15.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Frar 2014

fir-rigward ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ Xylella fastidiosa (Well u Raju) fi ħdan l-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2014) 726)

(2014/87/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Xylella fastidiosa (Well u Raju) (minn issa ’l quddiem “l-organiżmu speċifikat”) hija elenkata fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE bħala pest mhux magħruf li jseħħ fl-Unjoni u li l-introduzzjoni tiegħu ġewwa l-Istati Membri kollha, u t-tixrid tiegħu fihom, huwa pprojbit.

(2)

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, l-Italja infurmat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tagħha, f’żewġ żoni separati tal-provinċja ta’ Lecce, fir-reġjun ta’ Apulia. Sussegwentement żewġ tifqigħat separati oħra ġew identifikati fl-istess provinċja. Il-preżenza ta’ organiżmu speċifikat kienet ikkonfermata fir-rigward ta’ diversi speċijiet ta’ pjanti, inkluż l-Olea europaea L., il-Prunus amygdalus Batsch, in-Nerium oleander L. u l-Quercus sp. L. li bdew juru ħruq ta’ weraq u sintomi ta’ tnaqqis rapidu. Din hija l-ewwel darba li ġiet ikkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tal-Unjoni. Għal diversi speċijiet ta’ pjanti oħra, verifiki li jirrigwardaw il-preżenza tiegħu għadhom ma ġewx konklużi. L-identifikazzjoni tal-vettur tal-organiżmu speċifikat f’Apulia hija pendenti.

(3)

Fid-29 ta’ Ottubru 2013, ir-reġjun ta’ Apulia ħa miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni u l-qerda tal-organiżmu speċifikat (2) skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(4)

L-Italja rrappurtat li l-ispezzjonijiet li kienet wettqet ma wrew l-ebda preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-provinċji ġirien ta’ Brindisi u Taranto.

(5)

Bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, “l-Awtorità”, adottat dikjarazzjoni fil-25 ta’ Novembru 2013 (3) li tinkludi l-konklużjonijiet li ġejjin. L-organiżmu speċifikat probabbilment għandu firxa wiesgħa ħafna ta’ pjanti ospitanti, inklużi ħafna pjanti kkultivati u pjanti spontanji komuni fl-Ewropa.

(6)

Il-mogħdija ta’ diffużjoni ewlenija għall-organiżmu speċifikat hija l-moviment tal-pjanti għat-tħawwil, minbarra ż-żrieragħ. Hija ta’ tħassib ukoll il-mogħdija ta’ diffużjoni tal-vetturi infettivi tal-organiżmu speċifikat li jinġarr fuq kunsinni tal-pjanti. Il-frott u l-injam huma mogħdijiet ta’ diffużjoni minuri bi probabbiltà ta’ introduzzjoni negliġibbli. Iż-żrieragħ, il-fjuri maqtugħin u l-weraq ornamentali huma mogħdijiet ta’ diffużjoni minuri bi probabbiltà ta’ introduzzjoni baxxa. Il-moviment ta’ pjanti infettati għat-tħawwil huwa l-aktar mod effiċjenti għal tixrid b’distanzi twal ta’ dan l-organiżmu speċifikat.

(7)

Fid-dawl tan-natura tal-organiżmu speċifikat, huwa probabbli li jinfirex ħafna u bil-ħeffa. Sabiex jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinfirixx mal-bqija tal-Unjoni, hemm bżonn li jittieħdu immedjatament ċerti miżuri. Sakemm tkun disponibbli informazzjoni aktar speċifika dwar il-firxa tal-ospitant, il-vetturi, il-mogħdijiet ta’ diffużjoni u l-għażliet ta’ tnaqqis tar-riskju, huwa xieraq li l-moviment jiġi pprojbit possibbilment barra minn żoni li jinkludu pjanti infettati.

