28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/62


REGOLAMENT (UE) Nru 1381/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 19(2), 21(2), 114, 168, 169 u 197 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar- rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Fl-Unjoni, kull persuna hija intitolata tgawdi d-drittijiet mogħtija lilha mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), li mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona saret legalment vinkolanti fl-Unjoni, tirrifletti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li huma intitolati għalihom il-persuni fl-Unjoni. Dawk id-drittijiet għandhom jiġu promossi u rispettati. It-tgawdija sħiħa ta’ dawk id-drittijiet, kif ukoll tad-drittijiet derivati mill-konvenzjonijiet internazzjonali li magħhom l-Unjoni aderiet, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltajiet, għandha tkun iggarantita u għandu jitneħħa kwalunkwe ostakolu. Barra minn hekk, it-tgawdija ta' dawk id-drittijiet iġġib magħha responsabbiltajiet u dmirijiet kemm fir-rigward ta' persuni oħra, kif ukoll fir-rigward tal-komunità tal-bnedmin u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

(2)

Fil-Programm ta’ Stokkolma (4) il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid il-prijorità li jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u speċifika bħala prijorità politika tiegħu, il-kisba ta’ Ewropa ta' drittijiet. Il-finanzjament kien identifikat bħala wieħed mill-għodda importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-prijoritajiet politiċi tal-Programm ta’ Stokkolma. L-għanijiet ambizzjużi stabbiliti mit-Trattati u mill-Programm ta’ Stokkolma għandhom jinkisbu inter alia billi jiġi stabbilit, għall-perijodu mill-2014 sal-2020, Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (il-"Programm") li jkun flessibbli u effikaċi u li jiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni. L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-linji gwida strateġiċi rilevanti ddefiniti mill-Kunsill Ewropew.

(3)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-appoġġ u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-individwi fi ħdan l-Unjoni, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-għanijiet oġġettivi u l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija għall-Ewropa 2020.

(4)

In-non-diskriminazzjoni hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni. L-Artikolu 19 tat-TFUE jitlob għal azzjoni li tiġġieled kontra diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fuq l-oriġini razzjali u etnika, fuq ir-reliġjon jew twemmin, fuq id-diżabilità, l-età jew fuq l-orjentazzjoni sesswali. In-nondiskriminazzjoni hija mnaqqxa wkoll fl-Artikolu 21 tal-Karta li għandu jiġi applikat fil-limiti ta' u skont l-Artikolu 51 tal-Karta. Għandhom jiġu akkomodati l-karatteristiċi speċifiċi tal-għamliet differenti ta’ diskriminazzjoni, u fl-istess ħin għandha tiġi żviluppata azzjoni xierqa biex tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni għal raġuni waħda jew iżjed.

(5)

Il-Programm għandu jiġi implimentat b'mod li jkun hemm rinfurzar reċiproku ma' attivitajiet oħrajn tal-Unjoni li għandhom l-istess għanijiet, partikolarment ma' dawk imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 intitolata "Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020" (5) u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011 dwar Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, li jistiednu lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom billi jsegwu approċċ ta' integrazzjoni f'erba' oqsma ewlenin - l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u d-djar, kif ukoll billi jiżguraw li ma ssirx diskriminazzjoni kontra r-Rom iżda li d-drittijiet fundamentali tagħhom jingħataw l-istess rikonoxximent u biex jieħdu miżuri biex jeliminaw is-segregazzjoni fejn teżisti, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u d-djar.

(6)

Ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta' intolleranza huma ksur dirett tal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri. Il-ġlieda kontra dawk il-fenomeni għaldaqstant hija mira kostanti li teħtieġ azzjoni kkoordinata, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ fondi. Dawn il-fenomeni jinkludu fost l-oħrajn l-inċitament pubbliku tal-vjolenza jew mibegħda diretta kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp bħal dan, kif ukoll reati oħrajn meta jitwettqu b'motivazzjoni razzista, ksenofobika jew omofobika. F'dak il-kuntest għandha tiġi ddedikata attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u mibegħda, segregazzjoni u stigmatizzazzjoni kif ukoll lill-ġlieda kontra l-vittimizzazzjoni, il-fastidju, u t-trattament intolleranti, pereżempju fl-amministrazzjoni pubblika, fil-pulizija, fil-ġudikatura, l-iskola u fuq il-post tax-xogħol.

(7)

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. It-trattatment mhux indaqs bejn in-nisa u l-irġiel jikser drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ukoll tagħti kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandu jiġi implimentat b'mod li jkun hemm rinfurzar reċiproku ma' attivitajiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li għandhom l-istess għanijiet, partikolarment ma' dawk imsemmija fil-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-perijodu mill-2011 sal-2020.

