15.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta' Ottubru 2014

li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2014/715/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-Regolament IUU) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, proċeduri fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx u kwalunkwe miżura ta' emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea tista' tidentifika pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra sajd IUU. Pajjiż terz jista' jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dawk li huma d-dmirijiet tiegħu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, milli jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina l-attivitajiet ta' sajd IUU.

(4)

L-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi tal-informazzjoni kollha kif stabbilit skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(5)

B'konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill jista' jistabbilixxi lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(6)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera huma mitluba biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti tagħhom għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li għandhom josservaw il-bastimenti tas-sajd tagħhom.

(7)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni tikkoopera fuq livell amministrattiv ma' pajjiżi terzi fl-oqsma relatati mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qbid.

(8)

B'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 (2) (id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012), il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jistgħu jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament IUU.

(9)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni rigward il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali sottostanti għal tali identifikazzjoni preliminari.

(10)

Dejjem fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi terzi permezz ta' ittri separati dwar il-fatt li kienet qiegħda tikkunsidra l-possibbiltà li tidentifikahom bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġiet mehmuża ma' dawk l-ittri.

(11)

F'dawk l-ittri, il-Kummissjoni enfasizzat li sabiex jiġi evitat li jiġu identifikati u proposti għal elenkar formali bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif stipulat fl-Artikoli 31 u 33 rispettivament tar-Regolament IUU, il-pajjiżi terzi kkonċernati, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, kienu mistiedna jistabbilixu u jimplimentaw, pjan ta' azzjoni li jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012. Implimentazzjoni fil-ħin u effettiva tal-pjan ta' azzjoni mill-pajjiżi kkonċernati setgħet għenithom jevitaw milli jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u milli jiġu proposti għall-elenkar finali.

(12)

Konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni stiednet it-tmien pajjiżi terzi kkonċernati: (i) biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjanijiet ta' azzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni; (ii) biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjanijiet ta' azzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni; u (iii) biex kull sitt xhur jibagħtu rapporti ddettaljati lill-Kummissjoni li jivvalutaw l-implimentazzjoni ta' kull azzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-effettività individwali u/jew kumplessiva tagħhom sabiex jiżguraw sistema ta' kontroll tas-sajd li hija konformi b'mod sħiħ.

(13)

It-tmien pajjiżi terzi kkonċernati ngħataw l-opportunità biex iwieġbu bil-miktub dwar kwistjonijiet indikati espliċitament fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll dwar informazzjoni rilevanti oħra. Dawk il-pajjiżi ngħatalhom permess jissottomettu evidenza sabiex jiċħdu jew jikkompletaw il-fatti invokati fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 jew li jadottaw, kif xieraq, pjan ta' azzjoni għal titjib u l-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rratifikata. It-tmien pajjiżi kienu żgurati dwar id-dritt tagħhom li jitolbu, jew jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

(14)

Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni tagħha u l-ittri tagħha tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu ma' tmien pajjiżi terzi u indikat li fil-prinċipju kkunsidrat perjodu ta' sitt xhur bħala suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim.

(15)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u miktuba sottomessi min-naħa tat-tmien pajjiżi terzi wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa. It-tmien pajjiżi nżammu informati, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(16)

Ir-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka (is-Sri Lanka) naqset milli tirribatti l-fatti li ġew invokati mill-Kummissjoni, jew milli timplimenta l-pjan ta' azzjoni biex tirrettifika s-sitwazzjoni.

(17)

Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika s-Sri Lanka bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU hija r-riżultat ta' proċess ta' investigazzjoni u ta' djalogu fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU. Dak il-proċess kien konformi mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati f'dak ir-Regolament, li jirreferi, inter alia, għad-dmir tal-pajjiż terz bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq li jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU skont il-liġi internazzjonali.

(18)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(g) tar-Regolament IUU.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAS-SRI LANKA

(19)

Fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Sri Lanka, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, li kienet qed tikkunsidra l-possibbiltà li tidentifika lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax (3).

(20)

Il-Kummissjoni stiednet lis-Sri Lanka biex, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha, tistabbilixxi pjan ta' azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Novembru 2012.

(21)

In-nuqqas ewlieni identifikat mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit kien relatat ma' diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b'mod partikolari mal-adozzjoni ta' qafas legali adegwat, in-nuqqas ta' sistema ta' monitoraġġ adegwata u effiċjenti, in-nuqqas ta' skema ta' osservatur, in-nuqqas ta' sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent, u n-nuqqas ta' implimentazzjoni korretta tal-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qbid. Nuqqasijiet oħra identifikati huma relatati, b'mod aktar ġenerali mal-konformità mal-obbligi internazzjonali inklużi r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Ġie identifikat ukoll nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni kontra s-sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA-IUU). Madankollu, in-nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(22)

Permezz tas-sottomissjoni tagħha tal-14 ta' Diċembru 2012, is-Sri Lanka għarrfet lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti istituzzjonali li ġew imwaqqfa sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fil-pjan ta' azzjoni li ġie ssuġġerit.

(23)

Is-Sri Lanka bagħtet kummenti bil-miktub fil-31 ta' Diċembru 2012 u fl-4 ta' Jannar 2013.

(24)

Permezz tal-ittra tas-7 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni talbet lis-Sri Lanka biex tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-oqsma ewlenin tal-pjan ta' azzjoni li ġie ssuġġerit.

(25)

Fit-13 ta' Marzu 2013, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka ippreżentaw id-dokumenti li ġejjin: (i) ittra ta' akkumpanjament u ittra ta' spjegazzjoni; (ii) aġġornament dwar it-twaqqit tas-Sri Lanka fir-rigward tal-miżuri kollha li għandhom jittieħdu; (iii) informazzjoni aġġornata dwar oqsma ewlenin tal-pjan ta' azzjoni ssuġġerit; (iv) il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 2013 għall-ġlieda kontra s-sajd IUU; (v) aġġornamenti dwar proċeduri amministrattivi u linji gwida għall-użu ta' ċertifikati tal-qbid; (vi) l-allokazzjoni tal-baġit 2013 għat-twaqqif ta' uffiċċju sekondarju tad-Diviżjoni ta' Kontroll tal-Kwalità tad-Dipartiment tas-Sajd u r-Riżorsi Akkwatiċi fl-ajruport; (vii) abbozzi ta' testi għal-leġiżlazzjoni riveduta dwar il-konformità mal-obbligi legali, il-monitoraġġ tal-flotot għal distanzi twal u sanzjonijiet ta' deterrent; (viii) skemi ta' tagħrif għal operaturi li jieħdu sehem fl-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qbid; (xi) skema ta' spezzjoni u (x) linji gwida għall-proċeduri biex jiġu investigati attivitajiet IUU fl-ibħra internazzjonali.

