27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/43


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Marzu 2014

li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2014/170/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-“Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-proċeduri politiċi fir-rigward ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU il-Kummissjoni nnotifikat permezz ta’ Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 (2) (“Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012”) tmien pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li huma jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

(4)

Fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata tali identifikazzjoni.

(5)

Ukoll fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat it-tmien pajjiżi terzi permezz ta’ ittri separati bil-fatt li kienet qed tqis il-possibbiltà li tidentifikahom bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

(6)

Il-Kummissjoni, f’dawk l-ittri enfasizzat li sabiex jevitaw li jiġu identifikati u proposti għal iskrizzjoni formali bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif previst fl-Artikoli 31 u 33 tar-Regolament IUU, il-pajjiżi terzi kkonċernati, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, kienu mistiedna jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 jiġu rettifikati.

(7)

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni stiednet it-tmien pajjiżi terzi kkonċernati: (i) biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjanijiet ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni; (ii) biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinsabu fil-pjanijiet ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni; u (iii) biex kull sitt xhur jibagħtu rapporti dettaljati lill-Kummissjoni li jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ kull azzjoni inter alia fir-rigward tal-effettività individwali u/jew globali tagħhom fl-iżgurar ta’ sistema ta’ kontroll tas-sajd konformi għal kollox.

(8)

It-tmien pajjiżi terzi kkonċernati ngħataw l-opportunità biex iwieġbu bil-miktub dwar kwistjonijiet indikati espliċitament fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 kif ukoll fuq informazzjoni rilevanti oħra. Dan ippermettielhom li jissottomettu evidenza sabiex jiċħdu jew ilestu l-fatti invokati fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 jew li jadottaw, kif xieraq, pjan ta’ azzjoni għal titjib u l-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata. It-tmien pajjiżi kienu żgurati dwar id-dritt tagħhom li jitolbu, jew jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

(9)

Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu mat-tmien pajjiżi terzi u enfasizzat li qieset perjodu ta’ sitt xhur bħala fil-prinċipju suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim dwar din il-materja inkwistjoni.

(10)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li kkunsidrat neċessarja. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tat-tmien pajjiżi wara d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa. It-tmien pajjiżi nżammu informati, bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(11)

Permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru (3) (“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013”), il-Kummissjoni identifikat il-Beliże, ir-Renju tal-Kambodja u r-Repubblika tal-Ginea bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. F’konformità mar-Regolament IUU, il-Kummissjoni provdiet ir-raġunijiet li għalihom hi qieset li dawk it-tliet pajjiżi naqsu fil-qadi tal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali bħala Stati tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq li jieħdu azzjoni biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

(12)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tqiegħed il-Beliże, ir-Renju tal-Kambodja u r-Repubblika tal-Ginea fuq lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, għandha għalhekk titqies fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU bħalariżultat ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu li saru skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament IUU. Dawk il-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu, inklużi fil-korrispondenza u l-laqgħat li saru, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013 huma l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata huma l-istess. Din id-Deċiżjoni li tqiegħed il-Beliże, ir-Renju tal-Kambodja u r-Repubblika tal-Ginea fuq lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU għandha tinvolvi l-konsegwenzi ddikjarati fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU.

(13)

Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU tal-Kunsill, filwaqt li taġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, tneħħi pajjiż terz mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jekk il-pajjiż terz ikkonċernat juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-iskrizzjoni tiegħu tkun ġiet rettifikata. Deċiżjoni għat-tneħħija ser tikkunsidra wkoll jekk il-pajjiżi terzi identifikati kkonċernati ħadux miżuri konkreti biex ikunu jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAL-BELIŻE

(14)

Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat il-Beliże skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU li hi qieset il-possibbiltà li tidentifika lill-Beliże bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet lill-Beliże biex f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012. Matul il-perjodu ta’ Diċembru 2012 sa Awwissu 2013, il-Beliże ressaq bil-miktub l-opinjonijiet tiegħu u ltaqa’ mal-Kummissjoni biex jiddiskuti l-kwistjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni rilevanti lill-Beliże bil-miktub. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub mibgħuta mill-Beliże wara d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa, filwaqt li l-Beliże baqa’ jkun mgħarraf bil-fomm jew bil-miktub dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti mill-Beliże. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri proposti fi pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Beliże ma kinux ġewx implimentati għal kollox.