(8)

Id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess tinkludi, f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, diskriminazzjoni li tirriżulta mill-bidla fis-sess. Fl-implimentazzjoni tal-Programm, għandhom jitqiesu wkoll l-iżviluppi fil-liġi tal-Unjoni u fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta' aspetti oħrajn relatati mal-ġeneru, inkluża l-identità tal-ġeneru.

(9)

Id-dritt għal trattament b'dinjità fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali huwa espressjoni tal-valuri bażilari tal-Unjoni u hija meħtieġa azzjoni kkoordinata biex ikunu possibbli attivitajiet immirati b'rabta mas-suq tal-impjiegi. Għaldaqstant, l-azzjonijiet fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għandhom jinkludu l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tal-impjiegi.

(10)

Il-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, kif ukoll fuq gruppi oħrajn li qegħdin f'riskju, fil-forom kollha tagħha tikkostitwixxi ksur ta’ drittijiet fundamentali u pjaga serja għas-saħħa. Vjolenza bħal din hija preżenti madwar l-Unjoni kollha u jkollha riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tal-vittma kif ukoll fuq is-soċjetà kollha hemm hi. Huma meħtieġa rieda politika b'saħħitha u azzjoni kkoordinata msejsa fuq il-metodi u r-riżultati tal-programmi Daphne (6) sabiex tiġi indirizzata u biex jitħarsu l-vittmi. It-teħid ta’ azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Billi l-finanzjament Daphne kien suċċess ġenwin sa mit-tnedija tiegħu fl-1997, kemm f'termini tal-popolarità tagħhom mal-partijiet interessati (awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs)) kif ukoll f'termini tal-effettività tal-proġetti ffinanzjati, huwa essenzjali li, fl-implimentazzjoni tal-Programm, l-isem Daphne jinżamm f'rabta mal-objettiv speċifiku tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, sabiex il-profil tal-programmi Daphne jinżamm jispikka kemm jista' jkun.

(11)

L-Artikolu 3(3) tat-TUE jeħtieġ li l-Unjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, filwaqt li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni. It-tfal huma vulnerabbli, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ faqar, esklużjoni soċjali jew diżabbiltà jew sitwazzjonijiet speċifiċi oħra li jesponuhom għal riskju, bħan-negliġenza, il-ħtif jew l-għajbien. Għandha tittieħed azzjoni biex jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal u biex isir kontribut għall-ħarsien tat-tfal mill-ħsara u l-vjolenza, li huma ta' periklu għas-saħħa fiżika jew mentali tagħhom u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tagħhom għall-iżvilupp, il-ħarsien u d-dinjità.

(12)

Id-data tal-individwi għandha tkompli tiġi protetta b’mod effettiv fil-kuntest ta’ żvilupp teknoloġiku kostanti u l-globalizzazzjoni. Il-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data għandu jiġi applikat b’mod effettiv u konsistenti fl- Unjoni. Biex jinkiseb dan, l-Unjoni għandha tkun tista' tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw dak il-qafas legali, b'enfasi partikolari fuq l-iżgurar li l-individwi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv.

(13)

Iċ-ċittadini għandhom ikunu aktar konxji mid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fl-Unjoni, id-dritt tagħhom li jivvotaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u f'elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini ta' dak l-Istat, id-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew fi kwalunkwe waħda mil-ilsna tat-Trattati, id-dritt tagħhom li jippreżentaw inizjattivi taċ-ċittadini u d-dritt tagħhom li jressqu lmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew kontra amministrazzjoni istituzzjonali skorretta, u għandhom ikunu jistgħu jeżerċitawhom. L-inkoraġġiment taċ-ċittadini biex ikollhom rwol aktar attiv fid-demokrazija fuq il-livell tal-Unjoni ser isaħħaħ is-soċjetà ċivili Ewropea u jrawwem l-iżvilupp ta' identità Ewropea. Iċ-ċittadini għandhom iħossuhom komdi li jgħixu, jivvjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu u jkunu volontarji fi Stat Membru ieħor, u għandhom ikunu jistgħu jafdaw fl-aċċess ugwali, l-infurzabbiltà sħiħa u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom mingħajr ebda diskriminazzjoni, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-Unjoni.

(14)

L-individwi fil-kapaċità tagħhom ta' konsumaturi u intraprendituri fis-suq intern għandhom ikunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom derivati mil-liġi tal-Unjoni f'kuntest transkonfinali.

(15)

B’mod konformi mal-Artikoli 8 u 10 tat-TFUE, il-Programm fl-attivitajiet kollha tiegħu għandu jappoġġa l-integrazzjoni bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-objettivi ta' nondiskriminazzjoni. Għandu jsir regolarment monitoraġġ u valutazzjoni sabiex jiġi evalwat il-mod li bih il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jiġu indirizzati fl-attivitajiet tal-Programm.

(16)

L-esperjenza tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni uriet li l-kisba tal-objettivi tal-Programm fil-prattika titlob kombinazzjoni ta’ strumenti, inklużi atti legali, inizjattivi politiċi u finanzjament. Il-finanzjament huwa għodda importanti li tikkumplimenta l-miżuri leġislattivi.

