29.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/63


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1024/2013

tal-15 ta’ Ottubru 2013

li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Tul l-aħħar deċennji, l-Unjoni għamlet progress konsiderevoli fil-ħolqien ta’ suq intern għas-servizzi bankarji. Konsegwentement, f’bosta Stati Membri, il-gruppi bankarji li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom sehem sinifikanti tas-suq, u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ddiversifikaw l-operat tagħhom b’mod ġeografiku, kemm fiż-Żona tal-euro kif ukoll barra miż-Żona tal-euro.

(2)

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika preżenti wriet li l-integrità tal-munita unika u tas-suq intern jistgħu jiġu mhedda minħabba l-frammentazzjoni tas-settur finanzjarju. Huwa għalhekk essenzjali li tiġi intensifikata l-integrazzjoni tas-superviżjoni bankarja sabiex tissaħħaħ l-Unjoni, terġa’ tinġieb l-istabbiltà finanzjarja u titqiegħed il-bażi għall-irkupru ekonomiku.

(3)

Sabiex fl-Unjoni jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u finanzjament adegwat tal-ekonomija reali, huwa essenzjali li s-suq intern għas-servizzi bankarji jinżamm u jikber iżjed. Madankollu dan huwa dejjem aktar ta’ sfida. L-evidenza turi li l-integrazzjoni tas-swieq bankarji fl-Unjoni qed tieqaf.

(4)

Fl-istess ħin, barra mill-adozzjoni ta’ qafas regolatorju msaħħaħ tal-Unjoni, is-superviżuri jridu jżidu l-iskrutinju superviżorju tagħhom biex iqisu l-esperjenza mill-kriżi finanzjarja matul dawn l-aħħar snin, u jkunu jistgħu jissorveljaw istituzzjonijiet u swieq kumplessi u interkonnessi ħafna.

(5)

Il-kompetenza għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali fl-Unjoni għadha fil-biċċa l-kbira fil-livell nazzjonali. Il-koordinament bejn is-superviżuri huwa vitali iżda l-kriżi wriet li l-koordinament biss mhuwiex biżżejjed, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ munita unika. Biex titħares l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u jiżdiedu l-effetti pożittivi tal-integrazzjoni tas-suq fuq it-tkabbir u l-benessri, l-integrazzjoni tar-responsabbiltajiet superviżorji għandhom għalhekk jissaħħu. Dan huwa partikolarment importanti biex tkun żgurata sorveljanza bla xkiel u solida fuq grupp bankarju kollu u l-istat globali ta’ saħħtu u jnaqqas ir-riskju ta’ interpretazzjonijiet differenti u deċiżjonijiet kontradittorji fil-livell ta’ entità individwali.

(6)

L-istabbilità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ħafna drabi għadha marbuta mill-qrib mal-Istat Membru li fiha tkun stabbilita. Dubji dwar is-sostenibbiltà ta’ dejn pubbliku, prospetti ta’ tkabbir ekonomiku, u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ilhom joħolqu tendenzi tas-suq negattivi u li jirrinforzaw lil xulxin. Dan jista’ jwassal għal riskji għall-vijabbiltà ta’ wħud mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-Unjoni inġenerali, u jista’ jimponi piż tqil fuq il-finanzi pubbliċi diġà batuti tal-Istati Membri kkonċernati.

(7)

L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE), stabbilita fl-2011 bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (1), u s-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) stabbiliti bl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, u tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjoni tax-Xogħol) (2), (AEAPX) u l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (3) (AETS) tejbu b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri bankarji fl-Unjoni. L-ABE qed tagħti kontributi importanti għall-ħolqien ta’ ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni, u kienet kruċjali fl-implimentazzjoni b’mod konsistenti tar-rikapitalizzazzjoni maqbula mis-Summit taż-Żona tal-euro tas-26 ta’ Ottubru 2011 ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu maġġuri fl-Unjoni, b’mod konsistenti mal-linji gwida u l-kondizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat adottati mill-Kummissjoni.

(8)

Il-Parlament Ewropew talab f’diversi okkażjonijiet biex korp Ewropew ikun direttament responsabbli għal ċerti kompiti superviżorji fuq istituzzjonijiet finanzjarji, inizjalment fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ April 2000 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta’ Azzjoni (4) u tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar regoli ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Ewropea (5).

(9)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012 stiednu lill-President tal-Kunsill Ewropew jiżviluppa pjan direzzjonali għall-kisba ta’ unjoni ekonomika u monetarja ġenwina. Fl-istess jum, is-Summit taż-Żona tal-euro indika li meta jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effikaċi li jinvolvi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għall-banek fiż-żona tal-euro, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jista’, b’segwitu għal deċiżjoni regolari, ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek direttament, abbażi ta’ kundizzjonalità xierqa, inkluża konformità mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat.

(10)

Il-Kunsill Ewropew, fid-19 ta’ Ottubru 2012, ikkonkluda li l-proċess lejn unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda għandu jibni fuq il-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni u jkun ikkaratterizzat minn ftuħ u trasparenza lejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u minn rispett għall-integrità tas-suq intern. Il-qafas finanzjarju integrat se jkollu mekkaniżmu superviżorju uniku li se jkun miftuħ sa fejn ikun possibbli għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw.

(11)

Unjoni bankarja għandha għalhekk tiġi stabbilita fl-Unjoni, sostnuta b’ġabra unika ta’ regoli komprensiva u dettaljata għas-servizzi finanzjarji għas-suq intern kollu u magħmula minn mekkaniżmu superviżorju uniku, u oqfsa ġodda ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u ta’ riżoluzzjoni. Fid-dawl tal-konnessjonijiet mill-qrib u l-interazzjonijiet bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, l-unjoni bankarja għandha tkun tapplika tal-anqas għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Bl-għan li s-suq intern jinżamm u jitwessa’ u sa fejn dan huwa possibbli istituzzjonalment, l-unjoni bankarja għandha wkoll tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri oħra.

(12)

Bħala l-ewwel pass lejn unjoni bankarja, mekkaniżmu superviżorju uniku għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. B’mod partikolari, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għandu jkun konsistenti mal-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji u mal-moviment liberu tal-kapital. Mekkaniżmu superviżorju uniku huwa l-bażi għall-passi li jmiss lejn l-unjoni bankarja. Dan jirrifletti l-prinċipju li l-MES, wara deċiżjoni regolari, se jkollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek direttament meta jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv. Il-Kunsill Ewropew innota fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13/14 ta’ Diċembru 2012 li “f’kuntest fejn is-superviżjoni bankarja hija trasferita effettivament għal mekkaniżmu superviżorju uniku, ser ikun meħtieġ mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, bis-setgħat meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe bank fl-Istati Membri parteċipanti jkun jista’ jiġi riżolt bl-għodod adatti” u li “il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni għandu jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet mis-settur finanzjarju nnifsu u jinkludi arranġamenti ta’ salvagwardja effettivi u adatti”.

(13)

Bħala l-bank ċentrali taż-żona tal-euro b’għarfien espert estensiv fi kwistjonijiet makroekonomiċi u ta’ stabbiltà finanzjarja, il-BĊE jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwettaq kompiti superviżorji ddefiniti b’mod ċar li jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Fil-fatt f’bosta Stati Membri, il-banek ċentrali diġà huma responsabbli għas-superviżjoni bankarja. Il-BĊE għandu għalhekk jiġi kkonferit kompiti speċifiċi fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri parteċipanti.

(14)

Il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri li mhumiex Stati Membri parteċipanti (“Stati Membri mhux parteċipanti”) għandhom jikkonkludu memorandum ta’ qbil li jiddeskrivi f’termini ġenerali kif huma ser jikkooperaw ma’ xulxin fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija f’dan ir-Regolament. Il-memorandum ta’ qbil jista’, fost l-oħrajn, jikkjarifika l-konsultazzjoni rigward id-deċiżjonijiet tal-BĊE li jkollhom effett fuq is-sussidjarji jew il-fergħat stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti fejn l-impriża parent tkun stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, u l-kooperazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, inklużi l-mekaniżmi ta’ twissija bikrija skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Il-memorandum għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari.

(15)

Il-BĊE għandu jiġi kkonferit dawk il-kompiti superviżorji speċifiċi li huma kruċjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti u effikaċi tal-politika tal-Unjoni li tirrigwarda s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li kompiti oħrajn għandhom jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-kompiti tal-BĊE għandhom jinkludu miżuri meħuda biex tintlaħaq stabbiltà makroprudenzjali, soġġett għal arranġamenti speċifiċi li jirriflettu r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali.

(16)

Is-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu il-kbar huma essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Madankollu, esperjenza reċenti turi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar jistgħu wkoll ikunu ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-BĊE għandu jkun jista’ jeżerċita kompiti superviżorji fir-rigward tal- istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati u l-fergħat kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

(17)

Fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu, u mingħajr preġudizzju għall-objettiv li jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu debitament iqis id-diversità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-daqs u l-mudelli tan-negozju tagħhom, kif ukoll il-benefiċċji sistemiċi tad-diversità fl-industrija bankarja tal-Unjoni.

(18)

L-eżerċitar tal-kompiti tal-BĊE għandu jikkontribwixxi b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinternalizzaw bis-sħiħ l-ispejjeż kollha li jsiru minħabba l-attivitajiet tagħhom sabiex ikunu evitati l-periklu morali u t-teħid eċċessiv ta’ riskji li jirriżulta minn dan. Dan għandu jieħu kont sħiħ tal-kondizzjonijiet makroekonomiċi rilevanti fl-Istati Membri, b’mod partikolari tal-istabbiltà tal-forniment ta’ kreditu u l-faċilitazzjoni ta’ attivitajiet produttivi għall-ekonomija b’mod ġenerali.

(19)

Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jinftiehem li qed ibiddel il-qafas kontabilistiku applikabbli skont atti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.

(20)

Awtorizzazzjoni preliminari għall-operat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu hija teknika prudenzjali essenzjali biex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jitwettqu biss minn operaturi b’bażi ekonomika soda, b’organizzazzjoni kapaċi tittratta r-riskji speċifiċi inerenti għat-teħid ta’ depożiti u l-provvediment ta’ krediti, u b’diretturi xierqa. Il-BĊE għandu għalhekk ikollu l-kompitu li jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti u għandu jkun responsabbli għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet, soġġett għal arranġamenti speċifiċi li jirriflettu r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali.

(21)

Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-każijiet għall-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu attwalment jipprovdu għal kundizzjonijiet ulterjuri għall-awtorizzazzjoni u għal każijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu għalhekk iwettaq il-kompitu tiegħu fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni f’każ ta’ nonkonformità mad-dritt nazzjonali fuq proposta mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, li tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti bid-dritt nazzjonali.

(22)

Valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ kwalunkwe sid ġdid qabel ix-xiri ta’ interess sinifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu hija għodda indispensabbli biex tiġi żgurata l-adegwatezza kontinwa u s-solidità finanzjarja tas-sidien ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-BĊE bħala istituzzjoni tal-Unjoni jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwettaq valutazzjoni bħal din mingħajr ma jimponi restrizzjonijiet żejda fuq is-suq intern. Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu li jivvaluta l-akwiżizzjoni u d-disponiment ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji sinifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, ħlief fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni bankarja.

(23)

Konformità mar-regoli tal-Unjoni li jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom ċerti livelli ta’ kapital kontra riskji inerenti għall-operat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jillimitaw id-daqs tal-iskoperturi għal kontropartijiet individwali, li jiddivulgaw pubblikament informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jiddisponu minn biżżejjed assi likwidi biex jifilħu għal sitwazzjonijiet ta’ stress tas-suq, u li jillimitaw l-ingranaġġ hija prerekwiżit għas-solidità prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu li jiżgura l-konformità ma’ dawk ir-regoli, inkluż b’mod partikolari l-għoti ta’ approvazzjonijiet, permessi, derogi, jew eżenzjonijiet previsti għall-finijiet ta’ dawk ir-regoli.

(24)

Riżervi ta’ kapital addizzjonali, inkluż riżerva ta’ konservazzjoni tal-kapital, riżerva ta’ kapital kontroċiklika biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jakkumulaw matul perjodi ta’ tkabbir ekonomiku bażi kapitali suffiċjenti biex jassorbu t-telf f’perjodi ta’ stress, riżervi sistemiċi globali u oħrajn għall-istituzzjoni, u miżuri oħra bil-għan li jindirizzaw ir-riskju sistemiku jew makroprudenzjali, humu għodod prudenzjali ewlenin. Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni sħiħa, fejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet maħtura nazzjonali jimponu tali miżuri, il-BĊE għandu jiġi notifikat kif meħtieġ. Barra minn hekk, fejn meħtieġ il-BĊE għandu jkun jista’ japplika rekwiżiti ogħla u miżuri aktar stretti, soġġett għal koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament, rigward il-miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskju sistemiku jew makroprudenzjali huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura ta’ koordinazzjoni prevista f’atti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet maħtura nazzjonali u l-BĊE għandhom jaġixxu fir-rigward ta’ kwalunkwe proċedura ta’ koordinazzjoni prevista f’tali atti wara li jkunu ġew segwiti l-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament.

(25)

Is-sikurezza u s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jiddependu wkoll mill-allokazzjoni ta’ kapital intern adegwat, fejn jitqiesu r-riskji li tista’ tkun esposta għalihom, u mid-disponibbiltà ta’ strutturi xierqa ta’ organizzazzjoni interna u arranġamenti ta’ governanza korporattiva. Il-BĊE għandu għalhekk ikollu l-kompitu li japplika rekwiżiti li jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu flIstati Membri parteċipanti jkollhom implimentat arranġamenti, proċessi u mekkaniżmi ta’ governanza sodi, inklużi strateġiji u proċessi għall-valutazzjoni u ż-żamma tal-adegwatezza tal-kapital intern tagħhom. F’każ ta’ nuqqasijiet għandu jkollu wkoll il-kompitu li jimponi miżuri xierqa inklużi rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji addizzjonali, rekwiżiti speċifiċi ta’ divulgazzjoni, u rekwiżiti speċifiċi ta’ likwidità.

