20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/303


REGOLAMENT (UE) Nru 1302/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fid-29 ta’ Lulju 2011 il-Kummissjoni adottat rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tipproponi numru limitat ta' modifiki għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 sabiex tiffaċilita t-twaqqif u t-tħaddim tar-REKT, kif ukoll li tipproponi kjarifika ta' ċerti dispożizzjonijiet eżistenti. L-ostakoli għat-twaqqif ta' REKT ġodda għandhom jitneħħew filwaqt li tinżamm il-kontinwità f'dawk eżistenti u tkun iffaċilitata l-ħidma tagħhom, biex b’hekk ikun permess użu aktar estensiv ta’ REKT sabiex jikkontribwixxu għal koerenza fil-politika u kooperazzjoni aħjar fost l-entitajiet pubbliċi mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali fuq l-amministrazzjonijiet fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni.

(2)

L-istabbiliment ta' REKT huwa kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-membri tiegħu u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, u mhux awtomatikament marbut ma' kwalunkwe vantaġġi legali jew finanzjarji fil-livell tal-Unjoni.

(3)

It-Trattat ta' Lisbona żied dimensjoni territorjali għall-Politika ta' Koeżjoni u "Komunità" ġiet sostitwita b'"Unjoni". It-terminoloġija l-ġdida għandha għalhekk tiġi introdotta fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006.

(4)

Ir-REKT jista’ jkollhom il-potenzjal li jsaħħu l-promozzjoni u l-ilħuq ta’ żvilupp armonjuż tal-Unjoni bħala ħaġa waħda u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni tagħha, b’mod partikolari, u li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ("strateġija Ewropa 2020"). Ir-REKT jistgħu jikkontribwixxu wkoll b’mod pożittiv għat-tnaqqis tal-ostakli għall-kooperazzjoni territorjali bejn ir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, inkluża s-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u jistgħu jkunu strumentali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn pajjiżi terzi, pajjiżi u territorji extra-Ewropej ("OCTs") u reġjuni tal-fruntiera tal-Unjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ programmi ta’ kooperazzjoni esterna tal-Unjoni.

(5)

L-esperjenza mir-REKT stabbiliti s'issa turi li, bħala strument legali, ir-REKT qed jintuża wkoll għall-kooperazzjoni fil-kuntest ta' politiki tal-Unjoni li mhumiex il-Politika ta' Koeżjoni, inkluż billi jiġu implimentati programmi jew partijiet ta' programmi bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni li mhuwiex dak taħt il-Politika ta' Koeżjoni. L-effiċjenza u l-effettività tar-REKT għandhom ikunu mtejbin bit-twessigħ fin-natura tar-REKT, filwaqt li jitneħħew l-ostakli persistenti u jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-operazzjoni ta' REKT filwaqt li tinżamm kif inhi l-kapaċità tal-Istati Membri li jillimitaw l-azzjonijiet li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ir-REKT għandhom f’kull Stat Membru l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lil persuni ġuridiċi taħt id-dritt nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, inkluż il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet ma' REKT oħra, jew entitajiet ġuridiċi oħra, għall-finijiet li jwettqu proġetti ta' kooperazzjoni konġunti biex, inter alia, jipprovdu għall-operazzjoni aktar effiċjenti tal-istrateġiji makroreġjonali.

(6)

Bħala definizzjoni, ir-REKT joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed. Konsegwentement, ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jipprevedi l-possibbiltà li konvenzjoni u statuti tar-REKT jiddikjaraw il-liġi applikabbli fuq ċerti kwistjonijiet. Il-każijiet fejn tali dikjarazzjonijiet għandhom jagħtu prijorità, fi ħdan il-ġerarkija tal-liġi applikabbli stipulata f'dak ir-Regolament, lil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri fejn ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jiġu ċċarati. Fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar il-liġi applikabbli għandhom jiġu estiżi għall-atti u l-attivitajiet ta’ REKT li huma soġġetti għal skrutinju ġuridiku mill-Istati Membri f'kull każ individwali.

(7)

Bħala riżultat ta' differenzi fl-istatus tal-korpi lokali u reġjonali fl-Istati Membri, il-kompetenzi li jkunu reġjonali fuq naħa tal-fruntiera, jistgħu jkunu nazzjonali fuq in-naħa l-oħra, speċjalment fi Stati Membri iżgħar jew ċentralizzati. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jsiru membri ta' REKT flimkien mal-Istat Membru.

(8)

Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jippermetti li korpi stabbiliti taħt il-liġi privata jsiru membri ta’ REKT sakemm dawn huma kkunsidrati bħala korpi rregolati mil-liġi pubblika kif definit fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandu jkun possibbli li r-REKT jintużaw fil-futur biex b'mod konġunt jimmaniġġaw is-servizzi pubbliċi b’konċentrazzjoni partikolari fuq is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew fuq l-infrastruttura. Atturi oħra tal-liġi privata jew pubblika għandhom għalhekk ikunu jistgħu wkoll isiru membri ta’ REKT. Konsegwentement, 'impriżi pubbliċi' kif definit fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u impriżi inkarigati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kura medika, il-ħtiġijiet soċjali li għandhom x'jaqsmu mal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, il-kura tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli, għandhom ikunu koperti wkoll.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma fihx regoli dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi f'REKT iffurmat skont dak ir-Regolament, jiġifieri bejn membri minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Minħabba l-allinjament ulterjuri tar-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar, fil-biċċa l-kbira fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), iżda wkoll fil-kuntest tal-finanzjament komplementari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u ta' kooperazzjoni transnazzjonali taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, fejn l-allokazzjonijiet mill-ENI u l-IPA II għandhom jiġu ttrasferiti biex tali allokazzjonijiet jingħaqdu ma' allokazzjonijiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt programmi ta' kooperazzjoni konġunta, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-parteċipazzjoni ta' membri minn pajjiżi terzi li jkunu ġirien ta' Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu fir-REKT stabbiliti bejn tal-inqas żewġ Stati Membri. Dan għandu jkun possibbli fejn il-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz, jew ftehimiet bejn tal-inqas Stat Membru wieħed parteċipanti u pajjiż terz, jippermettu dan.

