9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/32


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1123/2013

tat-8 ta’ Novembru 2013

dwar id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kreditu internazzjonali skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Protokoll ta’ Kjoto) jistabbilixxi żewġ mekkaniżmi għall-ħolqien ta’ krediti internazzjonali li l-Partijiet jistgħu jużaw biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet. L-Implimentazzjoni Konġunta (Joint Implementation - JI) tipprevedi l-ħolqien ta’ unitajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet (emission reduction units - ERUs), filwaqt li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (Clean Development Mechanism - CDM) jipprovdi għall-ħolqien ta’ tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet (certified emission reductions - CERs).

(2)

Il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-Istati Membri adottati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedu l-użu mill-operaturi ta’ ċerti kwantitajiet ta’ CERs u ERUs biex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom li jċedu l-kwoti kif imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-perjodu mill-2008 sal-2012.

(3)

L-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi l-użu kontinwu ta’ CERs u ERUs maħruġa skont il-Protokoll ta’ Kjoto fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE, fil-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2020 u tinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-livelli permessi skont il-kategorija tal-operatur u l-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jċedu l-kwoti skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE. L-Artikolu 11a(8) jistipula ċerti drittijiet minimi, espressi f’livell ta’ persentaġġ, tal-użu tal-kreditu internazzjonali mill-operaturi jew l-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-perjodu mill-2008 sal-2020 u jipprevedi miżuri biex jiġu determinati l-limiti eżatti tal-persentaġġ.

(4)

Id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li l-mekkaniżmi msejsa fuq il-proġetti tal-Protokoll ta’ Kjoto jiġu marbuta mal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex tiżdied il-kosteffettività f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Fid-dawl tal-għadd ta’ kwoti validi għall-perjodu mill-2013 sal-2020 maħruġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, id-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali għandhom jiġu ffissati fil-livelli minimi speċifikati fl-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11a(8). Konsegwentament, il-limitu ġenerali tal-użu tal-krediti internazzjonali previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 11a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun rispettat u t-tieni subparagrafu u t-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE ma japplikawx. Kwalunkwe dritt għall-fdal għall2012 mill-operaturi tal-ajruplani qed tinżamm f’konformità mal-Artikoli 11a(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(5)

L-operaturi ta’ installazzjonijiet fissi b’estensjoni sinifikanti tal-kapaċità skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandhom ikunu intitolati li jiġu ttrattati jew bħala operaturi eżistenti jew bħala parteċipanti ġodda.

(6)

L-Artikoli 58 sa 61 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (3) jipprevedu dettalji għall-implimentazzjoni tal-limiti tad-drittijiet stabbiliti hawnhekk.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull operatur ta’ installazzjoni fissa li rċieva allokazzjoni bla ħlas jew dritt għall-użu ta’ krediti internazzjonali għall-perjodu mill-2008 sal-2012 għandu jkun intitolat għall-użu ta’ krediti internazzjonali matul il-perjodu mill-2008 sal-2020 sal-ammont permess fil-perjodu mill-2008 sal-2012, jew għal ammont li jikkorrispondi għall-massimu ta’ 11 % tal-allokazzjoni tiegħu fil-perjodu mill-2008 sal-2012, skont liema jkun l-ogħla.

2.   Kull operatur ta’ installazzjoni fissa li la rċieva allokazzjoni bla ħlas u lanqas dritt għall-użu ta’ krediti internazzjonali għall-perjodu mill-2008 sal-2012 u, b’deroga mill-paragrafu 1, kull operatur ta’ installazzjoni fissa fit-tifsira tal-ewwel żewġ inċiżi tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun intitolat għall-użu ta’ krediti internazzjonali fil-perjodu mill-2008 sal-2020 sa massimu ta’ 4,5 % tal-emissjonijiet verifikati tiegħu fil-perjodu mill2013 sal-2020.

3.   Kull operatur ta’ installazzjoni fissa b’estensjoni sinifikanti tal-kapaċità skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE għandu dritt għall-użu tal-krediti internazzjonali matul il-perjodu mill-2008 sal-2020 sal-ammont permess lilu għall-perjodu mill-2008 sal-2012, jew għal ammont li jikkorrispondi għall-massimu ta’ 11 % tal-allokazzjoni tiegħu matul il-perjodu mill-2008 sal-2012, jew sa massimu ta’ 4,5 % tal-emissjonijiet verifikati tiegħu matul il-perjodu mill-2013 sal-2020, skont liema jkun l-ogħla.

4.   Kull operatur ta’ installazzjoni fissa li rċieva allokazzjoni bla ħlas għall-perjodu mill-2008 sal-2012 u li qed iwettaq attivitajiet mhux elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), iżda elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandu jkun intitolat għall-użu ta’ krediti internazzjonali matul il-perjodu mill-2008 sal-2020 sal-ammont permess lilu mill-perjodu 2008 sal-2012, jew għal ammont li jikkorrispondi għal massimu ta’ 11 % tal-allokazzjoni tiegħu matul il-perjodu mill-2008 sal-2012, jew sa massimu ta’ 4,5 % tal-emisjsonijiet vrifikati tagħhom matul il-perjodu mill-2013 sal-2020, skont liema jkun l-ogħla.

5.   Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu dritt għall-użu ta’ krediti internazzjonali sa massimu ta’ 1,5 % tal-emissjonijiet verifikati tiegħu matul il-perjodu mill-2013 sal-2020, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dritt ta’ fdal mill-2012.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jippubblikaw id-dritt tal-kreditu internazzjonali għal kull wieħed mill-operaturi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 1(1) u jinnotifikaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 389/2013 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għal kull operatur msemmi fl-Artikolu 1(2) u operaturi tal-inġenji tal-ajru msemmmija fl-Artikolu 1(5) id-dritt ta’ kreditu internazzjonali jiġi kkalkulat abbażi tal-emissjonijiet verifikati u aġġornati kull sena. Għall-operaturi msemmija fl-Artikolu 1(3) u 1(4) dritt ta’ kreditu internazzjonali aġġornat jiġi kkalkulat skont l-ogħla intitolament ikkalkulat fl-Artikolu 1(1) jew 4,5 % tal-emissjonijiet verifikati għall-perjodu mill-2013 sal-2020. Hekk kif l-emmissjonijiet verifikati jkunu approvati, l-Istati Membri għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni bit-tibdiliet fid-dritt tal-krediti internazzjonali skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 389/2013.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1-45.

(3)  ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109.

(5)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.