20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/221


REGOLAMENT (UE) Nru 1295/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(4), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) u l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu l-għan li jġib unjoni eqreb fost il-popli tal-Ewropa u jikkonferixxi lill-Unjoni l-kompitu, fost l-oħrajn, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin tiżgura li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. F'dak ir-rigward, l-Unjoni, fejn meħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jkollhom il-għan li jirrispettaw id-diversità kulturali u lingwistika, skont l-Artikolu 167 TFUE u l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (il-"Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005"), biex isaħħu l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi u biex jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil industrijali.

(2)

L-appoġġ tal-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi huwa bbażat primarjament fuq l-esperjenza miksuba mill-programmi tal-Unjoni spjegati f': Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-"programm MEDIA"), id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (il-"programm Kultura"), u d-Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (il-"programm MEDIA Mundus"). Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (l-"azzjoni Kapitali Ewropea tal-Kultura") u d-Deċiżjoni Nru 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ mill-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata, approvata mill-Kunsill f'riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2007 (9) u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 (10), tistabbilixxi l-objettivi għall-attivitajiet tal-ġejjieni tal-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi. Din għandha l-għan li tippromwovi d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, il-kultura bħala katalist għall-kreattività fil-qafas għat-tkabbir u l-impjiegi u l-kultura bħala element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

(4)

Fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 21 u 22 tagħha, is-setturi kulturali u kreattivi jagħtu kontribuzzjoni importanti għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u huma pjattaforma importanti għal-libertà tal-espressjoni u għall-promozzjoni tar-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika.

(5)

Il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2007, u li l-Unjoni tagħmel parti minnha, tissottolinja li l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali għandhom kemm natura ekonomika kif ukoll kulturali, peress li jittrasmettu identitajiet, valuri u tifsiriet, u m'għandhomx, għalhekk, jitqiesu li għandhom biss valur kummerċjali. Dik il-konvenzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż il-ftehimiet internazzjonali ta' koproduzzjoni u kodistribuzzjoni, u s-solidarjetà sabiex tiffavorixxi l-espressjoni kulturali tal-pajjiżi u l-individwi kollha. Hija tiddikjara wkoll li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta liċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċjali ta' diversi gruppi soċjali, inklużi persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Għalhekk programm ta' appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi għandu jrawwem id-diversità kulturali fil-livell internazzjonali f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.

(6)

Il-promozzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, fid-dawl, inter alia, tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2003 għas-Salvagwardja tal-Wirt Kulturali Intanġibbli u l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1972 Rigward il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Nturali Dinji, għandha wkoll tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-valur tas-siti relevanti, filwaqt li tagħti lill-popli sens ta' sjieda, tal-valur kulturali u storiku ta' tali siti.

(7)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ntitolata "Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"(l-"Istrateġija Ewropa 2020") tiddefinixxi strateġija li għandha l-għan li tbiddel l-Unjoni f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tagħti livelli għoljin ta' impjieg, produttività u koeżjoni soċjali. F'dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-Unjoni teħtieġ tipprovdi kundizzjonijiet qafas aktar attraenti għall-innovazzjoni u l-kreattività.F'dak ir-rigward, is-setturi kulturali u kreattivi huma għajn ta' ideat innovattivi li jistgħu jinbidlu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jgħinu biex jiġu indirizzati t-tibdiliet tas-soċjetà. Barra minn hekk, l-eċċellenza u l-kompetittività f'dawk is-setturi huma primarjament riżultat tal-isforzi li jsiru min-naħa tal-artisti, dawk li jikkreaw u l-professjonisti, li jeħtieġ li jiġu promossi. Għal dak il-għan, l-aċċess għall-finanzi għas-setturi kulturali u kreattivi għandu jittejjeb.

(8)

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura (11) l-Kunsill ikkonferma l-importanza tal-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura għall-Unjoni u għall-kisba tal-objettivi tagħha fl-Istrateġija Ewropa 2020, u talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom u b'kunsiderazzjoni kif mistħoqq għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jiffaċilitaw l-għoti ta' informazzjoni komprensiva u eżatta lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li qed ifittxu li jkunu mobbli ġewwa l-Unjoni.

(9)

Sabiex isir kontribut għat-tisħiħ ta' żona kulturali kondiviża, huwa importanti li jiġu promossi l-mobbiltà transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi u ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, inklużi xogħlijiet u prodotti awdjoviżivi, biex b'hekk jiġu promossi l-iskambji kulturali u d-djalogu interkulturali.

(10)

Il-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus kienu s-suġġett ta' monitoraġġ regolari u evalwazzjonijiet esterni, u ġew organizzati konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-ġejjieni tagħhom, u minn dawn jirriżulta li dawk il-programmi għandhom rwol verament importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa u li huma rilevanti g all- tiîjiet tas-setturi kulturali u kreattivi. Jidher ukoll minn dawk l-attivitajiet ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u konsultazzjoni, kif ukoll minn studji indipendenti differenti, b'mod partikolari l-istudju dwar id-dimensjoni intraprenditorjali tal-industriji kulturali u kreattivi, li s-setturi kulturali u kreattivi qed jaffaċċjaw sfidi komuni, jiġifieri t-tibdil rapidu kkawżat mill-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tas-suq relatat mad-diversità lingwistika, diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi, proċeduri amministrattivi kumplessi u nuqqas ta' dejta paragunabbli, li kollha jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(11)

Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma diversifikati b'mod inerenti f'termini nazzjonali u lingwistiċi, ħaġa li tirriżulta f'xenarju kulturali li hu kulturalment għani u indipendenti ħafna, li jagħti vuċi lit-tradizzjonijiet kulturali differenti tal-wirt tal-Ewropa. Madankollu, tali diversifikazzjoni tagħti lok ukoll għal serje ta' ostakli li jimpedixxu ċ- ċirkolazzjoni transnazzjonali bla xkiel ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u jxekklu l-mobilità tal-parteċipanti kulturali u kreattivi ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea, li jistgħu jwasslu għal żbilanċi ġeografiċi u, sussegwentement, għal għażla limitata għall-konsumatur.

(12)

Minħabba l-fatt li s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma karatterizzati mid-diversità lingwistika li f'xi setturi twassal għall-frammentazzjoni f'termini lingwistiċi, is-sottotitolar, id-dubbing u d-deskrizzjoni awdjo huma essenzjali għaċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi.

