16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/59


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Lulju 2014

li tidentifika l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika ta' infurzar u kontroll fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

(2014/464/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fond Ewropew tas-Sajd Marittimu,

Billi:

(1)

Jeħtieġ li l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika tal-infurzar u l-kontroll jiġu ddefiniti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħejju l-programmi operattivi marbutin mal-miżuri ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(2)

L-appoġġ tal-Unjoni għandu jagħti prijorità lill-iżjed azzjonijiet effettivi biex titjieb l-effiċjenza fl-attivitajiet ta' kontroll, filwaqt li titqies il-prestazzjoni tal-Istati Membri biex implimentaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(3)

Il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika tal-infurzar u tal-kontroll għandhom jinkludu:

L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 biex jitneħħew in-nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll ta' Stat Membru,

L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi biex jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonalitajiet ex ante stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, kif previst mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn ma jiġux sodisfatti l-kondizzjonalitajiet, il-programm għandu jkun fih deskrizzjoni tal-azzjoni li għandha titwettaq li tinkludi l-miżuri li se jiġu ffinanzjati,

L-implimentazzjoni tas-sistemi ta' validazzjoni tad-dejta kif previst fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u b'mod partikolari l-proġetti li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-interoperabbiltà bejn is-sistemi rispettivi tal-Istati Membri, billi sistema ta' rappurtar tal-qabdiet u tat-tentattivi sħiħa u affidabbli hija fattur ewlieni fil-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd tal-Unjoni,

L-infurzar u l-kontroll tal-obbligu li l-qabdiet kollha jittellgħu l-art, kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan l-obbligu ġdid huwa żieda importanti ħafna għall-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida, u ddaħħal biex jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-isfruttar tal-istokkijiet tal-ħut li jista' jinstad. L-implimentazzjoni ta' dan l-obbligu l-ġdid se joħloq l-addattazzjonijiet fis-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri, li se jinvolvu nfiq ġdid,

L-infurzar u l-kontroll tal-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qabdiet għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd kif stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. L-implimentazzjoni tal-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qabdiet hija l-qofol tal-ġlieda kontra l-attivitajiet IUU (illegali, mhux rapportat u mhux regolat),

Azzjonijiet effettivi li l-għan tagħhom hu li jinfurzaw l-limiti tal-kapaċità tal-flotot. Biex żgur ikun hemm bilanċ bejn l-opportunitajiet għas-sajd u l-kapaċità tas-sajd, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-limiti tal-kapaċitajiet jiġu rispettati, u għandhom jimplimentaw proġetti li l-għan tagħhom ikun iċ-ċertifikazzjoni, il-verifikazzjoni u l-kejl tas-saħħa tal-magni li qed jintalab finanzjament għalihom,

L-implimentazzjoni tal-Programmi Speċifiċi ta' Kontroll u Spezzjoni (SCIP) jew tal-koordinazzjoni tal-kontroll marbut ma' żona tas-sajd jew ma' żona li mhijiex koperta minn SCIP, skont l-Artikolu 95(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (6). Dawn it-tipi ta' azzjoni jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kultura ta' konformità, għar-rinforz tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u joħolqu sinerġija bejn l-għodda ta' kontroll diversi,

L-infurzar u l-kontroll tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 67(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 (7). L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jeżiġi li l-lottijiet kollha tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom ikunu traċċabbli fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni, mill-qbid jew il-ġbir sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut. L-Artikolu 67(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jeżiġi li l-operaturi kollha jwaħħlu l-informazzjoni fuq il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura msemmijin fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 bħala għodda ta' identifikazzjoni, bħal kodiċi, barcode, ċippa elettronika jew mezz jew sistema ta' mmarkar simili; dan ir-rekwiżit japplika mill-1 ta' Jannar 2013 għall-prodotti minn żoni tas-sajd li jagħmlu parti minn pjan multiannwali, u mill-1 ta' Jannar 2015, għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura l-oħrajn kollha. L-infurzar u l-kontroll tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà għandhom ikunu prijorità tal-Unjoni. L-implimentazzjoni tas-sistema ta' traċċabbiltà hija l-qofol tal-politika ta' kontroll tas-sajd biex tkun żgurata t-trasparenza tal-oriġini tal-prodotti tas-sajd.

(4)

Il-prijoritajiet tal-Unjoni għandhom jiġu applikati b'mod flessibbli, skont il-punti tajbin u l-punti dgħajfin tal-politika ta' infurzar u kontroll f'kull Stat Membru. Jekk Stat Membru jkun diġà indirizza ċerti prijoritajiet, dak l-Istat Membru għandu, fil-prinċipju, jindirizza prijoritajiet oħrajn.

(5)

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika ta' infurzar u kontroll jistgħu jiġu emendati kull sentejn permezz ta' atti ta' implimentazzjoni biex jiġu addattati għall-ħtiġijiet tal-kontroll li jevolvu.

(6)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika ta' infurzar u kontroll, kif imsemmijin fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni adottati skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 biex jitneħħew in-nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll ta' Stat Membru;

(b)

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet iddefiniti skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-kapaċità amministrattiva li tikkonforma mal-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll, spezzjoni u infurzar tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 508/2014;

(c)

l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' validazzjoni tad-dejta kif imsemmija fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta' proġetti li jużaw formati standard komuni jew li jtejbu l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-Istati Membri;

(d)

il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu li l-qabdiet kollha jittellgħu l-art, kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inklużi l-addattamenti marbutin mal-implimentazzjoni ta' dak l-obbligu fis-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri;

(e)

il-kontroll u l-infurzar tal-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qabdiet stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, u

(f)

l-implimentazzjoni ta' proġetti li l-għan tagħhom huwa ċ-ċertifikazzjoni, il-verifika u l-kejl tas-saħħa tal-muturi;

(g)

l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta' kontroll u ta' spezzjoni stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 95(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(h)

il-koordinazzjoni tal-kontroll skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005;

(i)

il-kontroll u l-infurzar tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà, fosthom is-sistemi ta' tikkettar biex ikun żgurat li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni affidabbli, kif stipulat fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 67(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).