex tkun eħfef għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jissorveljaw il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u sabiex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jivvalutaw x’kontribut jagħtu l-miżuri differenti tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni u sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw il-konformità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mal-obbligi relatati mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet, għandu jiġi rakkomandat li jintużaw indikaturi xierqa.

(7)

Sabiex tkun eħfef għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jistmaw il-ħtiġijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżuri li jkun hemm fil-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, għandha tiġi rakkomandata li fil-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tiddaħħal skeda finanzjarja.

(8)

Sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda li r-rapport annwali li jressqu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkun fih indikaturi rilevanti li jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati u li jevalwaw x’kontribut jagħtu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(9)

Din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi emendata jew riveduta kif xieraq u b’mod partikolari wara l-adozzjoni ta’ att legali futur tal-Unjoni li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju għall-politika dwar is-sajd u l-affarijiet marittimi għall-perjodu 2014-2020.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

li kull organizzazzjoni tal-produtturi u kull assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tkun konformi ma’:

(a)

il-format u l-istruttura stipulati fil-Parti A ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 (“il-pjanijiet”);

(b)

id-dettalji stipulati fil-Parti B ta’ din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-limiti ta’ żmien u l-proċedura għar-rapport annwali msemmija fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 (“ir-rapport annwali”).

Meta din ir-rakkomandazzjoni tkun tirreferi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi, huwa maħsub li tkun qed tirreferi wkoll għal assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.

PARTI A

IL-FORMAT U L-ISTRUTTURA TAL-PJANIJIET TA’ PRODUZZJONI U KUMMERĊJALIZZAZZJONI

Il-pjanijiet li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd u l-akkwakultura jressqu lill-awtoritajiet nazzjonali għandu jkun fihom din l-informazzjoni dettaljata:

1.   Informazzjoni ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-produtturi

L-isem

L-isem sħiħ tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

It-tip

Organizzazzjoni tal-produtturi tal-akkwakultura jew organizzazzjoni tal-produtturi tas-sajd.

Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni

Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali.

Il-post

Il-post fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi hi reġistrata uffiċjalment (bħall-belt jew il-port) kif ukoll il-qasam ta’ kompetenza tagħha, bl-użu tal-unità rilevanti tan-NUTS (Nomenklatura ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika).

L-għadd ta’ membri

L-għadd ta’ produtturi reġistrati uffiċjalment fl-organizzazzjoni tal-produtturi.

Il-fatturat (fid-dettall skont l-ispeċi)

Tabella li turi l-fatturat globali tal-organizzazzjoni tal-produtturi fl-aħħar tliet snin u perspettiva oħra li turi l-fatturat għal speċijiet individwali.

Il-fatturat għandu jiġi kalkulat bħala l-valur annwali medju tal-produzzjoni kummerċjalizzata fl-ewwel bejgħ matul l-aħħar tliet snin jew inkella bħala t-total tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-membri ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi fl-ewwel bejgħ matul l-istess perjodu għal organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti ġodda.

Il-volum tal-qabdiet u l-ħsad (fid-dettall skont l-ispeċi)

Tabella li għal kull speċi tispjega fid-dettall il-volum u l-valur tal-qabdiet jew l-ħsad matul l-aħħar tliet snin, espressi f’tunnellati u f’euros fis-sena.

Identifikazzjoni tal-ispeċijiet ewlenin kummerċjalizzati tal-organizzazzjoni tal-produtturi [ex 2.1.]

Huwa rakkomandat li tintuża t-Tabella deskritta fis-subtaqsima preċedenti biex jiġu identifikati l-ispeċijiet ewlenin kummerċjalizzati. L-ispeċijiet kummerċjali ewlenin għandhom jirrappreżentaw il-parti prinċipali tal-produzzjoni ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi f’termini ta’ fatturat u volum tal-qabdiet u l-ispeċijiet imrobbijin. Bħala referenza għandhom jintużaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2508/2000 (3).

2.   Programm tal-Produzzjoni u Strateġija tal-Kummerċjalizzazzjoni

2.1.   Introduzzjoni

L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tispjega l-koerenza ġenerali bejn il-miżuri li beħsiebha timplimenta u l-għanijiet tal-pjan.

