27.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/1


REGOLAMENT (UE) Nru 472/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Mejju 2013

dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi globali mingħajr preċedenti li laqtet lid-dinja sa mill-2007 iddanneġġat gravement it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja u wasslet għal deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u l-pożizzjoni tad-dejn tal-Istati Membri, li wasslet lil uħud minnhom biex ifittxu assistenza finanzjarja fi ħdan u barra l-qafas tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, meta tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ okkupazzjoni, il-garanzija ta’ ħarsien soċjali adegwat, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)

Il-konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal-Unjoni stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonijiet ta’ politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja għandhom jiġu minquxa fid-dritt tal-Unjoni. L-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Istati Membri kollha, partikolarment ta' dawk li l-munita tagħhom tkun l-euro, teħtieġ tisħiħ tas-sorveljanza biex jiġi pprevenut kontaġju minn Stat Membru li jkun qed jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu għall-bqija taż-żona tal-euro u, b'mod usa', għall-Unjoni b'mod ġenerali.

(4)

L-intensità tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja għanda tikkommensura mal-gravità tad-diffikultajiet finanzjarji eventwali u b'mod proporzjonat għaliha u għandha tqis in-natura tal-assistenza finanzjarja rċevuta, li tista' tkun minn sempliċiment sostenn prekawzjonarju msejjes fuq kundizzjonijiet għall-eliġibilità sa programm ta’ aġġustament makroekonomiku sħiħ, li jinvolvi kundizzjonalità stretta ta' politika. Kwalunkwe programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu jqis il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

(5)

Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro għandu jkun soġġett għal sorveljanza msaħħa taħt dan ir-Regolament meta jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet finanzjarji gravi, bil-ħsieb li jiġi żgurat treġġigħ lura malajr għan-normalità u li jiġu protetti l-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro kontra riperkussjonijiet potenzjalment negattivi. Din is-sorveljanza msaħħa għandha tkun proporzjonata għall-gravità tal-problemi u għandha tiġi aġġustata skont dan. Għandha tinkludi aċċess usa' għall-informazzjoni meħtieġa għal monitoraġġ metikoluż tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja u rapportar regolari lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) jew lil kwalunkwe sottokumitat li jista' jinħatar mill-KEF għal dak l-iskop. L-istess arranġamenti ta’ sorveljanza għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jitolbu assistenza prekawzjonarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), mill-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Finanzjarja (MES), mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), jew minn istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

(6)

Stat Membru soġġett għal sorveljanza msaħħa għandu jadotta wkoll miżuri bl-għan li jindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet tiegħu. Għal dak l-għan, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati lilu matul proċedura ta' defiċit eċċessiv jew fi proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku eċċessiv.

(7)

Is-sorveljanza ekonomika u baġitarja għandha tiġu rinfurzata sew għall-Istati Membri suġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Minħabba n-natura komprensiva ta' dan tal-aħħar, il-proċessi l-oħra ta' sorveljanza ekonomika u baġitarja għandhom jiġu sospiżi jew, meta jkun xieraq, simplifikati matul il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tas-sorveljanza tal-politika ekonomika u li tiġi evitata dupplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar. Madankollu, meta jkun qed jitħejja l-programm ta' aġġustament makroekonomiku, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha li ġew indirizzati lill-Istat Membru matul proċedura ta' defiċit eċċessiv jew fi proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku eċċessiv.

(8)

L-isfida preżenti minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi żdiedet b'mod konsiderevoli. Il-globalizzazzjoni tal-ekonomija, l-iżviluppi teknoloġiċi, l-internalizzazzjoni tal-frodi u l-interdipendenza li tirriżulta tal-Istati Membri juru l-limiti ta' approċċi strettament nazzjonali u jsaħħu l-bżonn għal azzjoni konġunta.

(9)

Il-problemi preżenti minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi fi Stati Membri suġġetti għal programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu trattati billi jitjieb il-ġbir tad-dħul f'dawk l-Istati Membri u tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u jiġu żgurati trasparenza u responsabilità pubblika akbar. Il-parlament tal-Istat Membru li jkun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku jew għal sorveljanza msaħħa għandu jinżamm informat f'konformità mar-regoli u l-prattiki nazzjonali.

(11)

L-Istati Membri, f'konformità mar-regoli u l-prattika nazzjonali, għandhom jinvolvu lis-sħab soċjali kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' assistenza finanzjarja.

(12)

Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill rigward programm ta' aġġustament makroekonomiku skont dan ir-Regolament, il-korpi rilevanti tal-MES u tal-EFSF għandu jkollhom l-opportunità li jkollhom diskussjoni dwar ir-riżultat tan-negozjati bejn il-Kummissjoni – li taġixxi f'isem il-MES jew l-EFSF, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u fejn ikun xieraq, mal-FMI – u l-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kundizzjonijiet ta' politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja ta' dak l-Istat Membru. Għandhom jiġu adottati memoranda ta' ftehim li jagħtu kondizzjonijiet dettaljati għall-għoti ta' assistenza finanzjarja skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Ftehim ta' Qafas EFSF.