(17)

Barra milli jkunu ta' valur reali għall-benefiċjarji, l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm jistgħu jiġġeneraw evidenza li fuqha jkun jista' jissejjes tfassil aħjar ta' politika fuq il-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni. Pereżempju, il-programmi Daphne ppermettew it-trasferiment reali ta' tagħlim u prattiki tajbin bejn il-partijiet interessati kollha involuti, inkluż l-Istati Membri f'rabta mal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa.

(18)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata ‘Baġit għall-Ewropa 2020’ tenfasizza l-ħtieġa ta r -razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-finanzjament mill-Unjoni. Speċjalment fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, huwa importanti ħafna li l-fondi tal-Unjoni jkunu strutturati u ġestiti b'mod mill-aktar diliġenti. Jistgħu jinkisbu simplifikazzjoni sinifikanti u ġestjoni effiċjenti tal-finanzjament permezz tat-tnaqqis fl-għadd ta’ programmi u permezz tar-razzjonalizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri ta’ finanzjament.

(19)

Bħala tweġiba għall-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni u ġestjoni effiċjenti tal-finanzjament u aċċess aktar faċli għalih, il-Programm għandu jkompli u jiżviluppa attivitajiet preċedentement imwettqa fuq il-bażi tat-Taqsima 4 (‘Antidiskriminazzjoni u diversità’) u tat-Taqsima 5 (‘Ugwaljanza bejn is-sessi’) tal-programm Progress stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-programm ‘Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja’ stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/KE (8) u l-Programm Daphne III. L-evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi jinkludu rakkomandazzjonijiet bil-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi. Jeħtieġ li l-konklużjonijiet ta' dawk l-evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet ex-post rispettivi, jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-Programm.

(20)

Li jkun żgurat l-aħjar mod possibbli tal-użu tar-riżorsi finanzjarji u li titjieb l-effiċjenza fl-infiq għandhom jikkostitwixxu prinċipji ta' gwida għall-kisba tal-għanijiet tal-programm. Għandu jiġi garantit finanzjament adegwat biex jiġu appoġġati l-isforzi biex tiġi stabbilita Ewropa tad-drittijiet. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Programm jiġi implimentat bl-iktar mod effettiv u faċli biex jintuża possibbli, filwaqt li fl-istess ħin jiġu ġġarantiti sigurtà legali u aċċess għalih għall-parteċipanti kollha. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għall-benefiċjarji potenzjali kollha, il-proċeduri ta' applikazzjoni u r-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja għandhom ukoll jiġu ssimplifikati u għandhom jitneħħew il-piżijiet amministrattivi.

(21)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata ‘Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE’ u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata ‘Baġit għall-Ewropa 2020’ jenfasizzaw l-importanza li l-finanzjament jiġi ffokat fuq azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew ċar, jiġifieri fejn l-intervent tal-Unjoni jista’ jagħti valur addizzjonali meta mqabbel mal-azzjoni tal-Istati Membri waħedhom. L-azzjonijiet koperti b’dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, biex b’hekk tiżdied il-kooperazzjoni u n-netwerking transkonfinali u l-kisba tal-applikazzjoni korretta, koerenti u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni. L-attivitajiet ta’ finanzjament għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jinkiseb għarfien aħjar u effettiv tal-liġi tal-Unjoni u tal-politiki minn dawk kollha kkonċernati u għandhom jipprovdu bażi analitika soda għall-appoġġ u l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni u politiki tal-Unjoni u billi jagħmlu dan jagħtu kontribut għall-infurzar u l-implimentazzjoni tajba tagħhom. L-intervent tal-Unjoni jippermetti li dawk l-azzjonijiet isiru b'mod konsistenti madwar l-Unjoni u jwassal għal ekonomiji ta’ skala. Barra minn hekk, l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tindirizza sitwazzjonijiet transkonfinali u tipprovdi pjattaforma Ewropea għal tagħlim reċiproku.

(22)

Fl-għażla tal-azzjonijiet għall-finanzjament taħt il-Programm, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proposti fil-kuntest ta' kriterji identifikati minn qabel. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet proposti. Il-proġetti nazzjonali u l-proġetti fuq skala żgħira jistgħu wkoll ikollhom valur miżjud Ewropew.

(23)

Il-korpi u l-entitjiet li għandhom għan ta' interess Ewropew ġenerali fl-oqsma koperti mill-Programm, għandhom jiġu kkunsidrati bħala atturi ewlenin sal-punt li jkunu wrew jew jista' jkun mistenni minnhom li juru li għandhom effett konsiderevoli fuq it-twettiq ta' dak l-għan, u għandhom jirċievu finanzjament f'konformità mal-proċeduri u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta' ħidma annwali adottati mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament.