(26)

Riskji għas-sikurezza u s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jokkorru kemm fil-livell ta’ istituzzjoni ta’ kreditu individwali kif ukoll fil-livell ta’ grupp bankarju jew ta’ konglomerat finanzjarju. Arranġamenti superviżorji speċifiċi biex jimmitigaw dawn ir-riskji huma importanti biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minbarra s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali, il-kompiti tal-BĊE għandhom jinkludu superviżjoni fil-livell konsolidat, superviżjoni supplementari, superviżjoni ta’ kumpaniji holding finanzjarji u superviżjoni ta’ kumpaniji holding finanzjarji mħallta, bl-esklużjoni tas-superviżjoni ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni.

(27)

Sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta’ istituzzjoni trid tiġġi rmedjata fi stadju bikri. Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu jwettaq azzjonijiet ta’ intervent bikri kif stabbilit fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Madankollu għandu jikkoordina l-azzjoni tiegħu ta’ intervent bikri mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti. Sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti biex jirrisolvu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu barra minn hekk jikkoordina b’mod xieraq mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati biex jiżgura fehim komuni dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi f’każ ta’ kriżijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gruppi ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet transfruntieri u l-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni futuri stabbiliti għal dawk l-għanijiet.

(28)

Kompiti superviżorji mhux ikkonferiti lill-BĊE għandhom jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Dawk il-kompiti għandhom jinkludu s-setgħa li jirċievu notifiki mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’rabta mad-dritt ta’ stabbiliment u l-provvediment ħieles ta’ servizzi, is-superviżjoni tal-korpi li mhumiex koperti bid-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-dritt tal-Unjoni iżda li huma taħt superviżjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-dritt nazzjonali, li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi terzi li jistabbilixxu fergħa jew li jipprovdu servizzi transfruntieri fl-Unjoni, li jwettqu superviżjoni ta’ servizzi ta’ pagamenti, li jwettqu l-verifiki tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġurnata b’ġurnata, li jwettqu l-funzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu b’rabta mas-swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u l-protezzjoni tal-konsumatur.

(29)

Il-BĊE għandu jikkoopera, kif meħtieġ, bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti biex jiġu garantiti livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

(30)

Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu bl-għan li jiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri parteċipanti individwali u l-unità u l-integrità tas-suq intern, biex b’hekk jiżgura wkoll il-protezzjoni tad-depożituri u jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, skont il-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni. Il-BĊE, b’mod partikolari, għandu jieħu kont dovut tal-prinċipji tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni.

(31)

Il-konferiment ta’ kompiti superviżorji lill-BĊE għandu jkun konsistenti mal-qafas tas-SESF stabbilita fl-2010 u l-għan sottostanti tagħha li tiżviluppa l-ġabra unika ta’ regoli u ssaħħaħ il-konverġenza ta’ prattiki superviżorji fl-Unjoni kollha. Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri bankarji u s-superviżuri tal-assigurazzjoni u s-swieq tat-titoli hija importanti biex tittratta kwistjonijiet ta’ interess komuni u biex tiġi żgurata superviżjoni xierqa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw ukoll fis-setturi tal-assigurazzjoni u t-titoli. Il-BĊE għandu għalhekk ikun meħtieġ jikkoopera mill-qrib mal-ABE, l-AETS u l-AEAPX, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u l-awtoritajiet oħrajn li jiffurmaaw parti mill-SESF. Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u mingħajr ħsara għall-kompetenza u l-kompiti tal-parteċipanti l-oħra fl-SESF. Għandu jkun meħtieġ li jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti u faċilitajiet li jiffinanzjaw għajnuna finanzjarja pubblika diretta jew indiretta.

(32)

Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu soġġett għall-liġi rilevanti tal-Unjoni u f’konformità magħha inkluż il-liġi primarja u sekondarja kollha tal-Unjoni, id-deċiżjonijet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-fużjonijiet u l-ġabra unika ta’ regoli li tapplika għall-Istati Membri kollha. L-ABE hija fdata bil-kompitu li tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi u linji gwida u rakkomandazzjonijiet li jiżguraw konverġenza superviżorja u konsistenza ta’ eżiti superviżorji fl-Unjoni. Il-BĊE ma għandux jissostitwixxi l-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti mill-ABE, u għandu għalhekk jeżerċita setgħat għall-adozzjoni ta’ regolamenti skont l-Artikolu 132 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u f’konformità ma’ atti tal-Unjoni adottati mill-Kummissjoni fuq abbozzi żviluppati mill-ABE u soġġett għall-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(33)

Meta jkun neċessarju, il-BĊE għandu jidħol f’memoranda ta’ qbil mal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-swieq tal-istrumenti finanzjarji li jiddeskrivu f’termini ġenerali l-mod kif dawn se jikkooperaw ma’ xulxin fil-qadi tal-kompiti superviżorji tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija f’dan ir-Regolament. Dawn il-memoranda għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

(34)

Għat-twettiq tal-kompiti tiegħu u l-eżerċitar tas-setgħat superviżorji tiegħu, il-BĊE għandu japplika r-regoli materjali relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn ir-regoli huma magħmulin mil-liġi rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari Regolamenti jew Direttivi applikabbli direttament, bħal dawk dwar rekwiżiti ta’ kapital għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dwar konglomerati finanzjarji. Fejn ir-regoli materjali relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu stabbiliti f’Direttivi, il-BĊE għandu japplika l-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tikkonsisti f’Regolamenti u f’oqsma fejn, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali li teżerċita tali opzjonijiet. Tali opzjonijiet għandhom jiġu interpretati li jeskludu l-opzjonijiet disponibbli biss lil awtoritajiet kompetenti jew maħtura. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preminenza tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-BĊE għandu jibbaża fuq u jaġixxi f’konformità mal-liġi vinkolanti rilevanti tal-Unjoni meta jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet jew meta jieħu deċiżjonijiet.

(35)

Fl-ambitu tal-kompiti konferiti lill-BĊE, id-dritt nazzjonali jikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali ċerti setgħat li attwalment mhumiex meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, inklużi ċerti setgħat ta’ intervent bikri u prekawzjoni. Il-BĊE għandu jkun jista’ jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri parteċipanti biex jagħmel użu minn dawn is-setgħat, sabiex jiżgura l-prestazzjoni ta’ superviżjoni sħiħa u effettiva fil-MSU.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli u d-deċiżjonijiet superviżorji jiġu applikati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, mill-kumpaniji holding finanzjarji u mill-kumpaniji holding finanzjarji mħallta, penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi għandhom jiġu imposti f’każ ta’ ksur. Skont l-Artikolu 132(3) tat-TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (6), il-BĊE huwa intitolat jimponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali fuq l-impriżi meta jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi skont ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, sabiex il-BĊE jkun jista’ jwettaq b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu relatati mal-infurzar tar-regoli superviżorji stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli, il-BĊE għandu jingħata s-setgħa li jimponi penali pekunarji fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta għal ksur ta’ tali regoli. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibqgħu jistgħu japplikaw penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi li joriġinaw mid-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttivi tal-Unjoni. Meta l-BĊE jqis li jkun xieraq biex iwettaq il-kompiti tiegħu li tiġi applikata penali għal tali ksur, għandu jkun jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għal dawk l-għanijiet.

(37)

Is-superviżuri nazzjonali għandhom għarfien espert importanti u li ilu stabbilit fis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fit-territorju tagħhom u l-ispeċifiċitajiet ekonomiċi, organizzazzjonali u kulturali tagħhom. Stabbilixxew korp kbir ta’ persunal iddedikat u bi kwalifiki għoljin għal dawn l-għanijiet. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata superviżjoni ta’ kwalità għolja fl-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-BĊE fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dan għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni kontinwa ġurnata b’ġurnata tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u relatata ma’ verifiki fuq il-post.

(38)

Il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament li jiddefinixxu l-ambitu ta’ istituzzjonijiet li huma anqas sinifikanti għandhom jiġu applikati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti abbażi ta’ data konsolidata. Fejn il-BĊE jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhux inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, għandu jwettaq dawk il-kompiti fuq bażi konsolidata fir-rigward tal-grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u fuq bażi individwali fir-rigward tas-sussidjarji bankarji u l-fergħat ta’ dak il-grupp stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

(39)

Il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament li jiddefinixxu li jiddefinixxu l-ambitu ta’ istituzzjonijiet li huma anqas sinifikanti għandhom jiġu speċifikati f’qafas adottat u ppubblikat mill-BĊE f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Abbażi ta’ dak, il-BĊE għandu jkun responsabbli biex japplika dawk il-kriterji u jivverifika, permezz tal-kalkoli proprji, jekk intlaħqux dawk il-kriterji. It-talba tal-BĊE għall-informazzjoni biex iwettaq il-kalkolu tiegħu ma għandhiex iġġiegħel lill-istituzzjonijiet japplikaw oqfsa kontabilistiċi li jkunu differenti minn dawk applikabbli għalihom skont atti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali.

(40)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu ikun ġie meqjus bħala sinifikattiv jew inqas sinifikattiv, dik il-valutazzjoni ma għandhiex tiġi mmodifikata aktar minn darba kull 12-il xahar, ħlief jekk ikun hemm bidliet strutturali fil-gruppi bankarji, bħal fużjonijiet jew divestituri.

(41)

Meta jkun qed jiddeċiedi, wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jekk istituzzjoni hijiex ta’ rilevanza sinifikattiva fir-rigward tal-ekonomija domestika u għandha għalhekk tkun sorveljata mill-BĊE, il-BĊE għandu jqis iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi konsiderazzjonijiet ekwi.

(42)

Fir-rigward tas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu transkonfini attivi kemm fiż-żona tal-euro u barra minnha, l-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Bħala awtorità kompetenti l-BĊE għandu jkun soġġett għall-obbligi relatati biex jikkoopera u jiskambja informazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni u għandu jipparteċipa bis-sħiħ fil-kulleġġi tas-superviżuri. Barra minn hekk, peress li l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji minn istituzzjoni tal-Unjoni jġib benefiċċji ċari f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja u integrazzjoni sostenibbli tas-suq, l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandu għalhekk ikollhom ukoll il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-MSU. Madankollu, prekundizzjoni meħtieġa għall-eżerċitar effikaċi tal-kompiti superviżorji hija li d-deċiżjonijiet superviżorji jiġu implimentati bis-sħiħ u mingħajr dewmien. L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fil-MSU għandhom għalhekk jintrabtu li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom se jirrispettaw u jadottaw kwalunkwe miżura b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mitluba mill-BĊE. Il-BĊE għandu jkun jista’ jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Għandu jkun obbligat jistabbilixxi l-kooperazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu ssodisfati.

(43)

B’kont meħud li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro mhumiex preżenti fil-Kunsill Governattiv sakemm ma jkunux adottaw l-euro skont it-TFUE, u li dawn ma jistgħux jibbenefikaw bis-sħiħ minn mekkaniżmi oħrajn previsti għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, huma previsti f’dan ir-Regolament salvagwardji addizzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Madankollu, dawk is-salvagwardji, b’mod partikolari l-possibbiltà li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jitolbu t-terminazzjoni immedjata tal-kooperazzjoni mill-qrib wara li jinfurmaw lill-Kunsill Governattiv dwar in-nuqqas ta’ qbil motivat ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, għandhom jintużaw f’każijiet eċċezzjonali, debitament ġustifikati. Huma għandhom jintużaw biss sakemm japplikaw dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi. Is-salvagwardji huma dovuti minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom huma l-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro skont dan ir-Regolament, peress li mhumiex preżenti fil-Kunsill Governattiv u ma jistgħux jibbenefikaw bis-sħiħ minn mekkaniżmi oħrajn previsti għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Għalhekk, is-salvagwardji ma jistgħux u ma għandhomx jiġu interpretati bħala preċedent għal oqsma oħrajn tal-politika tal-Unjoni.

(44)

Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jibdel b’xi mod il-qafas attwali li jirregola l-bidla tal-forma legali tas-sussidjarji jew il-fergħat u l-applikazzjoni ta’ tali qafas, jew jinftiehem jew jiġi applikat bħala li jipprovdi inċentivi favur bidla bħal din. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipnati għandha tkun rispettata b’mod sħiħ, sabiex dawk l-awtoritajiet ikomplu jgawdu minn għodod u setgħat superviżorji suffiċjenti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tagħhom sabiex ikollhom il-kapaċità jaqdu din ir-responsabbiltà u jissalvagwardjaw b’mod effettiv l-istabbiltà finanzjarja u l-interess pubbliku. Barra minn hekk, bħala assistenza għal dawk l-awtoritajiet kompetenti fil-qadi ta’ dmirijiethom, għandha tiġi pprovduta lid-depożitanti u lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni f’waqtha dwar bidla fil-forma legali ta’ sussidjarji jew fergħat.

(45)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE għandu jkollu setgħat superviżorji xierqa. Il-liġi tal-Unjoni dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tipprovdi għal ċerti setgħat li għandhom jiġu kkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti nominati mill-Istati Membri għal dawk l-għanijiet. Sa fejn dawk is-setgħat jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE, għall-Istati Membri parteċipanti l-BĊE għandu jitqies l-awtorità kompetenti u għandu jkollu s-setgħat ikkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti bid-dritt tal-Unjoni. Dan jinkludi setgħat ikkonferiti b’dawk l-atti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti u s-setgħat ikkonferiti lill-awtoritajiet nominati.

(46)

Il-BĊE għandu jkollu s-setgħa superviżorja li jneħħi membru minn korp amministrattiv skont dan ir-Regolament.

(47)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jkun jista’ jeżiġi l-informazzjoni kollha meħtieġa, u jkun jista’ jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post, meta jkun il-każ f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni mingħajr mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar doppju.