(26)

Fis-17 ta' April 2013 saru konsultazzjonijiet tekniċi bejn il-Kummissjoni u s-Sri Lanka fi Brussell. Matul dik il-laqgħa, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka ppreżentaw lill-Kummissjoni l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali reċenti tal-pajjiż għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll miżuri ppjanati sabiex tiġi mtejba l-kontroverifika tal-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikati tal-qbid u fir-reviżjoni li nbdiet tal-qafas legali.

(27)

Permezz tas-sottomissjonijiet tagħha tat-30 ta' Mejju 2013 u tat-3 ta' Ġunju 2013, is-Sri Lanka enfasizzat l-impenn tagħha għal implimentazzjoni f'waqtha ta' pjan direzzjonali, imfassal mis-Sri Lanka, filwaqt li ssir l-adozzjoni tal-emendi leġiżlattivi biex jiġu msaħħa l-miżuri punittivi għas-sajd IUU u jingħata bidu għall-proċess tal-akkwist tas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS).

(28)

Abbażi tal-progress misjub fil-perjodu ta' bejn Novembru 2012 u l-bidu ta' Ġunju 2013, b'ittra tal-11 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni għarrfet lis-Sri Lanka li sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli li jindirizzaw in-nuqqasijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u li jikkonkludu l-azzjonijiet meħtieġa, il-Kummissjoni se żżomm djalogu mas-Sri Lanka sat-28 ta' Frar 2014, jiġifieri għal perjodu addizzjonali ta' disa' xhur. Fl-20 ta' Ġunju 2013 sar segwitu għal din l-ittra permezz ta' proposta aġġornata għall-pjan ta' azzjoni mill-Kummissjoni.

(29)

Fit-22 ta' Awwissu 2013 is-Sri Lanka bagħtet rapport ta' progress li jkopri l-perjodu mill-31 ta' Mejju 2013 sal-15 ta' Awwissu 2013, li ġie segwit b'sottomissjoni tat-28 ta' Ottubru 2013 li inkludiet informazzjoni dwar il-proċedura ta' adozzjoni għal-leġiżlazzjoni emendata.

(30)

Il-Kummissjoni żaret lill-awtoritajiet ikkonċernati tas-Sri Lanka bejn it-28 u t-30 ta' Jannar 2014. Dawk l-awtoritajiet inżammu infurmati dwar il-progress tas-sitwazzjoni b'konformità mad-deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u l-pjan ta' azzjoni li ġie propost. Waqt iż-żjara tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka kellhom l-opportunità li jagħmlu dikjarazzjonijiet u jipprovdu dokumenti rilevanti bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, u li jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward l-aktar żviluppi reċenti b'rabta mal-progress tal-pjan ta' azzjoni.

(31)

Fis-27 ta' Marzu 2014 is-Sri Lanka pprovdiet rapport ta' progress ieħor li jkopri l-perjodu mis-16 ta' Awwissu 2013 sal-21 ta' Marzu 2014, filwaqt li ppreżentat ukoll id-dokumenti li ġejjin: (i) informazzjoni aġġornata dwar oqsma ewlenin tal-pjan ta' azzjoni ssuġġerit; (ii) perjodu ta' żmien aġġornat għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU; (iii) ittri mill-Ministeru tas-Sajd u l-Iżvilupp tar-Riżorsi Akkwatiċi lill-Ministeru tal-Affarijiet Esterni li fihom jintalab li jkun hemm adeżjoni mal-Ftehim ta' Osservanza FAO u li ċittadini involuti fis-sajd IUU taħt bnadar ta' stati oħra jiġu investigati; (iv) talba għal finanzjament tal-VMS u għad-dimostrazzjoni tar-rekwiżit tat-transponders; (v) informazzjoni dwar it-taħriġ ta' sensibilizzazzjoni u (vi) eżemplari tal-Ġurnal ta' Abbord tas-Sajd rivedut tal-2014 u l-pjan ta' spezzjoni fil-portijiet ta' Bastimenti tas-Sajd f'Ibħra Fondi u ta' Bastimenti tas-Sajd f'Ibħra Internazzjonali. L-informazzjoni inkludiet ukoll l-adozzjoni, mill-Parlament tas-Sri Lanka, tal-Att tas-Sajd rivedut fil-5 ta' Novembru 2013. Fl-1 ta' Awwissu 2014 is-Sri Lanka pprovdiet rapport ta' progress addizzjonali li jkopri l-perjodu sa Lulju 2014 li, flimkien ma' informazzjoni aġġornata dwar l-oqsma ewlenin proposti fil-pjan ta' azzjoni, u perjodu ta' żmien aġġornat għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, inkluda wkoll; ittra mill-Ministeru tal-Affarijiet Esterni lill-Ministeru tas-Sajd u l-Iżvilupp tar-Riżorsi Akkwatiċi li biha infurmat li kopja tal-istrument ta' aċċettazzjoni għall-adeżjoni mal-Ftehim ta' Osservanza FAO se tiġi ppreżentata ladarba sseħħ l-adeżjoni; Talba lill-Avukat Ġenerali għall-introduzzjoni ta' aktar sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni attwali; 2 ittri mir-Rapporteurs Legali li jinkludu, rispettivament, l-abbozzi ta' regolamenti dwar Operazzjonijiet tas-Sajd f'Ibħra Internazzjonali u l-Ġbir ta' Dejta tal-Qbid tal-Ħut, kif ukoll sommarju tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni għal kaptani ta' bastimenti li jbaħħru f'ibħra miftuħa u r-rapport ta' implimentazzjoni lill-IOTC dwar skema reġjonali ta' osservazzjoni. Fid-29 ta' Awwissu 2014, is-Sri Lanka pprovdiet informazzjoni addizzjonali li tispjega l-progress li sar fir-rigward tan-nuqqasijiet li ġew stabbiliti (jiġifieri abbozzi ta' regolamenti dwar Operazzjonijiet tas-Sajd f'Ibħra Internazzjonali u l-Ġbir ta' Dejta tal-Qbid tal-Ħut, Ċirkolari ta' informazzjoni dwar is-sanzjonar, informazzjoni dwar programmi ta' osservatur u ta' spezzjoni u informazzjoni dwar il-progress li sar fir-rigward tan-nuqqasijiet li ġew stabbiliti). Fit-18 u d-19 ta' Settembru 2014 is-Sri Lanka pprovdiet sottomissjonijiet ġodda li jikkonfermaw l-adozzjoni ta' regolamenti dwar Operazzjonijiet tas-Sajd f'Ibħra Internazzjonali u l-Ġbir ta' Dejta tal-Qbid tal-Ħut, riflessjoni dwar ħidma interna għall-abbozzar ta' Memorandum tal-Kabinett dwar skema ta' sanzjonijiet ta' deterrent, riflessjoni dwar il-ksib ta' konformità mal-IOTC, informazzjoni dwar il-kopertura tal-ġurnal ta' abbord, spezzjoni u kopertura mill-osservatur u informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' introduzzjoni parzjali, b'approċċ ta' pass b'pass, ta' transponders VMS (għalkemm il-kuntratt mal-kuntrattur kien għadu ma ġiex iffirmat u implimentat) fuq il-bastimenti tas-sajd tagħha għall-perjodu ta' bejn Jannar 2015 u Awwissu 2015.