(24)

Is-servizzi armonizzati ta' valur soċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 116/2007/KE (9).

(25)

Il-korpi u l-entitajiet li għandhom aċċess għall-Programm għandhom jinkludu awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

(26)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (10), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(27)

Sabiex ikun żgurat li l-Programm ikun suffiċjentement flessibbli biex jirrispondi għall-bidliet fi ħtiġijiet u l-prijoritajiet korrispondenti ta' politika matul tulu kollu, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-modifika tal-persentaġġi stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament għal kull grupp ta' objettivi speċifiċi li jaqbżu dawk il-persentaġġi b'iżjed minn ħames punti perċentwali. Sabiex titqies il-ħtieġa ta' tali att iddelegat, dawk il-persentaġġi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-pakkett finanzjarju tal-Programm għal tulu kollu, u mhux abbażi tal-approprjazzjonijiet annwali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa tul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inklużi dawk fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f'konformità sħiħa mar-Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (ir-"Regolament Finanzjarju"). Partikolarment fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa mill-benefiċjarji tal-għotjiet, l-eliġibbiltà tal-VAT m'għandhiex tiddipendi mill-istatus legali tal-benefiċjarji għal attivitajiet li jistgħu jitwettqu minn korpi u entitajiet privati u pubbliċi taħt l-istess kondizzjonijiet legali. Filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-għanijiet u l-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament, għandu jiġi ċċarat fis-sejħiet għal proposti li, għall-attivitajiet li jistgħu jsiru kemm minn korpi u entitajiet pubbliċi kif ukoll minn dawk privati, il-VAT imġarrba minn korpi u entitajiet pubbliċi li ma tistax titnaqqas għandha tkun eliġibbli, sa fejn titħallas fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' attivitajiet, bħat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni pubblika, li ma jistgħux jitqiesu bħala l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika. Dan ir-Regolament għandu juża wkoll l-għodod ta' simplifikazzjoni introdotti mir-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati għandu jkollhom l-għan li r-riżorsi finanzjarji disponibbli jiġu allokati għal azzjonijiet li jiġġeneraw l-ogħla impatt fir-rigward tal-objettiv ta' politika li għandu jinkiseb.

(29)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-programmi annwali ta' ħidma. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(30)

Il-programmi ta' ħidma annwali adottati mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament għandhom jiżguraw distribuzzjoni adatta tal-fondi bejn għotjiet u kuntratti tal-akkwist pubbliku. Il-Programm għandu primarjament jalloka fondi għal għotjiet, waqt li jżomm livelli ta' finanzjament suffiċjenti għall-akkwist. Il-persentaġġ minimu tan-nefqa annwali li għandu jingħata għal għotjiet għandu jiġi stabbilit fil-programmi ta' ħidma annwali u m'għandux ikun inqas minn 65 %. Biex jiġu ffaċilitati l-ippjanar u l-kofinanzjament ta' proġett mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta' żmien għas-sejħiet għal proposti, għażla ta' proġetti u deċiżjonijiet ta' għotja.

(31)

Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti tal-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandu jkun hemm konsistenza, komplementarjetà u sinerġiji bejn il-programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw l-oqsma ta' politika marbuta mill-qrib ma’ xulxin, b’mod partikolari bejn il-Programm u l-Programm dwar il-Ġustizzja stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), il-Programm “Ewropa għaċ-Ċittadini”, il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u programmi oħrajn fl-oqsma tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali; l-affarijiet interni; is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur; l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, is-soċjetà tal-informazzjoni; it-tkabbir, b’mod partikolari l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II), u l-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment, li d-dipożizzjonijiet komuni tagħhom huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(32)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza ġenerali, komplementarjetà u sinerġiji mal-ħidma tal-korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u għandha tieħu kont tal-ħidma ta' atturi nazzjonali u internazzjonali oħrajn, fl-oqsma koperti mill-Programm.

(33)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod inkorrett u, fejn ikun il-każ, permezz tal-impożizzjoni ta' pieni amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

(34)

Sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għodod adatti għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, huwa għandu jiddefinixxi objettivi ġenerali u speċifiċi. Biex titkejjel il-kisba ta’ dawn l-objettivi speċifiċi, għandu jiġi stabbilit sett ta’ indikaturi konkreti u kwantifikabbli li għandu jibqa' validu għat-tul kollu tal-Programm. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' monitoraġġ li għandu jkun ibbażat inter alia fuq l-indikaturi stabbiliti f'dan ir-Regolament u li għandu jagħti dettalji dwar l-użu tal-fondi disponibbli.