(48)

Il-privileġġ professjonali legali huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-konsulenti tagħhom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ).

(49)

Meta jkun jeħtieġ li l-BĊE jitlob informazzjoni minn persuna stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti iżda li tappartjeni għal istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, jew li lilu tali istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta tkun esternalizzat funzjonijiet jew attivitajiet operattivi, u meta tali rekwiżiti mhux ser japplikaw u mhux ser ikunu infurzabbli fi Stat Membru mhux parteċipanti, il-BĊE għandu jikkoordina mal-awtorità nazzjonali fl-Istat Membru mhux parteċipanti kkonċernat.

(50)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti bl-Artikoli 34 u 42 tal-Protokoll nru. 4 dwar l-istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE (“l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). L-atti adottati mill-BĊE skont dan ir-Regolament ma għandhom joħolqu l-ebda dritt jew jimponu xi obbligu fi Stati Membri mhux parteċipanti, ħlief meta tali atti jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, f’konformità ma’ dak il-Protokoll u l-Protokoll nru. 15 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittannja u tal-Irlanda ta’ Fuq, mehmuż mat-TUE u mat-TFUE.

(51)

Meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ stabbiliment jew li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, jew fejn bosta entitajiet fi grupp ikunu stabbiliti fi Stati Membri differenti, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi proċeduri speċifiċi u l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri kkonċernati. Sal-punt li l-BĊE jassumi ċerti kompiti superviżorji għall-Istati Membri parteċipanti kollha, dawk il-proċeduri u attribuzzjonijiet ma għandhomx japplikaw għall-eżerċitar tad-dritt tal-istabbiliment jew li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru parteċipanti ieħor.

(52)

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament u meta jitlob assistenza mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-BĊE għandu debitament jieħu kont ta’ bilanċ ġust bejn l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha involuti, f’konformità mar-responsabbiltajiet stabbilita fil-liġi applikabbli tal-Unjoni għal superviżjoni waħedha u għal superviżjoni fuq bażi sottokonsolidata u konsolidata.

(53)

Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jinftiehem li jikkonferixxi fuq il-BĊE s-setgħa li jimponi penali fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi ħlief għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jeżiġi lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jaġixxu sabiex jiżguraw li jiġu imposti penali xierqa.

(54)

Kif stabbilit mit-Trattati, il-BĊE huwa istituzzjoni tal-Unjoni inġenerali. Għandu jkun marbut fil-proċeduri deċiżjonali tiegħu bir-regoli u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni dwar proċess ġust u trasparenza. Id-dritt li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-BĊE jinstemgħu għandu jiġi rrispettat b’mod sħiħ kif ukoll id-dritt tagħhom li jitolbu reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(55)

Il-konferiment tal-kompiti superviżorji jimplika responsabbiltà sinifikanti għall-BĊE biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, u biex juża s-setgħat superviżorji tiegħu b’mod mill-aktar effikaċi u proporzjonat. Kull bidla tas-setgħat superviżorji mil-livell tal-Istati Membri għal dak tal-Unjoni għandha tkun ibbilanċjata b’rekwiżiti xierqa ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont. Il-BĊE għandu għalhekk jagħti kont tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala istituzzjonijiet demokratikament leġitimizzati li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Dak għandu jinkludi rapportar regolari, u risposti għall-mistoqsijiet mill-Parlament Ewropew, u mill-Grupp tal-euro skont il-proċeduri tal-Grupp tal-euro skont il-proċeduri tiegħu. Kwalunkwe obbligu ta’ rapportar għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti rilevanti ta’ segretezza professjonali.

(56)

Il-BĊE għandu wkoll jippreżenta r-rapporti, li huwa jindirizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali tal-Membri Stati parteċipanti. Il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw lill-BĊE kwalunkwe osservazzjoni jew mistoqsija dwar il-prestazzjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu, li l-BĊE jista’ jirrispondihom. Ir-regoli interni ta’ dawk il-parlamenti nazzjonali għandhom jieħdu kont tad-dettalji tal-proċeduri u l-arranġamenti rilevanti biex jiġu indirizzati l-osservazzjonijiet u l-mistoqsijiet lill-BĊE. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal osservazzjonijiet jew mistoqsijiet li jirrigwardaw it-tneħħija ta’ awtorizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li fil-konfornt tagħhom ikunu ttieħdu azzjonijiet neċessarji għar-riżoluzzjoni jew għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-proċedura msemmija f’dan ir-Regolament. Il-Parlament nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti għandu jkun jista’ jistieden lill-President jew rappreżentant tal-Bord Superviżorju biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet fir-rigward tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru flimkien ma’ rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Dan ir-rwol għall-parlamenti nazzjonali huwa xieraq minħabba l-impatt potenzjali li l-miżuri superviżorji jista’ jkollhom fuq il-finanzi pubbliċi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-klijenti u l-impjegati tagħhom, u s-swieq fl-Istati Membri parteċipanti. Meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jieħdu azzjoni skont dan ir-Regolament, għandhom jibqgħu japplikaw l-arranġamenti ta’ responsabbiltà pprovduti skont id-dritt nazzjonali.

(57)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Parlament Ewropew li jwaqqaf Kumitat ta’ Inkjesta temporanju biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 226 tat-TFUE jew għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kontroll politiku kif stabbilit fit-Trattati, inkluż id-dritt tal-Parlament Ewropew li jieħu pożizzjoni jew li jadotta riżoluzzjoni dwar materji li huwa jqis xierqa.

(58)

Fl-azzjoni tiegħu, il-BĊE għandu jikkonforma mal-prinċipji ta’ proċess debitu u trasparenza.

(59)

Ir-regolament imsemmi fl-Artikolu 15(3) tat-TFUE għandu jiddetermina regoli dettaljati li jippermettu l-aċċess għal dokumenti miżmuma mill-BĊE b’riżultat tat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, f’konformità mat-Trattat.

(60)

Skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, il-QtĠ trid teżamina l-legalità tal-atti, fost l-oħrajn, tal-BĊE, minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, maħsuba biex joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

(61)

F’konformità mal-Artikolu 340 tat-TFUE, il-BĊE għandu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat minnu jew mill-aġenti tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jagħmlu tajjeb għal kwalunkwe dannu kkaġunat minnhom jew mill-aġenti tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali.

(62)

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (7) japplika għall-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 342 tat-TFUE.

(63)

Fid-determinazzjoni dwar jekk id-dritt ta’ aċċess għall-faxxiklu mill-persuni kkonċernati għandux ikun limitat, il-BĊE għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust.

(64)

Il-BĊE għandu jipprovdi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-possibbiltà li jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet meħudin skont is-setgħat konferiti lilhom minn dan ir-Regolament u indirizzati lilhom, jew li huma ta’ interess dirett u individwali għalihom. L-iskop ta’ rieżami għandu jkun sabiex ikun hemm konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-regolament ta’ tali deċiżjonijiet waqt li jiġi rispettat il-marġni ta’ diskrezzjoni għall-BĊE biex jiddeċiedi dwar l-opportunintà biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Għal dak il-għan, u għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-BĊE għandu jistabbilixxi bord amministrattiv ta’ rieżami biex iwettaq tali rieżami intern. Meta jkun qed jifforma l-bord, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jaħtar individwi ta’ reputazzjoni għolja. Meta jkun qed jiddeċiedi, il-Kunsill Governattiv għandu, safejn ikun possibbli, jiżgura bilanċ u rappreżentanza ġeografika u tas-sessi xierqa fl-Istati Membri kollha. Il-proċedura stabbilita għar-rieżami għandha tagħmel provvediment għall-Bord Superviżorju biex dan ikun jista’ jerġa’ jikkunsidra kif xieraq l-abbozz ta’ deċiżjoni preċedenti tiegħu.

(65)

Il-BĊE huwa responsabbli għat-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ politika monetarja bl-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-TFUE. L-eżerċitar ta’ kompiti superviżorji għandu l-għan li jipproteġi s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Għaldaqstant għandhom jitwettqu b’mod kompletament separat, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess u biex jiġi żgurat li kull funzjoni tiġi eżerċitata skont l-għanijiet applikabbli. Il-BĊE għandu jkun jista’ jiżgura li l-Kunsill Governattiv jopera b’mod kompletament iddifferenzjat fir-rigward tal-funzjonijiet monetarji u superviżorji. Tali differenzjazzjoni għandha tal-inqas tinkludi laqgħat u aġendi strettament separati.

(66)

Is-separazzjoni organizzattiva tal-persunal għandha tikkonċerna s-servizzi kollha meħtieġa għall-finijiet ta’ politika monetarja indipendenti u għandha tiżgura li l-eżerċitar tal-kompiti kkonferiti minn dan ir-Regolament ikun kompletament soġġett għar-responsabbiltà demokratika u s-sorveljnza kif previst f’dan ir-Regolament. Il-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament għandu jirrapporta lill-President tal-Bord Superviżorju.

(67)

B’mod partikolari, bord superviżorju responsabbli mit-tħejjija tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet superviżorji għandu jiġi stabbilit fil-BĊE u jinkludi l-għarfien espert speċifiku tas-superviżuri nazzjonali. Għaldaqstant, il-bord għandu jiġi ppresedut minn President, ikollu Viċi President u jinkludi rappreżentanti mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-ħatriet għall-Bord Superviżorju skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal- bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki. Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju għandhom ikunu puntwali u jkunu informati bis-sħiħ dwar il-punti fuq l-aġenda tal-laqgħat tiegħu, sabiex jiffaċilitaw l-effikaċja tad-diskussjoni u l-proċess għat-tfassil tal-abbozzi tad-deċiżjonijiet.

(68)

Huwa u jeżerċita l-kompiti tiegħu, il-Bord Superviżorju għandu jqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha fl-Istati Membri parteċipanti u għandu jwettaq dmirijietu fl-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali.

(69)

B’rispett sħiħ għall-arranġamenti istituzzjonali u ta’ votazzjoni stabbiliti mit-Trattati, il-Bord Superviżorju għandu jkun korp essenzjali fit-twettiq ta’ kompiti superviżorji mill-BĊE, kompiti li sa issa dejjem kienu f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Minħabba dan, il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa jadotta deċiżjoni implimentattiva biex jaħtar il-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju. Wara s-smigħ tal-Bord Superviżorju, il-BĊE għandu jibgħat proposta għall-ħatra tal-President u l-Viċi President lill-Parlament Ewropew għal approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ din il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta dik id-deċiżjoni implimentattiva. Il-President għandu jintgħażel abbażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jibqgħu debitament infurmati dwarha.

(70)

Biex ikun hemm rotazzjoni xierqa filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-President, il-mandat tal-President ma għandux jaqbeż il-ħames snin u ma għandux ikun rinnovabbli. Biex tiġi żgurata koordinazzjoni sħiħa mal-attivitajiet tal-ABE u mal-politiki prudenzjali tal-Unjoni, il-Bord Superviżorju għandu jkun jista’ jistieden lill-ABE u l-Kummissjoni bħala osservaturi. Il-President tal-Awtorità Ewropea tar-Riżoluzzjoni, meta tkun stabbilita, għandu jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju.

(71)

Il-Bord Superviżorju għandu jkun appoġġat minn kumitat ta’ tmexxija b’kompożizzjoni aktar limitata. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jħejji l-laqgħat tal-Bord ta’ Superviżorju, iwettaq dmirijietu fl-interess esklużiv tal-Unjoni b’mod ġenerali, u jaħdem fi trasparenza sħiħa mal-Bord Superviżorju.

(72)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jistieden lir-rappreżentanti mill-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro kull meta l-Kunsill Governattiv jikkontempla li joġġezzjona għal abbozz ta’ deċiżjoni mħejji mill-Bord Superviżorju jew kull meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati jinfurmaw lill-Kunsill Governattiv bin-nuqqas ta’ qbil raġunat tagħhom ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, meta deċiżjoni bħal din tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.

(73)

Bil-għan li tkun żgurata s-separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji, il-BĊE għandu joħloq panel ta’ medjazzjoni. L-istabbiliment tal-panel, u b’mod partikolari l-kompożizzjoni tiegħu, għandu jiżgura li dan jirrisolvi l-fehmiet differenti b’mod ibbilanċjat, fl-interess tal-Unjoni inġenerali.

(74)

Il-Bord ta’ Superviżorju, il-Kumitat ta’ tmexxija u l-persunal tal-BĊE li jwettqu d-dmirijiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa ta’ segretezza professjonali. Rekwiżiti simili għandhom japplikaw għall-iskambju tal-informazzjoni mal-persunal tal-BĊE mhux involut f’attivitajiet superviżorji. Dan ma għandux jipprevjeni lill-BĊE milli jiskambja informazzjoni fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-kompiti tagħha skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE u skont id-dritt tal-Unjoni dwar sorveljanza ekonomika u baġitarja msaħħa.

(75)

Sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jeżerċita l-kompiti superviżorji kkonferiti lilu b’indipendenza sħiħa, b’mod partikolari ħieles minn influwenza politika żejda u minn interferenza min-naħa tal-industrija li jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali tiegħu.

(76)

L-użu, fl-awtoritajiet superviżorji, ta’ perijodi li matulhom il-membri ma jistgħux jokkupaw kariga fis-settur bankarjuhuwa parti importanti biex tkun żgurata l-effikaċja u l-indipendenza tas-superviżjoni mwettqa minn dawk l-awtoritajiet. Għal dan il-għan, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti, il-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri komprensivi u formali, inklużi proċeduri proporzjonati ta’ reviżjoni, biex jivvaluta minn qabel u jipprevjeni konflitti possibbli mal-interess leġittimu tal-MSU/BĊE fejn ex membru tal-Bord Superviżorju jibda x-xogħol fi ħdan l-industrija bankarja li hu/hi kienu darba jissorveljaw.

