24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1407/2013

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina l-kategoriji tal-għajnuna li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit ta’ notifika. Skont l-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti relatati ma’ dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 994/98 il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-għajnuna de minimis tista’ tikkostitwixxi kategorija ta’ dak it-tip. Fuq dik il-bażi, hu meqjus li l-għajnuna de minimis, li hi għajnuna mogħtija lil impriża waħda matul perjodu partikolari ta’ żmien li ma tkunx iktar minn ammont fiss, ma tissodisfax il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta’ notifika.

(2)

Il-Kummissjoni, f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet, ikkjarifikat il-kunċett ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni stqarret ukoll il-politika tagħha dwar limitu massimu de minimis, fejn f’sitwazzjonijiet inqas minnhu, l-Artikolu 107(1) jista’ jitqies li ma japplikax, għall-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (3) u sussegwentement fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (4) u (KE) Nru 1998/2006 (5). Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, jidher li jkun xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament u li dak ir-Regolament jinbidel.

(3)

Huwa xieraq li jinżamm il-limitu massimu ta’ EUR 200 000 għall-ammont ta’ għajnuna de minimis li impriża waħda tista’ tirċievi għal kull Stat Membru matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin. Dak il-limitu jibqa’ meħtieġ sabiex jiżgura li kwalunkwe miżura li taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma tkunx ta’ theddida li tfixkel il-kompetizzjoni.

(4)

Għall-iskopijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, impriża hi entità involuta f’attività ekonomika, indipendentement mill-istat legali tagħha u mill-mod ta’ kif hija ffinanzjata (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-entitajiet kollha li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża waħda (7). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kriterji ċari li permezz tagħhom jiġi ddeterminat meta żewġ entitajiet jew aktar mill-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni għażlet, minn fost il-kriterji stabbiliti sew li jiddefinixxu “intrapriża marbuta” fid-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar jew medji (SME) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8) u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (9), dawk il-kriterji li huma xierqa għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kriterji huma diġà familjari mal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom ikunu applikabbli, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, lill-SMEs kif ukoll lill-impriżi l-kbar. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li grupp ta’ intrapriżi marbuta jitqies bħala impriża waħda għall-applikazzjoni tar-regola de minimis, iżda li l-intrapriżi li ma jkollhom l-ebda relazzjoni bejniethom ħlief għall-fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, ma jiġux ttrattati bħala relatati. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi kkontrollati mill-istess korp jew korpi pubbliċi, li jistgħu jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu b’mod indipendenti, qed tiġi kkunsidrata.

(5)

Sabiex jiġi kkunsidrat id-daqs żgħir u medju tal-impriżi ta’ daqs żgħir attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, huwa xieraq li jinżamm il-limitu massimu ta’ EUR 100 000 għal impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas. Il-forniment ta’ servizz integrat fejn it-trasport innifsu huwa biss element wieħed, bħas-servizzi ta’ rilokazzjoni, dawk postali jew servizzi ta’ kurrier jew ġbir ta’ skart jew servizzi tal-ipproċessar, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala servizz ta’ trasport. Minħabba l-produzzjoni żejda fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-għanijiet tal-politika dwar it-trasport fir-rigward tal-konġestjoni fit-toroq u t-trasport tal-merkanzija, l-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-iżvilupp fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, ma għadux xieraq li jiġi applikat limitu massimu aktar baxx għal dak is-settur.

(6)

Minħabba r-regoli speċjali li japplikaw fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akwakultura u r-riskju li ammonti ta’ għajnuna li jkunu inqas mil-limitu stipulat f’dan ir-Regolament jistgħu madankollu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawk is-setturi.

(7)

Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, u ta’ prodotti mhux agrikoli, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. F’dak ir-rigward, la l-attivitajiet meħtieġa li jsiru fl-irziezet biex il-prodott jitħejja biex jinbiegħ għall-ewwel darba, bħall-ħsad, il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali, jew l-ippakkjar tal-bajd, u lanqas l-ewwel bejgħ lill-pitkali jew lil min jipproċessal-prodott ma għandhom jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni.

(8)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha (10). Għal dik ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Lanqas ma għandu japplika għal sostenn marbut ma’ obbligu li l-għajnuna tiġi kondiviża mal-produtturi primarji.

(9)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiddependi fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi bi preferenza minn prodotti importati. B’mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni fi Stati Membri oħrajn jew f’pajjiżi terzi. Ġeneralment, lgħajnuna għall-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew li diġà jeżisti f’suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(10)

Il-perjodu ta’ tliet snin li għandu jiġi kkunsidrat għar-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jkun ivvalutat fuq bażi rotanti sabiex, għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, ikun jeħtieġ li jiġi kkunsidart l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fis-sena fiskali kkonċernata kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel.