(35)

Fl-implimentazzjoni tal-Programm il-Kummissjoni għandha tqis l-għan ta' distribuzzjoni ġeografika ġusta tal-fondi, u għandha tagħti għajnuna lil dawk l-Istati Membri fejn l-għadd ta' azzjonijiet iffinanzjati huwa relattivament baxx. Meta timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk, skont korpi ta' monitoraġġ/indiċi rikonoxxuti internazzjonalment, jeħtieġx li tittieħed azzjoni f'xi Stati Membri sabiex jiġi żgurat li jinkisbu b'mod effettiv l-għanijiet tal-Programm, u għandha tappoġġa l-azzjoni mill-Istati Membri jew is-soċjetà ċivili f'dawn l-oqsma.

(36)

F'konformità mal-punt (l) tal-Artikolu 180(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (16) (ir-"Regoli ta' Applikazzjoni"), il-ftehimiet dwar l-għotjiet għandhom jistipulaw dispożizzjonijiet li jirregolaw il-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma tkunx possibbli jew xierqa preżentazzjoni pubblika.

(37)

F'konformità mal-Artikoli 35(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 21 tar-Regoli ta' Applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod adatt u f'waqtu, informazzjoni dwar ir-riċevituri, kif ukoll in-natura u l-għan tal-miżura ffinanzjata mill-baġit. Din l-informazzjoni għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni b'osservanza xierqa tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali.

(38)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għal aktar żvilupp ta’ spazju, fejn l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni, kif stabbilit fit-TUE, it-TFUE, il-Karta u f'konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Unjoni aderixxiet magħhom, jiġu promossi, protetti u implimentati b'mod effettiv, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ saħansitra jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(39)

Sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-finanzjament tal-attivitajiet preċedentement imwettqa abbażi tat-Taqsimiet 4 u 5 tad-Deċiżjoni 1672/2006/KE, tad-Deċiżjoni 2007/252/KE u tad-Deċiżjoni 779/2007/KE, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment u tul tal-Programm

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza ('il-Programm').

2.   Il-Programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Valur miżjud Ewropew

1.   Il-Programm għandu jiffinanzja azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet magħżulin għall-finanzjament ikunu maħsubin biex jipproduċu riżultati b'valur miżjud Ewropew.

2.   Il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet, inkluż dak ta' azzjonijiet fuq skala żgħira u nazzjonali, għandu jiġi vvalutat fid-dawl ta' kriterji bħall-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni konsistenti u koerenti tal-liġi tal-Unjoni, u għal kuxjenza pubblika wiesgħa dwar id-drittijiet li jirriżultaw minnha, il-potenzjal tagħhom biex jiżviluppaw fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u biex itejbu l-kooperazzjoni transkonfinali, l-impatt transnazzjonali tagħhom, il-kontribut tagħhom għall-elaborazzjoni u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattika jew il-potenzjal tagħhom li jagħtu kontribut għall-ħolqien ta' standards minimi, għodod u soluzzjonijiet prattiċi li jindirizzaw l-isfidi transkonfinali jew l-isfidi li jolqtu l-Unjoni kollha.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm għandu jkun li jikkontribwixxi, skont l-Artikolu 4, għall-iżvilupp ulterjuri ta' spazju, fejn l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni kif stabbiliti fit-TUE, fit-TFUE, fil-Karta u fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Unjoni aderixxiet għalihom, ikunu promossi, protetti u implimentati b'mod effettiv.

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

1.   Sabiex jinkiseb l-objettiv ġenerali imsemmi fl-Artikolu 3, il-Programm għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(b)

li jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni minħabba s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li jiġi rispettat il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fuq il-bażi prevista fl-Artikolu 21 tal-Karta;

(b)

li jipprevjeni u jiġġieled ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta' intolleranza;

(c)

li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà;

(d)

li jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li jtejjeb l-integrazzjoni bejn is-sessi;

(e)

li jipprevjeni u jiġġieled kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, kif ukoll il-vjolenza kontra gruppi oħra f'riskju, b'mod partikolari gruppi f'riskju ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, u li jipproteġi l-vittmi ta' tali vjolenza.

(f)

li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tat-tfal;

(g)

li jikkontribwixxi fl-iżgurar tal-ogħla livell ta' protezzjoni tal-privatezza u d-data personali;

(h)

li jippromwovi u jsaħħaħ l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

(i)

li jagħti s-setgħa lill-individwi fil-kapaċità tagħhom ta' konsumaturi jew intraprendituri fis-suq intern biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni, wara li jikkunsidraw il-proġetti ffinanzjati taħt il-Programm tal-Konsumatur.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-programm għandhom jiġu segwiti permezz, b'mod partikolari, ta':

(a)

aktar sensibilizzazzjoni pubblika u għarfien pubbliku dwar il-liġi u l-politiki tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet, il-valuri u l-prinċipji li jsejsu l-Unjoni;

(b)

l-appoġġ tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni effettivi, komprensivi u konsistenti tal-istrumenti u l-politiki tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri u l-monitoraġġ u evalwazzjoni tagħhom;

(c)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, it-titjib tal-għarfien reċiprokuu t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fost il-partijiet interessati kollha;

(d)

it-titjib fl-għarfien u l-fehim tal-ostakoli potenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-prinċipji garantiti mit-TUE, it-TFUE, il-Karta, il-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Unjoni aderixxiet għalihom, u l-leġislazzjoni sekondarja tal-Unjoni.