Skont valutazzjoni tal-assi, tal-opportunitajiet, tat-theddidiet u tad-dgħjufijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-pjanijiet għandhom jiddaħħlu bi preżentazzjoni tal-istrateġija tal-organizzazzjoni tal-produtturi maħsuba biex tiżviluppa u tqabbel il-produzzjoni tagħha mar-rekwiżiti tas-suq, f’konformità mal-għanijiet assenjati lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament tal-OKS.

Dik il-preżentazzjoni għandha tistabbilixxi biċ-ċar ir-rabta bejn il-programm tal-produzzjoni u l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni li għandha timplimenta l-organizzazzjoni tal-produtturi.

2.2.   Il-programm tal-produzzjoni

Il-programm tal-produzzjoni għandu jkun fih skeda tal-provvista indikattiva mifruxa tul is-sena u skont xejriet staġjonali (il-prezz, il-produzzjoni u d-domanda) fis-suq. B’mod partikolari, dan il-programm għandu jqis dawn l-elementi:

2.2.1.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kollha

l-ippjanar tal-attivitajiet tal-produzzjoni;

il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ma’ produtturi oħrajn;

Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd:

il-ġestjoni tad-drittijiet tas-sajd u l-aċċess bejn il-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, skont l-ippjanar tal-produzzjoni;

l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art tal-qabdiet kollha;

2.2.2.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura

l-iżvilupp ta’ prattiki tal-akkwakultura sostenibbli.

2.3.   L-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni

L-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-organizzazzjoni tal-produtturi beħsiebha tiżgura l-adegwatezza tal-provvista mar-rekwiżiti tas-suq f’termini ta’ kwalità, kwantità u preżentazzjoni. B’mod partikolari, din għandha tqis dawn l-elementi:

l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti tas-suq (il-kwantità, il-kwalità u il-preżentazzjoni);

l-identifikazzjoni ta’ stabbilimenti ġodda u opportunitajiet kummerċjali oħrajn;

id-djalogu u l-koordinazzjoni ma’ operaturi oħrajn fil-katina tal-provvista.

3.   Miżuri maħsuba biex jilħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament tas-CMO

3.1.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd

3.1.1.   Il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd sostenibbli  (4)

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tas-sajd u l-aċċess bejn il-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, skont ir-regoli fis-seħħ dwar il-ġestjoni għall-istokkijiet differenti, għas-sajd u għaż-żoni tas-sajd;

il-koordinazzjoni tad-djalogu u l-koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet xjentifiċi rilevanti fis-settur tas-sajd u l-koperazzjoni fl-iżvilupp ta’ konsulenza xjentifika li jappoġġjaw id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni fuq ir-riżorsi tas-sajd;

it-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kampanji tekniċi u xjentifiċi mmirati biex jitjiebu l-għarfien tar-riżorsi, l-impatti fuq l-ekosistema u l-iżvilupp ta’ tekniċi tas-sajd sostenibbli;

it-twettiq ta’ studji tal-impatt għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni ġodda;

l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni kollettiva tar-riskji relatati mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u mas-sigurtà fuq il-baħar;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi dwar ir-regolazzjoni tas-sajd, dwar il-promozzjoni ta’ prattiki tas-sajd sostenibbli jew dwar is-sigurtà abbord;

il-parteċipazzjoni effettiva fil-korpi rilevanti differenti għall-ġestjoni tas-sajd fil-livell nazzjonali, reġjonali, Ewropew u internazzjonali;

il-koordinazzjoni tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inkluż ma’ dawk minn Stati Membri differenti.

3.1.2.   L-evitar u t-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa  (5)

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ prattiki tas-sajd li jgħinu fl-evitar u t-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa;

il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet u azzjonijiet kollettivi għall-evitar u t-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa;

l-identifikazzjoni tal-aqwa użu minn tali qabdiet (6).