(10)

Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u għalhekk sabiex tissaħħaħ, b'mod partikolari, l-effettività tal-kooperazzjoni territorjali, inkluż waħda jew aktar mil-linji ta' kooperazzjoni transkonfinali, dik transnazzjonali u dik interreġjonali, bejn il-membri tar-REKT, il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi ġirien ta' Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, għandha tkun permessa f'REKT. Operazzjonijiet taħt il-programmi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, meta dawn ikunu kofinanzjati mill-Unjoni, għandhom għalhekk, ikomplu jsegwu l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni, anke jekk jiġu implimentati, parzjalment jew fl-intier tagħhom, barra t-territorju tal-Unjoni, u, bħala konsegwenza, l-attivitajiet ta' REKT jitwettqu wkoll tal-inqas sa ċertu punt barra t-territorju tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, u fejn rilevanti, il-kontribuzzjoni mill-attivitajiet ta' REKT li jkollu wkoll membri minn pajjiżi terzi li jkunu ġirien ta' mill-inqas Stat Membu wieħed, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, għall-objettivi tal-politiki tal-Unjoni dwar l-azzjoni esterna, bħall-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, tibqa' sempliċiment inċidentali, peress li ċ-ċentru ta' gravità tal-programmi ta' kooperazzjoni kkonċernati u konsegwentement l-attivitajiet ta' dak ir-REKT għandhom jiffukaw primarjament fuq l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, kwalunkwe objettiv ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp jew ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika bejn Stat Membru wieħed biss, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, u pajjiż terz wieħed jew aktar huwa biss anċillari għall-objettivi ta' kooperazzjoni territorjali bbażati fuq il-politika ta' koeżjoni bejn l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħhom. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

(11)

Wara l-awtorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, subreġjonali u lokali, kif ukoll, fejn xieraq, korpi jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra, inklużi l-fornituri tas-servizzi pubbliċi, minn OCT f’REKT, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (6) u meta jitqies il-fatt li, fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, allokazzjoni finanzjarja addizzjonali speċjali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tar-reġjuni l-aktar mbiegħda tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi ġirien u wħud mill-OTCs elenkati fl-Anness II tat-TFUE u li huma ġirien ta' dawk ir-reġjuni l-aktar mbiegħda, ir-REKT, bħala strument ġuridiku, għandu jinfetaħ ukoll għal membri mill-OTCs. Fl-interess taċ-ċertezza u t-trasparenza ġuridika, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri ta' approvazzjoni speċjali għall-adeżjoni ta' membri minn OCT għal REKT inkluż f'dan ir-rigward, fejn meħtieġ, regoli speċjali dwar il-liġi applikabbli għar-REKT rilevanti li jkollu membri minn OCT.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jiddistingwi bejn il-konvenzjoni li tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu l-ġejjieni tar-REKT, u l-Istatuti li jistabbilixxu l-elementi tal-implimentazzjoni. Madankollu, taħt dak ir-Regolament l-istatuti fil-preżent għandu jkollhom id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni. Għalkemm kemm il-konvenzjoni kif ukoll l-istatuti għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri, dawn huma dokumenti distinti, u l-proċedura ta' approvazzjoni għandha tkun limitata għall-konvenzjoni. Barra minn hekk, xi elementi attwalment koperti mill-istatuti għandhom ikunu minflok koperti mill-konvenzjoni.

(13)

L-esperjenza miksuba mill-istabbiliment tar-REKT turi li l-perjodu ta' tliet xhur għall-proċedura ta' approvazzjoni mill-Istati Membri, rarament ġie rispettat. Dak il-perjodu għandu għalhekk ikun estiż għal sitt xhur. Min-naħa l-oħra, biex tkun żgurata ċertezza ġuridika wara dan il-perjodu, il-konvenzjoni għandha titqies li tkun approvata permezz ta' ftehim taċitu, fejn applikabbli, skont id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, inklużi r-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Madankollu, l-Istat Membru fejn se jkun jinsab l-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT għandu jkollu japprova l-konvenzjoni formalment. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli nazzjonali dwar il-proċedura għall-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' xi membru prospettiv fir-REKT jew biex joħolqu regoli speċifiċi fil-qafas tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw r-Regolament (KE) Nru 1082/2006, derogi għal dispożizzjoni dwar ftehim taċitu wara l-perjodu ta' sitt xhur għandhom jiġu preklużi, ħlief kif ipprovdut f’dan ir-Regolament.

(14)

Il-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri ma japprovawx parteċipazzjoni ta' xi membru prospettiv jew il-konvenzjoni għandhom jiġu stabbiliti. Madankollu, kwalunkwe liġi nazzjonali li tirrikjedi regoli jew proċeduri li huma differenti minn dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma għandhiex titqies meta ssir id-deċiżjoni dwar dik l-approvazzjoni.