(77)

Sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jiddisponi minn riżorsi adegwati. Dawk ir-riżorsi għandhom jinkisbu b’mod li jiżgura l-indipendenza tal-BĊE minn influwenzi żejda min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-parteċipanti fis-suq, u l-firda bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji. Il-kostijiet tas-superviżjoni għandhom jiġġarrbu mill-entitajiet soġġetti għaliha. Għalhekk, l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji mill-BĊE għandu jiġi ffinanzjat minn tariffi annwali li jintalbu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Huwa għandu jkun jista’ wkoll jimponi tariffi fuq fergħat stabbilit fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti biex jiġi kopert infiq magħmul mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu bħala superviżur ospitanti fuq dawn il-fergħat. F’każ li istituzzjoni ta’ kreditu jew fergħa tkun sorveljata fuq bażi konsolidata, it-tariffa għandha tiġi imposta fl-ogħla livell ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi ħdan il-grupp involut bi stabbiliment fl-Istati Membri parteċipanti. Il-kalkolu tat-tariffi għandu jeskludi kwalunkwe sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti.

(78)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun inkluża f’superviżjoni fuq bażi konsolidata, it-tariffa għandha tiġi kkalkulata fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti u allokata lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti u inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata, abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-importanza u l-profil tar-riskju, inklużi l-assi ppeżati skont ir-riskju.

(79)

Persunal li jkun immotivat ħafna, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal superviżjoni effikaċi. Sabiex jinħoloq mekkaniżmu superviżorju tabilħaqq integrat, għandu jkun previst skambju xieraq u sekondar ta’ persunal mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha u l-BĊE kif ukoll bejniethom. Biex jiġi żgurat kontroll bejn il-pari fuq bażi kontinwa, b’mod partikolari fis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar, il-BĊE għandu jkun jista’ jitlob li t-timijiet superviżorji nazzjonali jinvolvu wkoll persunal minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti oħra, biex b’hekk jippermetti l-ħolqien ta’ timijiet superviżorji ta’ diversità ġeografika b’kompetenzi u bi profil speċifiċi. L-iskambju u s-sekondar tal-persunal għandu jistabbilixxi kultura ta’ superviżjoni komuni. Fuq bażi regolari, il-BĊE se jagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ membri tal-persunal mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma ssekondati lill-BĊE għall-finijiet tal-MSU.

(80)

Meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-servizzi bankarji u l-importanza dejjem ikbar tal-istandards internazzjonali, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-istandards internazzjonali u bi djalogu u b’kooperazzjoni mill-qrib mas-superviżuri barra l-Unjoni, mingħar ma jiġi dduplikat ir-rwol internazzjonali tal-ABE. Għandu jingħata s-setgħa li jiżviluppa kuntatti u jidħol f’arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jikkoordina mal-ABE u filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-rwoli eżistenti u l-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(81)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (8) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (9) huma applikabbli b’mod sħiħ għall-ipproċessar ta’ data personali mill-BĊE għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(82)

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (10) japplika għall-BĊE. Il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/2004/11 (11) dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għal investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tal-Bank Ċentrali Ewropew

(83)

Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn konsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali, u li l-impatti negattivi tal-iżviluppi fis-suq li jirrinforzaw lil xulxin u li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-Istati Membri jiġu indirizzati fil-ħin u b’mod effikaċi, il-BĊE għandu mill-aktar fis jibda jwettaq kompiti superviżorji speċifiċi. Madankollu, it-trasferiment tal-kompiti superviżorji mis-superviżuri nazzjonali lill-BĊE jeżiġi ċertu ammont ta’ tħejjija. Għalhekk, għandu jkun previst perijodu xieraq ta’ introduzzjoni gradwali.

(84)

Meta jkun qed jadotta l-arranġamenti operattivi dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jipprevedi arranġamenti transitorji li jiżguraw l-ikkompletar tal-proċeduri superviżorji li jkunu għaddejjin, inklużi kwalunkwe deċiżjoni u/jew miżura adottata jew investigazzjoni mibdija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(85)

Il-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina li l-Artikolu 127(6) TFUE jista’ jiġi emendat biex jagħmel il-proċedura leġislattiva ordinarja applikabbli u biex jelimina xi wħud mir-restrizzjonijiet legali li bħalissa jitpoġġew fuq id-disinn tal-MSU (eż. titħaddan parteċipazzjoni fakultattiva diretta u irrevokabbli mill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għall-MSU, lil hinn mill-mudell ta’ “kooperazzjoni mill-qrib”, jagħti lill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fil-MSU drittijiet kompletament ugwali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE, u jmur saħansitra lil hinn fis-separazzjoni interna tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja u dwar is-sorveljanza). Hija ddikjarat ukoll li punt speċifiku li għandu jiġi indirizzat ikun li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika fuq il-BĊE meta jkun qed jaġixxi bħala superviżur bankarju. Huwa mfakkar li t-TUE jipprevedi li proposti għal bidla fit-trattat jistgħu jiġu ppreżentati mill-Gvern ta’ kwalunkwe Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, jew mill-Kummissjoni, u jistgħu jkunu relatati ma’ kwalunkwe aspett tat-Trattati.

(86)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, il-libertà ta’ impriża, id-dritt għal rimedju effikaċi u għal smigħ ġust, u għandu jiġi implimentat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(87)

Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas effiċjenti u effikaċi għall-eżerċitar ta’ kompiti superviżorji speċifiċi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn istituzzjoni tal-Unjoni, u li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-ġabra unika ta’ regoli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ma jistgħux jintlaħqu fil-livell tal-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-istruttura pan-Unjonista tas-suq bankarju u l-impatt fuq l-Istati Membri l-oħra tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlamanet Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (12) huma esklużi mill-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. L-ambitu tal-kompiti superviżorji tal-BĊE huwa limitat għas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma għandu jikkonferixxi xi kompiti superviżorji oħra fuq il-BĊE, bħal kompiti relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ kontropartijiet ċentrali.

Fit-twettieq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-objettiv li jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu jqis bis-sħiħ it-tipi differenti, mudelli ta’ negozju u daqsijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

L-ebda azzjoni, proposta jew politika tal-BĊE ma għandha tiddiskrimina, direttament jew indirettament, kontra kwalunkwe Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri bħala post għall-forniment ta’ servizzi bankarji jew finanzjarji fi kwalunkwe munita.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu kompiti superviżorji li mhumiex ikkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għar-responsabbilitajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti jew nominati tal-Istati Membri parteċipanti biex japplikaw strumenti makroprudenzjali li mhumiex previsti fl-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro u li jkun stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7;

(2)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti maħtura minn Stat Membru parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (13) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(3)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(4)

“kumpanija holding finanzjarja” tfisser kumpanija holding finanzjarja kif iddefinit fil-punt 20 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5)

“kumpanija holding finanzjarja mħallta” tfisser kumpanija holding finanzjarja mħallta kif iddefinit fil-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju (14);

(6)

“konglomerat finanzjarju” tfisser konglomerat finanzjarju kif iddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE;

(7)

“awtorità nazzjonali nominata” tfisser awtorità nominata ta’ Stat Membru parteċipanti, fit-tifsira tal-liġi rilevanti tal-Unjoni;

(8)

“holding kwalifikanti” tfisser holding kwalifikanti kif iddefinit fil-punt 36 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(9)

“Mekkaniżmu superviżorju uniku” (MSU) tfisser is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

Kooperazzjoni u kompiti

Artikolu 3

Kooperazzjoni

1.   Il-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib mal-ABE, mal-AETS, mal-AEAPX u mal-BERS, u mal-awtoritajiet l-oħrajn li jiffurmaw parti mis-SESF, li jiżguraw livell adegwat ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni fl-Unjoni.

Fejn ikun neċessarju, il-BĊE għandu jidħol f’memoranda ta’ qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għas-swieq tal-istrumenti finanzjarji. Dawn il-memoranda għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jipparteċipa fil-Bord ta’ Superviżuri tal-ABE taħt il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

3.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza u l-kompiti tal-ABE, l-AETS, l-AEAPX u l-BERS.

4.   Il-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet li tingħatalhom is-setgħa ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluż it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.

5.   Soġġett għall-Artikoli 1, 4 u 6, il-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib ma’ kwalunkwe faċilità pubblika ta’ assistenza finanzjarja inkluża l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-MES, b’mod partikolari meta tali faċilità tkun tat jew x’aktarx ser tagħti, għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil istituzzjoni ta’ kreditu li tkun soġġetta għall-Artikolu 4.

6.   Il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonkludu memorandum ta’ qbil li jiddeskrivi f’termini ġenerali kif huma ser jikkooperaw ma’ xulxin fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2. Il-memorandum għandu jiġi analizzat fuq bażi regolari.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu l-BĊE għandu jikkonkludi memorandum ta’ qbil mal-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru mhux parteċipanti li fih tinsab mill-inqas istituzzjoni globali waħda sistemikament importanti, kif iddefinit fid-dritt tal-Unjoni.

Kull memorandum għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u għandu jkun ippubblikat soġġett għat-trattament xieraq ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 4

Kompiti kkonferiti lill-BĊE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.   Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

(a)

jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għal-Artikolu 14;

(b)

għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, li jixtiequ jistabbilixxu fergħa jew jipprovdu servizzi transkonfinali fi Stat Membru mhux parteċipanti, biex iwettqu l-kompiti li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandu jkollha skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni;

(c)

jivvaluta n-notifiki ta’ akkwist u d-disponiment ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, ħlief fil-każ ta’ riżoluzzjoni bankarja, u soġġett għal-Artikolu 15;

(d)

jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-oqsma ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji, titolizzazzjoni, limiti ta’ skoperturi kbar, likwidità, ingranaġġ, u rapportar u divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet;

(e)

jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponi rekwiżiti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jimplimentaw arranġamenti, inkluż ir-rekwiżiti kompetenti u xierqa għall-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, proċessi għall-ġestjoni tar-riskji, mekkaniżmi interni ta’ kontroll, politiki u prattiki dwar remunerazzjoni sodi ta’ governanza u proċessi effikaċi ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern, inklużi mudelli Bbażati fuq Klassifikazzjonijiet Interni;

(f)

iwettaq rieżami superviżorju, inkluż fejn adatt f’koordinazzjoni mal-ABE, stress tests u l-pubblikazzjoni possibbli tagħhom sabiex jiddetermina jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fondi proprji miżmuma minn dawn l-istituzzjonijiet jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħhom, u abbażi ta’ dak l-eżami superviżorju biex jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rekwiżiti speċifiċi addizzjonali ta’ fondi proprji, rekwiżiti speċifiċi ta’ pubblikazzjoni, rekwiżiti speċifiċi ta’ likwidità u miżuri oħra fil-każijiet disponibbli speċifikament għall-awtoritajiet kompetenti permezz tal-liġi rilevanti tal-Unjoni;

(g)

iwettaq superviżjoni fuq bażi kkonsolidata tal-kumpaniji prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, inkluż ta’ kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta, u biex jipparteċipa fis-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata, inkluż f’kulleġġi ta’ superviżuri mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’dawk il-kulleġġi bħala osservaturi, b’rabta mal-kumpaniji prinċipali mhux stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri parteċipanti;

(h)

jipparteċipa f’superviżjoni supplementari ta’ konglomerat finanzjarju b’rabta ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inklużi fih u jassumi l-kompiti ta’ koordinatur meta l-BĊE jinħatar bħala l-koordinatur għal konglomerat finanzjarju skont il-kriterji stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni;

(i)

iwettaq kompiti superviżorji b’rabta ma’ pjanijiet ta’ rkupru, u intervent bikri meta istituzzjoni ta’ kreditu jew grupp fejn il-BĊE jkun is-superviżur ta’ konsolidazzjoni, ma jissodisfawx jew x’aktarx ser jiksru r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli u, biss fil-każijiet stipulati b’mod espliċitu mil-liġi rilevanti tal-Unjoni għall-awtoritajiet kompetenti, bidliet strutturali meħtieġa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiġi prevenut stress finanzjarju jew falliment, eskluża kull setgħa ta’ riżoluzzjoni.

2.   Għal istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti, li jistabbilixxu fergħa jew li jipprovdu servizzi transkonfinali fi Stat Membru parteċipanti, il-BĊE għandu jwettaq, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-kompiti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma kompetenti skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni.

3.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet.

Għal dak il-għan, il-BĊE għandu jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u jieħu deċiżjonijiet soġġett għal u f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u b’mod partikolari kwalunkwe att leġislattiv u mhux leġislattiv, inklużi dawk imsemmija fl-Artikoli 290 u 291 TFUE. Hu għandu b’mod partikolari jkun soġġett għal standards tekniċi regolatorji u implimentattivi vinkolanti żviluppati mill-ABE u adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, għall-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament, u għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament dwar il-manwal superviżorju Ewropew żviluppat mill-ABE skont dak ir-Regolament. Il-BĊE jista’ jadotta wkoll Regolamenti sal-punt neċessarju biss li jiġu organizzati jew speċifikati l-arranġamenti għat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu minn dan ir-Regolament.

Qabel ma jadotta regolament, il-BĊE għandu jwettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u janalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm dawn il-konsultazzjonijiet u analiżi ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tar-regolamenti kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tas-suġġett, f’liema każ il-BĊE għandu jiġġustifika dik l-urġenza.

Fejn neċessarju, il-BĊE għandu jikkontrbiwixxi fi kwalunkwe rwol parteċipanti għall-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni mill-ABE skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jew għandu jiġbed l-attenzjoni tal-ABE għal ħtieġa potenzjali biex tibgħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ standards li jemendaw l-istandards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni eżistenti.