3.1.3.   Il-kontribuzzjoni għat-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u l-aċċess għal informazzjoni ċara u komprensiva għall-konsumaturi

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-titjib tat-tekniki għat-traċċabbiltà;

l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-komunikazzjoni u tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni għall-konsumaturi;

it-titjib tal-ittikkettar tal-prodotti, inkluż fit-twettiq tal-proċessi ta’ ċertifikazzjoni li jappoġġjaw l-informazzjoni obbligatorja u volontarja addizzjonali kif previst fl-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament tas-CMO;

it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni għall-konsumaturi.

3.1.4.   Il-kontribuzzjoni lejn l-eliminazzjoni tal-prattiki tas-sajd tal-IUU

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

taħriġ għall-produtturi u edukazzjoni;

programmi ta’ osservazzjoni u l-kontroll tal-attività tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

3.1.5.   It-titjib tal-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd tal-membri tagħhom

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

l-identifikazzjoni tal-outlets għall-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-indirizzar tal-provvista tal-membri tagħhom;

l-iżvilupp ta’ strateġiji għal kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-produzzjoni, inkluż għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti;

l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni, fost l-oħrajn, fl-oqsma tan-nutrizzjoni u l-kwalità;

l-appoġġ għal informazzjoni volontarja addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament tas-CMO;

id-disinn u l-iżvilupp ta’ metodi ġodda u għodod ta’ kummerċjalizzazzjoni ġodda;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi dwar it-tekniki tal-kummerċjalizzazzjoni;

il-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

3.1.6.   It-titjib tar-redditi ekonomiċi

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u l-monitoraġġ ta’ kampanji tekniċi u xjentifiċi mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fil-ġestjoni tan-negozju tas-sajd;

l-iżvilupp ta’ servizzi għall-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fil-kontabbiltà tal-ispejjeż.

3.1.7.   L-istabbilizzazzjoni tas-swieq

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

il-kontribuzzjoni għal titjib fl-intelliġenza tas-suq;

it-titjib tal-għarfien tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi dwar l-ixprunaturi ekonomiċi ewlenin tul il-katina tal-provvista;

l-għoti ta’ appoġġ prattiku lill-produtturi sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw aħjar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-klijenti u ma’ atturi oħrajn (b’mod partikolari proċessuri, bejjiegħa bl-imnut u rkantaturi).

3.1.8.   Il-kontribuzzjoni għall-provvista tal-ikel u l-promozzjoni ta’ standards dwar is-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, kif ukoll il-kontribuzzjoni għall-impjiegi fiż-żoni rurali u kostali

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu inizjattivi dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (il-kwalità, id-daqs jew il-piż, l-imballaġġ, il-preżentazzjoni u l-ittikkettar);

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu speċijiet ġodda li jistgħu jiġu esplojtati b’mod sostenibbli;

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jiżviluppaw proċessi u prodotti ġodda;

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu prodotti tas-sajd;

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu l-impjiegi fis-settur tas-sajd.

3.1.9.   It-tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-sajd, inkluż permezz ta’ miżuri intiżi biex itejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u t-twettiq ta’ servejs xjentifiċi u programmi sperimentali maħsuba biex jivvalutaw u jillimitaw l-impatti ambjentali tal-prattiki tas-sajd;

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ programmi sperimentali maħsuba biex jiżviluppaw irkaptu tas-sajd li jnaqqas l-impatti ambjentali;

l-għoti ta’ taħriġ u assistenza lill-produtturi sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ prattiki tas-sajd u rkaptu tas-sajd li jillimitaw l-impatt ambjentali.

3.2.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura

3.2.1.   Il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ akkwakultura sostenibbli  (7)

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kampanji tekniċi u xjentifiċi maħsuba biex itejbu l-għarfien dwar l-ispeċi, l-impatti tal-attivitajiet tal-akkwakultura fuq l-ambjent, kif ukoll sabiex irawmu l-iżvilupp ta’ tekniki tal-akkwakultura sostenibbli;

il-koordinazzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet xjentifiċi rilevanti fis-settur tal-akkwakultura u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ pariri xjentifiċi sabiex jappoġġjaw id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni fuq l-akkwakultura;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi sabiex jippromwovu prattiki tal-akkwakultura sostenibbli;

l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni kollettiva ta’ riskji relatati mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

il-parteċipazzjoni effettiva fil-korpi rilevanti differenti għall-akkwakultura fil-livell nazzjonali, reġjonali, Ewropew u internazzjonali;

il-koordinazzjoni tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inkluż ma’ dawk minn Stati Membri differenti.