(8)

Filwaqt li jitqiesu l-postijiet tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat, is-sitwazzjoni ġeografika partikolari fil-provinċja amministrattiva ta’ Lecce u l-inċertezzi dwar il-kriterji ta’ demarkazzjoni, dik il-provinċja kollha għandha tkun soġġetta għal dik il-projbizzjoni, sabiex dik il-projbizzjoni tiġi applikata malajr u b’mod effettiv.

(9)

Dik il-projbizzjoni għandha tinteressal-pjanti għall-koltivazzjoni, minbarra ż-żrieragħ, minħabba li dawk il-pjanti huma l-mogħdija ta’ diffużjoni ewlenija għall-organiżmu speċifikat. Madankollu, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar estensiv fil-provinċja ta’ Lecce, sabu li pjanti għat-tħawwil li jappartjenu għal ċerti genera u speċijiet, u li joriġinaw f’partijiet infettati ta’ Lecce, mhumiex infettati mill-organiżmu speċifikat. Abbażi ta’ dik l-evidenza, il-projbizzjoni ma tikkonċernax ħafna pjanti għat-tħawwil ta’ dawk il-genera u speċijiet li ġew inklużi fil-kampjun u ttestjati rigward il-preżenza tal-organiżmu speċifikat. Barra minn hekk, ikun xieraq li minn dik il-projbizzjoni jiġu wkoll eżentati pjanti għat-tħawwil li tkabbru f’siti bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat u li jappartjenu għal genera u speċijiet soġġetti għal skemi ta’ ċertifikazzjoni li jirrikjedu li dawn ikunu soġġetti għal testijiet uffiċjali dwar l-organiżmu speċifiku u misjuba ħielsa minn dak l-organiżmu.

(10)

Minħabba informazzjoni limitata dwar il-preżenza possibbli tal-organiżmu speċifikat fil-bqija tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali dwar il-preżenza ta’ dan l-organiżmu fit-territorji tagħhom. Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ pjanti ospitanti potenzjali, dawk l-istħarriġiet għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull żona, il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti ospitanti, u l-karatteristiċi potenzjali tal-vetturi potenzjali.

(11)

Sabiex jiġbru kemm jista’ jkun informazzjoni possibbli dwar l-organiżmu speċifikat u l-preżenza tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tiġi kkomunikata lilhom.

(12)

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih bil-miżuri li jkunu ħadu sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni, biex jiżguraw ħarsa ġenerali effettiva dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Huwa xieraq li l-miżuri jiġu rreveduti sat-30 ta’ April 2014, l-aktar tard, sabiex titqies informazzjoni aktar xjentifika u teknika li se ssir disponibbli, kif ukoll ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kontinwi u t-testijiet imwettqa mill-awtoritajiet Taljani.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Moviment tal-pjanti għat-tħawwil

Il-moviment tal-pjanti għat-tħawwil ’il barra mill-provinċja ta’ Lecce, ir-reġjun ta’ Apulia, l-Italja, għandu jiġi pprojbit.

Dik il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

(a)

żrieragħ;

(b)

ħafna pjanti għat-tħawwil tal-genera u l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I li ġew inklużi fil-kampjun u li ġew ittestjati rigward il-preżenza ta’ Xylella fastidiosa (Well u Raju) (minn issa ’l quddiem: “l-organiżmu speċifiku”) u nstab li kienu ħielsa minn dak l-organiżmu;

(c)

pjanti għat-tħawwil tal-genera u l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II li jkunu tkabbru f’siti bi protezzjoni fiżika kompleta kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat u li huma ċċertifikati uffiċjalment taħt skema ta’ ċertifikazzjoni li titlob li jkunu soġġetti għal ittestjar uffiċjali rigward il-preżenza ta’ organiżmu speċifikat, u jinstabu ħielsa minn dak l-organiżmu.