(13)

Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, ir-referenzi għall-assistenza finanzjarja f'dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll l-appoġġ finanzjarju mogħti fuq bażi ta' prekawzjoni u self għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

(14)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqiegħed Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament għandha tittieħed f'kooperazzjoni mill-qrib mal-, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (flimkien imsejjħin l-‧ASE‧) u l-Korp Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6). Il-Kummissjoni għandha tikkoopera wkoll mal-KEF biex tiddeċiedi jekk għandhiex ittawwal is-sorveljanza msaħħa.

(15)

Wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat jew, fejn adatt, għal raġunijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda li jitnaqqas jew jiġi kkanċellat kwalunkwe depożitu li jħalli imgħax, depożitu li ma jħallix imgħax jew multa imposti mill-Kunsill fil-qafas tal-parti preventiva jew korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għal Stat Membru soġġett għall-programm ta' aġġustament makroekonomiku.

(16)

L-aċċess għal informazzjoni dwar il-ħidma preparatorju magħmul waqt it-tħejjija tal-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (7).

(17)

Meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament li Stat Membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti li jinsabu fil-programm tiegħu ta' aġġustament makroekonomiku, u l-avvenimenti u l-analiżi juru b'mod ċar li mekkaniżmu huwa bżonnjuż biex jiġi żgurat ir-rispett tal-obbligi lejn il-kredituri u l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu, il-Kummissjoni mitluba tagħmel proposti għal tali mekkaniżmu.

(18)

Għandhom jiġu konferiti fuq il-Kunsill is-setgħa li jiġu adottati rakkomandazzjonijiet dwar l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi prekawzjonarji u dwar il-preparazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku; is-setgħa biex jiġu approvati l-programmi ta' aġġustament makroekonomiċi; is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar ir-rekwiżiti ta' politika ewlenin li l-MES jew l-EFSF bi ħsiebhom jinkludu fil-kundizzjonalità għall-assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonarja, self magħmul għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew fi kwalunkwe strument finanzjarju ġdid fil-qafas tal-MES; u s-setgħa li tiġi rakkomandata l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi għal Stati Membri taħt sorveljanza ta' wara l-programm. Dawk is-setgħat huma ta' rilevanza partikolari għall-politika ta' koordinazzjoni ekonomika ta' Stati Membri, li skont l-Artikolu 121 TFUE għandhom isiru fil-Kunsill.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, fejn dawk l-Istati Membri:

(a)

jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tagħhom, li jwasslu għal riperkussjonijiet potenzjalment negattivi lejn Stati Membri oħra fiż-żona tal-euro; jew

(b)

jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSM), mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), mill-Faċilità Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), jew minn xi istituzzjoni finanzjarji internazzjonali rilevanti oħra, bħalma hu l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika msaħħa.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

4.   Matul l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom josservaw bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE. Meta japplikaw dan ir-Regolament u r-rakkomandazzjonijiet adottati skontu, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-regoli u l-prattika nazzjonali u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u ta' dawk ir-Rakkomandazzjonijiet ma taffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 2

Stati Membri taħt sorveljanza msaħħa

1.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tqiegħed taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jkun qed jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu li x'aktarx ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

Meta tivvaluta jekk Stat Membru huwiex mhedded b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu, il-Kummissjoni għandha tuża, fost parametri oħrajn, il-mekkaniżmu ta' twissija stabbilit taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (8) jew, fejn ikun disponibbli, l-aktar rieżami dettaljat reċenti. Il-Kummissjoni għandha wkoll twettaq valutazzjoni komprensiva, waqt li tqis, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet ta' self ta' dak l-Istat Membru, il-profil tal-ħlas lura tal-obbligi ta' dejn tiegħu, ir-robustezza tal-qafas baġitarju tiegħu, is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tiegħu, l-importanza tal-piż tad-dejn tiegħu u r-riskju ta' kontaġju minn tensjonijiet serji fis-settur finanzjarju tiegħu fuq is-sitwazzjoni baġitarja tiegħu jew fuq is-settur finanzjarju ta' Stati Membri oħra.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li tqiegħed lil dak l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa. Kull sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk ittawwalx is-sorveljanza msaħħa fuq dak l-Istat Membru.

2.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tpoġġi Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa skont il-paragrafu 1, għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-riżultati kollha tal-valutazzjoni u għandha tinnotifika lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kapaċità tiegħu ta' superviżur, lill-ASEs rilevanti u lill-BERS skont il-każ.

3.   Meta Stat Membru jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-EFSM, mill-MES, mill-EFSF jew minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI, il-Kummissjoni għandha tpoġġi lil dak l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1 u skont dan il-paragrafu.