3.2.2.   Verifika li l-attivitajiet tal-membri tagħhom huma konsistenti mal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali  (8)

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali;

l-iżvilupp ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-għalf tal-annimali.

3.2.3.   Sforzi sabiex ikun żgurat li l-prodotti tal-għalf fl-akkwakultura ta’ oriġini mis-sajd ikunu ġejjin minn attivitajiet tas-sajd ġestiti b’mod sostenibbli

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-proċeduri ta’ traċċabbiltà;

l-iżvilupp ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-għalf tal-annimali.

3.2.4.   It-titjib tal-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-akkwakultura tal-membri tagħhom

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

l-identifikazzjoni ta’ stabbilimenti għall-kummerċjalizzazzjoni u/jew għad-direzzjonar tal-produzzjoni tal-membri tagħhom;

l-iżvilupp ta’ strateġiji għal kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-produzzjoni, inkluż għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti;

l-appoġġ għal informazzjoni volontarja addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament tal-OKS;

l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni, inkluż fl-oqsma tan-nutrizzjoni u l-kwalità;

id-disinn u l-iżvilupp ta’ metodi ġodda u għodod tal-kummerċjalizzazzjoni ġodda;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi dwar it-tekniki tal-kummerċjalizzazzjoni;

il-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

3.2.5.   It-titjib tar-redditi ekonomiċi

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u l-monitoraġġ ta’ kampanji tekniċi u xjentifiċi mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi;

l-għoti ta’ assistenza u taħriġ lill-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fil-ġestjoni tan-negozju tal-akkwakultura;

l-iżvilupp ta’ servizzi għall-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fil-kontabbiltà tal-ispejjeż.

3.2.6.   L-istabbilizzazzjoni tas-swieq

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

il-koordinazzjoni bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi differenti fil-ġbir, l-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-esplojtazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika relatata mal-produzzjoni tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, inkluża dejta dwar l-istokkijiet u l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ;

il-kontribuzzjoni biex titjieb l-intelliġenza tas-suq;

it-titjib tal-għarfien tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi dwar l-ixprunaturi ekonomiċi ewlenin tul il-katina tal-provvista;

l-għoti ta’ appoġġ prattiku lill-produtturi sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw aħjar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-proċessuri.

3.2.7.   Il-kontribut għall-provvista tal-ikel u l-promozzjoni ta’ standards għoljin dwar is-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, kif ukoll il-kontribut għall-impjiegi fiż-żoni rurali u kostali

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

it-tħejjija u t-tmexxija ta’ kampanji maħsuba biex jiżviluppaw inizjattivi dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (il-kwalità, id-daqs jew il-piż, l-imballaġġ, il-preżentazzjoni u t-tikkettar);

it-tħejjija u t-twettiq ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu l-impjiegi fis-settur tal-akkwakultura;

it-tħejjija u t-twettiq ta’ kampanji maħsuba biex jippromwovu prodotti tal-akkwakultura.

4.   Miżuri maħsuba biex jaġġustaw il-provvista ta’ ċerti speċijiet  (9)

F’din it-Taqsima l-pjanijiet għandhom jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

l-identifikazzjoni ta’ prodotti tas-sajd li diffiċli jiġu kummerċjalizzati f’perjodi partikolari tas-sena;

l-iżvilupp ta’ strateġiji u għodod dedikati għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