3.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-BELIŻE BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(15)

Fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Beliże u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità tal-Beliże f’konformità mal-konklużjonijiet fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, u wara li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm il-quddiem mill-Beliże, il-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

(16)

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet għall-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari man-nuqqas li jiġi adottat qafas legali adegwat, in-nuqqas ta’ monitoraġġ adegwat u effiċjenti, in-nuqqas ta’ skema ta’ kontroll u spezzjoni, in-nuqqas ta’ sistema ta’ sanzjonijiet ta’ deterrent, u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni korretta ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid. B’mod aktar ġenerali, nuqqasijiet oħra identifikati jikkonċernaw il-konformità mal-obbligi internazzjonali, fosthom rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni kontra s-sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA-UN). Madankollu, in-nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(17)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni identifikat lill-Beliże bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(18)

Fir-rigward ir-restrizzjonijiet possibbli fuq il-Beliże bħala pajjiż li qed jiżviluppa, għandu jiġi nnotat li l-istatus ta’ żvilupp speċifiku u l-prestazzjoni globali tal-Beliże rigward is-sajd mhumiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta’ żvilupp tiegħu.

(19)

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, u l-proċess ta’ djalogu mal-Beliże organizzat mill-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, jista’ jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Beliże fid-dawl tal-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex jikkonformaw mal-Artikoli 91, 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (l-UNCLOS), l-Artikoli 18, 19, 20 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNSFA), u mal-Artikolu II(8) tal-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO.

(20)

B’hekk, il-Beliże naqas milli jaqdi l-obbligi tiegħu skont il-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni biex jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU u għandu għaldaqstant jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

4.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-RENJU TAL-KAMBODJA

(21)

Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat ir-Renju tal-Kambodja (il-Kambodja) skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU li qieset il-possibbiltà li tidentifika lill-Kambodja bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet il-Kambodja biex f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 jiġu rettifikati. Matul il-perjodu ta’ Diċembru 2012 sa Ġunju 2013, il-Kambodja ressqet bil-miktub l-opinjonijiet tagħha u ltaqgħet mal-Kummissjoni biex tiddiskuti l-kwistjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Kambodja informazzjoni rilevanti bil-miktub. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub mibgħuta mill-Kambodja wara d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ġew kkunsidrati u meqjusa, filwaqt li l-Kambodja inżammet infurmata bil-fomm jew bil-miktub tad-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ma kinux ġew indirizzati biżżejjed mill-Kambodja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri proposti fi pjan ta’ azzjoni ippreżentat mill-Kambodja ma kinux ġew implimentati għal kollox.

5.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-KAMBODJA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(22)

Fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Kambodja u evalwat il-konformità tagħha mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni rrivediet il-konformità tal-Kambodja f’konformità mal-konklużjonijiet fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, u wara li kkunsidrat il-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit, kif elaborat ulterjorment b’informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Kambodja.

(23)

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari man-nuqqas tal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat, in-nuqqas ta’ monitoraġġ adegwat u effiċjenti, in-nuqqas ta’ skema ta’ kontroll u spezzjoni, u man-nuqqas ta’ sistema ta’ sanzjonijiet ta’ deterrent. B’mod aktar ġenerali, nuqqasijiet oħra identifikati jikkonċernaw il-konformità mal-obbligi internazzjonali u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-IPOA — in-NU. Madankollu, in-nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(24)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni identifikat lill-Kambodja bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(25)

Fir-rigward restrizzjonijiet possibbli fuq il-Kambodja bħala pajjiż li qed jiżviluppa, għandu jiġi nnotat li l-istatus speċifiku ta’ żvilupp u l-prestazzjoni globali tal-Kambodja rigward is-sajd mhumiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta’ żvilupp tiegħu.

(26)

L-azzjonijiet meħuda mill-Kambodja fid-dawl tad-dmirijiet tagħha bħala Stat tal-bandiera, huma insuffiċjenti biex jikkonformaw mal-Artikoli 91 u 94 tal-UNCLOS. Huwa mfakkar li huwa irrelevanti jekk il-Kambodja fil-verità rratifikatx l-UNCLOS minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar in-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa (l-Artikoli 86 sa 115 tal-UNCLOS) ġew rikonoxxuti bħala dritt internazzjonali konswetudinarju. Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet jikkodifikaw regoli li diġà jeżistu tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u jagħmlu tagħhom kważi verbatim il-kliem tal-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Miftuħa u tal-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Territorjali u ż-Żona Kontigwa, li l-Kambodja aderiet għat-tnejn li huma u rratifikathom.

(27)

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013,, u l-proċess ta’ djalogu mal-Kambodja organizzat mill-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, jista’ jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Kambodja fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex jikkonformaw mal-Artikoli 91 u 94 tal-UNCLOS.

(28)

B’hekk, il-Kambodja naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex tieħu azzjoni biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU u għandha għalhekk tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

6.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TAL-GINEA

(29)

Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Ginea (il-Ginea) skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU li hi qieset il-possibbiltà li tidentifika l-Ginea bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet lill-Ginea biex f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 jiġu rettifikati. Matul il-perjodu minn Diċembru 2012 sa Lulju 2013, il-Ginea ressqet bil-miktub l-opinjonijiet tagħha u ltaqgħet mal-Kummissjoni biex tiddiskuti l-kwistjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni rilevanti bil-miktub lill-Ginea. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa. Il-kummenti orali u miktuba mogħtija mill-Ginea wara d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ġew kkunsidrati u meqjusa, filwaqt li l-Ginea baqgħet tiġi mgħarrfa bil-fomm jew bil-miktub dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti mill-Ginea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri proposti fi pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Ginea ma kinux ġew implimentati għal kollox.