(13)

Il-bidla diġitali qed ikollha impatt massiv fuq kif il-prodotti u s-servizzi kulturali u kreattivi jsiru, jiġu disseminati, aċċessati, ikkunsmati u msarrfa monetizzati. Filwaqt li l-ħtieġa li jinstab bilanċ ġdid bejn l-aċċessibilità dejjem akbar ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, rimunerazzjoni ġusta tal-artisti u dawk li jikkreaw u t-tfaċċar ta' mudelli ġodda ta' negozju hija rikonoxxuta, il-bidliet li jirriżultaw mill-bidla diġitali joffru opportunitajiet wiesgħa għas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u għas-soċjetà Ewropea b'mod ġenerali. Spejjeż aktar baxxi għad-distribuzzjoni, kanali ġodda ta' distribuzzjoni, il-potenzjal għal udjenzi ġodda u għal udjenzi akbar, u opportunitajiet ġodda għal prodotti speċjalizzati jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess u jżidu ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi fid-dinja. Sabiex jużaw dawk l-opportunitajiet b'mod sħiħ u jadattaw għall-kuntest tal-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni, is-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġu jiżviluppaw ħiliet ġodda u jeħtieġu aċċess akbar għall-finanzi sabiex itejbu t-tagħmir, jiżviluppaw metodi ġodda ta' produzzjoni u distribuzzjoni u jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom.

(14)

Il-prattiki attwali ta' distribuzzjoni huma fil-bażi tas-sistema ta' finanzjament taċ-ċinema. Madankollu, qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li jiġi promoss il-ħolqien ta' offerti legali onlajn attraenti u li titħeġġeġ l-innovazzjoni. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu promossi modalitajiet ġodda ta' distribuzzjoni biex ikunu jistgħu jinħolqu mudelli ġodda tan-negozju.

(15)

Id-diġitalizzazzjoni tat-teatri taċ-ċinema hija kwistjoni li ilha għaddejja għal ħafna operaturi żgħar taċ-ċinema, b'mod partikolari operaturi ta' teatri taċ-ċinema bi skrin wieħed, minħabba l-ispejjeż għolja tat-tagħmir diġitali. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza primarja għall-kultura u għandhom għalhekk ikomplu jindirizzaw dik il-kwistjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif xieraq, hemm il-potenzjal għall-finanzjament mill-programmi u l-fondi tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk immirati għall-iżvilupp lokali u reġjonali.

(16)

L-iżvilupp tal-udjenza, b'mod speċjali fir-rigward taż-żgħażagħ, jeħtieġ impenn speċifiku min-naħa tal-Unjoni, biex tiġi appoġġjata, b'mod partikolari, l-alfabetizzazzjoni fil-qasam tal-midja u tal-films.

(17)

Waħda mill-akbar sfidi għas-setturi kulturali u kreattivi, speċjalment għall-impriżi mikro, żgħar u medji ("SMEs") u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u medji, inklużi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u organizzazzjonijiet mhux governattivi, hija d-diffikultà li huma jiffaċċjaw biex jaċċessaw il-fondi li jeħtieġu biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, biex jikbru, biex iżommu u biex iżidu l-kompetittività tagħhom jew jinternazzjonalizzaw l-attivitajiet tagħhom. Filwaqt li dik hija sfida komuni għall-SMEs b'mod ġenerali, is-sitwazzjoni hija ferm aktar diffiċli fis-setturi kulturali u kreattivi minħabba n-natura intanġibbli ta' ħafna mill-assi tagħhom, il-profil tal-prototip tal-attivitajiet tagħhom, u l-ħtieġa intrinsika tagħhom li jieħdu r-riskji u jesperimentaw bil-għan li jinnovaw. Tali teħid ta' riskji jeħtieġ li jeħtieġ li jiġu mifhuma u appoġġjati wkoll mis-settur finanzjarju.

(18)

Bħala proġett pilota, l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej hija inizjattiva transettorjali li primarjament issostni l-industriji kreattivi fil-livell ta' politika. L-għan tagħha huwa li tiġbor fondi addizzjonali għall-industriji kreattivi u li tistimola d-domanda għas-servizzi tal-industriji kreattivi minn industriji u setturi oħra. Se jiġu ttestjati għodod ġodda biex isostnu aħjar l-innovazzjoni fl-industriji kreattivi u se jiġu msaħħa biex jikkontribwixxu għal pjattaforma ta' tagħlim dwar il-politiki li tkun komposta mill- partijiet interessati Ewropej, nazzjonali u reġjonali.

(19)

Jekk jinġabru flimkien il-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus attwali għas-setturi kulturali u kreattivi fi programm komprensiv uniku (il-"Programm") dan ikun jappoġġja b'mod aktar effettiv lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fl-isforzi tagħhom biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill- bidla diġitali u l-globalizzazzjoni u jkun jgħinhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li fil-preżent qed iwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq. Sabiex ikun effettiv, il-Programm għandu jikkunsidra n-natura tas-setturi differenti, il-gruppi differenti fil-mira tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta' approċċi mfassla apposta fi ħdan żewġ sottoprogrammi indipendenti u taqsima transettorjali. B'mod partikolari, huwa importanti li jiġu żgurati s-sinerġiji fil-livell tal-implimentazzjoni bejn il-Programm u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Għal dak il-għan, il-Programm għandu jistabbilixxi struttura koerenti ta' appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi differenti, li tkun tikkonsisti f'sistema ta' għotjiet ikkomplementata bi strument finanzjarju.

(20)

Il-Programm għandu jqis in-natura doppja tal-kultura u l-attivitajiet kulturali filwaqt li jirrikonoxxi minn naħa waħda, il-valur intrinsiku u artistiku tal-kultura u, min-naħa l-oħra, il-valur ekonomiku ta' dawk is-setturi, inkluż il-kontribut soċjetali usa' tagħhom għall-kreattività, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

(21)

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Programm, għandhom jiġu kkunsidrati l-valur intrinsiku tal-kultura u n-natura speċifika tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż l-importanza ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-proġetti taħt Sottoprogramm Kultura.

(22)

Strument finanzjarju awtonomu, il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (il-"Faċilità ta' Garanzija"), għandu jippermetti t-tkabbir tas-setturi kulturali u kreattivi ġenerali, u b'mod partikolari għandu jagħti spinta suffiċjenti għal azzjonijiet u opportunitajiet ġodda. Intermedjarji finanazjarji magħżula għandhom jaġixxu favur proġetti kulturali u kreattivi biex jiġi żgurat li l-portafoll tas-self ikun wieħed ibbilanċjat f'dawk li huma kopertura ġeografika u rappreżentanza tas-setturi. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati għandhom rwol importanti, f'dak il-kuntest, sabiex jintlaħaq approċċ wiesa' taħt il-Faċilità ta' Garanzija.

(23)

Għandu wkoll jingħata finanzjament għall-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u għall-amministrazzjoni tal-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, minħabba li dawn jikkontribwixxu għas-sensazzjoni ta' appartenenza għal żona kulturali komuni, għall-istimulazzjoni tad-djalogu interkulturali u l-fehim reċiproku u għat-tisħiħ tal-valur tal-wirt kulturali.