5.   Penali u miżuri ta’ kontroll

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.1(d) tar-Regolament tal-OKS, din it-Taqsima għandha tiddeskrivi l-penali applikabbli għall-membri li jiksru d-deċiżjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet (10) kif ukoll il-miżuri li għandha timplimenta l-organizzazzjoni tal-produtturi sabiex tikkontrolla l-konformità tal-attivitajiet tal-membri tagħha mar-regoli li ġew stabbiliti (11). F’din it-Taqsima, il-pjanijiet għandhom jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

l-iżvilupp ta’ sistema ta’ sanzjonijiet proporzjonali għall-ksur li jagħmlu l-membri ta’ organizzazzjoni ‘tal-produtturi;

l-iżvilupp ta’ strateġiji u programmi għall-infurzar tar-regoli adottati mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskji fuq l-implimentazzjoni tar-regoli adottati mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

it-tħejjija u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ kontroll fuq l-infurzar tar-regoli adottati mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

it-taħriġ tal-osservaturi u tal-kontrolluri;

il-ħolqien u t-tixrid ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni ta’:

(a)

ir-regolamenti li joriġinaw mill-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

ir-regoli u l-miżuri ta’ ġestjoni adottati mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

6.   Nefqiet li għandhom jitqiesu

6.1.   Pjan finanzjarju

Huwa rrakkomandat li fil-pjanijiet tagħhom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jinkludu pjan finanzjarju li jiddeskrivi fid-dettall għal kull miżura li jkun beħsiebhom jimplimentaw, l-ispejjeż differenti, in-nefqiet u r-riżorsi finanzjarji mistennija.

Fil-pjan finanzjarju għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet li ġejjin:

(a)

it-tħejjija, il-monitoraġġ u t-tmexxija ta’ attivitajiet relatati mal-miżuri ppjanati (“attivitajiet tal-proprjetarju tal-‘proġett”); u

(b)

attivitajiet marbuta mat-twettiq fil-prattika ta’ kull miżura speċifika ppjanata (“attivitajiet tal-ġestjoni tal-‘proġett”).

6.2.   Attivitajiet tal-proprjetarju tal-proġett

B’mod partikolari, in-nefqa għal attivitajiet tal-proprjetarju tal-proġett għandha tkun tinkludi, ‘n-nefqiet għal studji tas-suq, studji ta’ valutazzjoni, disinn ta’ proġetti, analiżi tar-riskji u kull studju tal-fattibbiltà li jsir qabel l-implimentazzjoni ta’ miżura marbuta mal-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet tal-pjan. Din in-enfqa għandha tinkludi wkoll in-nefqa marbuta mal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u kontroll li tagħmel l-organizzazzjoni tal-produtturi waqt l-implimentazzjoni ta’ miżura speċifika.

In-nefqiet meqjusa jistgħu ‘jkopru kategoriji differenti bħax-xogħol, l-għoti ta’ servizz jew il-provvisti.

6.3.   Attivitajiet tal-ġestjoni tal-proġett

B’mod partikolari, in-nefqa għal attivitajiet tal-ġestjoni tal-proġett għandha tinkludi’ n-nefqiet għal elementi tal-miżuri implimentati li mhumiex marbuta kif xieraq mal-attivitajiet tal-proprjetarju tal-proġett, bħall-esperimentazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi, il-kampanji ‘tar-reklamar, ix-xiri u l-użu ta’ tagħmir tekniku ġdid biex tiżdied l-għażla, l-iżvilupp tat-traċċabbiltà jew it-trawwim ta’ prattiki tal-akkwakultura sostenibbli.

7.   Skeda għall-implimentazzjoni

Il-pjanijiet għandhom jinkludu skeda taż-żmien għall-miżuri ppjanati u l-ispejjeż relatati, maqsumin f’kategoriji skont ħlasijiet parzjali fis-sena għall-pjanijiet multiannwali.

L-iskeda taż-żmien għandha tindika, għal kull miżura, indikaturi xierqa tal-produzzjoni u tar-riżultati kif irrakkomandati fit-Taqsima 8.

8.   Indikaturi

Kif irrakkomandat fit-Taqsima 7, għandhom jiġu pprovduti indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati għal kull miżura ppjanata sabiex tippermetti l-kontroll tal-implimentazzjoni tagħhom mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-awtoritajiet kompetenti. Dawn l-indikaturi għandhom jintużaw fir-rapport annwali previst fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament tas-CMO. Dawk l-indikaturi għandhom ifittxu li jivvalutaw il-kisba tal-objettivi strateġiċi tal-pjanijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali deskritta fl-introduzzjoni tal-pjan.