(15)

Peress li r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma jistax japplika f'pajjiżi terzi, l-Istat Membru fejn se jkun il-post tal-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT għandu, meta jkun qed japprova l-parteċipazzjoni ta' membri prospettivi minn pajjiżi terzi, stabbiliti taħt il-liġi ta' dawk il-pajjiżi terzi, jissodisfa lilu nnifsu, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri li taħt il-liġijiet tagħhom ikunu ġew stabbiliti membri prospettivi tar-REKT, li l-pajjiżi terzi applikaw kundizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jew li aġixxew skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, kemm jekk huma wkoll Stati Membri tal-Unjoni u kemm jekk mhumiex, abbażi tal-Konvenzjoni Qafas Ewropea dwar il-Kooperazzjoni Transkonfinali bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali, iffirmata f'Madrid fil-21 ta' Mejju 1980, u l-Protokolli addizzjonali adottati bis-saħħa tagħha. Fil-każ tal-involviment ta' bosta Stati Membri tal-Unjoni, u ta’ pajjiż terz wieħed jew aktar, għandu jkun biżżejjed li ftehim bħal dan ikun ġie konkluż bejn il-pajjiż terz rispettiv, u Stat Membru tal-Unjoni parteċipant wieħed.

(16)

Sabiex tinkoraġġixxi l-adeżjoni ta' membri ġodda ma' REKT eżistenti, il-proċedura li temenda konvenzjonijiet f'każijiet bħal dawn għandha tiġi ssimplifikata. Konsegwentement, fil-każ ta' membru ġdid minn Stat Membru li jkun diġà approva l-konvenzjoni, tali emendi ma għandhomx jiġu nnotifikati lill-Istati Membri parteċipanti kollha, iżda biss lill-Istat Membru li skont il-liġijiet tiegħu jkun ġie stabbilit il-membru prospettiv ġdid u l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu. Kwalunkwe emenda sussegwenti tal-konvenzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri kollha kkonċernati. Madankollu, tali simplifikazzjoni tal-proċedura ta' emenda ma għandhiex tapplika fil-każ ta' Membru prospettiv ġdid minn Stat Membru li ma jkunx diġà approva l-konvenzjoni, pajjiż terz, jew OCT, għax hu neċessarju biex l-Istati Membri parteċipanti kollha jkunu jistgħu jivverifikaw jekk din l-adeżjoni hijiex konformi mal-interess pubbliku jew mal-politika pubblika tiegħu.

(17)

Minħabba r-rabtiet bejn l-Istati Membri u l-OCTs, il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' membri prospettivi mill-OCTs għandhom jinvolvu lil dawk l-Istati Membri. Skont ir-relazzjoni speċifika ta' governanza bejn l-Istat Membru u l-OCT, l-Istat Membru għandu jew japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv mill-OCT jew jipprovdi konferma bil-miktub lill-Istat Membru, fejn ser ikun l-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT, li l-awtoritajiet kompetenti fl-OCT ikunu approvaw il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv skont kondizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006. L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ li membru prospettiv minn OCT ikun jixtieq jingħaqad ma' REKT eżistenti.

(18)

Peress li l-istatuti ma għandhomx jinkludu aktar id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni, kemm il-konvenzjoni kif ukoll l-Istatuti għandhom jiġu rreġistrati, jew ippubblikati, jew it-tnejn li huma. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ trasparenza, avviż li jikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-twaqqif ta' REKT, għandu jiġi ppubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-interessi tal-konsistenza, dak l-avviż għandu jinkludi dettalji stipulati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament.

(19)

L-iskop ta' REKT għandu jkun estiż biex ikopri l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali inġenerali, inkluż l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tat-tħassib reġjonali u lokali, skont il-Politika ta' Koeżjoni u politiki oħrajn tal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 jew għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali. REKT għandu għalhekk ikun jista’ jimplimenta operazzjonijiet b’appoġġ finanzjarju minbarra dak ipprovdut mill-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, kull membru f'kull Stat Membru jew pajjiż terz irrappreżentat għandu jkun obbligat li jkollu kull kompetenza meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti ta' REKT, sakemm l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ma japprovax il-parteċipazzjoni ta' membru stabbilit taħt il-liġi nazzjonali tiegħu anki fejn dak il-membru ma jkunx kompetenti fir-rigward tal-kompiti kollha speċifikati fil-konvenzjoni.

(20)

Bħala strument ġuridiku, ir-REKT mhumiex maħsuba biex jevitaw il-qafas ipprovdut mill-acquis tal-Kunsill tal-Ewropa li joffri opportunitajiet differenti u oqfsa li fihom ikunu jistgħu jikkooperaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali madwar il-fruntieri inklużi l-Gruppi ta' Kooperazzjoni Ewroreġjonali (7) reċenti, jew biex jipprovdi sett ta' regoli komuni speċifiċi li jirregolaw b'mod uniformi l-arranġamenti kollha madwar l-Unjoni.

(21)

Kemm il-kompiti speċifiċi ta’ REKT u kemm il-possibbiltà għal Stati Membri li jillimitaw l-azzjonijiet li REKT jistgħu jwettqu mingħajr l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni, għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

(22)

Filwaqt li huwa stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 li l-kompiti ta' REKT ma jikkonċernawx, fost l-oħrajn, 'setgħat regolatorji', li jista' jkollhom konsegwenzi ġuridiċi differenti fi Stati Membri differenti, madankollu assemblea ta' REKT għandha tkun tista' tiddefinixxi, jekk il-konvenzjoni speċifikament tipprevedi dan, u, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, it-termini u l-kundizzjonijiet dwar l-użu ta' element ta' infrastruttura amministrat mir-REKT, jew it-termini u l-kundizzjonijiet li soġġett għalihom jiġi provdut servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi t-tariffi u l-miżati li għandhom jitħallsu mill-utenti.

(23)

Bħala konsegwenza tal-ftuħ tar-REKT għal membri minn pajjiżi terzi jew OCTs, il-konvenzjoni għandha tispeċifika l-arranġamenti għall-involviment tagħhom.