Artikolu 2

Stħarriġiet

1.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jagħmlu stħarriġiet għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fit-territorju tagħhom. Dawk l-istħarriġiet għandhom jitwettqu, kif xieraq, billi jitqiesu l-bijoloġija, il-kundizzjonijiet ta’ tkabbir u l-perjodi ta’ tkabbir tal-pjanti soġġetti għall-istħarriġ, il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u l-karatteristiċi tal-vetturi potenzjali.

2.   Ir-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena u għandhom ikopru perjodu ta’ sena li jintemm fit-30 ta’ Settembru tal-istess sena. Ir-riżultati tal-ewwel stħarriġ għandhom jiġu nnotifikati sal-31 ta’ Ottubru 2014 u għandhom ikopru l-perjodu mill-1 ta’ Frar 2014 sat-30 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 3

Notifika fir-rigward tal-preżenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn xi ħadd isir jaf bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat jew ikollu raġuni jissuspetta din il-preżenza, dik il-persuna għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien 10 ijiem kalendarji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk tkun mitluba mill-awtorità kompetenti, il-persuna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni li jkollha dwar dik il-preżenza.

Artikolu 4

Konformità

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadu biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rriveduta sat-30 ta’ April 2014.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Deliberazione della Giunta Regionale, Regione Puglia, N.2023 del 29.10.2013 (Misure di emergenza per la prevenzione, il controllo e la eradicazione del batterio da quarantena Xylella fastidiosa associato al “Complesso del disseccamento rapido dell’olivo”).

(3)  Dikjarazzjoni tal-EFSA dwar il-pjanti ospitanti, il-mogħdijiet tad-dħul u diffużjoni u l-għażliet ta’ tnaqqis tar-riskju għal Xylella fastidiosa Wells et al. EFSA Journal 2013; 11(11):3468, 50 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3468.


ANNESS I

Il-lista tal-ġenera u tal-ispeċijiet imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1

 

Abelia R. Br.

 

Acacia dealbata Link

 

Acca sellowiana (O. Berg) Burret

 

Arbutus unedo L.

 

Begonia L.

 

Boronia crenulata Sm.

 

Brachychiton discolor F. Muell.

 

Buxus sempervirens L.

 

Callistemon citrinus (Curtis) Skeels

 

Camellia L.

 

Ceratonia siliqua L.

 

Cercis siliquastrum L.

 

Chamelaucium uncinatum Schauer

 

Cinnamomun camphora (L.) J.Presl.

 

Citrus L.

 

Crataegus Tourn. ex L.

 

Cyclamen L.

 

Diosma L.

 

Eriobotrya japonica (Thunb.) Lindl.

 

Euphorbia pulcherrima Willd. ex Klotzsch

 

Ficus L.

 

Grevillea R.Br. ex Knight

 

Ilex aquifolium L.

 

Jasminum L.

 

Laurus nobilis L.

 

Lavandula angustifolia Mill.

 

Ligustrum vulgare L.

 

Magnolia grandiflora L.

 

Mandevilla sanderi (Hemsl.) Woodson

 

Metrosideros Banks ex Gaertn.

 

Morus alba L.

 

Myrtus communis L.

 

Nandina domestica Thunb.

 

Polygala myrtifolia L.

 

Punica granatum L.

 

Rosa L.

 

Salvia officinalis L.

 

Schinus molle L.

 

Trachelospermum jasminoides (Lindl.) Lem.

 

Viburnum tinus L.

 

Viola L.

 

Vitis L.

 

Weigela florida (Bunge) A. DC.


ANNESS II

Il-lista tal-ġenera u tal-ispeċijiet imsemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1

 

Apium graveolens L.

 

Brassica L.

 

Capsicum annuum L.

 

Citrullus lanatus (Thunb.) Matsum. & Nakai

 

Cucumis melo L.

 

Cucurbita pepo L.

 

Foeniculum vulgare Mill.

 

Lactuca L.

 

Petroselinum Hill

 

Solanum lycopersicum L.

 

Solanum melongena L.