Skont ir-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-miżuri differenti ppjanati, għandhom jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

8.1.   Indikaturi tal-produzzjoni għall-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati

8.1.1.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom indikaturi tal-produzzjoni li jivvalutaw il-konformità ma’:

l-attività skedata tal-bastimenti espressa, fost l-oħrajn, f’termini ta’ jiem fuq il-baħar, il-volumi ta’ speċijiet fil-mira maqbuda, eċċ.;

skeda taż-żmien provviżorja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti skont l-ispeċi u l-preżentazzjoni;

pjan tal-azzjonijiet skedati għall-identifikazzjoni tal-opportunitajiet fis-suq;

pjan tal-azzjonijiet skedati għaċ-ċertifikazzjoni/kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

skeda taż-żmien provviżorja għall-ġestjoni tal-isforz tas-sajd u/jew il-kapaċità skont iż-żona tas-sajd;

pjan tal-miżuri skedati għat-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali mhux mixtieqa;

skeda għat-taħriġ f’konformità, u regoli, għarfien u kontroll tal-produtturi.

Dawk l-indikaturi tal-produzzjoni għandhom jenfasizzaw ukoll:

l-identifikazzjoni predittiva taċ-ċikli tal-bejgħ tal-prodotti;

il-konformità tad-dħul medju fix-xahar tal-produtturi ma’ livell mistenni tad-dħul.

8.1.2.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom indikaturi tal-produzzjoni li jivvalutaw il-konformità ma’:

il-kultivazzjoni u l-ħażna skedati għall-ispeċijiet imrobbija;

skeda taż-żmien provviżorja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti skont l-ispeċi u preżentazzjoni;

pjan tal-azzjonijiet skedati għall-identifikazzjoni tal-opportunitajiet fis-suq;

pjan tal-azzjonijiet skedati għaċ-ċertifikazzjoni/kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

pjan għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ekosistemi marbuta mal-attivitajiet tal-akkwakultura;

pjan għall-implimentazzjoni ta’ għalf sostenibbli għall-ispeċijiet imrobbija;

skeda ta’ taħriġ f’konformità, u regoli, għarfien u kontroll.

Dawk l-indikaturi tal-produzzjoni għandhom jenfasizzaw ukoll:

l-identifikazzjoni predittiva taċ-ċikli tal-bejgħ tal-prodotti;

il-konformità tad-dħul medju fix-xahar tal-produtturi b’livell mistenni ta’ dħul.

8.2.   Indikaturi tar-riżultati għall-valutazzjoni tal-kontribut tal-miżuri li jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni

8.2.1.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom indikaturi tar-riżultati li jivvalutaw:

il-volum u/jew il-valur tal-ispeċijiet maqbuda jew kummerċjalizzati;

id-daqs medju tal-ispeċijiet maqbuda jew kummerċjalizzati;

it-tkabbir tal-bejgħ skont l-ispeċi u/jew il-prodott imqabbel ma’ pożizzjoni ex-ante;

l-għadd u l-volum u/jew il-valur ta’ prodotti ġodda mibjugħa mqabbla mas-sena preċedenti;

l-evoluzzjoni tal-isforz u/jew tal-kapaċità tas-sajd;

l-evoluzzjoni tal-kompożizzjoni tal-qabdiet f’ħatt l-art u/jew tal-volum ta’ qabdiet mhux mixtieqa;

l-evoluzzjoni “per capita” tal-valutazzjoni tal-produzzjoni maħsuda jew f’ħatt l-art;

l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità tal-produzzjoni;

l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-bejgħ għal kull unità tal-produzzjoni;

l-evoluzzjoni tad-dħul medju fix-xahar tal-produtturi;

il-bidliet fir-rata ta’ prodotti mhux mibjugħa fir-rigward tal-pożizzjoni ex-ante;

il-bidliet fil-valur ta’ prodotti sensittivi fir-rigward tal-pożizzjoni ex-ante;

l-għadd ta’ inċidenti (b’korrimenti u/jew diżgrazzji fatali);

il-bidliet fl-għadd ta’ offiżi reġistrati fil-konfront tar-regoli tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