(32)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub mibgħuta mis-Sri Lanka wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa, filwaqt li s-Sri Lanka nżammet infurmata bil-fomm jew bil-miktub dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(33)

Fid-dawl tal-elementi miġbura, kif jidher fil-premessi 34 sa 67, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-Sri Lanka ma indirizzatx b'mod suffiċjenti l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012. Barra minn hekk, is-Sri Lanka naqset milli timplimenta bis-sħiħ il-miżuri proposti fil-pjan ta' azzjoni mehmuż.

3.   IDENTIFIKAZZJONI TAS-SRI LANKA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(34)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-konformità tas-Sri Lanka mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, b'konformità mas-sejbiet tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u mal-informazzjoni rilevanti pprovduta mis-Sri Lanka, mal-pjan ta' azzjoni propost kif ukoll mal-miżuri li ttieħdu sabiex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata. Għall-finijiet ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni kkunsidrat il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1.   Rikorrenza tas-sajd IUU (l-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament IUU)

(35)

Kif ġie enfasizzat fil-premessa 292 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni stabbilixxiet li s-Sri Lanka ma kellha ebda leġiżlazzjoni li tipprovdi għal-liċenzjar tas-sajd f'ibħra internazzjonali.

(36)

Kif imsemmi fil-premessa 296 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, 13-il bastiment irreġistrati s-Sri Lanka ġew imniżżla fl-abbozz tal-lista' ta' bastimenti IUU tal-IOTC minħabba li nqabdu jistadu bi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Minn meta ġiet promulgata d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, is-Sri Lanka ma pprojbixxietx lill-bastimenti tagħha milli jistadu b'mod illegali fl-ibħra internazzjonali u lanqas ma adottat b'mod immedjat il-leġiżlazzjoni li tippermetti s-sajd fl-ibħra internazzjonali u l-ħruġ ta' liċenzji għal sajd fl-ibħra internazzjonali sabiex jiġu evitati l-attivitajiet illegali tas-sajd tal-bastimenti tagħha tas-sajd. Minflok, finalment, fil-5 ta' Novembru 2013 is-Sri Lanka adottat Att tas-Sajd rivedut li jippermetti s-sajd fl-ibħra internazzjonali. Dan serva biex isir l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni għal-liċenzjar ta' bastimenti għal użu fl-ibħra internazzjonali, u din il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni ġiet adottata f'Settembru 2014 (skont is-sottomissjoni tal-awtoritajiet), iżda għadha ma ġietx implimentata. Is-Sri Lanka naqqset ukoll, minn 3 307 għal 1 758, l-għadd ta' bastimenti li joperaw fl-IOTC, iżda dawn il-bastimenti għadhom qed iwettqu attivitajiet ta' sajd bl-użu ta' liċenzja amministrattiva għall-ibħra internazzjonali, u mhux bl-użu ta' liċenzja legali. F'dan ir-rigward huwa mfakkar li, skont l-Artikolu 18(3)(b)(ii) tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (4) (UNFSA), Stat tal-bandiera għandu jieħu miżuri biex jipprojbixxi sajd fl-ibħra miftuħa mill-bastimenti tiegħu li ma jkunux illiċenzjati kif imiss jew awtorizzati jistadu. Is-sitwazzjoni attwali fis-seħħ turi biċ-ċar li s-Sri Lanka mhix qed taġixxi skont ir-responsabbiltajiet internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera.

(37)

Skont informazzjoni miksuba mill-IOTC (5), minn meta ġiet promulgata d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, tliet bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Sri Lanka, Malshiri No 1, Gold Marine 5 u Lakpriya 2 inqabdu minn Stati kostali fl-2013 taħt preżunzjoni li kienu involuti f'attivitajiet IUU. Huwa mfakkar li, skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-UNFSA, l-Istat tal-bandiera huwa responsabbli vis-à-vis l-bastimenti tiegħu li joperaw fl-ibħra miftuħa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), Stat tal-bandiera għandu jikkoopera fil-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' riżorsi ħajjin li jkunu qed jiddgħajfu b'mod ċar minħabba l-preżenza tal-flotta tiegħu li tkun qed topera fl-IOTC mingħajr liċenzji legali tas-sajd, u li b'hekk tkun qed twettaq attivitajiet IUU b'konformità mad-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament IUU.