7.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-GINEA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(30)

Fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Ginea u evalwat il-konformità tagħha mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità tal-Ginea f’konformità mal-konklużjonijiet fid-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, u wara li kkunsidrat il-pjan ta’ azzjoni ssuġġeritkif elaborat ulterjorment b’informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Ginea.

(31)

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit kienu relatati mar-riformi li għadhom dovuti sabiex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat u effiċjenti suffiċjenti tal-flotta tas-sajd tagħha, implimentazzjoni effettiva tad-dritt nazzjonali u r-Regolamenti dwar is-sajd, l-infurzar tar-regoli billi jiġu segwiti u sanzjonati l-attivitajiet tas-sajd tal-IUU identifikati, ir-rinfurzar tal-mezzi ta’ spezzjoni u sorveljanza, ta’ sistema ta’ sanzjonar ta’ deterrent, ta’ politika tas-sajd konsistenti mal-kapaċità amministrattiva f’termini ta’ kontroll u sorveljanza. Nuqqasijiet oħra identifikati jirrigwardaw, b’mod aktar ġenerali, il-konformità mal-obbligi internazzjonali fosthom ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-RFMOs għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Gie identifikat ukoll nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-IPOA – in-NU. Madankollu, in-nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(32)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni identifikat lill-Ginea bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(33)

Fir-rigward ir-restrizzjonijiet possibbli fuq il-Ginea bħala pajjiż li qed jiżviluppa, għandu jiġi nnotat li l-istatus ta’ żvilupp speċifiku tal-Ginea jista’ jiddgħajjef minħabba l-livell ta’ żvilupp tagħha. Iżda, meta wieħed iqis in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti tal-Ginea, l-għajnuna mogħtija mill-Unjoni u l-azzjonijiet meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata, il-livell ta’ żvilupp ta’ dak il-pajjiż ma jistax jispjega l-prestazzjoni globali tal-Ginea bħala l-Stat tal-bandiera jew kostali fir-rigward tas-sajd u għall-insuffiċjenza tal-azzjoni tiegħu biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(34)

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, u l-proċess ta’ djalogu mal-Ginea organizzat mill-Kummissjoni u r-riżultati tagħha, jista’ jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Ginea fid-dawl tad-dmirijiet tagħha bħala Stat tal-bandiera u kostali huma insuffiċjenti biex jikkonformaw mal-Artikoli 61, 62, 94, 117 u 118 tal-UNCLOS u l-Artikoli 18, 19 u 20 tal-UNFSA.

(35)

B’hekk, il-Ginea naqset milli taqdi d-doveri tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera u kostali biex tieħu azzjoni biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU u għandha għaldaqstant tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

8.   STABBILIMENT TA’ LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

(36)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward il-Beliże, il-Kambodja u l-Ginea, dawk il-pajjiżi għandhom ikunu inklużi f’lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx li għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU.

(37)

L-azzjonijiet fir-rigward tal-Beliże, il-Kambodja u l-Ginea fil-forma ta’ miżuri li għandhom jiġu applikati, huma elenkati fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha, kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament IUU, billi l-identifikazzjoni mhijiex iġġustifikata min-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward ta’ sajd IUU li jaffettwa stokk jew speċi partikolari. Skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament IUU, “l-importazzjoni” tfisser l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ ħut fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għal skopijiet ta’ trasbord f’portijiet li jinsabu fit-territorju tagħha.

(38)

Jiġi nnutat li s-sajd IUU inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, huwa neċessarju għall-Unjoni biex timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward il-Beliże, il-Kambodja u l-Ginea bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(39)

Jekk il-Beliże, il-Kambodja jew il-Ginea juru li s-sitwazzjoni li tat lok għall-iskrizzjoni tagħhom tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, ineħħi dak il-pajjiż mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe deċiżjoni għat-tneħħija ser tqis ukoll jekk il-Beliże, il-Kambodja jew il-Ginea jkunux ħadu miżuri konkreti biex ikunu jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista tal-Unjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala possibbli li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1).

(3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2013 li tidentifika l-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis li huma pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 346, 27.11.2013, p. 2).


ANNESS

Lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra sajd Illegali, mhux Irrappurtat u mhux Irregolat (“IUU”)

 

Il-Beliże

 

Ir-Renju tal-Kambodja

 

Ir-Repubblika tal-Ginea