Artikolu 5

Kompiti u strumenti makroprudenzjali

1.   Kull meta adatt jew ikkunsidrat meħtieġ, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet nominati nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti għandhom japplikaw rekwiżiti għal riżervi ta’ kapital li għandhom jinżammu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-livell rilevanti skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni flimkien mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, inklużi rati ta’ riżervi kontroċikliċi, u kwalunkwe miżura oħra li għandha l-għan li tindirizza riskji sistemiċi jew makroprudenzjali previsti, u soġġetti għall-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fil-każijiet stabbiliti speċifikament fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Għaxart ijiem ta’ ħidma qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, l-awtorità kkonċernata għandha tavża kif meħtieġ l-intenzjoni tagħha lill-BĊE. Meta l-BĊE joġġezzjona, dan għandu jagħti r-raġunijiet tiegħu bil-miktub fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma. L-awtorità kkonċernata għandha tqis kif meħtieġ ir-raġunijiet tal-BĊE qabel ma tipproċedi bid-deċiżjoni kif adatt.

2.   Il-BĊE jista’, jekk ikkunsidrat neċessarju, minflok l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew nominati nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti, japplika rekwiżiti ogħla għal riżervi ta’ kapital minn dawk applikati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew nominati nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti li għandhom jinżammu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-livell rilevanti skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni flimkien mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, inklużi rati ta’ riżervi kontroċikliċi, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, u japplika miżuri aktar stretti li għandhom l-għan li jindirizzaw riskji sistemiċi jew makroprudenzjali fil-livell ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għall-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fil-każijiet speċifikament stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.

3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti nazzjonali jew awtorità nominata nazzjonali tista’ tipproponi lill-BĊE biex jaġixxi skont il-paragrafu 2, sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika tas-sistema finanzjarja u l-ekonomija fl-Istat Membru tagħha.

4.   Meta l-BĊE ikollu l-intenzjoni li jaġixxi skont il-paragrafu 2, huwa għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nominati nazzjonali fl-Istati Membri kkonċernati. B’mod partikolari għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet nominati nazzjonali kkonċernati għaxart ijiem ta’ ħidma qabel ma tittieħed tali deċiżjoni. Meta xi waħda mill-awtoritajiet ikkonċernati toġġezzjona, din għandha tagħti r-raġunijiet tagħha bil-miktub fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma. Il-BĊE għandu jqis kif meħtieġ dwak ir-raġunijiet qabel ma jipproċedi bid-deċiżjoni kif adatt.

5.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 2, il-BĊE għandu jieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tas-sistema finanzjarja, tas-sitwazzjoni ekonomika u taċ-ċiklu ekonomiku fl-Istati Membri individwali jew f’xi partijiet minnhom.

Artikolu 6

Kooperazzjoni fi ħdan il-MSU

1.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

2.   Kemm il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni b’rieda tajba, u obbligu biex jiskambjaw informazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament, jew li jkollu aċċess għal informazzjoni rapportata, fuq bażi kontinwa, minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom b’mod partikolari jipprovdu lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti konferiti lill-BĊE minn dan ir-Regolament.

3.   Fejn adatt u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u l-kontabbiltà tal-BĊE għall-kompiti kkonferiti lilu permezz ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-BĊE, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 relatat mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, inkluża l-assistenza f’attivitajiet ta’ verifika. Huma għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-BĊE meta jwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 4.

4.   Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)

id-daqs;

(ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

(iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-PDG tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

(iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-EFSF jew il-MES ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.

5.   Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

(a)

il-BĊE għandu joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu jitwettqu u deċiżjonijiet superviżorji jiġu adottati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

Tali struzzjonijiet jistgħu jirreferu għas-setgħat speċifiċi fl-Artikolu 16(2) għal gruppi jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-fini li tkun żgurata l-konsistenza tal-eżiti superviżorji fi ħdan il-MSU;

(b)

meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4, inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-EFSF jew il-MES;

(c)

il-BĊE għandu jeżerċita sorveljanza fuq il-funzjonament tas-sistema, abbażi tar-responsabbiltajiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-paragrafu 7;

(d)

il-BĊE jista’ f’kull ħin jagħmel użu mis-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13;

(e)

il-BĊE jista’ jitlob ukoll informazzjoni, fuq bażi ad hoc jew kontinwa, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar il-prestazzjoni tal-kompiti mwettqa minnhom skont dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 13, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-awtoritajiet nominati nazzjonali għandhom iżommu s-setgħat, f’konformità mad-dritt nazzjonali, li jiksbu informazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding, kumpaniji holding imħallta u impriżi inklużi fis-sitwazzjoni finanzjarja konsolidata ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding, il-kumpaniji holding imħallta u l-impriżi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-BĊE, skont il-qafas stabbilit fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, dwar il-miżuri meħudin skont dan il-paragrafu u jikoordinaw mill-qrib dawk il-miżuri mal-BĊE.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa taħt dan l-Artikolu.

7.   Il-BĊE għandu, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u abbażi ta’ proposta minn Bord Superviżorju, jadotta u jippubblika qafas biex jiġu organizzati arranġamenti prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Il-qafas għandu jinkludi, tal-anqas, dan li ġej:

(a)

il-metodoloġija speċifika għall-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fl-ewwel, it-tienu u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 4 u l-kriterji li taħthom ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 4, is-subparagrafu 4 ma jibqax japplika għal istituzzjoni speċifika ta’ kreditu u l-arranġamenti riżultanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafi 5 u 6. Dawk l-arranġamenti u l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fl-ewwel, it-tienu u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 4 għandhom jiġu rieżaminati biex jirriflettu kwalunkwe bidla rilevanti, u għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun tqieset bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti dik il-valutazzjoni għandha tiġi modifikata biss fil-każ ta’ bidliet sostanzjali u nontransitorji taċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari dawk iċ-ċirkostanzi relatati mas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li huma rilevanti għal dik il-valutazzjoni.

(b)

id-definizzjoni tal-proċeduri, inklużi l-limiti ta’ żmien, u l-possibbiltà li jitħejja abbozz ta’ deċiżjonijiet li għandu jintbagħat lill-BĊE għall-konsiderazzjoni, għar-relazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux meqjusa inqas sinifikanti skont il-paragrafu 4;

(c)

id-definizzjoni tal-proċeduri, inklużi l-limiti ta’ żmien, għar-relazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu meqjusa inqas sinifikanti skont il-paragrafu 4. Tali proċeduri għandhom b’mod partikolari jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont il-każijiet definiti fil-qafas, biex:

(i)

jinnotifikaw lill-BĊE dwar kwalunkwe proċedura superviżorja materjali;

(ii)

jivvalutaw aktar, fuq talba tal-BĊE, aspetti speċifiċi tal-proċedura;

(iii)

jittrasmettu lill-BĊE l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji materjali, li dwarhom il-BĊE jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu.

8.   Kull fejn l-BĊE jkun assistit mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew awtoritajiet nominati nazzjonali għall-fini li jeżerċitaw il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti rilevanti tal-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri differenti.

Artikolu 7

Kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-Euro

1.   Fi ħdan il-limiti stabbiliti f’dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5 b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, fejn ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ tali Stat Membru skont dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew lill-awtorità nazzjonali nominata tal-Istat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro.

2.   Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandha tiġi stabbilita, b’deċiżjoni adottata mill-BĊE, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-ABE bit-talba li jidħlu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE b’rabta mal-eżerċitar tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 4 u 5 fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha ta’ kreditu stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 6;

(b)

fin-notifika, l-Istat Membru kkonċernat jintrabat:

li jiżgura li l-awtorità nazzjonali kompetenti jew l-awtorità nazzjonali speċifikata tiegħu ser tirrispetta kwalunkwe linja gwida jew talba maħruġa mill-BĊE, u

li jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’dak l-Istat Membru li l-BĊE jista’ jeħtieġ għall-fini tat-twettiq ta’ valutazzjoni komprensiva ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(c)

l-Istat Membru kkonċernat adotta leġislazzjoni nazzjonali rilevanti biex jiżgura li l-awtorità nazzjonali kompetenti ser tkun obbligata tadotta kwalunkwe miżura b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mitluba mill-BĊE, skont il-paragrafu 4.

3.   Id-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni għandha tapplika 14-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Meta l-BĊE jqis li miżura relatata mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru kkonċernat b’rabta ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta, hu għandu jindirizza l-istruzzjonijiet lil dik l-awtorità, fejn jispeċifika skeda ta’ żmien rilevanti.

Dik l-iskeda ma għandhiex tkun inqas minn 48 siegħa sakemm adozzjoni aktar bikrija ma tkunx indispensabbli biex tiġi evitata ħsara irreparabbli. L-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa skont l-obbligu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

5.   Il-BĊE għandu jiddeċiedi li joħroġ twissija lill-Istat Membru kkonċernat li l-kooperazzjoni mill-qrib ser tiġi sospiża jew tintemm jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva deċiżiva fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta, fl-opinjoni tal-BĊE, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 2 ma jibqgħux jiġu ssodisfati mill-Istat Membru kkonċernat; jew

(b)

meta, fl-opinjoni tal-BĊE, l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru kkonċernat ma taġixxix f’konformità mal-obbligu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

Jekk tali azzjoni ma tkunx ittieħdet sa 15-il jum wara n-notifika ta’ tali twissija, il-BĊE jista’ jissospendi jew jittermina l-kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak l-Istat Membru.

Id-deċiżjoni li tiġi sospiża jew terminata l-kooperazzjoni mill-qrib għandha tiġi nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni għandha tindika d-data minn meta tibda tapplika, filwaqt li jitqiesu b’mod debitu l-effikaċja superviżorja u l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

6.   L-Istat Membru jista’ jitlob lill-BĊE biex jittermina l-kooperazzjoni mill-qrib fi kwalunkwe ħin wara l-iskadenza tat-tliet snin mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni adottata mill-BĊE għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib. It-talba għandha tispjega r-raġunijiet għat-terminazzjoni, inkluż, meta rilevanti, konsegwenzi negattivi sinifikanti potenzjali fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali tal-Istat Membru. F’dan il-każ, il-BĊE għandu immedjatament jipproċedi bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm il-kooperazzjoni mill-qrib u għandu jindika d-data minn meta tapplika f’perijodu massimu ta’ tliet xhur, b’konsiderazzjoni debita tal-effikaċja superviżorja u l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Jekk Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jinnotifika lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 26(8) tan-nuqqas ta’ qbil raġunat tiegħu bl-oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv għandu, f’perijodu ta’ 30 jum, jagħti l-opinjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ qbil raġunat espress mill-Istat Membru u, filwaqt li jagħti r-raġunijiet tiegħu biex isir dan, jikkonferma jew jirtira l-oġġezzjoni tiegħu.

Fil-każ li l-Kunsill Governattiv jikkonferma l-oġġezzjoni tiegħu, l-Istat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jista’ jinnotifika lill-BĊE li huwa mhux ser jintrabat mid-deċiżjoni potenzjali relatata ma’ abbozz emendat ta’ deċiżjoni possibbli mill-Bord Superviżorju.

Il-BĊE għandu mbagħad jikkunsidra s-sospensjoni jew it-terminazzjoni possibbli tal-kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak l-Istat Membru, b’konsiderazzjoni dovuta tal-effettività superviżorja u jieħu deċiżjoni f’dak ir-rigward.

Il-BĊE għandu jieħu kont, b’mod partikolari, tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk in-nuqqas ta’ tali sospensjoni jew terminazzjoni jistax jhedded l-integrità tal-MSU jew ikollux konsegwenzi negattivi sinifikanti fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri;

(b)

jekk tali sospensjoni jew terminazzjoni jistax ikollha konsegwenzi negattivi sinifikanti fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali fl-Istat Membru li jkun ta notifika dwar nuqqas ta’ qbil motivat f’konformità mal-Artikolu 26(8);

(c)

jekk huwiex sodisfatt jew le li l-awtorità nazzjonali kompetenti adottatx miżuri li, fl-opinjoni tal-BĊE:

jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li nnotifikaw in-nuqqas ta’ qbil motivat tagħhom skont is-subparagrafu preċedenti ma jkunux soġġetti għal trattament aktar favorevoli minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri parteċipanti oħra;

huma effettivi daqs id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fil-kisba tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 1 u fl-iżgurar tal-konformità mad-dritt rilevanti tal-Unjoni.

Il-BĊE għandu jinkludi dawn il-konsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni tiegħu u jikkomunikahom lill-Istat Membru kkonċernat.

8.   Jekk Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro ma jaqbilx ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, huwa għandu jgħarraf lill-Kunsill Governattiv bin-nuqqas ta’ qbil raġunat tiegħu fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievi l-abbozz ta’ deċiżjoni. Il-Kunsill Governattiv għandu mbagħad jiddeċiedi dwar il-kwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, filwaqt li jqis dawk ir-raġunijiet bis-sħiħ, u jispjega bil-miktub id-deċiżjoni tiegħu lill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-BĊE li jtemm il-kooperazzjoni mill-qrib b’effett immedjat u ma jkunx marbut bid-deċiżjoni li ssir.

9.   Stat Membru li jkun ittermina l-kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE ma jistax jidħol għal kooperazzjoni mill-qrib ġdida qabel ma jiskadu tliet snin mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni tal-BĊE li tittermina l-kooperazzjoni mill-qrib.

Artikolu 8

Relazzjonijiet internazzjonali

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, ħlief il-BĊE, inkluż l-ABE, b’rabta mal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’ jiżviluppa kuntatti u jidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali u amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, soġġett għal koordinazzjoni xierqa mal-ABE. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

KAPITOLU III

Setgħat tal-BĊE

Artikolu 9

Setgħat superviżorji u investigatorji

1.   Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2), il-BĊE għandu jitqies, kif adatt, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbiliti mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Għall-istess fini esklussiv, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat u l-obbligi kollha li jinsabu f’dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu wkoll is-setgħat u l-obbligi kollha li l-awtoritajiet kompetenti u nominata għandu jkollhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat elenkati fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.

Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti konferiti fuqu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’, permezz ta’ struzzjonijiet, jesiġi li dawk l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn dan ir-Regolament ma jikkonferix tali setgħat fuq il-BĊE. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw b’mod sħiħ lill-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat.

2.   Il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3). Fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigatorji rispettivi tagħhom, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 7.

Taqsima 1

Setgħat Investigatorji

Artikolu 10

Talba għal informazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 9(1), u soġġett għall-kundizzjonijiet li jinsabu fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’ jesiġi li l-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin, soġġett għall-Artikolu 4, jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati għall-finijiet superviżorji u ta’ statistika relatati:

(a)

istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

(b)

kumpaniji holding finanzjarji stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

(c)

kumpaniji holding finanzjarji mħallta stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

(d)

kumpaniji holding finanzjarji b’attività mħallta stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

(e)

persuni li jappartjenu għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d);

(f)

partijiet terzi li lilhom l-entitajiet msemmija fil-punti (a) sa (d) ikunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet.

2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Id-dispożizzjonijiet ta’ segretezza professjonali ma jeżentawx lil dawk il-persuni mid-dmir li jagħtu dik l-informazzjoni. Il-forniment ta’ dik l-informazzjoni ma għandux jitqies bħala ksur tas-segretezza professjonali.

3.   Meta l-BĊE jikseb l-informazzjoni direttament mill-persuni ġuridiċi jew fiżiċi msemmija fil-paragrafu 1 hu għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati.

Artikolu 11

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Sabiex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u soġġett għal kundizzjonijiet oħrajn li jinsabu fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’ jwettaq l-investigazzjonijiet kollha neċessarji ta’ kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 10(1) stabbilita jew lokalizzata fi Stat Membru parteċipanti.

Għal dak il-għan, il-BĊE għandu jkollu d-dritt li:

(a)

jesiġi s-sottomissjoni ta’ dokumenti;

(b)

jeżamina l-kotba u r-reġistri tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10(1) u jagħmel kopji jew jieħu estrazzjonijiet mit-tali kotba u reġistri;

(c)

jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 10(1) jew ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom;

(d)

jintervista kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata għall-iskop li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

2.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 10(1) għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE.

Meta persuna tostakola l-isvolġiment ta’ investigazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun tinsab is-sede rilevanti għandha tipprovdi, f’konformità mad-dritt nazzjonali, l-assistenza meħtieġa inkluż, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 12 u 13, billi tiffaċilita l- aċċess mill-BĊE għas-sede kummerċjali tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1), sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet imsemmija qabel.

Artikolu 12

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Sabiex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħħrajn li jinsabu fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’, skont l-Artikolu 13 u soġġett għal notifika minn qabel lill-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata, iwettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha neċessarji fis-sede kummerċjali tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) u kwalunkwe intrapriża oħra inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata fejn il-BĊE huwa s-superviżur konsolidanti skont il-punt (g) tal-Artikolu 4(1). Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu hekk, il-BĊE jista’ jwettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel lil dawk il-persuni ġuridiċi.

2.   L-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra awtorizzati minnu biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art fejn joperaw il-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-BĊE u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 11(1).

3.   Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post abbażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE.

4.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew nominati mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha ssir l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-BĊE, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-BĊE u lil persuni oħra awtorizzati minnu. Għal dak il-għan, huma għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandhom ukoll ikollhom id-dritt li jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.   Meta l-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra awtorizzati jew nominata mill-BĊE li jakkumpanjawhom jaraw li persuna topponi għal spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza neċessarja skont id-dritt nazzjonali. Sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni, din l-assistenza għandha tinkludi s-siġillar ta’ kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew reġistri. Meta s-setgħa ma tkunx disponibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata, hija għandha tuża s-setgħat tagħha biex titlob l-assistenza neċessarja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn.

Artikolu 13

Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja

1.   Jekk spezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 12(1) u (2) jew l-assistenza prevista fl-Artikolu 12(5) tesiġi awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għat-tali awtorizzazzjoni.

2.   Meta awtorizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun saret applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-BĊE tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi filwaqt li jitqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-BĊE għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-BĊE jkollu biex jissuspetta li jkun sar ksur tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tanalizza n-neċessità tal-ispezzjoni u lanqas ma għandha titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-BĊE. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE għandha tkun soġġetta għal analiżi mill-QtĠ.

Taqsima 2

setgħat superviżorji speċifiċi

Artikolu 14

Awtorizzazzjoni

1.   Kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jingħata bidu għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ser tiġi stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun ser tiġi stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti.

2.   Jekk l-applikant jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti ta’ dak l-Istat Membru, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu, fil-perijodu previst fil-liġi nazzjonali rilevanti, abbozz ta’ deċiżjoni biex tipproponi lill-BĊE biex jagħti l-awtorizzazzjoni. L-abbozz ta’ deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-BĊE u lill-applikant għal awtorizzazzjoni. Fil-każijiet l-oħra, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

3.   L-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi kkunsidrat li jiġi adottat mill-BĊE sakemm il-BĊE ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem ta’ ħidma, li jista’ jiġi estiż darba għall-istess perijodu f’każijiet debitament ġustifikati. Il-BĊE għandu joġġezzjona għall-abbozz ta’ deċiżjoni biss meta ma jintlaħqux il-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut bil-miktub.

4.   Id-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi nnotifikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-applikant għal awtorizzazzjoni.

5.   Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

6.   Sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, f’każijiet fejn huma jqisu li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jippreġudika l-implimentazzjoni adegwata ta’ azzjonijiet neċessarji għar-riżoluzzjoni jew biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, huma għandhom jinnotifikaw debitament l-oġġezzjoni tagħhom lill-BĊE bi spejgazzjoni fid-dettall tal-preġudizzju li l-irtirar jista’ jikkawża. F’dawk il-każijiet, il-BĊE għandu jastjeni milli jipproċedi għall-irtirar għal perijodu miftiehem b’mod reċiproku mal-awtoritajiet nazzjonali. Il-BĊE jista’ jestendi dak il-perijodu jekk huwa tal-opinjoni li jkun sar progess suffiċjenti. Jekk, madankollu, il-BĊE jiddetermina f’deċiżjoni raġunata li azzjonijiet adatti neċessarji biex tinżamm l-istabbilta finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għandu japplika immedjatament.

Artikolu 15

Valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ holdings kwalifikanti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1), kwalunke notifika ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti jew kwalunke informazzjoni relatata għandha tiġi introdotta mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu hija stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti bbażata fuq l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

2.   L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tivvaluta l-akkwiżizzjoni proposta, u għandha tibgħat in-notifika u proposta għal deċiżjoni biex tiġi opposta jew ma tiġix opposta l-akkwiżizzjoni, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-atti msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), lill-BĊE, tal-inqas għaxart ijiem qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ valutazzjoni rilevanti kif iddefinit fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, u għandha tgħin lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 6.

3.   Il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk jopponix l-akkwiżizzjoni abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni u f’konformità mal-proċedura u fil-perijodi ta’ valutazzjoni stabbiliti fih.

Artikolu 16

Setgħat superviżorji

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu msemmija fl-Artikolu 4(1) u mingħajr preġudizzju għal setgħat oħra konferiti lill-BĊE, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex jesiġi li kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta fl-Istati Membri parteċipanti tieħu l-miżuri neċessarji fi stadju bikri biex jiġu indirizzati l-problemi rilevanti fi kwalunkwe ċirkostanza li ġejja:

(a)

l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tilħaqx ir-rekwiżiti tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3);

(b)

il-BĊE għandu prova li l-istituzzjoni ta’ kreditu x’aktarx ser tikser ir-rekwiżiti tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) fit-12-il xahar li jmiss;

(c)

ibbażati fuq determinazzjoni, fil-qafas ta’ rieżami superviżorju f’konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 4(1), li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni ta’ kreditu u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minnha ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha.

2.   Għall-fini tal-Artikolu 9(1), il-BĊE għandu jkollu, b’mod partikolari, is-setgħat li ġejjin:

(a)

li jeħtieġu li l-istituzzjonijiet iżommu fondi proprji li jaqbżu r-rekwiżiti kapitali stipulati fl-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) marbuta ma’ elementi ta’ riskji u riskji mhux koperti mill-atti rilevanti tal-Unjoni;

(b)

li jobbliga r-rinfurzar tal-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji;

(c)

li jesiġi li l-istituzzjonijiet jippreżentaw pjan biex terġa’ tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti superviżorji f’konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u li jistabbilixxu skadenza għall-implimentazzjoni tiegħu, inkluż titjib għal dak il-pjan rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskadenza;

(d)

li jobbliga lill-istituzzjonijet japplikaw politika speċifika ta’ provvediment jew trattament ta’ assi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji;

(e)

li jirrestrinġi jew jillimita n-negozju, l-operazzjonijiet jew netwerk ta’ istituzzjonijiet jew jitlob iċ-ċessjoni ta’ attivitajiet li joħolqu riskji eċċessivi fuq is-solidità ta’ istituzzjoni;

(f)

li jobbliga t-tnaqqis tar-riskju inerenti fl-attivitajiet, il-prodotti u s-sistemi ta’ istituzzjonijiet;

(g)

li jobbliga lill-istituzzjonijiet jillimitaw rimunerazzjoni varjabbli bħala perċentwali ta’ dħul nett meta tkun inkonsistenti mal-manteniment ta’ bażi kapitali soda;

(h)

li jobbliga lill-istituzzjonijiet jużaw profitti netti biex jissaħħu l-fondi proprji;

(i)

li jirrestrinġi jew jipprojbixxi distribuzzjonijiet mill-istituzzjoni lill-azzjonisti, membri jew detenturi ta’ strumenti ta’ Grad 1 Addizzjonali fejn il-projbizzjoni ma tikkostitwixxix avveniment ta’ falliment tal-istituzzjoni;

(j)

li jimponi rekwiżiti ta’ rapputar addizzjonali jew aktar frekwenti, inkluż rappurtar dwar pożizzjonijiet tal-kapital u l-likwidità;

(k)

li jimponi rekwiżiti speċifiċi tal-likwidità, inkluż restrizzjonijiet fuq diskrepanzi fil-maturità bejn assi u passivi;

(l)

li jitlob divulgazzjonijiet addizzjonali;

(m)

li jneħħi fi kwalunkwe ħin membri mill-korp ta’ ġestjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

Artikolu 17

Setgħat tal-awtoritajiet ospitanti u kooperazzjoni dwar superviżjoni fuq bażi kkonsolidata

1.   Bejn l-Istati Membri parteċipanti l-proċeduri stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jixtiequ jistabbilixxu fergħa jew jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi billi jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u l-kompetenzi relatati tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti għandhom japplikaw biss għall-finijiet ta’ kompiti mhux ikkonferiti lill-BĊE bl-Artikolu 4.

2.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni b’rabta mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri differenti għat-twettiq tas-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata m’għandhomx japplikaw sal-punt li l-BĊE hu l-unika awtorità kompetenti involuta.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu kif definit fl-Artikolu 4 u 5, il-BĊE għandu jirrispetta bilanċ ġust bejn l-Istati Membri parteċipanti kollha skont l-Artikolu 6(8) u għandu, fir-relazzjoni tiegħu mal-Istati Membri mhux parteċipanti, jirrispetta l-bilanċ bejn l-Istati Membri domiċiljari u ospitanti stabbilit fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 18

Penali amministrattivi

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, meta istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta, b’mod intenzjonali jew, b’negliġenza, jiksru rekwiżit skont atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm disponibbli penali pekunjarji amministrattivi għall-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji sa darbtejn l-ammont tal-profitt miksub jew it-telf evitat minħabba ksur meta dawn jistgħu jiġu ddeterminati, jew sa 10 % tal-fatturat annwali totali, kif definit fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, ta’ persuna ġuridika fis-sena ta’ negozju preċedenti jew tali penali pekunarji oħrajn kif jista’ jiġi previst fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.

2.   Meta l-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta’ impriża parent, il-fatturat annwali totali rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-kont ikkonsolidat tal-impriża parent aħħarija fis-sena ta’ negozju preċedenti.

3.   Il-penali applikati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta jiġi biex jiddetermina jekk jimponix penali u biex jiddetermina l-penali x-xierqa, il-BĊE għandu jaġixxi skont l-Artikolu 9(2).

4.   Il-BĊE għandu japplika dan l-Artikolu f’konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-proċeduri li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98, kif adatt.

5.   F’każijiet mhux koperti bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’ jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jibdew proċedimenti bil-ħsieb li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li jiġu imposti penali adegwati skont l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u kwalunkwe leġislazzjoni nazzjonali rilevanti li tagħti setgħat speċifiċi li attwalment mhumiex meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni. Il-penali applikati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun applikabbli b’mod partikolari għall-penali pekunarji li għandhom jiġu imposti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding mħallta għal ksur tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi rilevanti tal-UE, u għal kwalunkwe penali jew miżura amministrattiva li għandha tiġi imposta fuq membri tal-bord maniġerjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta jew kwalunkwe individwu ieħor li skont id-dritt nazzjonali jkun responsabbli għal ksur minn istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta.

6.   Il-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe penali msemmija fil-paragrafu 1, jekk tkunx ġiet appellata jew le, fil-każijiet ta’ u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 6, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, f’każ ta’ ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

KAPITOLU IV

Prinċipji organizzativi

Artikolu 19

Indipendenza

1.   Meta jkun qed iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkunu qed jaġixxu fi ħdan il-MSU għandhom jaġixxu b’mod indipendenti. Il-membri tal-Bord Superviżorju Bankarju u l-Kumitat ta’ tmexxija għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la m’għandhom ifittxu u lanqas m’għandhom jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

2.   L-stituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri u kwalunkwe korp ieħor għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza.

3.   Wara eżami tal-ħtieġa għal Kodiċi ta’ Kondotta mill-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv għandu jistabbilixxi u jippubblika Kodiċi ta’ Kondotta għall-persunal u d-diriġenti tal-BĊE involuti fis-superviżjoni bankarja b’mod partikolari l-konflitti ta’ interess.