4.   Il-paragrafu 3 m'għandux japplika għal Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali fil-forma ta' linja ta' kreditu, li ma tkunx soġġetta għall-adozzjoni ta’ provvedimenti ġodda ta' politika mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm il-linja ta' kreditu ma tkunx ġiet prelevata.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, għal finijiet ta' informazzjoni, lista tal-istrumenti li jipprovdu assistenza finanzjarja prekawzjonarja kif imsemmi fil-paragrafu 3 u għandha żżommha aġġornata sabiex tibqa' tikkunsidra l-bidliet possibbli fil-politika tas-sostenn finanzjarju tal-EFSM, il-MES, l-EFSF jew ta' xi istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra.

Artikolu 3

Sorveljanza msaħħa

1.   Stat Membru suġġett għal sorveljanza msaħħa għandu, b'konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE, l-ASEs, il-BERS u, fejn ikun xieraq, il-FMI, jadotta miżuri mmirati lejn l-indirizzar tas-sorsi jew sorsi potenzjali tad-diffikultajiet. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jqis kwalunkwe rakkomandazzjoni indirizzata lilu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (10), jew ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, rigward, inter alia, il-programmi ta' riforma nazzjonali tiegħu u l-programmi ta' stabbiltà tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, lill-KEF, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-euro, u lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, fejn ikun rilevanti u f'konformità mal-prattika nazzjonali, dwar dawk il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fiskali stipulat fl-Artikolu 10(2), (3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 21 ta' Mejju 2013 [dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro] (11) għandu japplika għal Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, irrispettivament mill-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f'dak l-Istat Membru. Ir-rapport magħmul skont l-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament għandu jiġi sottomess fuq bażi trimestrali.

3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, skont l-Artikolu 2(1), għandu:

(a)

jikkomunika lill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, u, fejn ikun xieraq, lill-ASEs rilevanti, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, skont il-frekwenza mitluba, informazzjoni diżaggregata dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja tiegħu, inklużi analiżi tar-riżultati tal-eżerċizzji ta' kwalunkwe test tal-istress jew l-analiżi tas-sensittività mwettqa, skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu;

(b)

iwettaq, taħt is-superviżjoni tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew fejn ikun xieraq, taħt is-superviżjoni tal-ASE(s) rilevanti, eżerċizzji ta’ test tal-istress jew analiżijiet tas-sensittività, kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tas-settur finanzjarju għal xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji varji, kif speċifikat mill-Kummissjoni u l-BĊE b'koordinazzjoni mal-ASEs rilevanti u l-BERS;

(c)

ikun meħtieġ li jippreżenta valutazzjonijiet regolari tal-kapaċitajiet superviżorji tiegħu fuq is-settur finanzjarju fil-qafas tar-rieżami bejn il-pari speċifika mwettqa mill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew fejn ikun xieraq mill-ASEs rilevanti;

(d)

jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Abbażi tal-analiżi tar-riżultati tal-eżerċizzji ta' test tal-istress u l-analiżi tas-sensittività msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, u billi jitqiesu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-indikaturi rilevanti tal-iskorbord għall-iżbilanċi makroekonomiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, u l-ASEs rilevanti għandhom iħejju, b'koordinazzjoni mal-BERS, valutazzjoni tal-vulnerabilitajiet potenzjali tas-sistema finanzjarja u għandhom jibagħtu dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni skont il-frekwenza indikata minn din tal-aħħar, u lill-BĊE.

4.   Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, skont l-Artikolu 2(3), għandu:

(a)

jikkomunika lill-Kummissjoni, lill-BĊE, u fejn ikun xieraq lill-ASEs rilevanti, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, skont il-frekwenza mitluba, informazzjoni diżaggregata dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja tiegħu, inklużi analiżi tar-riżultati ta' kwalunkwe eżerċizzju ta' test tal-istress jew l-analiżi tas-sensittività mwettqa skont il-punt (b);

(b)

iwettaq, taħt is-superviżjoni tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew, fejn ikun xieraq, taħt is-superviżjoni tal-ASEs rilevanti, eżerċizzji ta’ test tal-istress jew analiżi tas-sensittività, kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tas-settur finanzjarju għal xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji varji, kif speċifikat mill-Kummissjoni u l-BĊE, b'koordinazzjoni mal-ASEs rilevanti u mal-BERS, u jaqsam ir-riżultati dettaljati magħhom;

(c)

ikun meħtieġ jippreżenta valutazzjonijiet regolari tal-kapaċitajiet superviżorji tiegħu fuq is-settur finanzjarju fil-qafas tar-rieżami bejn il-pari speċifika mwettqa mill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew, fejn xieraq, mill-ASEs rilevanti;

(d)

jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li hemm bżonn biex ikunu sorveljati l-iżbilanċi makroekonomiċi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Il-Kummissjoni, il-BĊE, u l-ASEs rilevanti għandhom iżommu kwalunkwe informazzjoni diżaggregata mibgħuta lilhom bħala kunfidenzjali.