Artikolu 5

Tipi ta' azzjonijiet

1.   Il-Programm għandu jiffinanzja fost l-oħrajn it-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

attivitajiet analitiċi, bħall-ġbir ta’ data u statistika; l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni u, fejn ikun il-każ, indikaturi jew punti ta’ riferiment; studji, riċerki, analiżijiet u stħarriġ; l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ gwidi, rapporti u materjal edukattiv; workshops, seminars, laqgħat ta’ esperti u l-konferenzi;

(b)

attivitajiet ta’ taħriġ, bħal skambji tal-persunal, workshops, seminars, avvenimenti ta’ taħriġ tal-ħarrieġa, żvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ online jew moduli oħrajn ta' taħriġ;

(c)

tagħlim, kooperazzjoni, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni reċiproċi, bħall-identifikazzjoni ta’, u skambji dwar, prattiki tajbin, approċċi u esperjenzi innovattivi; l-organizzazzjoni ta' reviżjoni bejn il-pari u tagħlim reċiproku; l-organizzazzjoni ta' konferenzi, seminars, kampanji dwar il-mezzi tal-informazzjoni inklużi l-mezzi tal-informazzjoni online; kampanji ta' informazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi tal-Programm; il-ġabra u l-pubblikazzjoni ta' materjali għat-tixrid ta' informazzjoni dwar il-Programm u r-riżultati tiegħu, l-iżvilupp, l-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ sistemi u għodod permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

(d)

appoġġ għall-atturi prinċipali li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Programm, bħall-appoġġ għall-NGOs fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew, l-appoġġ għal atturi Ewropej ewlenin, netwerks fil-livell Ewropew u servizzi armonizzati ta' valur soċjali; appoġġ għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni; u appoġġ għall-attivitajiet ta' netwerking fil-livell Ewropew fost il-korpi u entitajiet speċjalizzati kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u NGOs, inkluż appoġġ b'għotjiet ta' azzjoni jew għotjiet operattivi.

2.   Sabiex tiġi żgurata perspettiva inklużiva, il-benefiċjarji għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' gruppi mmirati rilevanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-Programm.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni

1.   L-aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għall-korpi u l-entitajiet kollha, legalment stabbiliti fi:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma Partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, skont dak il-Ftehim;

(c)

pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi fil-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u kondizzjonijiet ġenerali stipulati għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet ta' Kunsilli ta' Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili.

2.   Il-korpi u entitajiet li huma orjentati lejn il-profitt għandhom ikollhom aċċess għall-Programm biss flimkien ma' organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ jew dawk pubbliċi.

3.   Il-korpi u entitatjiet legalment stabbiliti f'pajjiżi terzi, minbarra dawk li jipparteċipaw fil-Programm skont il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, b'mod partikolari pajjiżi fejn tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jistgħu jkunu assoċjati mal-azzjonijiet tal-Programm bi spejjeż tagħhom, jekk dan iservi l-iskop ta' dawk l-azzjonijiet.

4.   Il-Kummissjoni tista' tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-programmi rilevanti ta' ħidma annwali. L-aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għal organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fl-oqsma koperti mill-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju u l-programmi rilevanti ta' ħidma annwali.

Artikolu 7

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu 2014 sa 2020 huwa stabbilit għal [EUR 439 473 000].

2.   L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista’ tkopri wkoll nefqiet relatati ma’ attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u għall-valutazzjoni tal-kisba tal-objettivi tiegħu. L-allokazzjoni finanzjarja tista' tkopri spejjeż relatati mal-azzjonijiet ta’ studji, laqgħat ta’ esperti, informazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa, inkluża l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawn ikunu relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll in-nefqiet marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni; u assistenza oħra teknika u amministrattiva meħtieġa marbuta mal-ġestjoni tal-Programm mill-Kummissjoni.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (17) ta’ XX.

4.   Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom ikunu allokati lil kull grupp ta' objettivi speċifiċi skont il-persentaġġi stabbiliti fl-Anness.

5.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tmur lil hinn mill-persentaġġi allokati fil-pakkett finanzjarju, kif stabbiliti fl-Anness, b'iżjed minn ħames punti perċentwali għal kull grupp ta' objettivi speċifiċi. Jekk ikun meħtieġ li jinqabeż dak il-limitu, il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa tadotta atti ddelegati taħt l-Artikolu 7a biex timmodifika kull waħda mill-figuri fl-Anness b'iżjed minn ħames, u sa għaxar, punti perċentwali.