(38)

Barra minn hekk, fl-2013 instab li 13-il bastiment ieħor irreġistrati s-Sri Lanka u li saritilhom spezzjoni waqt li kienu għaddejjin minn ġoż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) ta' Stat kostali kienu qed jiksru l-miżuri tal-IOTC dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni. Il-Kummissjoni tqis li t-twettiq ta' attivitajiet ta' sajd fuq bażi kontinwa minn bastimenti tas-Sri Lanka bi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-IOTC huwa indikazzjoni ċara li s-Sri Lanka naqset milli twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha bħala Stat tal-bandiera skont id-dritt internazzjonali, kif ġie affermat fil-premessa 37.

(39)

Dan juri wkoll in-nuqqas tas-Sri Lanka li tiżgura li bastimenti tas-sajd intitolati li jtajru l-bandiera tagħha ma jwettqux u ma jappoġġjawx attivitajiet ta' sajd IUU, u dan mhuwiex konformi mal-punt 34 tal-IPOA-IUU li jistipula li l-Istati għandhom jiżguraw li bastimenti tas-sajd intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom ma jwettqux u ma jappoġġjawx attivitajiet ta' sajd IUU. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Sri Lanka u li ssir referenza għalihom fil-premessi 36 sa 38 tenfasizza wkoll in-nuqqas tas-Sri Lanka li tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 19(1) u (2) tal-UNFSA, li jistipula li Stat tal-bandiera għandu jiżgura li bastimenti tiegħu li jtajru l-bandiera tiegħu għandhom josservaw ir-regoli tal-RFMO dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni.

(40)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li s-Sri Lanka ma setgħetx tieħu miżuri xierqa b'mod effettiv fir-rigward tas-sajd IUU rikorrenti minħabba nuqqasijiet fil-qafas legali tagħha. Għaldaqstant, issuġġeriet li fil-pjan ta' azzjoni ssir reviżjoni tal-qafas ġuridiku sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-ibħra internazzjonali; dan sabiex jiġi rimedjat in-nuqqas ta' mezzi operattivi suffiċjenti għall-monitoraġġ effettiv tal-flotot għal distanzi twal tas-Sri Lanka, u biex tinħoloq skema ta' sanzjonijiet ta' deterrent.

(41)

Kif imsemmi fil-premessa 36 ta' din id-Deċiżjoni, f'Novembru 2013 is-Sri Lanka adottat Att dwar is-Sajd rivedut li jippermetti lill-bastimenti tagħha jistadu barra ż-ŻEE tagħha. Madankollu, l-att meħtieġ għall-implimentazzjoni tas-sistema ta' liċenzjar għall-ibħra internazzjonali għadu fi stat ta' abbozz, u għalhekk mhuwiex applikabbli. Attwalment, il-liċenzji qed jinħarġu mill-amministrazzjoni b'mod mhux sistemiku, mingħajr proċedura predeterminata. Barra minn hekk, l-Att tas-Sajd rivedut ipprovda wkoll għal aktar sanzjonijiet fir-rigward ta' ksur IUU, li jistgħu jitqiesu bħala deterrent biss għal parti mill-flotta għal distanzi twal tas-Sri Lanka (b'mod speċifiku, għal dgħajjes ta' daqs żgħir li qed jistadu barra ż-ŻEE tas-Sri Lanka, li għalihom is-sanzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala xierqa meta tiġi kkunsidrata l-kapaċità limitata ta' sajd ta' dawn il-bastimenti. Madankollu, fl-2013 u fl-2014 il-flotta ta' bastimenti ta' daqs kbir tas-Sri Lanka (ta' daqs akbar minn 24 metru) kibret, u l-livell ta' sanzjonijiet previsti mill-Att il-ġdid dwar is-Sajd applikabbli għal din il-parti tal-flotta ma jistax jiġi kkunsidrat bħala deterrent, minħabba li dawn il-bastimenti għandhom kapaċità tas-sajd bejn 10 darbiet u 20 darba akbar minn dik tal-bastimenti ż-żgħar. Il-leġiżlazzjoni attwali (6) tipprevedi multa ta' ammont massimu ta' EUR 8 429 (LKR 1 500 000 (7)), li ma tistax titqies bħala effettiva sabiex tiġi żgurata l-konformità, sabiex jiġu skoraġġuti l-vjolazzjonijiet u sabiex il-ħatjin jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali li jwettqu. Għaldaqstant, livell ta' sanzjonijiet ta' dan it-tip ma jistax jitqies bħala konformi mal-Artikolu 19(2) tal-UNFSA, li jistipula, fost l-oħrajn, li s-sanzjonijiet għandhom ikunu ta' severità xierqa u jċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali li jwettqu. B'hekk, il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta' sanzjonar introdotta mis-Sri Lanka hija inadegwata, filwaqt li jidher ukoll b'mod ċar li din mhijiex proporzjonata fir-rigward tal-gravità tal-vjolazzjonijiet li jistgħu jseħħu, fir-rigward tal-impatt potenzjali tal-vjolazzjonijiet fuq ir-riżorsi u fir-rigward tal-benefiċċju potenzjali li jista' joħroġ minn azzjonijiet illegali ta' dan it-tip.

(42)

Konsegwentement, l-azzjonijiet li ħadet is-Sri Lanka fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera mhumiex biżżejjed sabiex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118 tal-UNCLOS u mal-Artikoli 18, 19 u 20 tal-UNFSA.

(43)

Fl-isfond tal-premessi 292 sa 299 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u fl-isfond tal-iżviluppi li seħħew wara l-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) tar-Regolament IUU, li s-Sri Lanka naqset milli taqdi dawk li huma d-dmirijiet tagħha skont il-liġijiet internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-bastimenti IUU u fir-rigward tas-sajd IUU li jsir jew li jiġi appoġġjat minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew minn ċittadini tagħha, u li l-pajjiż ma ħax azzjoni suffiċjenti sabiex jiġġieled is-sajd IUU dokumentat u rikorrenti minn bastimenti li qabel kienu jtajru l-bandiera tiegħu.

3.2.   Nuqqas ta' kooperazzjoni u infurzar (l-Artikolu 31(5)(b), (c) u (d) tar-Regolament IUU)

(44)

Kif deskritt fil-premessi 302 sa (311 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat jekk is-Sri Lanka ikkooperatx jew le b'mod effettiv mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjonijiet u l-attivitajiet relatati.

