11.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/198/PESK

tal-10 ta' Marzu 2014

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta' pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) li titlob lill-Istati kollha sabiex jikkoperaw fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, u fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' persuni responsabbli għall-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi fil-baħar 'il barra mix-xtut tas-Somalja. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew affermati mill-ġdid b'Riżoluzzjonijiet sussegwenti tal-KSNU.

(2)

Fl-10 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1) li tipprevedi operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (“operazzjoni Atalanta”).

(3)

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tipprevedi li persuni ssuspettati li għandhom l-intenzjoni li jwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta' piraterija jew ta' serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja, li jiġu arrestati u miżmuma bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti ta' piraterija jew ta' serq bl-użu tal-armi, jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni u l-proprjetà msemmijin hawn fuq, dment li l-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma' dak l-Istat terz b'mod konsistenti mal-liġi internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi garantit b'mod partikolari li ħadd ma jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.

(4)

Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kunsill fit-22 ta' Marzu 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta' pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (“il-Ftehim”).

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta' pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (“il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat biex jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Ftehim (2).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

I. VROUTSIS


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33).

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.