31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Lulju 2014

dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015

(2014/509/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,

Billi:

(1)

It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, li ltaqa' fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999 (1).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE (2) il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE (3) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE (4) u 2007/504/KE (5) il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2008. Permezz tad-deċiżjoni 2008/608/KE (6) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE (7) il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/387/UE (8) il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

(3)

F'konformità mal-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“it-Trattat tal-KE”), ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx beħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi tal-UEM fl-1 ta' Jannar 1999. Dik in-notifika ma tbiddlitx. F'konformità mal-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka anness mat-Trattat tal-KE u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern f'Edinburgh f'Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx se tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE l-Isvezja għandha deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003 (9), ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Polonja għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 (10), il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2012 (11), il-Kroazja għandha deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-TFUE.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta' Ġunju 1997 (12). Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta' Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (13).

(6)

L-Artikolu 140(2) tat-TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għat-terminazzjoni tad-deroga tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) tat-TFUE.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandha tiġi adattata skont il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jipprovdu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Litwanja mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 tat-TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE ifisser li l-prestazzjoni ta' Stat Membru relattiva għall-prezzijiet tkun sostenibbli u li jkollu rata medja ta' inflazzjoni, osservata matul perjodu ta' sena qabel l-analiżi, li ma tkunx taqbeż b'iżjed minn punt perċentwali u nofs dik ta', l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (14). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta' Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta' 12-il indiċi mensili relattivament għall-medja aritmetika ta' 12-il indiċi mensili tal-perjodu ta' qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE tqies valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta' sena sa' April 2014, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 1,7 fil-mija, bil-Latvja, il-Portugall u l-Irlanda bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f'dik li hija l-istabbiltà ta' prezzijiet, b'rati ta' inflazzjoni ta', rispettivament, 0,1 fil-mija 0,3 fil-mija u 0,3 fil-mija. Huwa ġustifikat li jiġu esklużi l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni li r-rati ta' inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra. Tali pajjiżi fil-passat kienu identifikati fir-Rapporti dwar il-Konverġenza tal-2004, l-2010 u l-2013. Fl-istadju attwali, huwa ġustifikat li jiġu esklużi l-Greċja, il-Bulgarija u Ċipru mill-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni (15). Dawn jiġu sostitwiti mil-Latvja, il-Portugall u l-Irlanda, l-Istati Membri b'rati ta' inflazzjoni medji li jkunu l-inqas li jmiss, għall-kalkolu tal-valur referenzjarju.

(9)

Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE ifisser li fil-waqt tal-analiżi, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-TFUE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

(10)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE jeħtieġ li Stat Membru jkun ikkonforma mal-marġnijiet normali ta' fluttwazzjoni li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet severi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-analiżi. B'mod partikolari, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess għall-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-valutazzjoni tat-twettiq tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fil-valutazzjoni tat-twettiq ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE analizzaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm fil-15 ta' Mejju 2014.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju ta' konverġenza tar-rati ta' imgħax li jissemma fir-raba' inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE jeħtieġ li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-analiżi, Stat Membru kellu medja tar-rati ta' imgħax nominali fuq perjodu fit-tul li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju ta' konverġenza tar-rati ta' imgħax, intużaw rati ta' imgħax komparabbli fuq bonds ta' referenza ta' għaxar snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi vvalutat it-twettiq tal-kriterju tar-rati ta' interess, tqies il-valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' interessi nominali fuq perjodu fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Il-valur referenzjarju huwa bbażat fuq ir-rati tal-imgħax fuq perjodu fit-tul fil-Latvja (3,3 fil-mija), l-Irlanda (3,5 fil-mija) u l-Portugall (5,9 fil-mija) u fil-perjodu ta' sena li ntemm f'April 2014 kien 6,2 fil-mija.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-dejta użata fil-valutazzjoni tal-kriterji ta' konverġenza għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet dik id-dejta. Ġiet ipprovduta dejta baġitarja mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sal-1 ta' April 2014 f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (16).

(13)

Abbażi tar-rapporti mressqin mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mil-Litwanja fit-twettiq tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-ksib tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li:

(a)

fil-Litwanja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE;

(b)

fir-rigward tat-twettiq mil-Litwanja tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE:

ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Litwanja fis-sena li ntemmet f'April 2014 kienet ta' 0,6 %, li hija aktar baxxa mill-valur referenzjarju, u x'aktarx tibqa' taħt il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin,

il-Litwanja mhijiex is-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv, b'defiċit baġitarju ta' 2,1 % tal-PGD fl-2013,

il-Litwanja ilha membru tal-ERM II mit-28 ta' Ġunju 2004; mad-dħul tagħha fl-ERM II, l-awtoritajiet b'mod unilaterali impenjaw ruħhom biex iżommu l-Bord tal-Valuta fil-mekkaniżmu. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, ir-rata ta' kambju tal-litas ma ddevjatx mir-rata ċentrali tagħha u ma kenitx soġġetta għal tensjonijiet,

fis-sena li ntemmet f'April 2014, ir-rata tal-imgħax fuq perjodu fit-tul fil-Litwanja kienet, fuq medja, ta' 3,6 fil-mija, li hija taħt il-valur referenzjarju.

(c)

fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà legali u tat-twettiq tal-kriterji ta' konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, il-Litwanja tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Litwanja tissodisfa l-kondizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga favur il-Litwanja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003 tintemm b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/317/KE tat-3 ta' Mejju 1998 skont l-Artikolu 109j(4) tat-Trattat (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta' Ġunju 2000 skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2001 min-naħa tal-Greċja (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta' Lulju 2006 skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/503/KE tal-10 ta' Lulju 2007 skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE tal-10 ta' Lulju 2007 skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta' Lulju 2008 skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009 (ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (2010/416/UE) tat-13 ta' Lulju 2010 f'konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011, ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24.

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/UE tad-9 ta' Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014 (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 24).

(9)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(10)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

(11)  ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

(12)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(13)  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1).

(15)  F'April 2014, ir-rata ta' inflazzjoni medja fuq 12-il xahar tal-Greċja, il-Bulgarija u Ċipru kienu – 1,2 %, – 0,8 % u – 0,4 % rispettivament u dik taż-żona tal-euro 1,0 %.

(16)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tat-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).