Artikolu 8

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati b'dan hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 7(3b) hija mogħtija lill-Kummissjoni għat-tul tal-Programm.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7(3b) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandu jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 7(3b) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx saret oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9

Miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta il-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali fil-forma ta’ atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

3.   Kull programm ta' ħidma annwali għandu jimplimenta l-objettivi tal-programm billi jiddetermina dan li ġej:

(a)

l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu, skont l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(1), inkluża l-allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji;

(b)

l-eliġibbiltà, l-għażla u l-kriterji ta' għotja essenzjali li għandhom jiġu użati biex jiġu magħżula l-proposti li għandhom jirċievu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 94 tar-Regola ta' Applikazzjoni tiegħu;

(c)

il-persentaġġ minimu tan-nefqa annwali li għandha tiġi allokata lill-għotjiet.

4.   Għandha tiġi żgurata distribuzzjoni xierqa u ġusta tal-appoġġ finanzjarju bejn l-oqsma differenti koperti mill-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1), filwaqt li jitqies il-livell ta' finanzjament li diġà ġie allokat skont il-programmi preċedenti 2007-2013 stabbiliti bid-Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-fondi għal dawk l-oqsma fil-programmi ta' ħidma annwali, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li jinżammu livelli suffiċjenti ta' finanzjament u għandha tiżgura l-kontinwità tal-azzjonijiet u t-tbassir tal-finanzjament fl-oqsma kollha koperti mill-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1).

5.   Is-sejħiet għal proposti għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi annwali.

Artikolu 10

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Komplementarjetà

1.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri għandha tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà ġenerali u sinerġiji ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, fost l-oħrajn, mal-Programm Ġustizzja, il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini u l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, u ma’ programmi oħra fl-oqsma tal-impjiegi u affarijiet soċjali; l-affarijiet interni, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi; l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport; is-soċjetà tal-informazzjoni; it-tkabbir, b’mod partikolari l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II)u l-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll b'mod ġenerali l-konsistenza, il-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-ħidma tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li joperaw f'oqsma koperti mill-objettivi tal-Programm.

3.   Il-Programm jista’ jaqsam ir-riżorsi ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Programm Ġustizzja, sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jissodisfaw l-objettivi taż-żewġ programmi. Azzjoni li għaliha jkun ingħata finanzjament mill-Programm tista’ twassal ukoll għall-għoti ta’ finanzjament mill-Programm Ġustizzja, sakemm il-finanzjament ma jkunx ikopri l-istess elementi tal-ispiża.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan il-Programm, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b’kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti xi irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti imħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ verifika, kemm abbażi ta' dokumenti kif ukoll fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (19) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja, deċiżjonijiet ta' għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm għandu jkollhom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF biex iwettqu l-verifiki u investigazzjonijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-Programm kull sena sabiex issegwi l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet imwettqa taħtu u l-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4. Il-monitoraġġ għandu jipprovdi wkoll mezz ta’ valutazzjoni tal-mod li bih il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal ikunu ġew indirizzati fl-azzjonijiet kollha tal-Programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi:

(a)

rapport ta' monitoraġġ annwali bbażat fuq l-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 12a(1) u fuq l-użu tal-fondi disponibbli;

(b)

rapport ta’ evalwazzjoni interim sat-30 ta' Ġunju 2018;

(c)

rapport ta’ evalwazzjoni ex-post sal-31 ta' Diċembru 2021.

3.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim għandu jivvaluta l-kisba tal-objettivi tal-Programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tal-Programm bl-għan li jiġi determinat jekk il-finanzjament f’oqsma koperti mill-Programm għandhomx jiġu mġedda, modifikati jew sospiżi wara l-2020. Huwa għandu jindirizza wkoll l-ambitu għal kwalunkwe simplifikazzjoni tal-Programm, il-koerenza interna u esterna tiegħu, kif ukoll ir-rilevanza kontinwata tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha tiegħu. Dan għandu jieħu kont tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex-post tal-programmi ta' qabel l-2007-2013 stabbiliti bid-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13.

4.   Ir-rapport tal-evalwazzjoni ex-post għandu jivvaluta l-impatti fit-tul tal-Programm u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm, bil-għan li jsejjes deċiżjoni dwar programm sussegwenti.

Artikolu 14

Indikaturi

1.   F'konformità mal-Artikolu 12, l-indikaturi stabbiliti fil-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu għandhom iservu ta' bażi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sal-punt li kull wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 4 jkun intlaħaq permezz tal-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 5. Dawn għandhom jitkejlu skont linji bażi predefiniti li jirriflettu s-sitwazzjoni qabel l-implimentazzjoni. Fejn ikun rilevanti, l-indikaturi għandhom ikunu differenzjati fost l-oħrajn skont is-sess, l-età u d-diżabbiltà.