(11)

Fejn impriża tkun attiva f’setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tkun attiva wkoll f’setturi jew ikollha attivitajiet oħrajn, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawk is-setturi jew l-attivitajiet oħrajn sakemm l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, permezz ta’ mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-attivitajiet fis-setturi esklużi ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis. L-istess prinċipju għandu japplika fejn impriża tkun attiva f’setturi li għalihom japplikaw limiti de minimis aktar baxxi. Jekk ma jkunx jista’ jiġi żgurat li l-attivitajiet f’setturi li għalihom japplikaw il-limiti de minimis aktar baxxi ma jibbenefikawx minn għajnuna de minimis ogħlamil-limiti aktar baxxi, il-limitu l-iktar baxx għandu japplika għall-attivitajiet kollha tal-impriża.

(12)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stabbiliti f’Regolamenti speċifiċi jew f’deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jistipula wkoll regoli ċari dwar il-akkumulazzjoni li huma faċli biex jiġu applikati.

(13)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura titqies li ma tkunx għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fuq il-bażi ta’ raġunijiet oħrajn barra minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament, pereżempju minħabba li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq jew minħabba li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, finanzjament mill-Unjoni ġestit b’mod ċentrali mill-Kummissjoni li ma jkunx, direttament jew indirettament ikkontrollat mill-Istat Membru, ma jkunx għajnuna mill-Istat u m’għandux jiġi kkunsidrat meta jkun qed jiġi determinat jekk il-limitu massimu rilevanti huwiex rispettat.

(14)

Għall-iskopijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan jista’, pereżempju, isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħrajn li jiffissaw limitu li jista’ jassigura li l-ogħla livell applikabbli ma jinqabiżx. L-iffissar ta’ limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun assigurat li bosta miżuri ta’ għajnuna flimkien ma jeċċedux il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament u jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni.

(15)

L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm trasparenza, trattament ugwali u applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex jiġi ffaċilitat dak il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammonti tal-għajnuniet mogħtija mhux fil-forma ta’ għotja ta’ flus kontanti jkunu konvertiti fl-ekwivalenti ta’ għotja grossa. Il-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti fir-rigward ta’ tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet, jew ta’ għajnuna li tkun pagabbli f’għadd ta’ pagamenti jeħtieġ li jiġu użati r-rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat dik l-għajnuna. Bl-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament ir-rati tas-suq għandhom ikunu r-rati ta’ referenza, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (11).

(16)

Għajnuna li tikkonsisti f’self, inkluża għajnuna ta’ finanzjament ta’ riskju de minimis li tieħu l-forma ta’ self, għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ rati attwali ta’ imgħax tas-suq fil-mument tal-għotja. Bil-għan li l-ipproċessar ta’ self żgħir fuq tul ta’ żmien qasir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, self assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jkunx iktar minn ’ EUR 1 000 000 fuq perjodu ta’ ħames snin jew EUR 500 000 fuq perjodu ta’ għaxar snin, jista’ jitqies li l-għotja grossa ekwivalenti tiegħu ma tkunx iktar mil-limitu de minimis massimu. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(17)

L-għajnuna li tikkonsisti f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Għajnuna inkluża f’miżuri ta’ finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta’ investimenti f’ishma jew fi quasi-ishma, kif imsemmi fil-linji gwida dwar il-finanzjament tar-riskju (12), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk il-kapital ipprovdut mill-miżura kkonċernata ma jaqbiżx il-limitu de minimis.

(18)

Għajnuna li tikkonsisti f’garanziji, inkluża għajnuna de minimis ta’ finanzjament ta’ riskju li tieħu l-forma ta’ garanziji, għandha titqies li tkun trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati, stipulati f’avviż tal-Kummissjoni għat-tip ta’ impriża kkonċernata (13). Bil-għan li jiġi ssimplifikat l-ipproċessar ta’ garanziji fuq tul ta’ żmien qasir li jassiguraw sa 80 % ta’ self relattivament żgħir, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self sottostanti kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-garanzija. Dik ir-regola m’għandhiex tapplika għal garanziji fuq tranżazzjonijiet sottostanti li ma jkunux self, bħal garanziji fuq tranzazzjonijiet relatati mal-ishma. Fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jkunx iktar minn EUR 1 500 000 u l-perjodu tal-garanzija ma jkunx iktar minn ħames snin, jista’ jitqies li l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanzija ma tkunx iktar mil-limitu de minimis massimu. L-istess sitwazzjoni tapplika fil-każ fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont iggarantit ma jkunx iktar minn EUR 750 000 u l-garanzija ma tkunx għal iktar minn għaxar snin. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġija biex jikkalkulaw l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanziji li tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien, u li l-Kummissjoni tkun aċċettata bħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew skont kwalunkwe avviż suċċessiv, sakemm il-metodoloġija aċċettata tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(19)