(45)

Rigward il-bastimenti msemmija fil-premessa 293 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, is-Sri Lanka, kif huwa indikat fil-premessa 296 ta' din id-Deċiżjoni, kienet obbligata li tirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda kontra dawk il-bastimenti fuq bażi ta' kull xahar. Dan ir-rappurtar sar biss għal 9 xhur mit-12-il xahar tal-2013, u għal xahrejn minn 4 xhur fl-2014. Bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tal-UNFSA, li jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati biex dawn jinvestigaw, u jikkooperaw, jew direttament jew permezz tal-RFMOs, biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma', u infurzar ta', il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-RFMOs, għalhekk is-Sri Lanka naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġijiet internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-infurzar f'livell internazzjonali.

(46)

Kif deskritt fil-premessa 302 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, kif ukoll fil-premessa 45 hawn fuq, is-Sri Lanka ma ssodisfatx l-obbligi tagħha ta' rappurtar ta' kull xahar lejn l-IOTC għat-13-il bastiment irreġistrati s-Sri Lanka li jidhru li kienu involuti f'attivitajiet IUU iżda li ma ġewx elenkati mill-IOTC. Għaldaqstant, is-Sri Lanka naqset milli turi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94(2)(b) tal-UNCLOS li jistipula li Stat tal-bandiera jassumi ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu.

(47)

Barra minn hekk, kif deskritt fil-premessi 306 sa 307 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat jekk is-Sri Lanka ħaditx miżuri ta' infurzar effettivi fir-rigward ta' operaturi responsabbli għal sajd IUU, u jekk ġewx applikati sanzjonijiet severi biżżejjed biex min jikser il-liġi jiġi mċaħħad mill-benefiċċji li jirriżultaw mis-sajd IUU.

(48)

Kif ġie spjegat fil-premessa 41, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, is-Sri Lanka ma stabbilixxietx sistema ta' sanzjonar ta' deterrent għall-parti tal-flotta tagħha magħmula minn bastimenti ta' daqs kbir. Il-katalogu attwali ta' sanzjonijiet mhuwiex konformi mal-Artikolu 19(2) tal-UNFSA li jistipula, fost l-oħrajn, li s-sanzjonijiet għandhom ikunu ta' severità xierqa u għandhom iċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali li jwettqu.

(49)

L-evidenza disponibbli għadha tikkonferma li s-Sri Lanka ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont il-liġijiet internazzjonali fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar effettivi. F'dan ir-rigward, kif ġie spjegat fil-premessi 36 sa 38, l-eżistenza sostnuta ta' bastimenti li jistadu bi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-IOTC tenfasizza n-nuqqas tas-Sri Lanka li Sri Lanka li taqdi r-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-bastimenti tagħha li joperaw fl-ibħra internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 18(1) u (2) tal-UNFSA.

(50)

Kif enfasizzat fil-premessa 309 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-livell ta' żvilupp tas-Sri Lanka ma jistax jitqies bħala fattur li jxekkel il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw ma' pajjiżi oħra u jieħdu azzjonijiet ta' infurzar. Il-valutazzjoni tal-limitazzjonijiet speċifiċi fuq l-iżvilupp hija deskritta b'mod aktar dettaljat fil-premessi 65 sa 67.

(51)

Konsegwentement, l-azzjonijiet li ħadet is-Sri Lanka fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera mhumiex biżżejjed sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 94(2)(b) tal-UNCLOS u mal-Artikoli 18 u 19 tal-UNFSA.

(52)

Fl-isfond tal-premessi 302 sa 311 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u tal-iżviluppi li seħħew wara l-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(5)(b), (c) u (d) tar-Regolament IUU, is-Sri Lanka naqset milli taqdi dawk li huma d-dmirijiet tagħha skont il-liġijiet internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-isforzi ta' infurzar.

3.3.   Nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(53)

Kif deskritt fil-premessi 314 sa 334 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala rilevanti fir-rigward tal-istatus tas-Sri Lanka bħala Parti Kontraenti tal-IOTC. B'hekk il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala rilevanti fir-rigward tal-qbil tas-Sri Lanka li tapplika l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li ġew adottati mill-IOTC wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012.

(54)

Huwa mfakkar li minn meta ġiet promulgata d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, l-IOTC ħarġet Rapporti annwali ta' Konformità għall-2013 (8) u l-2014 (9) rispettivament, li juru li s-Sri Lanka għad mhijiex konformi, jew li kienet konformi biss b'mod parzjali fis-snin 2012 u 2013.

(55)

Fir-rigward tar-Rapport ta' Konformità għall-2013, is-Sri Lanka naqset milli tippreżenta xi informazzjoni meħtieġa dwar l-istatistika u dwar ċertu miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni.

(56)

B'mod partikolari, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 10/08 tal-IOTC (10) għal-lista ta' bastimenti attivi, is-Sri Lanka ma pprovdietx informazzjoni dwar il-kodiċi internazzjonali tar-radju għal kull bastiment. Fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 06/03 tal-IOTC (11) dwar l-adozzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), is-Sri Lanka naqset milli tgħammar il-bastimenti tagħha ta' tul totali ta' aktar minn 15-il metru b'VMS, u milli tibni Ċentru għall-Monitoraġġ tas-Sajd (FMC). Is-Sri Lanka naqset ukoll milli tibgħat ir-rapport ta' progress dwar il-VMS, li huwa dmir obbligatorju. Rigward ir-Riżoluzzjoni 10/02 tal-IOTC (12) dwar ir-rekwiżiti obbligatorji ta' statistika, is-Sri Lanka ma rrappurtatx id-dejta dwar id-daqs tal-frekwenza tas-sajd kostali u ma rrappurtatx dejta dwar l-isforz u l-frekwenza tad-daqsijiet tal-qabdiet nominali, tal-qabdiet u l-isforz skont l-istandard meħtieġ minn dik ir-Riżoluzzjoni għas-sajd kostali, is-sajd tal-wiċċ u s-sajd bil-konzijiet. Rigward ir-Riżoluzzjoni 05/05 tal-IOTC (13) dwar it-tressiq ta' dejta dwar il-klieb il-baħar, is-Sri Lanka hija konformi biss b'mod parzjali, minħabba li d-dejta dwar il-qbid bl-għeżula tat-tisqif u bil-konzijiet jiġu rrappurtati bħala ċifra waħda.Rigward ir-Riżoluzzjoni 12/05 tal-IOTC (14) dwar it-trażbord fil-portijiet, is-Sri Lanka ma pprovdietx ir-rapport obbligatorju.Rigward ir-Riżoluzzjoni 11/04 tal-IOTC dwar l-osservaturi (15), is-Sri Lanka ma implimentatx l-iskema reġjonali tal-osservatur kif mitlub f'din ir-Riżoluzzjoni. B'mod partikolari, is-Sri Lanka ma stabbilixxietx l-iskema tal-osservatur għall-5 % obbligatorju fuq il-baħar għall-bastimenti ta' tul ta' aktar minn 24 metru u mhux qed taġixxi b'mod konformi mal-obbligu ta' rappurtar tal-osservatur.