2.   L-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, inter alia, dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd u l-persentaġġ ta’ persuni fi grupp immirat milħuqa b’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ffinanzjati mill-Programm;

(b)

l-għadd ta' partijiet interessati li jipparteċipaw fost l-oħrajn fl-attivitajiet ta' taħriġ, l-iskambji, iż-żjarat ta' studju, il-workshops u s-seminars iffinanzjati mill-Programm;

(c)

it-titjib fil-livell tal-għarfien tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni u fejn applikabbli, tad-drittijiet, il-valuri u l-prinċipji li jirfdu l-Unjoni, fil-gruppi li jipparteċipaw f'attivitajiet iffinanzjati mill-programm b'paragun mal-grupp immirat kollu;

(d)

l-għadd ta' każijiet, attivitajiet u riżultati tal-kooperazzjoni transkonfinali;

(e)

valutazzjonijiet tal-parteċipanti dwar l-attivitajiet li jkunu pparteċipaw fihom u dwar is-sostenibbiltà (mistennija) tagħhom;

(f)

l-għadd ta' applikazzjonijiet u għotjiet relatati ma' kull objettiv speċifiku;

(g)

il-livell ta' finanzjament mitlub mill-applikanti u mogħti relattivament għal kull objettiv speċifiku;

(h)

il-kopertura ġeografika tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm.

3.   Flimkien mal-indikaturi stabbiliti fil-paragrafu 1a, ir-rapporti ta' evalwazzjoni interim u ex-post tal-Programm għandhom inter alia jivvalutaw:

(a)

il-valur miżjud Ewropew tal-Programm, inkluża evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Programm fid-dawl ta' inizjattivi simili li ġew żviluppati fil-livell nazzjonali jew Ewropew u li mhumiex appoġġati minn finanzjament tal-Unjoni, u r-riżultati (mistennija) tagħhom; u l-vantaġġi u/jew l-iżvantaġġi tal-finanzjament tal-Unjoni b'paragun mal-finanzjament nazzjonali għat-tip ta' attività konċernata;

(b)

il-livell ta' finanzjament relatat mal-eżiti miksuba (effiċjenza);

(c)

l-ostakoli amministrattivi, organizzattivi u/jew strutturali possibbli għall- implimentazzjoni aktar faċli, aktar effettiva u effiċjenti tal-Programm (l-ambitu għal simplifikazzjoni).

Artikolu 15

Miżuri transizzjonali

L-azzjonijiet mibdija fuq il-bażi tat-Taqsima 4 (‘Antidiskriminazzjoni u diversità’) u tat-Taqsima 5 (‘Ugwaljanza bejn is-sessi’) tad-Deċiżjoni 1672/2006/KE, tad-Deċiżjoni 2007/252/KE jew tad-Deċiżjoni 779/2007/KE għandhom ikomplu jiġu regolati mid-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Deċiżjonijiet sa meta jitlestew. Fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet, fejn issir referenza għall-kumitati previsti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1672/2006/KE, fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2007/252/KE u fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 779/2007/KE din għandha tkun interpretata bħala referenza għall-kumitat previst fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 108.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 43.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2013.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 258, 2.9.2011, p. 6.

(6)  Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Jannar 2000 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (il-Programm Daphne) (2000 sa 2003) dwar miżuri preventivi li jikkumbattu l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa (ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1); Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (2004 sa 2008) sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne II) (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 1); Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja (ĠU L 173, 3.7.2007, p. 19).

(7)  Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/KE tad-19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku ‘Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza’ bħala parti mill-programm ġenerali ‘Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja’ (ĠU L 110, 27.4.2007, p. 33).

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-irriservar tal-firxa nazzjonali ta' numri li jibdew b' 116 għal numri armonizzati ta' servizzi armonizzati ta' valur soċjali (ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30).

(10)  ĠU L 373, 20.12.2013, p. 1.

(11)  Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (Ara paġna 73 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.)

(14)  Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(15)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320)

(16)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(18)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1 ).

(19)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom jiġu allokati kif ġej lill-gruppi ta' objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1):

Grupp ta' objettivi speċifiċi

Sehem mill-pakkett finanzjarju (f' %)

Grupp 1

57  %

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li jiġi rispettat il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fuq il-bażi prevista fl-Artikolu 21 tal- Karta;

il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta' intolleranza;

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b'diżabbiltà;

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u progress fl-integrazzjoni tas-sessi;

Grupp 2

43  %

il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, kif ukoll il-vjolenza kontra gruppi oħra f'riskju, b'mod partikolari gruppi f'riskju ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, u l-protezzjoni tal-vittmi ta' tali vjolenza;

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

il-kontribuzzjoni għall-iżgurar tal-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-privatezza u d-data personali;

il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

l-għoti tas-setgħa lill-individwi fil-kapaċità tagħhom ta' konsumaturi u intraprendituri fis-suq intern biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni, b'kont meħud tal-proġetti ffinanzjati taħt il-Programm tal-Konsumatur.