(24)

Il-Konvenzjoni għandha, apparti milli tinkludi referenza għal-liġi applikabbli b 'mod ġenerali kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, telenka wkoll il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli għar-REKT. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li tali liġi nazzjonali tkun dik tal-Istat Membru fejn l-organi tar-REKT jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, b'mod partikolari fil-każ fejn il-persunal li jaħdem taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur u li jinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu. Il-konvenzjoni għandha telenka wkoll il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali li tkun direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT imwettqa skont il-kompiti speċifikati fil-konvenzjoni, inkluż fejn ir-REKT qiegħed jamministra servizzi pubbliċi ta' interess ġenerali jew infrastrutturi.

(25)

Dan ir-Regolament m’għandux ikopri problemi marbuta mal-akkwist transkonfinali li jiltaqgħu magħhom ir-REKT.

(26)

Minħabba l-importanza tar-regoli applikabbli għall-persunal tar-REKT u tal-prinċipji li jirregolaw l-arranġamenti li jikkonċernaw il-ġestjoni u r-reklutaġġ tal-persunal, il-konvenzjoni, mhux l-istatuti, għandha tispeċifika dawk ir-regoli u prinċipji. Għandu jkun possibbli li fil-konvenzjoni jiġu stipulati alternattivi differenti dwar l-għażla tar-regoli applikabbli għall-persunal tar-REKT. L-arranġamenti speċifiċi rigward il-ġestjoni tal-persunal u l-proċeduri ta' reklutaġġ għandhom jiġu indirizzati fl-istatuti.

(27)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu ulterjuri tal-possibbiltajiet previsti taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) biex jippermettu bi ftehim komuni eċċezzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont dak ir-Regolament fl-interessi ta' ċerti persuni jew kategoriji ta’ persuni, u sabiex il-persunal tar-REKT jiġi kkunsidrat bħala tali kategorija ta’ persuni.

(28)

Minħabba l-importanza tal-arranġamenti relatati mar-responsabbiltà tal-membri, il-konvenzjoni, mhux l-istatuti, għandha tispeċifika dawk l-arranġamenti.

(29)

Fejn REKT għandu bħala l-għan esklussiv tiegħu l-ġestjoni ta' programm ta' kooperazzjoni, jew parti minnu, appoġġata mill-FEŻR, jew fejn ir-REKT jirrigwarda l-kooperazzjoni interreġjonali jew netwerks, m’għandhiex tintalab informazzjoni dwar it-territorju fejn ir-REKT jista’ jwettaq il-kompitu tiegħu. Fl-ewwel każ, l-estent tat-territorju għandu jiġi definit u, fejn xieraq, mibdul fil-programm ta' kooperazzjoni rilevanti. Fit-tieni każ, waqt li primarjament jikkonċerna attivitajiet mhux materjali, ir-rekwiżit għal informazzjoni bħal din ifixkel l-adeżjoni ta' membri ġodda għall-kooperazzjoni jew netwerks interreġjonali.

(30)

Għandhom jiġu kkjarifikati l-arranġamenti differenti li jirrigwardaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi fuq naħa waħda, u l-verifika tal-kontijiet tar-REKT fuq in-naħa l-oħra.

(31)

Ir-REKT li l-membri tagħhom għandhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu aktar distinti b' mod ċar, minn dawk li l-membri tagħhom għandhom responsabbiltà mhux limitata. Barra minn hekk, sabiex jiġu permessi REKT li l-membri tagħhom ikollhom responsabbiltà limitata biex jimplimentaw attivitajiet li jistgħu potenzjalment jiġġeneraw djun, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesiġu li tali REKT ikollhom assigurazzjoni xierqa jew li tali REKT ikunu soġġetti għal garanzija finanzjarja xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi tal-attivitajiet tagħhom.

(32)

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kwalunkwe dispożizzjonijiet, kif ukoll emendi għalihom, adottati biex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006. Sabiex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti tali dispożizzjonijiet lill-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kumitat tar-Reġjuni waqqaf pjattaforma tar-REKT li tippermetti lill-partijiet interessati kollha jiskambjaw l-esperjenzi u l-prattiki tajba tagħhom u biex itejbu l-komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tar-REKT billi jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi dwar it-twaqqif tar-REKT fuq livell territorjali kif ukoll biex jiġi skambjat l-għarfien dwar l-aħjar prattiki fir-rigward tal-kooperazzjoni territorjali.

(33)

Għandha tiġi ffissata skadenza ġdida għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006. F'konformità mal-pass tal-Kummissjoni lejn it-tfassil ta' politika bbażata aktar fuq l-evidenza, dak ir-rapport għandu jindirizza l-mistoqsijiet ewlenin tal-evalwazzjoni, inklużi l-effettività, l-effiċjenza, ir-relevanza, il-valur miżjud Ewropew, il-marġini għas-simplifikazzjoni u s-sostenibbiltà. L-effettività għandha tinftiehem li tirrelata, inter alia, man-natura tat-tentattivi fi ħdan is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u bejn il-Kummissjoni u korpi oħra bħalma hu s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jixxerred l-għarfien dwar l-istrument tar-REKT. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 TFUE, lill-Kumitat tar-Reġjuni. Dak ir-rapport għandu jintbagħat sal-1 ta' Awissu 2018.

(34)

Sabiex tiġi stabbilita lista ta' indikaturi għall-użu fl-evalwazzjoni u t-tħejjija tar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, is-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewroepw u lill-Kunsill.

(35)

REKT eżistenti ma għandhomx ikunu obbligati jallinjaw il-konvenzjoni u l-istatuti tagħhom mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 introdotti b'dan ir-Regolament.

