19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/156


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar l-irtirar minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 13525:2005+A2:2009 dwar il-magni tal-qtugħ tal-laqx tal-injam skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 9507)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/934/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22 tar- Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

Billi:

(1)

Meta standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikopri rekwiżit essenzjali wieħed jew aktar tas-saħħa u s-sikurezza stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, il-makkinarju mibni skont dan l-istandard jitqies li jilħaq ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza kkonċernati.

(2)

F'Lulju tal-2012, Franza ressqet oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE rigward l-istandard EN 13525:2005+A2:2009 “Makkinarji għall-imsaġar — Għodod li jiċċippjaw l-injam — Sigurtà” propost mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jiġi armonizzat skont id-Direttiva 2006/42/KE. L-Istandard jieħu post il-verżjoni preċedenti EN 13525:2005+A1:2007, referenza li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta' Novembru 2007 (3).

(3)

L-oġġezzjoni formali hija bbażata fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-punti 4.2.4 Il-Kontroll tal-waqfien tar-riforniment u 4.3.3 Il-perikli marbuta mal-komponenti tar-riforniment u l-komponenti tal-iċċippjar tal-istandard, ma jkoprux biżżejjed ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, billi ma titqiesx biżżejjed il-possibbiltà li l-operaturi jistgħu jinqabdu f'partijiet perikolużi li jiċċaqilqu tal-magna jew jinġibdu lejhom, mingħajr ma jkunu jistgħu jattivaw il-funzjoni għall-waqfien ta' emerġenza.

(4)

Wara li eżaminat l-istandard EN 13525:2005+A2:2009 flimkien mar-rappreżentanti tal-kumitat stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sikurezza stipulati fil-punti 1.3.7 tar-Riskji relatati ma' partijiet li jiċċaqalqu u 1.3.8.2 Partijiet li jiċċaqilqu involuti fil-proċess tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, għar-raġuni li l-magni mfassla biex jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti jippreżentaw riskji kbar għall-operaturi u l-partijiet terzi, bir-riskju ta' inċidenti fatali.

(5)

Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jittejbu l-aspetti tas-sikurezza tal-Istandard EN 13525:2005+A2:2009, ir-referenza ta' dak l-istandard għandha tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 13525:2005+A2:2009 “Makkinarji għall-imsaġar — Għodod li jiċċippjaw l-injam — Sigurtà” għandha tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(2)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(3)  ĠU C 264, 6.11.2007, p. 1.