(24)

Flimkien mal-Istati Membri, u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Programm, skont l-Artikolu 58 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (12), il-Programm għandu jkun miftuħ ukoll, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropewa tal-Kummerċ Ħieles ("EFTA") li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("ŻEE") u tal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' preadeżjoni kif ukoll pajjiżi koperti mill-Politika ta' Viċinat u Sħubija, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-Programm, ħlief fir-rigward tal-Faċilità ta' Garanzija.

(25)

Il-Programm għandu jkun miftuħ ukoll għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi abbażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari li għandhom jiġu definiti u arranġamenti speċifiċi li għandu jsir qbil dwarhom, mal-partijiet ikkonċernati.

(26)

Għandha titrawwem kooperazzjoni fl-oqsma kulturali u awdjoviżivi bejn il-Programm u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Unesco, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-"OECD") u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ("WIPO").

(27)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-Programm, il-kumplimentarjetà tagħhom għall-attivitajiet tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mal-Artikolu 167(4) tat-TFUE u l-konsistenza tagħhom ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-suq inter, l-intraprenditorija, iż-żgħażagħ, is-saħħa, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika industrijali u ta' koeżjoni, it-turiżmu u r-relazzjonijiet esterni, il-kummerċ u l-iżvilupp, u l-aġenda diġitali.

(28)

F'konformità mal-prinċipji għall-valutazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm għandhom jinkludu rapporti annwali dettaljati u għandhom jirreferu għal miri u indikaturi speċifiċi, miżurabbli, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u marbuta biż-żmien, inklużi dawk kwalitattivi. Il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandhom iqisu x-xogħol tal-atturi rilevanti, bħalma huma l-Eurostat u s-sejbiet tal-proġett 'ESS-net Culture', u tal-Istitut għall-Istatistika tal-Unesco. F'dak il-kuntest, fir-rigward tas-settur awdjoviżiv, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (l-"Osservatorju") għandha tkompli.

(29)

Sabiex jiġu żgurati l-aħjar monitoraġġ u valutazzjoni tal-Programm tul id-durata sħiħa tiegħu, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi addizzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(30)

Kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 dwar l-impatt tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimmodifikaw il-bażijiet legali tal-Programmi Ewropej fl-oqsma tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u ċ-Ċittadinanza, it-tnaqqis sostanzjali tad-dewmien fil-proċeduri ta' ġestjoni żied l-effiċjenza tal-programmi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji jkomplu jiġu ssimplifikati, inkluż permezz tal-użu ta' sistemi sodi, oġġettivi u regolarment aġġornati biex jiġu determinati s-somom f'daqqa, l-spejjeż għal kull unità u l-finanzjament b'rata fissa.

(31)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(32)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (14), il-Kummissjoni ilha tafda lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura bil-kompiti ta' implimentazzjoni għall-immaniġġar tal-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura sa mill-2009. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tuża, fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, aġenzija eżekuttiva eżistenti għall-implimentazzjoni tal-Programm, kif provdut f'dak ir-Regolament.

(33)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul sħiħ tal-Programm, li għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (15), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(34)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, li jinkludu miżuri għall-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru tal-fondi li ntilfu, li tħallsu indebitament jew li ntużaw b'mod ħażin u, fejn ikun il-każ, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-"Regolament Finanzjarju").

(35)

Fir-rigward tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF") u skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), għandhom jitfasslu u jiġu implimentati miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-frodi u għall-irkupru ta' fondi li ntilfu jew ġew trasferiti jew użati ħażin.

(36)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri s-salvagwardja, l-iżvilupp u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Ewropew u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-karattru transnazzjonali u internazzjonali tal-Programm, iżda jkunu jistgħu, għar-raġunijiet tal-iskala u l-effetti mistennija tiegħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif spjegat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37)

Id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE għandhom għalhekk jitħassru,

(38)

Għandhom isiru provvedimenti għal miżuri li jikkontrollaw it-tranżizzjoni mill-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus għall-Programm.

(39)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ finanzjarju previst skont il-Programm, il-Kummissjoni għandha, tkun tista 'tikkunsidra l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-attivitajiet appoġġati bħala eliġibbli għall-finanzjament, anki jekk huma appoġġjati mill-benefiċjarju qabel jintbgħat l-applikazzjoni għall-għotja.

(40)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ finanzjarju previst skont il-Programm, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Stabbiliment u tul ta' żmien

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva għall-appoġġ lis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej (il-"Programm").

2.   Il-Programm għandu jiġi implimentat għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1)

'setturi kulturali u kreattivi' tfisser is-setturi kollha li l-attivitajiet tagħhom huma bbażati fuq valuri kulturali u/jew espressjonijiet artistiċi u espressjonijiet kreattivi oħra, kemm jekk dawn l-attivitajiet huma orjentati lejn is-suq u kemm jekk mhumiex, hu xinhu t-tip ta' struttura li twettaqhom u irrispettivament minn kif dik l-istruttura tiġi ffinanzjata. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-iżvilupp, il-ħolqien, il-produzzjoni, id-disseminazzjoni u l-preservazzjoni ta' prodotti u servizzi li jinkorporaw espressjonijiet kulturali, artistiċi jew espressjonijiet kreattivi oħra, kif ukoll il-funzjonijiet relatati bħall-edukazzjoni jew il-ġestjoni. Is-setturi kulturali u kreattivi jinkludu inter alia l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja' artistiċi, l-awdjoviżiv (inkluż il-film, it-televiżjoni, il-logħob tal-vidjo u l-multimedja), il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, id-disinn, il-festivals, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva;

(2)

'SMEs' tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (19);

(3)

'intermedjarji finanzjarji parteċipanti' tfisser intermedjarji finanzjarji fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 139(4) tar-Regolament Finanzjarju, magħżula taħt il-Faċilità ta' Garanzija skont ir-Regolament Finanzjarju u skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament, li jipprovdu jew jippjanaw li jipprovdu:

(a)

self lill-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi (garanziji mill-Fond Ewropew tal-Investiment ("FEI")); jew

(b)

garanziji ta' self lil intermedjarji finanzjarji oħra li jipprovdu self lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi (kontrogaranziji mill-FEI);

(4)

'fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet' tfisser entitajiet b'kapaċità li jipprovdu ħila esperta f'konformità mal-Anness I sabiex l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti jkunu jistgħu jivvalutaw b'mod effettiv l-ispeċifiċitajiet u r-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi u mal-proġetti tagħhom.