(36)

Hu neċessarju li jiġi speċifikat taħt liema sett ta' regoli għandu jiġi approvat REKT, li għalih proċedura ta' approvazzjoni nbdiet qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex jiġu adattati r-regoli nazzjonali eżistenti għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament qabel ma l-programmi taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea jiġu sottomessi lill-Kummissjoni, dan ir-Regolament għandu jibda japplika sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Meta jkunu qed jadattaw ir-regoli nazzjonali eżistenti tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-approvazzjoni tar-REKT jiġu nominati u li, skont l-arranġamenti ġuridiċi u amministrattivi tagħhom, dawk l-awtoritajiet għandhom ikunu l-istess korpi responsabbli biex jirċievu notifiki skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006.

(38)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-istrument ġuridiku tar-REKT, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv billi mhuwiex obbligatorju r-rikors għal REKT, skont is-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru.

(39)

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (“REKT”), jista jiġi stabbilit fuq territorju tal-Unjoni bil-kondizzjonijiet u soġġett għall-arranġamenti previsti minn dan ir-Regolament.

2.   L-għan ta' REKT għandu jkun li jiffaċilita u jippromwovi, b’mod partikolari, kooperazzjoni territorjali, inkluża waħda jew aktar mil-linji ta' kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, bejn il-membri tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 3(1), bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.”;

(b)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

'5.   L-uffiċċju reġistrat ta' REKT għandu jkun fi Stat Membru li taħt il-liġi tiegħu mill-inqas wieħed mill-membri tar-REKT huwa stabbilit.';

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1.   L-atti tal-entitajiet ta' REKT għandhom jiġu regolati kif ġej:

(a)

dan ir-Regolament;

(b)

il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8, fejn hija espressament awtorizzata taħt dan ir-Regolament li tagħmel dan; u,

(c)

fil-każ ta' kwistjonijiet li mhumiex, jew huma biss parzjalment, irregolati taħt dan ir-Regolament, id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fejn ikun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali privata, REKT għandu jitqies bħala entità tal-Istat Membru fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu".

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

'1a.   L-attivitajiet ta' REKT li jirrelataw mat-twettiq ta' kompiti, imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3), fl-Unjoni għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali kif speċifikat bil-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8.

L-attivitajiet ta' REKT li huma kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relatati mal-applikazzjoni ta' dik il-liġi tal-Unjoni.';

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri ta’ REKT:

(a)

L-Istati Membri jew l-awtoritajiet fuq livell nazzjonali;

(b)

l-awtoritajiet reġjonali;

(c)

l-awtoritajiet lokali;

(d)

l-impriżi pubbliċi fi ħdan it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew korpi rregolati mil-liġi pubblika skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

(e)

impriżi fdati bl-operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’konformità mal-liġi u tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli;

(f)

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jew korpi jew impriżi pubbliċi, ekwivalenti għal dawk imsemmijin taħt il-punt (d), minn pajjiżi terzi, suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3a.'.

(*)  Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1)."

(**)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).';"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2.   REKT għandu jkun magħmul minn membri li jinsabu f'territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, ħlief kif previst fl-Artikolu 3a(2) u (5).';

(4)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

'Artikolu 3a

L-adeżjoni ta' membri minn pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej (OCTs)

1.   F'konformità mal-Artikolu 4(3a), REKT jista' jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri u pajjiż terz wieħed jew iktar li jkunu ġirien ta' mill-inqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, fejn dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jwettqu b'mod konġunt azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali jew jimplimentaw programmi appoġġati mill-Unjoni.

Għall-finjiet ta’ dan ir-Regolament, pajjiż terz jew OCT għandu jitqies li jkun ġar ta’ Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-pajjiż terz jew l-OCT u dak l-Istat Membru jkollhom fruntiera komuni tal-art jew meta sew il-pajjiż terz jew l-OCT u sew Stat Membru jkunu eliġibbli taħt programm marittimu konġunt transkonfinali jew transnazzjonali taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea jew huma eliġibbli taħt programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali, transmarin jew ta’ baċir tal-baħar ieħor, inkluż fejn ikunu mifruda b’ibħra internazzjonali.

2.   REKT jista' jkun magħmul minn membri li jkunu jinsabu f'territorju ta' Stat Membru wieħed biss u ta' pajjiż terz wieħed jew aktar li jkunu ġirien ta' dak l-Istat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-Istat Membru kkonċernat jqis li tali REKT ikun konsistenti mal-ambitu tal-kooperazzjoni territorjali tiegħu fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali jew transnazzjonali jew ir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi kkonċernati.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-pajjiżi terzi ġirien ta' Stat Membru inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu jinkludu l-fruntieri marittimi bejn il-pajjiżi kkonċernati.

4.   F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħhom, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar jew mingħajrhom.

5.   F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru wieħed biss, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar, jew mingħajrhom.

6.   REKT m’għandux jiġi stabbilit biss bejn membri minn Stat Membru u OCT wieħed jew aktar marbutin ma' dak l-istess Stat Membru.';

(5)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3.   Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru li jkun irċieva dik in-notifika għandu, filwaqt li jqis l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT u l-konvenzjoni, sakemm dak l-Istat Membru ma jikkonsidrax li:

(a)

tali parteċipazzjoni jew il-konvenzjoni mhijiex konformi ma' xi wieħed milli ġejjin:

(i)

dan ir-Regolament;

(ii)

liġi oħra tal-Unjoni li tikkonċerna l-atti u l-attivitajiet tar-REKT;

(iii)

il-liġi nazzjonali li tirrigwarda s-setgħat u l-kompetenzi tal-membru prospettiv;

(b)

tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew politika pubblika ta’ dak l-Istat Membru; jew

(c)

l-istatuti ma jkunux konsistenti mal-konvenzjoni.

Fl-eventwalità ta’ nonapprovazzjoni, l-Istat Membru għandu jiddikjara r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta' approvazzjoni u għandu, meta jkun xieraq, jissuġġerixxi l-emendi meħtieġa għall-konvenzjoni.

