12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/265/PESK

tat-12 ta’ Mejju 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. (1)

(2)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi responsabbli għall-appoġġ b'mod attiv jew l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet ittrasferita kontra l-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn dan it-trasferiment. Il-benefiċjarji tat-trasferiment tas-sjieda entitajiet għandhom jinftiehmu li huma persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu saru proprjetarji ta' assi ttrasferiti kontra l-liġi tal-Ukraina wara l-annessjoni tal-Krimea u Sevastopol.

(3)

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li persuni u entitajiet addizzjonali għandhom jiżdiedu mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif jinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(4)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(5)

Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni fiżiċi responsabbli għall-appoġġ b'mod attiv jew l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u ta' persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.”.

(2)

L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma propjetà ta', huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi responsabbli għall-appoġġ b'mod attiv jew l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet ittrasferita kontra l-liġi Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn dan it-trasferiment, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”.

(3)

L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.”.

Artikolu 2

Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


ANNESS

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2.

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Vyacheslav Viktorovich VOLODIN

Imwieled fl-4 ta' Frar 1964 f'Alekseevka, reġjun ta' Saratov.

L-Ewwel Viċi Kap tal-Persunal tal-Amministrazzjoni Presidenzjali tar-Russja. Responsabbli mis-superviżjoni tal-integrazzjoni politika tar-reġjun Ukrain tal-Krimea anness fil-Federazzjoni Russa.

12.5.2014

2.

Vladimir SHAMANOV

Imwieled fil-15.02.1954 f'Barnaul.

Kmandant tat-Truppi tal-Ajru Russi, Kurunell-Ġenerali. Fil-pożizzjoni ta' awtorità għolja tiegħu huwa responsabbli mill-iskjerament tal-qawwiet tal-ajru Russi fil-Krimea.

12.5.2014

3.

Vladimir Nikolaevich PLIGIN

Imwieled fid-19.05.1960 f'Ignatovo, Vologodsk Oblast, USSR.

President tal-Kumitat tal-Liġijiet Kostituzzjonali tad-Duma. Responsabbli mill-ipproċessar ta' leġislazzjoni dwar l-annessjoni tal-Krimea u Sevastopol mal-Federazzjoni Russa.

12.5.2014

4.

Petr Grigorievich JAROSH

 

Aġent Kap tal-uffiċċju tas-Servizz Federali tal-Migrazzjoni għall-Krimea. Responsabbli mill-ħruġ sistematiku u rapidu ta' passporti Russi għar-residenti tal-Krimea.

12.5.2014

5.

Oleg Grigorievich KOZYURA

Imwieled fid-19.12.1962 f'Zaporozhye

Aġent Kap tal-uffiċċju tas-Servizz Federali tal-Migrazzjoni għal Sevastopol. Responsabbli mill-ħruġ sistematiku u rapidu ta' passporti Russi għar-residenti tal-Krimea.

12.5.2014

6.

Viacheslav PONOMARIOV

 

Sindku awtodikjarat ta' Slaviansk. Ponomarev appella lil Vladimir Putin biex jibgħat truppi Russi biex jipproteġu l-belt u aktar tard talbu jipprovdi l-armi. In-nies ta' Ponomarev huwa involuti fil-ħtif ta' persuni (huma qabdu l-ġurnalist Ukrain Irma Krat u Simon Ostrovsky, ġurnalist għal Vice News, aktar tard dawn it-tnejn ġew rilaxxati, huma żammew maqbuda l-osservaturi militari li kienu qed jaġixxu taħt id-Dokument ta' Vjenna tal-OSKE).

12.5.2014

7.

Igor Mykolaiovych BEZLER

Imwieled fl-1965

Wieħed mill-mexxejja tal-milizzja awtoproklamata ta' Horlivka. Ħa l-kontroll tal-bini tal-Uffiċċju tal-Ukraina għas-Servizz tas-Sigurtà fir-reġjun ta' Donetsk u wara ħataf l-istazzjon distrettwali tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni fir-raħal ta' Horlivka. Għandu rabtiet ma' Ihor Strielkov li taħt il-kmand tiegħu kien involut fil-qtil ta' Volodymyr Rybak, id-Deputat Popolari tal-Kunsill Muniċipali ta' Horlivka skont l-SBU.

12.5.2014

8.

Igor KAKIDZYANOV

 

Wieħed mill-mexxejja tal-forzi armati tar-“Repubblika Popolari ta' Donetsk” awtoproklamata. L-għan tal-forzi huwa li “jipproteġu l-poplu tar-Repubblika Popolari ta' Donetsk u l-integrità territorjali tar-repubblika” skont Pushylin, wieħed mill-mexxejja tar-“Repubblika Popolari ta' Donetsk”.

12.5.2014

9.

Oleg TSARIOV

 

Membru tar-Rada. Appella pubblikament għall-ħolqien tar-Repubblika Federali tan-Novorossia, magħmula mir-reġjuni Ukraini tax-Xlokk.

12.5.2014

10.

Roman LYAGIN

 

Kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tar-“Repubblika Popolari ta' Donetsk”. Organizza b'mod attiv ir-referendum fil-11 ta' Mejju dwar l-awtodeterminazzjoni tar-“Repubblika Popolari ta' Donetsk”.

12.5.2014

11.

Aleksandr MALYKHIN

 

Kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tar-“Repubblika Popolari tal- Lugansk”. Organizza b'mod attiv ir-referendum fil-11 ta' Mejju dwar l-awtodeterminazzjoni tar-“Repubblika Popolari tal-Lugansk”.

12.5.2014

12.

Natalia Vladimirovna POKLONSKAYA

Imwielda fit-18.03.1980 f'Eupatoria.

Prosekutur tal-Krimea. Implementat b'mod attiv l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja.

12.5.2014

13.

Igor Sergeievich SHEVCHENKO

 

Aġent Prosekutur ta' Sevastopol. Implementa b'mod attiv l-annessjoni ta' Sevastopol mir-Russja.

12.5.2014


Entitajiet:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

PJSC CHERNOMORNEFTEGAZ

 

Fis-17.03.2014 il-“Parlament tal-Krimea” adotta riżoluzzjoni li tiddikjara l-approprjazzjoni tal-assi li jappartjenu għall-intrapriża Chernomorneftegaz f'isem ir-“Repubblika tal-Krimea”. L-intrapriża b'hekk hija kkonfiskata b'mod effettiv mill-“awtoritajiet” tal-Krimea.

12.5.2014

2.

FEODOSIA

 

Fis-17.03.2014 il-“Parlament tal-Krimea” adotta riżoluzzjoni li tiddikjara l-approprjazzjoni tal-assi li jappartjenu għall-intrapriża Feodosia f'isem ir-“Repubblika tal-Krimea”. L-intrapriża b'hekk hija kkonfiskata b'mod effettiv mill-“awtoritajiet” tal-Krimea.

12.5.2014