Artikolu 20

Obbligu ta’ rendikont u rappurtar

1.   Il-BĊE għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bi qbil ma’ dan il-Kapitolu.

2.   Il-BĊE għandu fuq bażi annwali jissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro, rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferit lilu b’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar l-evoluzzjoni prevista tal-istruttura u l-ammont tat-tariffi superviżorji msemmijin fl-Artikolu 30.

3.   Il-President tal-Bord Supeviżorju tal-BĊE għandu jippreżenta dak ir-rapport fil-pubbliku lill-Parlament Ewropew, u lill-Grupp tal-euro fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn kwalunkwe Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhix l-euro.

4.   Il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE jista’, fuq talba tal-Grupp tal-euro, jinstema’ fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu mill-Grupp tal-euro fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn kwalunkwe Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro.

5.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Bord Supeviżorju tal-BĊE għandu jipparteċipa fi smigħ fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

6.   Il-BĊE għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għal mistoqsijiet li jsirulu mill-Parlament Ewropew, jew mill-Grupp tal-euro, skont il-proċeduri tiegħu stess u fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn kwalunkwe Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro.

7.   Meta l-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina l-effiċjenza operattiva tal-ġestjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 27.2. tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, hija għandha tieħu kont ukoll tal-kompiti superviżorji mogħtijin lill-BĊE minn dan ir-Regolament.

8.   Fuq talba l-President tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-BĊE għandu jkollu diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-privat mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar il-kompiti superviżorji tiegħu fejn tali diskussjonijiet ikunu meħtieġa biex il-Parlament Ewropew ikun jista’ jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-TFUE. Għandu jiġi konkluż qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE dwar l-arranġamenti dettaljati ta’ organizzazzjoni ta’ tali diskussjonijiet, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità sħiħa skont l-obbligi ta’ kunfidenzjalità imposti fuq il-BĊE bħala awtorità kompetenti skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni.

9.   Il-BĊE għandu jikkoopera b’mod sinċier ma’ kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament Ewropew, soġġetta għat-TFUE. Il-BĊE u l-Parlament Ewropew għandhom jikkonkludu arranġamenti adatti dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u s-sorveljanza fuq l-eżerċitar tal-kompiti mogħtijin lill-BĊE b’dan ir-Regolament. Dawk l-arranġamenti għandhom ikopru, inter alia, l-aċċess għall-informazzjoni, il-kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet u l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ għażla tal-President tal-Bord Supeviżorju.

Artikolu 21

Parlamenti nazzjonali

1.   Meta jippreżenta r-rapport previst fl-Artikolu 20(2), il-BĊE għandu simultanjament jgħaddi dak ir-rapport direttament lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti.

Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jindirizzaw lill-BĊE l-osservazzjonijiet raġonati tagħhom dwar dak ir-rapport.

2.   Il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, permezz tal-proċeduri tagħhom stess, jistgħu jitolbu lill-BĊE biex jirrispondi bil-miktub għal kwalunkwe osservazzjoni jew mistoqsija li huma jagħmlu lill-BĊE fir-rigward tal-kompiti tal-BĊE skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Parlament nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti jista’ jistieden lill-President jew membru tal-Bord Superviżorju biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet fir-rigward tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru flimkien ma’ rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lejn il-parlamenti nazzjonali skont il-liġi nazzjonali għall-prestazzjoni ta’ dawk il-kompiti mhux konferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament u għall-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa minnhom skont l-Artikolu 6.

Artikolu 22

Proċess dovut għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji

1.   Qabel ma jieħu deċiżjonijiet superviżorji bi qbil mal-Artikolu 4 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III, il-BĊE għandu jagħti l-opportunità li l-persuni li jkunu soġġetti għall-proċedimenti jinstemgħu. Il-BĊE għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu unikament fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet ikkonċernati kienu kapaċi jikkummentaw dwarhom.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti biex ma jitħalliex li jsir dannu sinifikanti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, il-BĊE jista’ jadotta deċiżjoni proviżorja u għandu jagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ħa d-deċiżjoni tiegħu.

2.   Id-drittijiet għal difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-BĊE, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

Id-deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

Artikolu 23

Rapportar ta’ ksur

Il-BĊE għandu jiżgura li jiġu implimentati mekkaniżmi effikaċi għar-rappurtar ta’ ksur mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta jew awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti tal-atti legali msemmijin fl-Artikolu 4(3), inklużi proċeduri speċifiċi biex jirċievi rapporti ta’ ksur u biex isegwihom. Tali proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni u jiżguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu applikati: bil-protezzjoni xierqa għal min jirrapporta ksur, bil-protezzjoni tad-data personali u bil-protezzjoni xierqa għall-akkużat.

Artikolu 24

Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet.

2.   Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkun magħmul minn ħames individwi ta’ reputazzjoni tajba, minn Stati Membri u bi mgħoddi ta’ għarfien u esperjenza professjonali ppruvati rilevanti, inkluża esperjenza superviżorja, sa livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-settur bankarju jew servizzi finanzjarji oħrajn, bl-esklużjoni tal-persunal attwali tal-BĊE, kif ukoll persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn li huma involuti fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE minn dan ir-Regolament. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkollu riżorsi u ħiliet suffiċjenti biex jivvaluta l-eżerċizzju tas-setgħat tal-BĊE taħt dan ir-Regolament. Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u żewġ supplenti għandom jinħatru mill-BĊE għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba, b’segwitu għal sejħa pubblika għal turija ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma m’għandhom ikunu marbutin b’ebda struzzjoni.

3.   Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jiddeċiedi abbażi ta’ maġġoranza ta’ mill-inqas tlieta mill-ħames membri tiegħu.

4.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dak l-għan, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom minn jew għan-nuqqas tagħhom ta’ kwalunkwe tali interess.

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Talba għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv imsemmija fil-paragrafu 7 ma għandhiex tkun ammissibbli.

6.   Kwalunkwe talba għar-rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża stqarrija tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-BĊE fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fl-assenza tagħha, mill-jum li tkun saret taf b’hekk din il-persuna, skont il-każ.

7.   Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

8.   Talba għal rieżami skont il-paragrafu 5 ma għandhiex ikollha effett sospensiv. Madankollu, il-Kunsill Governattiv jista’, fuq proposta tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

9.   L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv skont dan l-Artikolu għandu jkun motivat u nnotifikat lill-partijiet.

10.   Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli operattivi tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

11.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-QtĠ.

Artikolu 25

Separazzjoni mill-funzjoni ta’ politika monetarja

1.   Meta jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jfittex li jilħaq biss l-objettivi stabbiliti b’dan ir-Regolament.

2.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għal, u b’mod separat mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor. Il-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament m’għandhom la jinterferixxu ma’, lanqas jiġu determinati mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja. Barra minn hekk, il-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament m’għandhomx jinterferixxu mal-kompiti tiegħu relatati mal-BERS u ma’ kwalunkwe kompitu ieħor. Il-BĊE għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif ikun ikkonforma ma’ din id-dispożizzjoni. Il-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament m’għandhomx ibiddlu l-monitoraġġ kontinwu tas-solvenza tal-kontropartijiet tal-politika monetarja tiegħu.

Il-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament għandu jkun, mil-lat organizzattiv, separat minn, u soġġett għal linji ta’ rappurtar separati mill-persunal involut fit-twettiq ta’ kompiti oħrajn ikkonferiti lill-BĊE.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-BĊE għandu jadotta u jagħmel pubblika kwalunkwe regola interna neċessarja, inklużi regoli rigward is-segretezza professjonali u skambji ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ oqsma funzjonali.

4.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-operazzjoni tal-Kunsill Governattiv tkun kompletament differenzjata fir-rigward tal-funzjonijiet monetarji u superviżorji. Tali differenzjazzjoni għandha tinkludi laqgħat u aġendi strettament separati.

5.   Bil-għan li tkun żgurata s-separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji, il-BĊE għandu joħloq panel ta’ medjazzjoni. Dan il-panel għandu jirriżolvi d-differenzi ta’ fehmiet espressi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti konċernati rigward oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal abbozz ta’ deċiżjoni mill-Bord Superviżorju. Dan il-panel għandu jinkludi membru wieħed għal kull Stat Membru parteċipanti, lli jintgħażel minn kull Stat Membru parteċipanti fost il-membri tal-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju, u għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza sempliċi, fejn kull membru jkollu vot wieħed. Il-BĊE għandu jadotta u jagħmel pubbliku regolament li jistabbilixxi tali panel ta’ medjazzjoni u r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 26

Bord superviżorju

1.   L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE għandhom jitwettqu bis-sħiħ minn korp intern magħmul mill-President u l-Viċi President tiegħu, maħturin skont il-paragrafu 3 u erba’ rappreżentanti tal-BĊE, maħturin skont il-paragrafu 5, u rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali f’kull Stat Membru parteċipanti (“Bord Superviżorju”). Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju għandhom jaġixxu fl-interess tal-Unjoni inġenerali.

Fejn l-awtorità kompetenti mhijiex bank ċentrali, il-membru tal-Bord Superviżorju msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jiddeċiedi li jġib rappreżentant mill-bank ċentrali tal-Istat Membru. Għall-finijiet tal-proċedura tal-votazzjoni speċifikata fil-paragrafu 6, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri għandhom flimkien jitqiesu bħala membru wieħed.

2.   Il-ħatriet għall-Bord Superviżorju skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki.

3.   Wara s-smigħ tal-Bord Superviżorju, il-BĊE għandu jibgħat proposta għall-ħatra tal-President u l-Viċi President lill-Parlament Ewropew għal approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ din il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar lill-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju. Il-President għandu jintgħażel abbażi ta’ proċedura ta’ għażla miftuħa, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinżammu debitament informati dwarha, minn fost individwi ta’ pożizzjoni rikonoxxuta u ta’ esperjenza f’materji bankarji u finanzjarji u li mhumiex membri tal-Kunsill Governattiv. Il-Viċi President tal-Bord Superviżorju għandu jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membri tal-Kunsill li mhumiex Stati Membri parteċipanti.

Ladarba jinħatar, il-President għandu jkun professjonista full-time u m’għandu jkollu l-ebda kariga ma’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali. It-terminu tal-kariga għandu jkun għal ħames snin u m’għandux ikun jista’ jiġġedded.

4.   Jekk il-President tal-Bord Siperviżorju ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu jew jekk jinstab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, wara proposta mill-BĊE, li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex il-President jitneħħa mill-mandat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membri tal-Kunsill li mhumiex Stati Membri parteċipanti.

Wara l-irtirar obbligatorju tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju bħala membru tal-Bord Eżekuttiv, iddikjarat skont l-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE, il-Kunsill jista’, wara proposta mill-BĊE, li tkun ġiet approvata mill-Parlament, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex il-Viċi President jitneħħa mill-kariga. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membri tal-Kunsill li mhumiex Stati Membri parteċipanti.

Għal dawk il-finijiet il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ jinforma lill-BĊE li huma jqisu li l-kondizzjonijiet għat-tneħħija tal-President jew tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju mill-kariga huma sodisfatti, u l-BĊE għandu jwieġeb għal dan.

5.   L-erba’ rappreżentanti tal-BĊE maħturin mill-Kunsill Governattiv ma għandhomx iwettqu doveri relatati direttament mal-funzjoni monterarja tal-BĊE. Ir-rappreżentanti kollha tal-BĊE għandu jkollhom drittijiet ta’ vot.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord Superviżorju għandhom jittieħdu permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. F’każ ta’ parità, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv

7.   B’deroga mill-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Superviżorju għandu jieħu deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tar-regolamenti skont l-Artikolu 4(3), fuq il-bażi ta’ maġġioranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-TUE fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji mehmuż mat-TUE u t-TFUE, għall-membri li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru parteċipanti. Kull wieħed mill-erba’ rappreżentanti tal-BĊE maħturin mill-Kunsill Governattiv għandu jkollu vot ugwali għall-vot medjan tal-membri l-oħrajn.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, il-Bord Superviżorju għandu jwettaq ħidma preparatorja rigward il-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE u jipproponi lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE abbozzi ta’ deċiżjonijiet kompleti li għandhom jiġu adottati minn dan tal-aħħar, skont proċedura li trid tiġi stabbilita mill-BĊE. L-abbozz ta’ deċiżjonijiet ser jiġi trasmess fl-istess ħin lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Abbozz ta’ deċiżjoni għandu jitqies bħala adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu li għandu jiġu ddefinit mill-proċedura msemmija hawn fuq iżda li tkunx aktar minn perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol. Madankollu, jekk Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro ma jaqbilx ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(8). F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-perijodu msemmi hawn fuq ma għandux ikun ta’ aktar minn 48 siegħa. Jekk il-Kunsill Governattiv joġġezzjona għal abbozz ta’ deċiżjoni, huwa għandu jagħti r-raġunijiet għal dan bil-miktub, b’mod partikolari billi jiddikjara l-interessi tal-politika monetarja. Jekk deċiżjoni tinbidel wara oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv, Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jista’ jinnotifika lill-BĊE bin-nuqqas ta’ qbil raġonat tiegħu dwar l-oġġezzjoni u għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(7).

9.   Għandu jkun hemm segretarjat li jappoġġa l-attivitajiet tal-Bord Superviżorju, inkluż it-tħejjija tal-laqghat, fuq bażi full-time.

10.   Il-Bord Superviżorju, li jivvota skont ir-regola stabbilita fil-paragrafu 6, għandu jistabbilixxi kumitat ta’ tmexxija minn fost il-membri tiegħu b’kompożizzjoni iktar limitata biex jappoġġa l-attivitajiet tiegħu, inkluż it-tħejjija tal-laqgħat.