L-Istat Membru għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu, rigward l-approvazzjoni, f'perijodu ta' sitt xhur mid-data ta' meta tkun waslet in-notifika skont il-paragrafu 2. Jekk l-Istat Membru li jkun irċieva n-notifika, ma jqajjimx oġġezzjoni f'dak il-perjodu stabbilit, il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv u l-konvenzjoni għandha jitqiesu li jkunu ġew approvati. Madankollu, l-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat propost għandu japprova l-konvenzjoni formalment biex ir-REKT ikun jista' jiġi stabbilit.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru lil membru prospettiv għandha tinterrompi l-iskadenza msemmija fit-tielet subparagrafu. Il-perjodu tal-interruzzjoni għandu jibda mill-jum wara d-data li fiha l-Istat Membru jkun bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-membru prospettiv u għandu jibqa' għaddej sa meta l-membru prospettiv ikun wieġeb għall-osservazzjonijiet.

Madankollu, interruzzjoni tal-iskadenza msemmija fit-tielet subparagrafu m’għandhiex isseħħ jekk il-membru prospettiv iressaq tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Istat Membru fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun beda l-perjodu tal-interruzzjoni.

Fid-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni f'REKT tal-membru prospettiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali.';

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

'3a.   Fil-każ ta’ REKT b'membri prospettivi minn pajjiż terz wieħed jew iktar l-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju reġistrat propost tiegħu fih, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati, jaċċerta ruħu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3a jkunu ssodisfati u li kull pajjiż terz ikun approva l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità ma':

(a)

kundizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament; jew

(b)

ftehim konkluż bejn mill-inqas Stat Membru wieħed li taħt il-liġi tiegħu huwa stabbilit membru prospettiv u dak il-pajjiż terz.';

(c)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

'5.   Il-membri għandhom jaqblu fuq il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8 filwaqt li jiżguraw konsistenza mal-approvazzjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

6.   Kwalunkwe emenda għall-konvenzjoni jew għall-istatuti għandhom jiġu nnotifikati mir-REKT lill-Istati Membri li taħt il-liġi tagħhom l-membri tar-REKT huma stabbiliti. Kwalunkwe emenda għall-konvenzjoni, b'eċċezzjoni esklużivament fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid taħt il-punt (a) tal-paragrafu 6a, għandha tiġi approvata minn dawk l-Istati Membri skont il-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu.';

(d)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

'6a.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membri ġodda għal REKT eżistenti:

(a)

fl-eventwalità ta’ adeżjoni ta' membru ġdid minn Stat Membru li jkun diġà approva l-konvenzjoni, tali adeżjoni għandha tiġi approvata biss mill-Istat Membru, li l-membru l-ġdid ikun ġie stabbilit skont il-liġijiet tiegħu, f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 3 u nnotifikata lill-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;

(b)

fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid minn Stat Membru li ma jkunx għadu approva l-konvenzjoni, għandha tapplika l-proċedura stipulata fil-paragrafu 6;

(c)

fl-eventwalità tal-adeżjoni ta' membru ġdid minn pajjiż terz għal REKT eżistenti, tali adeżjoni għandha tkun soġġetta għal analiżi mill-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 3a.';

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

'Artikolu 4a

Parteċipazzjoni ta' membri minn OCT

Fil-każ ta' REKT b'membru prospettiv minn OCT, l-Istat Membru li miegħu jkun marbut OCT għandu jaċċerta ruħu li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 3a jkunu ssodisfati u, filwaqt li jikkunsidra r-relazzjoni tiegħu mal-OCT, jew:

(a)

japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità mal-Artikolu 4(3); jew

(b)

jikkonferma bil-miktub lill-Istat Membru fejn ir-REKT għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat propost li l-awtoritajiet kompetenti fl-OCT jkunu approvaw il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv f'konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri ekwivalenti għal dawk stipulati f'dan ir-Regolament.';

(7)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'Artikolu 5

Kisba ta' personalità ġuridika u pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   Il-konvenzjoni u l-istatuti u kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom għandhom jiġu reġistrati jew jiġu ppubblikati, jew it-tnejn, fl-Istat Membru fejn ir-REKT ikkonċernat ikollu l-uffiċċju rreġistrat fih, skont il-liġi nazzjonali applikabbli ta' dak l-Istat Membru. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, skont liema sseħħ l-ewwel. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti.

2.   Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni jew mill-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, tintbagħat talba lill-Kumitat tar-Reġjuni skont il-mudell stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu mbagħad jitrasferixxi dik it-talba lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għall-pubblikazzjoni ta' avviż fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jħabbar it-twaqqif ta' REKT, flimkien mad-dettalji mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.';

(8)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’li ġej:

'4.   Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, fejn il-kompiti ta' REKT kif imsemmija taħt l-Artikolu 7(3) jkopru azzjonijiet li huma kkofinanzjati mill-Unjoni, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-kontroll ta' fondi pprovduti mill-Unjoni';

(9)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b’dan li ġej:

'2.   REKT għandu jaġixxi fil-limiti tal-kompiti mogħtija lilu, jiġifieri l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni territorjali għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u l-għelib ta’ ostakoli fis-suq intern. Kull kompitu għandu jiġi determinat mill-membri tiegħu li jaqa' fil-kompetenza ta’ kull membru, sakemm l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ma japprovax il-parteċipazzjoni ta’ membru stabbilit skont il-liġi nazzjonali tiegħu anke meta dak il-membru ma jkunx kompetenti għall-kompiti kollha speċifikati fil-konvenzjoni.

3.   REKT jista' jwettaq azzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' kooperazzjoni territorjali bejn il-membri tiegħu sabiex jilħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), kemm jekk ikollhom kontribut finanzjarju mill-Unjoni u kemm jekk le.