(57)

Rigward ir-Rapport ta' Konformità għall-2014, is-Sri Lanka naqset milli tippreżenta xi informazzjoni meħtieġa dwar l-istatistika, u informazzjoni dwar ċertu miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni.

(58)

B'mod partikolari, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 13/02 tal-IOTC (16), is-Sri Lanka ma adottatx leġiżlazzjoni li tagħmel l-immarkar tal-irkaptu obbligatorju. Rigward ir-Riżoluzzjoni 13/08 tal-IOTC (17), is-Sri Lanka ma ressqitx pjan ta' ġestjoni għall-Irkapti biex Jinġema l-Ħut (FADs), filwaqt li ma ttieħdux l-miżuri legali u amministrattivi fir-rigward tat-8 bastiment tas-sajd bil-purse seines kif meħtieġ skont ir-Riżoluzzjoni 12/13 tal-IOTC (18). Għal darb' oħra fl-2014, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 06/03 tal-IOTC (19), is-Sri Lanka ma għammritx il-bastimenti tagħha ta' tul totali ta' aktar minn 15-il metru b'VMS, ma bnietx FMC u naqset milli tibgħat ir-rapport ta' progress dwar il-VMS, li huwa obbligatorju.Rigward ir-Riżoluzzjoni IOTC 10/02 dwar rekwiżiti statistiċi obbligatorji, is-Sri Lanka ma rrappurtatx dejta dwar l-isforz u l-frekwenza tad-daqsijiet tal-qabdiet nominali, tal-qabdiet u l-isforz fil-livell tal-istandard mitlub minn din ir-Riżoluzzjoni.Fir-rigward tar-Riżoluzzjonijiet 13/06 (20) u 12/04 (21) tal-IOTC, is-Sri Lanka ma ttrasponietx projbizzjoni fuq il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi. Barra minn hekk, ma implimentatx l-obbligi għal bastimenti tas-sajd bil-purse seines biex dawn iġorru magħhom koppijiet, u għal bastimenti tas-sajd bil-konz biex dawn iġorru magħhom tagħmir għall-qtugħ tax-xlief u tagħmir għat-tneħħija tas-snanar. Imtenni wkoll fl-2014, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 11/04 (22), is-Sri Lanka ma implimentatx l-iskema tal-osservatur kif meħtieġ.B'mod partikolari, is-Sri Lanka ma stabbilixxietx l-iskema tal-osservatur għall-5 % obbligatorju fuq il-baħar għall-bastimenti ta' tul ta' aktar minn 24 metru u mhux qed taġixxi b'mod konformi mal-obbligu ta' rappurtar tal-osservatur. Fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 10/10 tal-IOTC (23), is-Sri Lanka ma pprovdietx ir-rapport dwar l-importazzjoni, il-ħatt l-art u t-trażbord tat-tonn u ta' prodotti tal-ħut simili għat-tonn fil-portijiet.

(59)

In-nuqqas tas-Sri Lanka li tipprovdi lill-IOTC l-informazzjoni meħtieġa u li tissodisfa l-obbligi tal-IOTC imsemmija fil-premessi 56 u 58 juri n-nuqqas tagħha li tissodisfa l-obbligi tagħha stabbiliti fl-UNCLOS u fl-UNFSA bħala Stat tal-bandiera. B'mod partikolari, in-nuqqas tagħha li tipprovdi informazzjoni f'waqtha dwar l-istatistika, il-VMS, il-qbid u l-isforz, it-trażbord fil-port u dwar il-programm ta' osservatur idgħajjef il-ħila tas-Sri Lanka li tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 117 u 118 tal-UNCLOS. Dawk l-Artikoli jistipulaw id-dmir ta' Stat li jadotta miżuri għaċ-ċittadini tiegħu għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-ibħra internazzjonali, u li dan jikkoopera fir-rigward ta' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi ħajjin fl-ibħra internazzjonali.

(60)

