26.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/108


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' Ġunju 2014

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ħmira tal-furnara trattata bil-UV (Saccharomyces cerevisiae) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 4114)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2014/396/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta' Mejju 2012, il-kumpanija Lallemand SAS talbet lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex tqiegħed fis-suq il-ħmira tal-furnara trattata bil-UV (Saccharomyces cerevisiae) bħala ingredjent alimentari ġdid. Il-ħmira tal-furnara trattata bil-UV hi maħsuba biex tintuża fil-produzzjoni ta' ħobż, bziezen u prodotti fini tal-forn li jkunu yeast-leavened.

(2)

Fil-31 ta' Awwissu 2012, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet l-ewwel rapport tal-valutazzjoni tagħha. F'dak ir-rapport waslet għall-konklużjoni li l-ħmira tal-furnara trattata bil-UV tissodisfa l-kriterji bħala ikel ġdid kif jistabbilixxi l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fil-11 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Matul il-perjodu ta' 60 jum li jistabbilixxi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati.

(5)

Fl-14 ta' April 2013 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u talbitha tagħmel valutazzjoni oħra għall-ħmira tal-furnara trattata bil-UV bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97.

(6)

Fit-12 ta' Diċembru 2013 fl-“Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza tal-ħmira tal-furnara trattata bil-UV u rikka fil-vitamina D” (2), l-EFSA kkonkludiet li l-ħmira tal-furnara trattata bil-UV li fiha kontenut rikk ta' vitamina D2 hi sikura skont il-kundizzjonijiet tal-użu maħsuba għalihom.

(7)

Għaldaqstant, l-Opinjoni Xjentifika tagħti raġunijiet biżżejjed biex il-ħmira tal-furnara trattata bil-UV bħala ingredjent alimentari ġdid tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r- Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-vitamini u l-minerali meta jiżdiedu mal-ikel u fis-supplimenti tal-ikel. L-użu tal-ħmira tal-furnara trattata bil-UV għandu jkun awtorizzat mingħajr ħsara għal dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħmira tal-furnara trattata bil-UV kif jispeċifika l-Anness I tista' titqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent alimentari ġdid skont l-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II mingħajr ħsara għad-Direttiva 2002/46/KE u għar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

Artikolu 2

Id-deżinjazzjoni tal-ħmira tal-furnara trattata bil-UV li hija awtorizzata b'din id-Deċiżjoni dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “ħmira bil-vitamina D” jew “ħmira bil-vitamina D2”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lil Lallemand SAS, 19 Rue des Briquetiers BP59, 31702 Blagnac Cedex, Franza.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  The EFSA Journal 2014; 12(1):3520.

(3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26).


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-ĦMIRA TAL-FURNARA TRATTATA BIL-UV

Definizzjoni : Il-ħmira tal-furnara (Saccharomyces cerevisiae) hi trattata b'dawl ultravjola biex twassal għall-konverżjoni tal-ergosterol f'vitamina D2 (l-ergokalċiferol). Il-kontenut tal-vitamina D2 fil-konċentrat tal-ħmira jvarja bejn 1 800 000 — 3 500 000 IU ta' vitamina D/100 g (450-875 μg/g).

Deskrizzjoni : Granuli ġierja lewn il-kannella ċar

Il-vitamina D2 :

Isem kimiku

(5Z,7E,22E)-3S-9,10-sekoergosta-5,7,10(19),22-tetraen-3-ol

Sinonimu

L-ergokalċiferol

Nru tal-CAS

50-14-6

Piż molekulari

396,65 g/mol

Kriterji mikrobijoloġiċi tal-konċentrat tal-ħmira :

Koliformi

Mhux aktar minn 1 000 /g

Escherichia coli

Mhux aktar minn 10/g

Salmonella spp.

Nieqsa f'25 g


ANNESS II

L-UŻI AWTORIZZATI TAL-ĦMIRA TAL-FURNARA TRATTATA BIL-UV

Kategorija tal-ikel

Livelli tal-użu massimu

Ħobż u bziezen yeast-leavened

5 μg ta' vitamina D2/100 g ta' prodott finali

prodotti fini tal-forn li jkunu yeast-leavened

5 μg ta' vitamina D2/100 g ta' prodott finali

Supplimenti tal-ikel

5 μg ta' vitamina D2/jum