Primarjament, il-kompiti ta’ REKT jistgħu jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni jew partijiet minnhom jew l-implimentazzjoni ta' ħidmiet appoġġati mill-Unjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Fond Soċjali Ewropew u/jew tal-Fond ta' Koeżjoni.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kompiti li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-Istati Membri ma għandhomx jeskludu dawk il-kompiti relatati mal-prijoritajiet ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 (***) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(***)  Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU 347, 20.12.2013, p. 259).';"

(b)

fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

'Madankollu, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, l-assemblea ta’ REKT, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(1) tista' tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu ta' oġġett ta' infrastruttura li r-REKT qed jamministra, jew it-termini u l-kundizzjonijiet li soġġett tagħhom qed jingħata servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi t-tariffi u l-miżati li għandhom jitħallsu mill-utenti.';

(10)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

'2.   Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:

(a)

l-isem tar-REKT u l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;

(b)

il-medda tat-territorju li fih ir-REKT jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu;

(c)

l-għan u l-kompiti tar-REKT;

(d)

it-tul ta' żmien tar-REKT u l-kundizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu;

(e)

il-lista tal-membri tar-REKT;

(f)

il-lista tal-organi tar-REKT u l-kompetenzi rispettivi tagħhom;

(g)

il-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-liġi applikabbli nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għall-finijiet tal-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni;

(h)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru fejn jaġixxu l-organi tar-REKT;

(i)

l-arranġamenti għall-involviment ta' membri minn pajjiżi terzi jew minn OCTs jekk ikun xieraq inkluża l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli fejn ir-REKT iwettaq kompiti f'pajjiżi terzi jew f'OCTs;

(j)

il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT imwettqa skont il-kompiti speċifikati fil-konvenzjoni;

(k)

ir-regoli applikabbli għall-persunal ta' REKT kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-arranġamenti dwar ġestjoni tal-persunal u l-proċeduri għar-reklutaġġ;

(l)

l-arranġamenti għar-responsabbiltà tar-REKT u tal-membri tiegħu f'konformità mal-Artikolu 12;

(m)

l-arranġamenti xierqa għar-rikonoxximent reċiproku, inkluż għall-kontroll finanzjarju fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi; kif ukoll

(n)

il-proċeduri għall-adozzjoni tal-istatuti u l-modifika tal-konvenzjoni, li għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

3.   Meta l-kompiti ta’ REKT jirrigwardaw biss il-ġestjoni ta’ programm ta’ kooperazzjoni jew parti minnu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013, jew fejn REKT jirrigwarda l-kooperazzjoni interreġjonali jew netwerks, l-informazzjoni taħt il-punt (b) tal-paragrafu 2 mhijiex meħtieġa.';

(11)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'Artikolu 9

Statuti

1.   L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni u f'konformità magħha, mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament.

2.   L-istatuti tar-REKT għandhom jispeċifikaw, bħala minimu, is-segwenti:

(a)

id-dispożizzjonijiet operattivi tal-organi tiegħu u l-kompetenzi ta' dawk l-organi, kif ukoll in-numru ta' rappreżentanti tal-membri fl-organi relevanti;

(b)

il-proċeduri għal teħid ta' deċiżjonijiet;

(c)

il-lingwa jew lingwi operattivi tiegħu;

(d)

l-arranġamenti għall-funzjonament tiegħu;

(e)

il-proċeduri rigward il-ġestjoni tal-persunal u r-reklutaġġ;

(f)

l-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu;

(g)

ir-regoli ta' kontabbiltà u baġitarji applikabbli għall-membri tiegħu;

(h)

il-ħatra ta’ awditur estern indipendenti għall-kontijiet tar-REKT; u

(i)

il-proċeduri għall-modifika tal-istatuti tiegħu, li għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.';

(12)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

'2.   Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inklużi, fejn meħtieġa, ir-rapport annwali li jakkumpanjahom u l-verifika kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' dawn il-kontijiet, għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.';

(13)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

'REKT għandu jkun responsabbli għad-dejn kollu tiegħu.';

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, sal-punt li l-assi ta' REKT huma insuffiċjenti biex jilħqu l-obbligazzjonijiet finanzjarji tiegħu, il-membri tiegħu għandhom jkunu responsabbli għad-djun irrispettivament min-natura ta' dawk id-djun, is-sehem ta' kull Membru jkun iffissat proporzjonalment skont il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu. L-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu ffissati fl-istatuti.

Il-membri ta’ REKT jistgħu jipprovdu fl-istatuti, li huma responsabbli, wara li jkunu waqfu milli jkunu membri ta' REKT, għall-obbligi li jirriżultaw minn attivitajiet tar-REKT matul is-sħubija tagħhom.

2a.   Jekk ir-responsabbiltà ta' mill-inqas membru wieħed ta' REKT minn Stat Membru tkun limitata bħala riżultat tal-liġi nazzjonali skont liema jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-konvenzjoni meta l-liġi nazzjonali li timplimenta dan ir-Regolament tippermettilhom jagħmlu hekk.

L-isem ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma 'limitat'.

Ir-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, l-istatuti u l-kontijiet ta’ REKT meta l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu mill-anqas ugwali għal dawk meħtieġa għal entitajiet legali oħra b'responsabbiltà limitata skont il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dak ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu.

Fil-każ ta' REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata, kwalunkwe Stat Membru kkonċernat jista' jesiġi li r-REKT jagħmel assigurazzjoni adatta jew li jkun soġġett għal garanzija pprovduta minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra stabbilita fi Stat Membru jew li jkun kopert b'faċilità pprovduta bħala garanzija minn entità pubblika jew minn Stat Membru biex jiġu koperti r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tar-REKT.';

(14)

fl-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2.   Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal kwistjonijiet li jinvolvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali liġi tal-Unjoni, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.';

(15)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tad-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-proċedura ta' approvazzjoni, f'konformità mal-arranġamenti legali u amministrattivi tagħhom.