Kif deskritt fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, waqt il-missjoni tal-Kummissjoni fis-Sri Lanka f'Novembru 2010 ġew żvelati għadd ta' elementi, b'mod partikolari fir-rigward tal-VMS u n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni rigward ir-rappurtar dwar il-qbid. Elementi oħra ta' tħassib, bħan-nuqqas ta' skema tal-osservatur u rappurtar ta' kwalità fqira dwar il-bastimenti u ċittadini identifikati bħala li kienu involuti f'sajd IUU ġew enfasizzati fil-premessi 319 u 321 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 bħala riżultat tar-Rapporti ta' Konformità tal-IOTC għall-2011 u l-2012.F'dan ir-rigward, l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet tas-Sri Lanka fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd f'ibħra internazzjonali, il-ħolqien ta' VMS operattiv, skema affidabbli tal-osservatur, u reġistrazzjoni u rappurtar tal-qbid urew li l-awtoritajiet ma żgurawx kontroll u monitoraġġ effettivi tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Sri Lanka. B'mod partikolari, kif indikat fil-premessi 36, 40 u 41, is-Sri Lanka ġiet mistiedna tiżviluppa bir-reqqa qafas legali li jippermetti s-sajd f'ibħra internazzjonali b'liċenzji tas-sajd, u biex twettaq ir-riżoluzzjonijiet tal-IOTC, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-flotta tagħha, inkluż VMS, ġurnal ta' abbord u sistema ta' rappurtar ta' qabdiet, kif ukoll skema ta' osservazzjoni.Rigward il-leġiżlazzjoni tas-sajd f'ibħra internazzjonali, l-Att dwar is-Sajd ġie emendat biex jippermetti s-sajd f'ibħra internazzjonali, u r-Regolament ta' implimentazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji ġie abbozzat qabel ma fl-aħħar ġie adottat f'Settembru 2014. Madankollu, billi r-regolament ta' implimentazzjoni ma ġiex adottat qabel Settembru 2014, u minħabba li ma teżisti ebda informazzjoni dwar kif dan kien se jiġi implimentat, qed jinħarġu liċenzji amministrattivi biss, filwaqt li l-bastimenti rreġistrati s-Sri Lanka joperaw mingħajr VMS. Fir-rigward tal-iskema reġjonali ta' osservatur, id-dokumenti pprovduti mill-awtoritajiet tas-Sri Lanka żvelaw li minkejja l-għażla u r-reklutaġġ ta' għadd ta' spetturi, parti kbira tal-flotta mhux se tkun koperta minħabba l-għadd żgħir ta' spetturi (45) meta mqabbel mal-għadd kbir ta' bastimenti (1 758 fir-reġistru tal-bastimenti tal-IOTC). Madankollu, is-Sri Lanka għandha ma għamlet ebda proposti biex tindirizza din il-problema serja fil-kuntest tal-IOTC, u dan ifisser li ma hemm ebda kopertura xierqa tal-flotta li ttajjar il-bandiera tas-Sri Lanka li topera fl-ibħra internazzjonali minħabba li hemm nuqqas ta' mezzi ta' spezzjoni.F'dak ir-rigward qed jiġi mfakkar ukoll li s-Sri Lanka għandha problemi serji fil-qasam tar-rappurtar ta' dejta lill-IOTC, u dan ixekkel il-kapaċità tal-pajjiż li jeżerċita l-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera.

(61)

Fir-rigward tal-VMS, kif deskritt fil-premessi 316, 321 u 322 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u fil-premessa 60 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tfakkar rigward diversi problemi li ġew enfasizzati mill-IOTC. Wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, is-Sri Lanka ddikjarat li kienet tinsab fil-proċess li tintroduċi l-VMS. Hija ppreżentat lill-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni li turi l-ħtieġa li jinżamm transponder abbord mill-1 ta' Novembru 2011, u indikat li kien diġà ntgħażel fornitur ta' servizz. Madankollu, il-finanzjament ma kienx ġie allokat u n-negozjati bejn l-awtoritajiet tas-Sri Lanka u l-istituzzjoni finanzjarja rilevanti ilhom għaddejjin aktar minn 18-il xahar. In-negozjati jikkonċernaw it-termini u l-kundizzjonijiet ta' self biex jinxtara u jiġi installat FMC, u sabiex l-operaturi jingħataw għajnuna finanzjarja biex jinstallaw u joperaw VMS għall-flotta kollha tal-ibħra internazzjonali fi żmien raġjonevoli. Bħala riżultat, is-Sri Lanka ma għandhiex FMC. Barra minn hekk, il-VMS għadha qed tiġi żviluppata, u għadha qatt ma kienet operattiva. Kif ġie kkonfermat mis-sottomissjonijiet sussegwenti tas-Sri Lanka u mir-Rapporti ta' Konformità tal-IOTC tal-2013 u l-2014, waqt iż-żjara tagħha f'Jannar 2014 il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bastimenti tas-sajd tas-Sri Lanka għad mhumiex mgħammra bil-VMS. Rigward il-konformità mar-rekwiżiti tal-IOTC dwar il-VMS, jeżistu diskrepanzi bejn ir-Rapporti ta' Konformità tal-IOTC għall-2013 u l-2014 u l-azzjonijiet tas-Sri Lanka. Ir-Rapporti ta' Konformità jiddikjaraw li hemm konformità parzjali filwaqt li l-informazzjoni pprovduta mis-Sri Lanka turi b'mod ċar li ma kien hemm ebda implimentazzjoni konkreta ta' VMS. Għalhekk, mill-informazzjoni miġbura dwar il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-awtoritajiet tas-Sri Lanka, jidher li s-Sri Lanka ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(3)(g) tal-UNFSA, b'mod partikolari dawk dwar il-kapaċità operattiva tagħha li timmaniġġja l-flotta tagħha u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' VMS funzjonali.

(62)

Il-fatti stabbiliti fit-Taqsima 3.3 juru li s-Sri Lanka qed tikser l-Artikolu 18(3) tal-UNFSA.

(63)

Bħala konsegwenza, fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera, is-Sri Lanka osservat l-Artikoli 117 u 118 tal-UNCLOS u l-Artikoli 18(3) tal-UNFSA biss b'mod parzjali u inadempjenti.

(64)

Fl-isfond tal-premessi 314 sa 334 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u l-iżviluppi li seħħew wara dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, is-Sri Lanka naqset milli taqdi dawk li huma r-responsabbiltajiet tagħha skont il-liġijiet internazzjonali fir-rigward tar-regoli, ir-regolamenti u l-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4.   Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

(65)

Huwa mfakkar li, skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (24), is-Sri Lanka titqies bħala pajjiż medju fl-iżvilupp tal-bniedem (it-92 minn 186 pajjiż). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), fejn is-Sri Lanka hija elenkata fil-kategorija ta' pajjiż bi dħul medju inferjuri.

(66)

Kif deskritt fil-premessa 337 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ma nstabet ebda evidenza ta' korroborazzjoni li tissuġġerixxi li n-nuqqas tas-Sri Lanka li taqdi dawk li huma r-responsabbiltajiet tagħha skont il-liġijiet internazzjonali huwa riżultat ta' nuqqas ta' żvilupp. Wara l-15 ta' Novembru 2012 ma ġiet ippreżentata ebda evidenza konkreta addizzjonali biex jintwera li n-nuqqasijiet identifikati huma konsegwenza ta' nuqqas ta' kapaċità u ta' infrastruttura amministrattiva.

(67)

Fl-isfond tal-premessi 336 u 337 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u l-iżviluppi wara l-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus ta' żvilupp u l-prestazzjoni kumplessiva tas-Sri Lanka fir-rigward tas-sajd mhumiex imxekkla minn dan il-livell ta' żvilupp.