Il-kumitat ta’ tmexxija tal-Bord Superviżorju m’għandux ikollu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jkun ippresedut mill-President jew, fin-nuqqas eċċezzjonali tal-President, mill-Viċi President tal-Bord Superviżorju. Il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ tmexxija għandha tiżgura bilanċ u rotazzjoni ġusti bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Huwa għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn għaxar membri inkluż il-President, il-Viċi President u rappreżentant addizzjonali wieħed mill-BĊE. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jeżegwixxi l-kompiti preparatorji tiegħu fl-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali u għandu jaħdem fi trasparenza sħiħa mal-Bord Superviżorju.

11.   Rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jipparteċipa bħala osservatur, meta jkun mistieden, fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju. L-osservaturi ma għandux ikollhom aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali rigward istituzzjonijiet individwali.

12.   Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta regoli interni li jistabbilixxu fid-dettall ir-relazzjoni tiegħu mal-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu wkoll jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, filwaqt li jivvota skont ir-regola stabbilita fil-paragrafu 6. Iż-żewġ settijiet ta’ regoli għandhom jiġu pubblikati. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Superviżorju għandhom jiżguraw it-trattament ugwali tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

Artikolu 27

Segretezza professjonali u skambju ta’ informazzjoni

1.   Membri tal-Bord Superviżorju, persunal tal-BĊE u persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji, anke meta jintemmu dmirijiethom, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-[…] Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u fl-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Il-BĊE għandu jiżgura li individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonalment, b’rabta mal-iżvolġiment ta’ dmirijiet superviżorji huma soġġetti għal rekwiżiti ekwivalenti ta’ segretezza professjonali.

2.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jkun awtorizzat, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, li jiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali jew tal-Unjoni fil-każijiet fejn id-dritt rilevanti tal-Unjoni jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għat-tali divulgazzjoni skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 28

Riżorsi

Il-BĊE għandu jkun responsabbli biex jiddedika r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jeżerċita l-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Il-baġit u l-kontijiet annwali

1.   In-nefqa tal-BĊE biex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament għandha tkun identifikabbli b’mod separat fil-baġit tal-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu, bħala parti mir-rapport imsemmi fl-Artikolu 20, jirrapporta fid-dettall dwar il-baġit għall-kompiti superviżorji tiegħu. Il-kontijiet annwali tal-BĊE mfasslin u ppubblikati skont l-Artikolu 26.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom jinkludu d-dħul u l-infiq relatat mal-kompiti superviżorji.

3.   F’konformità mal-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, għandha tiġi verifikata t-taqsima superviżorja tal-kontijiet annwali.

Artikolu 30

Tariffi għas-superviżjoni

1.   Il-BĊE għandu jimponi tariffa superviżorja annwali għas-superviżjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti u l-fergħat stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti. It-tariffi għandhom ikopri n-nefqa mġarrba mill-BĊE fir-rigward tal-kompiti mogħtijin lilu skont l-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan ir-Regolament Dawn it-tariffi m’għandhomx jaqbżu n-nefqa relatata ma’ dawn il-kompiti.

2.   L-ammont tat-tariffa imposta fuq istituzzjoni jew fergħa ta’ kreditu għandu jkun ikkalkolat, skont l-arranġamenti stabbiliti, u ppubblikat minn qabel, mill-BĊE.

Qabel ma jistabbilixxi dawn l-arranġamenti, il-BĊE għandu jwettaq konsultazzjonijiet pubbliċi u janalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali, u jippubblika r-riżultati tat-tnejn li huma.

3.   It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati fl-ogħla livell tal-konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti, u għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi relatati mal-importanza u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, inkluż l-assi tagħħa ppreżati skont ir-riskju.

Il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għal sena kalendarja speċifika għandha tkun in-nefqa relatata mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet u l-fergħat ta’ kreditu f’dik is-sena. Il-BĊE jista’ jeħtieġ pagamenti bil-quddiem fir-rigward tat-tariffa għas-superviżjoni annwali li għandha tkun ibbażata fuq estimu raġonevoli. Il-BĊE għandu jikkomunika mal-awtorità nazzjonali kompetenti qabel jiddeċiedi dwar il-livell tat-tariffa finali sabiex ikun żgurat li s-superviżjoni tibqa’ kosteffettiva u raġonevoli għall-istituzzjonijiet u l-fergħat kollha ta’ kreditu kkonċernati. Il-BĊE għandu jikkomunika l-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat.

4.   Il-BĊE għandu jirrapporta skont l-Artikolu 20.

5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jimponu tariffi skont id-dritt nazzjonali u, sal-punt li ma jkunx ġew konferiti kompiti superviżorji lill-BĊE, jew fir-rigward tal-ispejjeż tal-kooperazzjoni ma’ u l-assistenza lill-BĊE u waqt li jaġixxu skont l-istruzzjonijiet tiegħu, skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni u soġġett għall-arranġamenti magħmula għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-Artikoli 6 u 12 tiegħu.

Artikolu 31

Persunal u skambju tal-persunal

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha, arranġamenti biex jiżgura skambju xieraq u sekondar ta’ persunal mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif ukoll bejniethom.

2.   Il-BĊE jista’ jesiġi kif xieraq li timijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkunu qed jieħdu azzjonijiet superviżorji fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta li tkun tinsab fi Stat Membru parteċipanti wieħed skont dan ir-Regolament jinvolvu wkoll persunal minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti oħra.

3.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri komprensivi u formali inklużi proċeduri etiċi u perijodi proporzjonati biex jivvaluta minn qabel u jipprevjeni konflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw mill-impjieg sussegwenti fi żmien sentejn tal-membri tal-Bord Superviżorju u l-membri tal-persunal tal-BĊE involuti f’attivitajiet superviżorji, u għandu jipprevedi żvelar adatt soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Dawk il-proċeduri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti. Għall-membri tal-Bord Superviżorju li huma rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, dawk il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti u implimentati b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali applikabbli.

Għall-membri tal-persunal tal-BĊE involuti f’attivitajiet superviżorji, dawk il-proċeduri għandhom jiddeterminaw kategoriji tal-pożizzjonijiet li għalihom tapplika tali valutazzjoni, kif ukoll perijodi li huma proporzjonati għall-funzjonijiet ta’ dawk il-membri tal-persunal fl-attivitajiet superviżorji matul l-impjieg tagħhom fil-BĊE.

4.   Il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jipprevedu li l-BĊE għandu jivvaluta jekk hemmx oġġezzjonijiet li l-membri tal-Bord Superviżorju jwettqu xogħol bi ħlas f’istituzzjonijiet tas-settur privat li għalihom il-BĊE jkollu responsabbiltà superviżorja wara li tkun intemmet il-kariga tagħhom.

Il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom bħala regola japplikaw għal sentejn wara li l-membri tal-Bord Superviżorju jkun temmew il-kariga tagħhom u jistgħu jiġu aġġustati, abbażi ta’ ġustifikazzjoni debita, proporzjonat mal-funzjonijiet imwettqin matul il-mandat u t-tul ta’ żmien li tkun inżammet dik il-kariga.

5.   Ir-Rapport Annwali tal-BĊE skont l-Artikolu 20 għandu jinkludi informazzjoni dettaljata, inkluża data statistika dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 32

Rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, u sussegwentement kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’enfasi speċjali fuq il-monitoraġġ tal-impatt potenzjali fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:

(a)

il-funzjonament tal-MSU fis-SESF u l-impatt tal-attivitajiet superviżorji tal-BĊE fuq l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u fuq il-koerenza u l-integrità tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji, inkluż l-impatt possibbli tiegħu fuq l-istrutturi tas-sistemi bankarji nazzjonali fl-Unjoni, u rigward l-effettività tal-kooperazzjoni u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-MSU u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti;

(b)

it-tqassim tal-kompiti bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fi ħdan l-MSU, l-effettività tal-arranġamenti prattiċi tal-organizzazzjoni adottati mill-BĊE, u l-impatt tal-MSU fuq il-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji rimanenti;

(c)

l-effettività tas-setgħat superviżorji u ta’ sanzjonar tal-BĊE u l-adegwatezza tal-għoti ta’ setgħat ta’ sanzjonar addizzjonali lill-BĊE, inkluż fir-rigward ta’ persuni oħrajn għajr istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji mħalltin;

(d)

l-adegwatezza tal-arranġamenti stabbiliti rispettivament għall-kompiti u l-għodod makroprudenzjali skont l-Artikolu 5 u għall-għoti u t-tneħħija tal-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 14;

(e)

l-effettività tal-arranġamenti ta’ indipendenza u responsabbiltà;

(f)

l-interazzjoni bejn il-BĊE u l-ABE;

(g)

l-adegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza, inklużi l-kompożizzjoni u l-arranġamenti għall-votazzjoni tal-Bord Superviżorju u r-relazzjoni tiegħu mal-Kunsill Governattiv, kif ukoll il-kollaborazzjoni fil-Bord Superviżorju bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Istati Membri parteċipanti l-oħra fil-MSU;

(h)

l-interazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti u l-effetti tal-MSU fuq dawn l-Istati Membri;

(i)

l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-BĊE;

(j)

l-effettività tal-ispiża tal-MSU.

(k)

l-impatt possibbli tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(6), 7(7) u 7(8) fuq il-funzjonament u l-integrità tal-MSU;

(l)

l-effettività tas-separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-politika monetarja u superviżorja fil-BĊE u s-separazzjoni tar-riżorsi finanzjarji dedikati għall-kompiti superviżorji mill-baġit tal-BĊE, b’kont meħud ta’ kwalunkwe modifika tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti inkluż fil-livell tal-liġi primarja;

(m)

l-effetti fiskali li d-deċiżjonijiet superviżorji li jittieħdu mill-MSU jkollhom fuq l-Istati Membri parteċipanti u l-impatt ta’ kwalunkwe żvilupp fir-rigward tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni;

(n)

il-possibbiltajiet ta’ aktar żvilupp tal-MSU, b’kont meħud ta’ kwalunkwe modifika tad-dispożizzjonijiet rilevanti, inkluż fil-livell tal-liġi primarja, u b’kont meħud ta’ jekk ir-raġunament tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali f’dan ir-Regolament għadux preżenti, inkluż il-possibbiltà li d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u Stati Membri oħra parteċipanti jiġu allinjati għalkollox.

Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti ta’ akkumpanjament, skont kif ikun adatt.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Il-BĊE għandu jippubblika l-qafas imsemmi fl-Artikolu 6(7) sal-4 ta’ Mejju 2014.

2.   Il-BĊE għandu jieħu l-kariga tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fl-4 ta’ Novembru 2014, soġġett għall-arranġamenti u l-miżuri ta’ implimentazzjoni stabbiliti f’dan il-paragrafu.

Wara t-3 ta’ Novembru 2013, il-BĊE għandu jippubblika permezz ta’ regolamenti u deċiżjonijiet l-arranġamenti operattivi dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament.

Mit-3 ta’ Novembru 2013, il-BĊE għandu jibgħat rapporti ta’ kull tliet xhur lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva ta’ dan ir-Regolament.

Jekk abbażi tar-rapporti msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u wara li r-rapporti jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, ikun jidher li l-BĊE mhux ser ikun lest għat-twettiq bis-sħiħ tal-kompiti tiegħu fl-4 ta’ Novembru 2014, il-BĊE jista’ jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi data aktar tard minn dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan ta’ dan il-pargarafu sabiex tiġi żgurata l-kontinwità matul it-transizzjoni mis-superviżjoni nazzjonali għall-MSU, u abbażi tad-disponibbiltà tal-persunal, l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ rappurtar adatti u arranġamenti għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali skont l-Arikolu 6.

3.   Minkejja l-paragrafi 2, u mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tas-setgħat investigatorji kkonferiti lilu skont dan ir-Regolament, mit-3 ta’ Novembru 2013, il-BĊE jista’ jibda jwettaq il-kompiti konferiti lilu b’dan ir-Regolament għajr għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji fir-rigward ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta u wara deċiżjoni indirizzata lill-entitajiet ikkonċernati u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati.

Minkejja l-paragrafu 2, jekk l-MES unanimament jitlob lill-BĊE biex jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta bħala prekundizzjoni għar-rikapitalizzazzjoni diretta tagħha, il-BĊE jista’ immedjatament jibda jwettaq il-kompiti konferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta, u wara deċiżjoni indirizzata lill-entitajiet ikkonċernati u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati.

4.   Mit-3 ta’ Novembru 2013, bl-għan li jassumi l-karigi tiegħu, il-BĊE jista’ jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-persuni msemmija fl-Artikolu 10(1) jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti biex il-BĊE jwettaq valutazzjoni komprensiva, inkluża valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat Membru parteċipanti. Il-BĊE għandu jwettaq tali valutazzjoni tal-inqas fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux koperti mill-Artikolu 6(4). L-istituzzjoni ta’ kreditu u l-awtorità kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

5.   Istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati minn Stati Membri parteċipanti fit-3 ta’ Novembru 2013 jew fejn rilevanti fid-dati msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu li huma awtorizzati skont l-Artikolu 14 u jistgħu jkomplu bl-operat tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkomunikaw lill-BĊE qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew fejn rilevanti qabel id-dati msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu l-identità ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu flimkien ma’ rapport li jindika l-istorja superviżorja u l-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-BĊE. l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa fil-format mitlub mill-BĊE. L-informazzjoni għandha tiġi sottomessa fil-format mitlub mill-BĊE.

6.   Minkejja l-Artikolu 26(7), sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-votazzjoni b’maġġoranza sempliċi għandhom jiġu applikati flimkien għall-adozzjoni tar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 4(3).

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(3)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(4)  ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453.

(5)  ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.

(6)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(7)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(11)  Deċiżjoni BĊE/2004/11 tat-3 ta’ Ġunju 2004 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għal investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali oħra li hi ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 230, 30.6.2004, p. 56).

(12)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(13)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(14)  ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.