Fejn ikun meħtieġ taħt it-termini tal-liġi nazzjonali ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' jistabbilixxi lista komprensiva tal-kompiti li l-membri ta' REKT fis-sens tal-Artikolu 3(1) stabbiliti taħt il-liġijiet tiegħu diġà għandhom, sa fejn għandha x'taqsam il-kooperazzjoni territorjali f'dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni b'kulldispożizzjoni adottata taħt dan l-Artikolu, kif ukoll emendi għalih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kumitat tar-Reġjuni.';

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

'1a.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa fejn jikkonċernaw Stat Membru li OCT ikun marbut miegħu, filwaqt li titqies ir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u dak l-OCT, għandhom jiżguraw ukoll l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' dawk l-OCTs li jkunu ġirien ta' Stati Membri oħrajn jew ir-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ dawk l-Istati Membri.';

(16)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'Artikolu 17

Rapport

Sal-1 ta' Awwissu 2018 il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jevalwa, abbażi ta’ indikaturi, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-ambitu għas-simplifikazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 17a, li jistabbilixxu l-lista ta’ indikaturi li hemm riferiment għalihom fl-ewwel paragrafu.';

(17)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

'Artikolu 17a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa sabiex ikunu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn 21 ta’ Diċembru 2013

3.   Id-delega ta’ setgħa li jirreferi għaliha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se jressqu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.'.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   REKT imwaqqfa qabel 21 ta’ Diċembru 2013 m’għandhomx ikunu obbligati li jallinjaw il-konvenzjoni u l-istatuti tagħhom mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b’dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ ta' REKT, li għalih tkun inbdiet proċedura skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel 22 ta’ Ġunju 2014 u li għalih hemm pendenti biss ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, il-konvenzjoni u l-istatuti għandhom jiġu rreġistrati jew ippubblikati, jew it-tnejn li huma, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel l-emenda tiegħu b'dan ir-Regolament.

3.   REKT li għalih tkun inbdiet proċedura taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 aktar minn sitt xhur qabel 22 ta’ Ġunju 2014 għandu jiġi approvat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel l-emenda tiegħu b'dan ir-Regolament.

4.   REKT oħra apparti dawk taħt il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu li għalih tkun inbdiet proċedura taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel 22 ta’ Ġunju 2014 għandhom ikunu approvati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-emendi neċessarji għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn 22 ta’ Ġunju 2014

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 22 ta’ Ġunju 2014

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 53

(2)  ĠU C 113, 18.4.2012, p. 22.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.)

(4)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

(5)  Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri ta' akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tal-enerġija,tat-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE ta' 25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni ('Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea') (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(7)  Il-Protokoll Nru 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali rigward Gruppi ta' Kooperazzjoni Ewroreġjonali (ECGs), miftuħa għall-iffirmar nhar is-16 ta’ Novembru 2009.

(8)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS

Mudell tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 5(2)

IT-TWAQQIF TA' RAGGRUPPAMENT EWROPEW TA' KOOPERAZZJONI TERRITORJALI (REKT)

L-isem ta’ REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma “limitat” (l-Artikolu 12(2a))

L-asterisk * tindika l-oqsma obbligatorji.

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar is-sensibilizzazzjoni u l-Artikolu 4 u 4a tar-Regolament REKT

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jwettqu sforzi kkordinati aħjar għas-sensibilizzazzjoni fost u fl-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ħalli titjieb il-viżibilità tal-possibilitajiet tal-użu tal-EGTCs bħala strument opzjonali disponibbli għall-koperazzjoni territorjali fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE.

F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri b'mod partikolari jidħlu għal azzjonijiet xierqa ta' kordinazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet ta' Stati Membri differenti ħalli jiżguraw proċeduri ċari, effiċjenti u trasparenti ta' awtorizzazzjoni ta' EGTCs ġodda fit-termini fissati.


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 1(9) tar-Regolament REKT

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li meta jiġi applikat l-Artikolu 9(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1082/2006 kif emendat, l-Istati Membri jagħmlu ħilithom meta jivvalutaw ir-regoli li jridu jkunu applikabbli għall-membri tal-persunal tal-EGTC kif proposti fl-abbozz tal-konvenzjoni, li jqisu l-opzjonijiet ta' reġimi differenti ta' impjiegi disponibbli li jridu jintgħażlu mill-EGTC, kemm skont id-dritt privat kemm skont dak pubbliku.

Meta l-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt privat, l-Istati Membri jqisu wkoll id-dritt relevanti tal-UE, bħalma hu r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-PE u l-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), kif ukoll il-prattika legali relattiva tal-Istati Membri l-oħrajn rappreżentati fl-EGTC.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jifhmu wkoll li fejn il-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt pubbliku, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali jkunu dawk tal-Istat Membru fejn l-organu rispettiv tal-EGTC ikun jinsab. B'dana kollu, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun irreġistrat l-EGTC jistgħu japplikaw kwantu għall-membri tal-persunal tal-EGTC ġa soġġetti għal dawn ir-regoli qabel ma jkunu saru membri tal-persunal tal-EGTC.


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-pjattaforma REKT

Il-Parlament Ewroepw, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu nota tax-xogħol siewi magħmul mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-Pjattaforma tal-EGTC superviżjonata minnu u jħeġġeġ lill-Kumitat tar-Reġjuni jkompli jsegwi l-attivitajiet tal-EGTCs eżistenti u ta' dawk li jinsabu fil-proċess tat-twaqqif, jorganizza skambju tal-aqwa prattiki u jidentifika l-kwistjonijiet komuni.