4.   KONKLUŻJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI TA' PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(68)

Fl-isfond tal-konklużjonijiet li saru aktar 'il fuq rigward in-nuqqas tas-Sri Lanka milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġijiet internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq, u biex tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi identifikat, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li hu pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(69)

B'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 18(1)(g) tar-Regolament IUU, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma marbuta biex jirrifjutaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu ebda evidenza addizzjonali jew jagħmlu talba għal assistenza lill-Istat tal-bandiera meta jkunu konxji li ċ-ċertifikat tal-qabda ġie vvalidat mill-awtoritajiet ta' Stat tal-bandiera identifikat bħal Stat li ma jikkooperax b'konformità mal-Artikolu 31 ta' dak ir-Regolament. Safejn huwa possibbli, l-impatt negattiv fuq il-kummerċ għandu jiġi introdott b'mod gradwali, sabiex fil-perjodu ta' bejn id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni u d-dħul fis-seħħ tal-miżuri possibbli li jridu jittieħdu mill-Kunsill, l-aġġustament mill-partijiet għas-sitwazzjoni l-ġdida jiġi ffaċilitat u sabiex l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien xieraq biex jadattaw, minħabba l-karatteristiki speċjali tal-prodotti tas-sajd mis-Sri Lanka u l-karatteristiki speċjali tal-intrapriżi tas-Sri Lanka, fost oħrajn, l-intrapriżi tagħhom żgħar u ta' daqs medju. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi posposta bi tliet xhur. Dan il-posponiment ma għandu jkollu ebda impatt fuq il-ħtieġa għat-teħid ta' miżuri rapidi mill-Kunsill biex is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka b'rabta mas-sajd IUU tiġi indirizzata malajr.

(70)

Għandu jiġi ddikjarat li l-identifikazzjoni tas-Sri Lanka bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni ma tipprekludi ebda passi sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill għall-finijiet tal-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx.

(71)

F'każ li l-Kunsill ikollu jżid lis-Sri Lanka fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, din id-Deċiżjoni ta' identifikazzjoni preċedenti ma tibqax valida.

5.   KUMITAT TA' PROĊEDURA

(72)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka hija identifikata bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-14 ta' Jannar 2015.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala possibbli li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1).

(3)  Ittra lill-Ministru tas-Sajd u l-Iżvilupp tar-Riżorsi Akkwatiċi tas-Sri Lanka tal-15 ta' Novembru 2012.

(4)  Il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Maniġġar ta' Stokkijiet ta' Ħut Trans-Żonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna.

(5)  http://iotc.org/meetings/11th-session-compliance-committee-coc11

(6)  Att dwar s-Sajd u l-Iżvilupp tar-Riżorsi Akkwatiċi (emenda), Nru 35 tal-2013.

(7)  EUR 8 429 fuq il-bażi tar-rata tal-kambju tas-27 ta' Mejju 2014.

(8)  Ir-Rapport ta' Konformità IOTC għas-Sri Lanka, Sessjoni tal-Kumitat ta' Konformità, 10, 2013, CoC10-CR25.

(9)  Ir-Rapport ta' Konformità IOTC għas-Sri Lanka, Sessjoni tal-Kumitat ta' Konformità, 11, 2014, CoC11-CR25 Rev1.

(10)  Ir-Riżoluzzjoni 10/08 dwar reġistru ta' bastimenti attivi li jistadu għat-tonn u għall-pixxispad fiż-żona tal-IOTC.

(11)  Ir-Riżoluzzjoni 06/03 dwar it-twaqqif ta' programm għal sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti.

(12)  Ir-Riżoluzzjoni 10/02 Rekwiżiti obbligatorji ta' statistika għal Membri tal-IOTC u għal Partijiet Mhux Kontraenti li Jikkooperaw (CPCs).

(13)  Ir-Riżoluzzjoni 05/05 dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar maqbuda flimkien ma' operazzjonijiet ta' sajd immaniġġjati mill-IOTC.

(14)  Ir-Riżoluzzjoni 12/05 dwar it-twaqqif ta' programm għal trażbord minn bastimenti tas-sajd ta' daqs kbir.

(15)  Ir-Riżoluzzjoni 11/04 dwar skema reġjonali tal-osservatur.

(16)  Ir-Riżoluzzjoni 13/02 dwar ir-reġistru tal-IOTC ta' bastimenti awtorizzati biex joperaw fiż-żona ta' kompetenza tal-IOTC.

(17)  Ir-Riżoluzzjoni 13/08 Proċeduri dwar pjan ta' ġestjoni għall-irkaptu biex jinġemal-ħut (FADs), inkluż speċifikazzjonijiet aktar dettaljati ta' rappurtar dwar il-qbid minn settijiet ta' tagħmir FAD, u l-iżvilupp ta' disinji mtejba ta' tagħmir FAD biex titnaqqas l-inċidenza ta' taħbil ta' speċijiet mhux fil-mira.

(18)  Ir-Riżoluzzjoni 12/13 għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' stokkijiet ta' tonn tropikali fiż-żona ta' kompetenza tal-IOTC.

(19)  Ir-Riżoluzzjoni 06/03 dwar l-adozzjoni ta' VMS u dwar ir-rapport ta' progress dwar il-VMS.

(20)  Ir-Riżoluzzjoni 13/06 dwar qafas xjentifiku u ta' ġestjoni dwar il-konservazzjoni ta' klieb il-baħar maqbuda flimkien ma' operazzjonijiet ta' sajd immaniġġjati mill-IOTC.

(21)  Ir-Riżoluzzjoni 12/04 dwar il-konservazzjoni tal-fkieren tal-baħar.

(22)  Ir-Riżoluzzjoni 11/04 dwar skema reġjonali tal-osservatur.

(23)  Ir-Riżoluzzjoni 10/10 dwar miżuri relatati mas-suq.

(24)  Għal referenza għall-Indiċi tan-NU dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem ara (il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi msemmija f'din id-Deċiżjoni aġġornata f'konformità mal-aħħar rapport disponibbli tan-NU): http://hdr.undp.org/en/media/HDR2013_EN_Summary.pdf

(25)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).