Artikolu 3

Objettivi ġenerali

L-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

li jsalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u li jippromwovi l-wirt kultruali tal-Ewropa;

(b)

li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv, bil-ħsieb li jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

L-objettivi speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

li jappoġġa l-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej sabiex joperaw b'mod transnazzjonali u b'mod internazzjonali;

(b)

li jippromwovi ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u l-mobbiltà transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi,b'mod partikolari l-artisti, kif ukoll li jilħaq udjenzi ġodda u akbar u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi fl-Unjoni u lil hinn minnha b'konċentrazzjoni partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati;

(c)

li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi b'mod sostenibbli, filwaqt li jsiru sforzi biex tiġi żgurata kopertura ġeografika u rappreżentanza settorjali bbilanċjati;

(d)

li jrawwem l-iżvilupp tal-politika, l-innovazzjoni, il-kreattività, l-iżvilupp tal-udjenzi u mudelli ġodda ta' negozju u ta' ġestjoni permezz tal-appoġġ għall-kooperazzjoni transnazzjonali fil-politika.

Artikolu 5

Valur miżjud Ewropew

1.   Filwaqt li jirrikonoxxi l-valur intrinsiku u ekonomiku tal-kultura, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet u attivitajiet b'valur miżjud Ewropew fis-setturi kulturali u kreattivi. Huwa għandhu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha.

2.   Il-valur miżjud Ewropew għandu jiġi żgurat permezz ta' waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-karattru transnazzjonali tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet li jikkumplementaw il-programmi u l-politiki reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u oħrajn tal-Unjoni, u l-impatt ta' tali azzjonijiet u attivitajiet fuq is-setturi kulturali u kreattivi kif ukoll fuq iċ-ċittadini u fuq l-għarfien tagħhom dwar kulturi oħra li mhumiex tagħhom;

(b)

l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-atturi kulturali u kreattivi inklużi l-artisit, il-professjonisti awdjoviżivi, l-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi u l-operaturi awdjoviżivi, iffukati fuq l-istimular ta' risponsi aktar komprensivi, rapidi, effettiv u fit-tul għall-isfidi globali;

(c)

l-ekonomiji ta' skala u l-massa kritika li l-appoġġ tal-Unjoni jrawwem, filwaqt li joħloq effett ta' ingranaġġ għal fondi addizzjonali;

(d)

l-iżgurar ta' kundizzjonijiet indaqs fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej billi jkunu kkunsidrati l-pajjiżi b'kapaċità ta' produzzjoni baxxa u/jew pajjiżi jew reġjuni b'żona ġeografika u/jew lingwistika ristretta.

Artikolu 6

Struttura tal-Programm

Il-Programm għandu jikkonsisti f':

(a)

Sottoprogramm MEDIA;

(b)

Sottoprogramm Kultura;

(c)

Taqsima Transettorjali;

Artikolu 7

Logos tas-Sottoprogrammi

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-Programm permezz tal-użu ta' logos, li għandhom ikunu speċifiċi għal kull wieħed mis-Sottoprogrammi.

2.   Il-benefiċjarji tas-Sottoprogramm MEDIA għandhom jużaw il-logo indikat fl-Anness II. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dettalji għall-użu ta' dak il-logo u għandha tikkomunikahom lill-benefiċjarji.

3.   Il-benefiċjarji tas-Sottoprogramm Kultura għandhom jużaw, li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dettalji għall-użu ta' dak il-logo u għandha tikkomunikahom lill-benefiċjarji.

4.   Il-Kummissjoni u l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva msemmija fl-Artikolu 16 għandhom ukoll ikunu intitolati li jużaw il-logos tas-Sottoprogrammi.

Artikolu 8

Aċċess għall-Programm

1.   Il-Programm għandu jrawwem id-diversità kulturali fil-livell internazzjonali skont il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005.

2.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin sakemm iħallsu approprjazzjoniiet addizzjonali u li, għas-Sottoprogramm MEDIA, huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet spjegati fid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20):

(a)

il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi, fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili;

(b)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma partijiet għal-Ftehim taż-ŻEE, skont dak il-Ftehim;

(c)

il-Konfederazzjoni Svizzera, abbażi ta' ftehim bilaterali ma' dak il-pajjiż;

(d)

il-pajjiżi koperti mill-Politika ta' Viċinat u Sħubija, skont il-proċeduri stabbiliti f'dawk il-pajjiżi li jsegwu l-ftehimiet ta' qafas li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni.

4.   Il-pajjiżi msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 3 għandhom jiġu preklużi milli jipparteċipaw fil-Faċilità ta' Garanzija.

5.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali mmirati lejn pajjiżi jew reġjuni magħżula abbażi ta' approprjazzjonijiet addizzjonali mħallsa minn, u arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma ma', dawk il-pajjiżi jew reġjuni.

6.   Il-Programm għandu jippermetti kooperazzjoni u azzjonijiet konġunti ma' pajjiżi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi bħall-Unesco, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD jew il-WIPO abbażi tal-kontribuzzjonijiet konġunti għar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-Programm.

KAPITOLU II

Sottoprogramm MEDIA

Artikolu 9

Prijoritajiet tas-Sottoprogramm MEDIA

1.   Il-prijoritajiet fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-settur awdjoviżiv Ewropew li jopera b'mod transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni u t-titjib ta' ħiliet u kompetenzi ta' professjonisti awdjoviżivi u l-iżvilupp ta' netwerks inklużi l-użu ta' teknoloġiji diġitali biex jiġi żgurat l-adattament għall-iżvilupp tas-suq, l-ittestjar ta' approċċi ġodda għall-iżvilupp tal-udjenzi u l-ittestjar ta' mudelli ġodda ta' negozju;

(b)

iż-żieda fil-kapaċità tal-operaturi awdjoviżivi Ewropej li jiżviluppaw xogħlijiet awdjoviżivi b'potenzjal li jiċċirkolaw fl-Unjoni u lil hinn minnha u biex jiffaċilitaw il-koproduzzjoni Ewropea u internazzjonali, inkluż ma' xandara tat-televiżjoni;

(c)

l-inkoraġġiment ta' skambji bejn in-negozji permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq u l-għodod tan-negozju biex jippermettu lill-operaturi awdjoviżivi biex iżidu l-viżibilità tal-proġetti tagħhom fis-swieq tal-Unjoni u dawk internazzjonali.

2.   Il-prijoritajiet fil-qasam tal-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għad-distribuzzjoni teatrali permezz tal-kummerċjalizzazzjoni, l-immarkar korporattiv, id-distribuzzjoni u l-wiri transnazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi;

(b)

il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, l-immarkar korporattiv u d-distribuzzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq il-pjattaformi nonteatrali l-oħra kollha;

(c)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-udjenzi bħala mezz biex jiġi stimulat l-interess fix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u jittejjeb l-aċċess għalihom b'mod partikolari permezz ta' promozzjoni, avvenimenti, litteriżmu tal-films u festivals;

(d)

il-promozzjoni ta' modalitajiet ġodda ta' distribuzzjoni biex ikunu jistgħu jitfaċċaw mudelli ġodda ta' negozju.

