11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/49


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Mejju 2014

dwar il-konklużjoni tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil

(2014/344/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 74 u l-Artikolu 78(1) u (2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/186/UE (1), l-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (l-'Arranġament') ġie ffirmat fit-3 ta' Marzu 2014, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(2)

L-Arranġament għandu jiġi approvat.

(3)

Kif speċifikat fil-premessa 21 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem f'dak ir-Regolament u huma marbuta bih. Huma għalhekk jagħtu effett lill-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 billi jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk qed jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni.

(4)

Kif speċifikat fil-premessa 22 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem f'dak ir-Regolament u mhix marbuta. Id-Danimarka għalhekk mhix qed tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil huwa għalhekk approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Arranġament huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 13(1) tal-Arranġament (3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/186/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 102, 5.4.2014, p. 3).

(2)  Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil ({U L 132, 29.5.2010, p. 11).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Arranġament ser jiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.