Fejn skema ta’ għajnuna de minimis hija implimentata permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, għandu jiġi żgurat li dawk tal-aħħar ma jirċievu l-ebda għajnuna mill-Istat. Dan jista’ jiġi żgurat, pereżempju, billi l-intermedjarji finanzjarji li jibbenefikaw minn garanzija tal-Istat jintalbu biex iħallsu primjum konformi mas-suq jew jittrasferixxu kompletament kwalunkwe vantaġġ lill-benefiċjarji finali, jew biex jirrispettaw il-limitu de minimis u kundizzjonijiet oħrajn ta’ dan ir-Regolament anki fuq il-livell tal-intermedjarji.

(20)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix f’għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital jew miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju fil-forma ta’ investiment f’ishma jew fi quasi-ishma, twassalx għal għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Il-Kummissjoni għandha d-dover li tiżgura li r-regoli ta’ għajnuna mill-Istat jiġu imħarsa u jkunu konformi mal-prinċipju ta’ koperazzjoni fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża taħt ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu massimu kumplessiv permissibbli. Għal dak l-għan, meta l-Istati Membri jagħtu għajnuna de minimis, għandhom jinfurmaw lill-impriża kkonċernata dwar l-ammont tal-għajnuna de minimis mogħtija u l-karattru de minimis tagħha u għandhom jirreferu b’mod espliċitu għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jimmonitorjaw l-għajnuna mogħtija biex jiżguraw li ma jinqabżux il-limiti massimi rilevanti u li jiġu mħarsa r-regoli dwar l-akkumulazzjoni. Biex jikkonforma ma’ dak l-obbligu, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħrajn li rċeviet matul is-sena fiskali kkonċernata jew fis-sentejn fiskali ta’ qabel. B’mod alternattiv, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jħejju reġistru ċentrali b’informazzjoni kompluta dwar għajnuna de minimis mogħtija u li jivverfikaw li kwalunkwe għotja ġdida ta’ għajnuna ma taqbiżx il-limitu massimu rilevanti.

(22)

Qabel ma tingħata għajnuna de minimis kull StatMembru għandu jivverifika li l-limitu massimu de minimis ma jinqabiżx f’dak l-Istat Membru minħabba l-għajnuna de minimis ġdida u li l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament jiġu mħarsa.

(23)

Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika tal-għajnuna Statali, ikun xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-setturi kollha, ħlief għal:

(a)

għajnuna mogħtija lil impriżi għal attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akwakultura, kif koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (14);

(b)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli;

(c)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

meta l-ammont tal-għajnuna jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta’ prodotti ta’ dak it-tip mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati;

(ii)

meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(e)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi bi preferenza fuq prodotti importati.

2.   Fejn impriża tkun attiva fis-setturi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel paragrafu u tkun attiva anki f’settur wieħed jew iktar jew ikollha attivitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, b’mezzi xierqa bħalma huma s-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-attivitjiet fis-setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura koperti mir-Regolament (KE) Nru 104/2000;

(b)

“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief attivitajiet li jsiru f’razzett li huma neċessarji biex prodott minn annimal jew pjanta jiġi ppreparat għall-ewwel bejgħ;

(c)

“il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser li żżomm jew turi bl-għan li tbiegħ, li toffri għall-bejgħ, li tikkonsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa’ jbiegħ jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ. Bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jkun ikkunsidrat bħala kummerċjalizzazzjoni jekk isir f’bini separat irriżervat għal dak il-għan.

2.   “Impriża waħda” tinkludi, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-intrapriżi kollha li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a)

intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew dak ta’ sorveljanza ta’ intrapriża oħra;

(c)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni tal-memorandum jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża waħda, illi tkun azzjonista fi jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar għandhom wkoll jitqiesu bħala impriża waħda.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda m’għandhiex tkun iktar minn EUR 200 000 fuq kwalunkwe perijodu ta’ tliet snin fiskali.

L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda li twettaq trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas ma għandhiex tkun iktar minn EUR 100 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Din l-għajnuna de minimis ma għandhiex tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

3.   Jekk impriża twettaq trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas kif ukoll attivitajiet oħrajn li għalihom japplika l-limitu massimu ta’ EUR 200 000, il-limitu ta’ EUR 200 000 għandu japplika għall-impriża, sakemm l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw b’mezzi xierqa, bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-benefiċċju għall-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx iktar minn EUR 100 000 u li l-ebda għajnuna de minimis ma tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li l-impriża tingħata d-dritt legali li tirċievi dik l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli indipendentement mid-data tal-ħlas tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw indipendentement mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ dik l-għajnuna u indipendentement minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu ta’ tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat b’referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Għall-iskopijiet tal-limiti stipulati fil-paragrafu 2, kull għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi tariffi oħrajn. Fejn għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja grossa.

Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li għandha tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

7.   Fejn il-limitu massimu rilevanti stabbilit fil-paragrafu 2 jinqabeż permezz tal-għotja ta’ għajnuna ġdida de minimis, l-ebda waħda mill-għajnuna l-ġdida ma tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna kollha de minimis mogħtija lil kull waħda mill-impriżi qabel l-amalgamazzjoni titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwistaha taqbiżx il-limitu massimu rilevanti. Għajnuna de minimis li tkun ngħatat legalment qabel l-amalgamazzjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa’ legali.

9.   Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew iktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li bi prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet użata l-għajnuna de minimis. Jekk dik l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur fil-kontabilità tal-kapital ta’ ismha tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.

Artikolu 4

Kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti

1.   Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tiġi kkalkulata b’mod preċiż l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

2.   Għajnuna li tikkonsisti f’għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

3.   Għajnuna li tikkonsisti f’self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, biex jinbdew proċeduri kollettivi ta’ stralċ fir-rigward tiegħu fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; jew

(b)

is-self ikun assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun ammont ta’ EUR 1 000 000 (jew EUR 500 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) fuq t-tul ta’ żmien ta’ ħames snin jew EUR 500 000 (jew EUR 250 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) fuq tul ta’ żmien ta’ għaxar snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dak is-self tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

4.   Għajnuna fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

5.   Għajnuna li tikkonsisti f’miżuri ta’ finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta’ investimenti f’ishma jewjew fi quasi-ishma, titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk il-kapital ipprovdut għal impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

6.   L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-.

(b)

il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti u l-ammont iggarantit ikun EUR 1 500 000 (jew EUR 750 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u t-tul ta’ żmien tal-garanzija jkun ħames snin jew l-ammont iggarantit ikun EUR 750 000 (jew EUR 375 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u t-tul ta’ żmien tal-garanzija jkun għaxar snin; jekk l-ammont iggarantit ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dik il-garanzija tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’avviż tal-Kummissjoni; jew

(d)

qabel l-implimentazzjoni,

(i)

il-metodoloġija użata biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanzija tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ Regolament tal-Kummissjoni ieħor fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien u l-Kummissjoni tkun aċċettata bħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew ma’ kwalunkwe Avviż suċċessiv, u

(ii)

dik il-metodoloġija tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-għajnuna li tikkonsisti fi strumenti oħrajn titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti jekk l-istrument jipprovdi għal ammont massimu li jassigura li l-limitu massimu rilevanti applikabbli ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.   Għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (15) sal-limiti massimi stipulati f’dak ir-Regolament. Din tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija skont regolamenti de minimis oħrajn sal-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju, jekk akkumulazzjoni bħal dik teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip, tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, huwa jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala għotja grossa ekwivalenti u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti fuq il-bażi ta’ skema u jingħataw ammonti differenti ta’ għajnuna individwali lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun se tingħata skont dik l-iskema. F’każ bħal dak, is-somma fissa tintuża biex jiġi determinat jekk ikunx intlaħaq il-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2). Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru jikseb mingħand l-impriża konċernata dikjarazzjoni, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.

2.   Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni kompluta dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.

3.   Stat Membru għandu jagħti għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata b’mod li jwassal għal livelli ogħla mil-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2) u li l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament ikunu ġew imħarsa.

4.   L-Istati Membri għandhom iżommu dokumenti li fihom jirrieġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew imħarsa. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis individwali jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar skema ta’ għajnuna de minimis jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali skont dik l-iskema.

5.   B’talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol jew f’perjodu itwal li jista’ jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew rispettati, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.

2.   Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn it-2 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2007 u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 69/2001, titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2014, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

4.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tibqa’ koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-1 ta’ Jannar 2014.

Huwa japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 229, 8.8.2013, p. 1.

(3)  Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(6)  Il-Kawża C-222/04 Ministero dell’Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA et al. [2006] Ġabra I-289.

(7)  Il-Kawża C-382/99, Netherlands v Commission [2002] Ġabra I-5163.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(10)  Il-Kawża C-456/00 France v Commission [2002] Ġabra I-11949.

(11)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont, (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(12)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti tal-kapital għal riskju f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2)

(13)  Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).