Artikolu 10

Miżuri ta' appoġġ tas-sottoprogramm MEDIA

Sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet spjegati fl-Artikolu 9, is-Sottoprogramm MEDIA għandu jagħti appoġġ għal:

(a)

l-iżvilupp ta' firxa komprensiva ta' miżuri ta' taħriġ li jippromwovu l-akkwiżizzjoni u t-titjib ta' ħiliet u kompetenzital-professjonisti awdjoviżivi, kondiviżjoni ta' għarfien u inizjattivi ta' netwerking, inkluża l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali;

(b)

l-iżvilupp ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej b'mod partikolari films u xogħlijiet tat-televiżjoni bħalma huma l-finzjoni, dokumentarji, films tat-tfal u films animati, kif ukoll xogħlijiet interattivi bħalma huma l-logħob tal-vidjo u l-multimidja b'potenzjal imtejjeb għaċ-ċirkolazzjoni transkonfinali;

(c)

attivitajiet li għandhom il-għan li jappoġġjaw lill-kumpaniji tal-produzzjoni awdjoviżiva Ewropej, b'mod partikolari l-kumpaniji tal-produzzjoni indipendenti, bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-koproduzzjonijiet Ewropej u internazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi, inklużi xogħlijiet televiżivi;

(d)

l-attivitajiet li jgħinu lis-sħab tal-koproduzzjonijiet Ewropej u internazzjonali jiġu flimkien u/jew li jipprovdu appoġġ indirett għax-xogħlijiet awdjoviżivi koprodotti minn fondi għall-koproduzzjonijiet internazzjonali liema fondi jkunu bbażati f'pajjiż li jkun qed jipparteċipa fil-Programm;

(e)

l-iffaċilitar tal-aċċess għal avvenimenti u swieq tal-kummerċ awdjoviżivi professjonali u l-użu ta' għodda tan-negozju onlajn ġewwa u barra mill-Unjoni;

(f)

l-istabbiliment ta' sistemi ta' appoġġ għad-distribuzzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali permezz tad-distribuzzjoni teatrali u fuq pjattaformi oħra kif ukoll għall-attivitajiet internazzjonali ta' bejgħ, b'mod partikolari s-sottotitolar, id-dubbing u l-awdjodeskrizzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi;

(g)

l-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni ta' films Ewropej mad-dinja kollha u ta' films internazzjonali fl-Unjoni fuq il-pjattaformi kollha tad-distribuzzjoni, permezz ta' proġetti ta' kooperazzjoni internazzjonali fis-settur awdjoviżiv;

(h)

netwerk tal-operaturi taċ-ċinema Ewropej li juru proporzjon sinifikanti ta' films Ewropej mhux nazzjonali;

(i)

inizjattivi li jippreżentaw u jippromwovu diversità ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, inklużi films qosra, bħalma huma l-festivals u avvenimenti promozzjonali oħra;

(j)

attivitajiet immirati biex jippromwovu l-litteriżmu tal-films u biex iżidu l-għarfien tal-udjenzi bix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-interess tal-istess udjenzi f'dawn ix-xogħlijiet, inkluż il-wirt awdjoviżiv u ċinematografiku, b'mod partikolari fost l-udjenzi żgħażagħ;

(k)

azzjonijiet innovattivi li jittestjaw mudelli u għodod ta' negozju ġodda fl-oqsma li x'aktarx jiġu influwenzati mill-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali.

Artikolu 11

Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

1.   L-Unjoni għandha tkun membru tal-Osservatorju tul il-Programm.

2.   Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Osservatorju għandha tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-prijoritajiet tas-Sottoprogramm MEDIA billi:

(a)

tħeġġeġ it-trasparenza u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-aċċessibbiltà għall-informazzjoni legali u finanzjarja/tas-swieq u tikkontribwixxi għall-paragunabbiltà tal-informazzjoni legali u statistika;

(b)

tipprovdi analiżi tad-dejta u tas-swieq li tkun utli għall-elaborazzjoni tal-linji ta' azzjoni tas-Sottoprogramm MEDIA u għall-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-suq.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fit-trattamenti tagħha mal-Osservatorju.

KAPITOLU III

Sottoprogramm Kultura

Artikolu 12

Prijoritajiet tas-sottoprogramm Kultura

1.   Il-prijoritajiet fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-setturi kulturali u kreattivi biex joperaw b'mod transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ ta' azzjonijiet li jipprovdu lill- atturi kulturali u kreattivi bil-ħiliet, kompetenzi u know-how li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi, inklużi l-inkoraġġiment tal-adattament għat-teknoloġiji diġitali, l-ittestjar ta' approċċi innovattivi għall-iżvilupp tal-udjenzi u l-ittestjar ta' mudelli ġodda ta' negozju u ġestjoni;

(b)

l-appoġġ ta' azzjonijiet li jippermettu lill-atturi kulturali u kreattivi jikkooperaw fuq livell internazzjonali u jinternazzjonalizzaw il-karrieri u l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni u lil hinn minnha, fejn possibbli abbażi ta' strateġiji fit-tul;

(c)

il-għoti ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi Ewropej u n-netwerking internazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal opportunitajiet professjonali.

2.   Il-prijoritajiet fil-qasam tal-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għal turs, avvenimenti, wirjiet u festivals internazzjonali;

(b)

l- appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura Ewropea bil-ħsieb li tiġi żgurata l-aċċessabbiltà l-aktar wiesgħa possibbli tagħha;

(c)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-udjenzi bħala mezz biex jiġi stimulat l-interess fix-xogħlijiet kulturali u kreattivi u l-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli Ewropej u jittejjeb l-aċċess għalihom.

Artikolu 13

Miżuri ta' appoġġ tas-Sottoprogramm Kultura

1.   Sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet spjegati fl-Artikolu 12, is-Sottoprogramm Kultura għandu jagħti appoġġ għal:

(a)

proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali li jġibu flimkien organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi minn pajjiżi differenti biex iwettqu attivitajiet settorjali jew transettorjali;

(b)

attivitajiet minn netwerks Ewropej ta' organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi minn pajjiżi differenti;

(c)

attivitajiet minn organizzazzjonijiet b'vokazzjoni Ewropea li jrawmu l-iżvilupp ta' talent emerġenti u jistimulaw il-mobilità transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi u ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet, bil-potenzjal li jeżerċitaw influwenza wiesa' fuq is-setturi kulturali u kreattivi, u li jipprovdu għal effetti dejjiema;

(d)

it-traduzzjoni letterarja u l-promozzjoni ulterjuri tagħha;

(e)

azzjonijiet speċjali mfassla biex jirrendu r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej iżjed viżibbli, u li jistimulaw djalogu interkulturali u fehim reċiproku, inklużi premjijiet kulturali tal-Unjoni, l-azzjoni dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-azzjoni dwar iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew.