8.2.2.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura

F’din l-intestatura l-pjanijiet għandu jkun fihom indikaturi tar-riżultati li jivvalutaw:

il-volum u/jew il-valur tal-ispeċijiet mistada jew kummerċjalizzati;

it-tkabbir tal-bejgħ skont l-ispeċi u/jew il-prodott imqabbel ma’ pożizzjoni ex-ante;

l-għadd u l-volum u/jew il-valur ta’ prodotti ġodda mibjugħa mqabbla mas-sena preċedenti;

l-evoluzzjoni “per capita” tal-valutazzjoni tal-produzzjoni maħsuda;

l-evoluzzjoni tal-proporzjon tal-għalf użat għall-ispeċijiet imrobbija li joriġinaw minn riżorsi sostenibbli jew rinnovabbli;

l-evoluzzjoni tal-kwantitajiet ta’ outputs imniġġsa;

l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità tal-produzzjoni;

l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-bejgħ għal kull unità tal-produzzjoni;

l-evoluzzjoni tad-dħul medju fix-xahar tal-produtturi;

il-bidliet fir-rata ta’ prodotti mhux mibjugħa fir-rigward tal-pożizzjoni ex-ante;

il-bidliet fil-valur ta’ prodotti sensittivi fir-rigward tal-pożizzjoni ex-ante;

l-għadd ta’ inċidenti (b’korrimenti u/jew diżgrazzji fatali);

il-bidliet fl-għadd ta’ offiżi reġistrati fil-konfront tar-regoli tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

PARTI B

IS-SOTTOMISSJONI U L-KONTENUT TAR-RAPPORT ANNWALI

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iressqu r-rapport annwali meta jitlestew il-pjanijiet, u f’każ ta’ pjan multiannwali għandu jitressaq rapport kull sena.

Ir-rapport annwali għandu jkun fih l-indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati kif previsti fl-iskeda implimentattiva tal-pjanijiet imressqa għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1418/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 40).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2508/2000 tal-15 ta’ Novembru 2000 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 rigward il-programmi ta’ ħidma fis-settur tas-sajd (ĠU L 289, 16.11.2000, p. 8).

(4)  Jippromwovu l-attivitajiet ta’ sajd sostenibbli li jagħmlu l-membri tagħhom billi jagħtu opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom f’konformità sħiħa mal-politika dwar il-konservazzjoni kif inhi stipulata fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22) (“Ir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd”) u l-leġiżlazzjoni ambjentali, filwaqt li tiġi rrispettata l-politika soċjali.

(5)  L-evitar u t-tnaqqis, safejn ikun possibbli, ta’ qabdiet mhux mixtieqa ta’ skokkijiet kummerċjali u, fejn ikun meħtieġ, li jsir l-aqwa użu minn tali qabdiet, mingħajr ma jinħoloq suq għal tali qabdiet li jkunu taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

(6)  Mingħajr ma jinħoloq suq għal tali qabdiet li jkunu taħt id-daqs minimu għall-konservazzjoni.

(7)  Il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ akkwakultura sostenibbli tal-membri tagħhom permezz tal-għoti ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom b’konformità sħiħa mal-politika dwar il-konservazzjoni kif stipulata fir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u l-leġiżlazzjoni ambjentali, filwaqt li tiġi rrispettata l-politika soċjali.

(8)  Imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

(9)  “Speċijiet li s-soltu jippreżentaw diffikultajiet għall-kummerċjalizzazzjoni matul is-sena” imsemmija fl-Artikolu 28(2)(d) tar-Regolament tas-CMO.

(10)  Penali previsti fl-Artikolu 28(2)(e) tar-Regolament tas-CMO.

(11)  Miżuri previsti fl-Artikolu 8(1)(d) tar-Regolament tas-CMO.