2.   Il-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jappoġġjaw, b'mod partikolari, proġetti li ma jkollhomx skop ta' qligħ.

KAPITOLU IV

It-Taqsima Transettorjali

Artikolu 14

Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Faċilità ta' Garanzija immirata għas-setturi kulturali u kreattivi.

Il-Faċilità ta' Garanzija għandha topera bħala strument awtonomu u għandha tiġi stabbilita u ġestita skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Faċilità ta' Garanzija għandu jkollha l-prijoritajiet li ġejjin:

(a)

li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi;

(b)

li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi u mal-proġetti tagħhom, inkluż permezz ta' għajnuna teknika, bini tal-għarfien u miżuri ta' netwerking.

Il-prijoritajiet għandhom jiġu implimentati skont l-Anness I.

3.   Skont l-Artikolu139(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Faċilità ta' Garanzija permezz ta' mod ta' ġestjoni indiretta billi tafda kompiti lill-FEI kif imsemmi fil-punt (iii) tal-Artikolu 58(1)(c) ta' dak ir-Regolament, soġġett għat-termini ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u l-FEI.

Artikolu 15

Kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali

1.   Sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali, it-Taqsima Transettorjali għandha tappoġġja:

(a)

l-iskambju transnazzjonali ta' esperjenzi u know-how fir-rigward tal-mudelli ġodda ta' negozju u ġestjoni, attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari u netwerking fost organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi u persuni li jfasslu l-politika relatata mal-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jippromwovu n-netwerking diġitali fejn adatt;

(b)

il-ġbir ta' dejta tas-suq, l-istudji, l-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet, l-analiżi tal-politiki kulturali Ewropej u nazzjonali u l-appoġġ għall-istħarriġ statistiku abbażi ta' strumenti u kriterji speċifiċi għal kull settur u valutazzjonijiet inkluż il-kejl tal-aspetti kollha tal-impatt tal-Programm;

(c)

ħlas tat-tariffa ta' kontribuzzjoni għas-sħubija tal-Unjoni fl-Osservatorju biex jitrawmu l-ġbir u l-analiżi tad-dejta fis-settur awdjoviżiv;

(d)

l-ittestjar ta' approċċi ta' negozju ġodda u transettorjali għall-finanzjament, id-distribuzzjoni u l-immonetizzar tal-kreazzjoni;

(e)

konferenzi, seminars u djalogu dwar politiki inkluż fil-qasam tal-litteriżmu kulturali u medjatiku li jippromwovu n-netwerking diġitali fejn adatt;

(f)

l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva msemmija fl-Artikolu 16 u t-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha twettaq studju tal-fattibbiltà li jesplora l-possibbiltà tal-ġbir u l-analiżi tad-dejta fis-setturi kulturali u kreattivi għajr is-settur awdjoviżiv, u għandha tippreżenta r-riżultati ta' dak l-istudju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Skont ir-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament kif adatt.

Artikolu 16

Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva

1.   Il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm, filwaqt li jaġixxu flimkien mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom (l-"Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva").

2.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġja netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.

3.   L-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull settur:

(a)

jipprovdu informazzjoni dwar il-Programm u jippromwovu l-Programm fil-pajjiż tagħhom;

(b)

jassistu lis-setturi kulturali u kreattivi fir-rigward il-Programm u jipprovdu tagħrif bażiku dwar opportunitajiet oħra rilevanti ta' appoġġ disponibbli skont il-politika tal-Unjoni;

(c)

jistimulaw il-kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi;

(d)

jappoġġaw lill-Kummissjoni billi jipprovdu assistenza rigward is-setturi kulturali u kreattivi fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm, pereżempju permezz tal-forniment ta' dejta disponibbli dwar dawn is-setturi;

(e)

jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-iżgurar ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni xierqa tar-riżultati u l-impatti tal-Programm.

(f)

jiżguraw il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni mogħti u r-riżultati miksuba għal pajjiżhom.

4.   Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi flimkien mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-kwalità u r-riżultati tas-servizz provdut mill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva permezz ta' monitoraġġ u valutazzjoni regolari u indipendenti.

KAPITOLU V

Riżultati tal-prestazzjoni u disseminazzjoni

Artikolu 17

Konsistenza u kumplementarjetà

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza globali u l-komplementarjetà tal-Programm ma' dan li ġej:

(a)

il-politiki rilevanti tal-Unjoni, bħalma huma dawk fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, tas-saħħa, tas-suq intern, tal-aġenda diġitali, taż-żgħażagħ, taċ-ċittadinanza, tar-relazzjonijiet esterni, tal-kummerċ, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-intrapriża, tat-turiżmu, tal-ġustizzja, tat-tkabbir u tal-iżvilupp;

(b)

sorsi oħra rilevanti ta' finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-politiki tal-kultura u l-midja, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji marbuta mal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, il-programmi ta' kooperazzjoni esterna u l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika u jiġi implimentat mingħajr ħsara għall-impenji internazzjonali tal-Unjoni.

Artikolu 18

Monitoraġġ u valutazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni esterna regolari tal-Programm skont l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi tal-prestazzjoni spjegati hawn taħt:

(a)

indikaturi għall-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3:

(i)

il-livell tal-impjiegi, it-tibdil fl-impjiegi u s-sehem mill-impjiegi kif ukoll is-sehem mill-prodott domestiku gross li għandhom is-setturi kulturali u kreattivi;

(ii)

in-numru ta' nies li jaċċessaw xogħlijiet kulturali u kreattivi Ewropej, inklużi, meta possibbli, xogħlijiet minn pajjiżi li ma jkunux tagħhom;

(b)

indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 5:

(i)

l-iskala tal-attivitajiet internazzjonali tal-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi u n-numru ta' sħubiji transnazzjonali maħluqa;

(ii)

in-numru ta' esperjenzi ta' tagħlim u attivitajiet appoġġati mill-Programm li tejbu l-kompetenzi u żiedu l-impjegabilità tal-atturi kulturali u kreattivi, inklużi l-professjonisti awdjoviżivi.

(c)

indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5 fir-rigward is-Sottoprogramm MEDIA:

(i)

in-numru ta' ammissjonijiet għall-films Ewropej mhux nazzjonali fl-Ewropa u għall-films Ewropej fid-dinja kollha (l-għaxar swieq mhux Ewropej l-aktar importanti) fis-swali taċ-ċinema;

(ii)

il-perċentwal ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fis-swali taċ-ċinema, fuq it-televiżjoni u fuq il-pjattaformi diġitali.

(iii)

in-numru ta' nies fl-Istati Membri li jaċċessjaw xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej mhux nazzjonali u n-numru ta' nies fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm li jaċċessjaw xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

(iv)

in-numru ta' logħbiet tal-vidjo Ewropej prodotti fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm;

(d)

indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5 fir-rigward is-Sottoprogramm Kultura:

(i)

in-numru ta' persuni milħuqa direttament u indirettament permezz ta' proġetti appoġġati mill-Programm;

(ii)

in-numru ta' proġetti indirizzati lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed u n-numru stmat ta' persuni milħuqa;

(e)

indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5:

(i)

il-volum ta' self iggarantiti fil-qafas tal-Faċilità ta' Garanzija, ikkategorizzati skont l-oriġini nazzjonali, id-daqs u s-setturi tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju;

(ii)

il-volum ta' self mogħtija mill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti, ikklassifikati skont l-oriġini nazzjonali;

(iii)

in-numru u l-firxa ġeografika tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti;

(iv)

in-numru tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju li jibbenefikaw mill-Faċilità ta' Garanzija, ikkategorizzati skont l-oriġini nazzjonali, id-daqs u s-setturi;

(v)

ir-rata medja ta' insolvenza tas-self;

(vi)

l-effett ta' lieva miksub ta' self iggarantiti b'rabta mal-effett ta' lieva indikattiv (1:5, 7).

(f)

indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 5:

(i)

in-numru ta' Stati Membri li jagħmlu użu mir-riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fl-iżvilupp tal-politika nazzjonali tagħhom;

(ii)

in-numru ta' inizjattivi ġodda u l-eżiti tal-politika.

2.   Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u valutazzjoni għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-Programm.

3.   Minbarra l-monitoraġġ regolari tal-Programm il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu, ibbażat fuq valutazzjoni esterna u indipendenti, li:

(a)

jinkludi elementi kwalitattivi u kwantitattivi, sabiex tivvaluta l-effikaċja tal-Programm fil-kisba tal-objettivi tiegħu, l-effiċjenza tal-Programm u l-valur miżjud Ewropew tiegħu;

(b)

jindirizza kemm hemm lok għas-simplifikazzjoni tal-Programm, il-koerenza interna u esterna tal-Programm, l-issoktar tar-rilevanza tal-objettivi kollha tiegħu u l-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

(c)

jieħu kont tar-riżultati ta' evalwazzjoni rigward l-impatt fit-tul tad-Deċiżjonijiet Nru1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE.

4.   Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-term imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2017.

5.   Abbażi ta' valutazzjoni esterna u indipendenti finali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni finali li jivvaluta l-impatti aktar fit-tul u s-sostenibbiltà tal-Programm abbażi tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi magħżula. Fir-rigward tal-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-effetti tal-Faċilità ta' Garanzija fuq l-aċċess għas-self bankarju u l-ispejjeż assoċjati għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi.

6.   Il-Kummissjoni għandha tressaq ir-rapport ta' valutazzjoni finali, imsemmi fil-paragrafu 3b lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2022.

Artikolu 19

Komunikazzjoni u disseminazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm informazzjoni rigward il-proġetti li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni, billi tittrasmetti d-deċiżjonijiet dwar l-għażliet fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom.

2.   Il-benefiċjarji tal-proġetti appoġġati mill-Programm għandhom jiżguraw il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni li jkunu rċevew u r-riżultati miksuba.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura d-disseminazzjoni l-informazzjoni rilevanti lill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.

KAPITOLU VI

Atti delegati

Artikolu 20

Delega ta' setgħat lill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 bil-għan li tissupplementa l-indikaturi tal-prestazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva stabbiliti fl-Artikolu 18(1).

Artikolu 21

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 hija mogħtija lill-Kummissjoni għat-tul tal-Programm.

3.   Id-delega ta' setgħat msemmija fl-Artikolu 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' [xahrejn] min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

Artikolu 22

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta' atti ta' implimentazzjoni programm ta' ħidma annwali rigward is-Sottoprogrammi u t-Taqsima Transettorjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura fil-programmi ta' ħidma annwali li l-objettivi ġenerali u speċifiċi spjegati fl-Artikoli 3 u 4 kif ukoll il-prijoritajiet spjegati fl-Artikoli 9 u 12 jiġu implimentati annwalment b'mod konsistenti u għandha tagħti deskrizzjoni ħafifa tar- riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta' finanzjament. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun fih ukoll deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull miżura u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni.

Għall-għotjiet, il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-prijoritajiet, il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-għażla u l-għoti, u r-rata massima ta' kofinanzjament. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Programm għandha tkun ta' massimu ta' 80 % tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet appoġġjati.

Għall-Faċilità ta' Garanzija, il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-kriterji ta' eliġibbiltà u għażla għall-intermedjarji finanzjarji, il-kriterji ta' esklużjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proġetti mressqa lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti, l-allokazzjoni annwali għall-FEI u l-kriterji tal-eliġibbiltà, l-għażla u l-għoti għall-fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 23(4).

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Programm skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 23(3).

Artikolu 23

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-"Kumitat tal- Ewropa Kreattiva"). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kumitat tal- Ewropa Kreattiva jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jitratta kwistjonijiet konkreti relatati mas-Sottoprogrammi u t-Taqsima Transettorjali.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa ffissat fl-ammont ta' EUR 1 462 724 000 fil-prezzijiet attwali.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsillfil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun allokat kif ġej:

(a)

tal-anqas 56 % għas-Sottoprogramm MEDIA;

(b)

tal-anqas 31 % għas-Sottoprogramm Kultura;

(c)

massimu ta' 13 % għat-Taqsima Transettorjali, b'tal-anqas 4 % allokati għall-miżuri ta' kooperazzjoni transnazzjonali elenkati fl-Artikolu 15 u għall-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.

3.   L-ispejjeż amministrattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiffurmaw parti mill-allokazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u l-ammont totali ta' dawk l-ispejjeż m'għandux, jeċċedi 7 % tal-baġit tal-Programm li minnhom 5 % għandhom jiġu allokati għall-implimentazzjoni tas-Sottoprogramm MEDIA u 2 % għall-implimentazzjoni tas-Sottoprogramm Kultura.

4.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' jkopri l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta' preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar u valutazzjoni li huma meħtieġa direttament għall-immaniġġjar tal-Programm u l-ilħuq tal-objettivi tiegħu; b'mod partikolari, l-istudji, il-laqgħat tal-esperti, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sa fejn dawn huma relatati mal-objettivi ġenerali tal-Programm, u l-ispejjeż marbuta man-netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha ta' għajnuna teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-immaniġġjar tal-Programm.

5.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' tkopri l-ispejjeż ta' għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-miżuri adottati skont id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE u dan ir-Regolament.

Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2020 biex ikopru spejjeż simili, sabiex jippermettu l-immaniġġjar tal-azzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx konklużi sal-31 ta' Diċembru 2020.

6.   B'deroga mill-Artikolu 130(2) tar-Regolament Finanzjarju, u f'każijiet debitament ġustifikati l-Kummissjoni tista' tqis l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u attivitajiet appoġġati bħala eliġibbli anke jekk huma jiġġarrbu mill-benefiċjarju qabel ma titressaq l-applikazzjoni għall-għotja.

Artikolu 25

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta l-azzjonijiet finanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra, permezz ta' kontrolli u spezzjonijiet effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u, fejn xieraq, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditjar, abbażi ta' dokumenti u kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (UE, Euratom,) Nru 883/2013 bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' xi ftehim ta' għotja jew xi deċiżjoni ta' għotja jew xi kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.   Bla preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 26

Revoka u dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE, u Nru 1041/2009/KE huma b'dan revokati b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

2.   L-attivitajiet imwettqa sal-31 ta' Diċembru 2013 abbażi tad-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom, sakemm jiġu tterminati, ikomplu jiġu ġestiti f'konformità ma' dawk id-Deċiżjonijiet.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, tal-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 156.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2013

(4)  Deċiżjoni Nru 1718/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12).

(5)  Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Dicembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013) (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.).

(6)  Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi programm ta' koperazzjoni fis-settur awdjoviżiv ma' professjonisti minn pajjiżi terzi (MEDIA Mundus) (ĠU L 288, 4.11.2009, p. 10.)

(7)  Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sa l-2019 (ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1).

(8)  Deċiżjoni Nru 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1.).

(9)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 6.

(10)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(11)  ĠU C 175, 15.6.2011, p. 5.

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar") (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).

(13)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).

(15)  ĠU C 420, 20.12.2013, p. 1

(16)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(18)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(19)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(20)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).


ANNESS I

ARRANĠAMENTI TA' IMPLIMENTAZZJONI GĦALL-FAĊILITÀ TA' GARANZIJA TAS-SETTURI KULTURALI U KREATTIVI

L-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-Faċilità ta' Garanzija għandu jiġi allokat għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi, adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi u promoss bħala tali.

1.   Kompiti

Il-Faċilita ta' Garanzija għandha tipprovdi:

(a)

garanziji lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti minn kwalunkwe pajjiż li jipparteċipa fil-Faċilità ta' Garanzija;

(b)

lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti ħila esperta addizzjonali għall-valutazzjoni tar-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju u mal-proġetti kulturali u kreattivi tagħhom.

2.   Għażla tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti

Il-FEI għandu jagħżel l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti f'konformità mal-aqwa prattika tas-suq u mal-objettivi speċifiċi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4. Il-kriterji tal-għażla għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

il-volum tal-finanzjament tad-dejn li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju;

(b)

il-politika ta' ġestjoni tar-riskju għal operazzjonijiet ta' self, b'mod partikolari fir-rigward ta' proġetti kulturali u kreattivi;

(c)

il-kapaċità li jinbena portafoll diversifikat ta' self u li ssir proposta ta' pjan ta' kummerjalizzazzjoni u promozzjoni lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju madwar ir-reġjuni u s-setturi.

3.   Tul ta' żmien tal-Faċilità ta' Garanzija

Il-garanziji individwali jista' jkollhom maturità ta' sa 10 snin.

Skont il-punt (i) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-ripagamenti ġġenerati mill-garanziji għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità ta' Garanzija għal perijodu li ma jaqbiżx il-perijodu ta' impenn miżjud b'10 snin. Ir-ripagamenti ġġenerati skont id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet ta' delega rilventi mill-operazzjonijiet tal-Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA stabbiliti qabel l-2014 għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità ta' Garanzija fil-perijodu 2014-2020. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'tali assenjamenti permezz tal-Kumitat tal- Ewropa Kreattiva.

4.   Tisħiħ tal-kapaċitajiet

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet taħt il-Faċilità ta' Garanzija huwa l-forniment ta' ħila esperta lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti bil-għan li jifhmu aktar is-setturi kulturali u kreattivi (f'aspetti bħalma huma n-natura intanġibbli ta' assi kollaterali, id-daqs tas-suq li m'għandux massa kritika, u n-natura ta' prototip tal-prodotti u s-servizzi) u l-forniment lil kull intermedjarju finanzjarju parteċipanti ta' ħila esperta addizzjonali fil-bini ta' portafolli u fil-valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma' proġetti kulturali u kreattivi.

Ir-riżorsi allokati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għandhom ikunu limitati għal 10 %,tal-baġit għall-Faċilità ta' Garanzija.

Il-FEI għandu jagħżel il-fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'isem il-Faċilità ta' Garanzija u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni permezz ta' proċedura ta' akkwist pubblika u miftuħa, abbażi ta' kriterji bħalma huma l-esperjenza fil-finanzjament tas-setturi kulturali u kreattivi, il-ħila esperta, il-firxa ġeografika, il-kapaċità ta' realizzazzjoni u l-għarfien tas-suq.

5.   Baġit

L-allokazzjoni baġitarja għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Faċilità ta' Garanzija, inklużi l-obbligi tal-pagament lejn l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti bħalma huma t-telf mill-garanziji, it-tariffi tal-ġestjoni għall-FEI li jiġġestixxi r-riżorsi tal-Unjoni, u kwalunkwe spejjeż oħra eliġibbli.

6.   Viżibbiltà u sensibilizzazzjoni

Il-FEI għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-Faċilità ta' Garanzija vis-à-vis is-settur bankarju Ewropew. Barra minn hekk, kull intermedjarju finanzjarju parteċipanti u l-FEI għandhom jiżguraw li jingħata livell xieraq ta' viżibilità u trasparenza għall-appoġġ taħt il-Faċilità ta' Garanzija, billi jagħtu informazzjoni dwar l-opportunitajiet finanzjarji lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju speċifikati.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, inter alia, tipprovdi lin-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

7.   Tipi ta' self

Tipi ta' self kopert mill-Facilità ta' Garanzija għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

investiment f'assi tanġibbli jew intanġibbli;

(b)

trasferimenti ta' negozju;

(c)

kapital li jdur (bħalma huma finanzi interim, finanzi ta' distakk (gap finance), fluss tal-flus, linji ta' kreditu).


ANNESS II

LOGO TAS-SOTTOPROGRAMM MEDIA

Il-logo tas-Sottoprogramm MEDIA għandu jkun kif ġej:

Image