5.   Il-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-BĊE u mal-ASEs rilevanti u, meta jkun xieraq, mal-FMI, għandha twettaq missjonijiet regolari ta’ rieżami fl-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa biex tivverifika l-progress li jsir minn dak l-Istat Membru fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4.

Kull trimestru l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u lill-KEF. F'dik il-valutazzjoni hija għandha teżamina, b'mod partikolari, jekk jeħtiġx miżuri ulterjuri.

Il-missjonijiet ta’ rieżami msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissostitwixxu l-monitoraġġ fuq il-post previst fl-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

6.   Meta titħejja l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżultati ta' kwalunkwe rieżami dettaljat possibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, inkluża l-evalwazzjoni ta' riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi nazzjonali fuq l-Istat Membru soġġett għal sorveljanza msaħħa, f'konformità mal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament.

7.   Fejn Il-Kummissjoni tikkonkludi li, abbażi tal-missjonijiet ta' rieżami previsti fil-paragrafu 5, jeħtieġ aktar miżuri u li s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro jew tal-Istati Membri tagħha, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat li jadotta miżuri korrettivi ta' prekawzjoni jew li jħejji abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

8.   Fejn rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 ssir pubblika:

(a)

il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet;

(b)

ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet;

(c)

il-Kunsill għandu jinforma fil-ħin dovut lill-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew dwar il-kontenut tar-rakkomandazzjoni.

9.   Matul il-proċess ta' sorveljanza msaħħa, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jistiednu rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI biex jipparteċipaw fi djalogu ekonomiku.

Artikolu 4

Rappurtaġġ fil-każ ta' appoġġ finanzjarju għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta' istituzzjonijiet finanzjarji

Stati Membri suġġetti għal sorveljanza msaħħa jew għal programm ta' aġġustament makroekonomiku li jirċievu assistenza finanzjarja għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom għandhom jirrappurtaw darbtejn fis-sena lill-KEF dwar il-kondizzjonijiet imposti fuq dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi l-kondizzjonijiet relatati mar- rimunerazzjoni eżekuttiva. Dawk l-Istati Membri għandhom ukoll jirrappurtaw dwar il-kondizzjonijiet ta' kreditu offerti mis-settur finanzjarju lill-ekonomija reali.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar talbiet għall-assistenza finanzjarja previsti

Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, mill-MES, mill-EFSF jew minn instituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI għandu jinforma immedjatament lill-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-grupp tal-euro, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tiegħu.

Wara li jkun irċieva valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-Grupp ta' Ħidma tal-Eurogrupp għandu jorganizza diskussjoni dwar din it-talba maħsuba, bil-ħsieb li jeżamina, fost affarijiet oħra, il-possibbiltajiet disponibbli taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew taż-żona tal-euro qabel ma l-Istat Membru kkonċernat jindirizza lis-selliefa potenzjali.

Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM għandu jinforma immedjatament lill-President tal-KEF, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tiegħu.

Artikolu 6

L-evalwazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern

Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM, mill-MES jew mill-EFSF, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'koordinazzjoni mal-BĊE u kull fejn possibbli, mal-FMI, is-sostenibilità tad-dejn tal-gvern ta' dak l-Istat Membru u l-ħtiġijiet finanzjarji proprji jew potenzjali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dik il-valutazzjoni lill-Grupp ta' Ħidma tal-grupp tal-euro jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont il-MES jew l-EFSF, u lill-KEF jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont l-EFSM.

Il-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern għandha tkun ibbażata fuq l-aktar xenarju makroekonomiku possibbli jew xenarju aktar prudenti u previżjonijiet baġitarji li jużaw l-aktar informazzjoni aġġornata u filwaqt li jitqies kif dovut l-eżitu tar-rapport imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) kif ukoll kwalunkwe kompitu superviżorju eżerċitat f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 3(3). Il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta l-impatt tax-xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji u l-iżviluppi negattivi fuq is-sostenibilità tad-dejn tal-gvern.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku x-xenarju makroekonomiku, inklużi x-xenarju tat-tkabbir, il-parametri rilevanti li fuqhom tkun imsejsa l-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern tal-Istat Membru kkonċernat, u l-impatt stmat tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku.

Artikolu 7

Programm ta' aġġustament makroekonomiku

1.   Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-EFSM, mill-MES, mill-EFSF jew mill-FMI huwa għandu jipprepara bi qbil mal-Kummissjoni, li taġixxi b'koordinazzjoni mal-BĊE u, meta jkun xieraq, mal-FMI, abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku li għandu jibni fuq u jissostitwixxi kwalunkwe programm ta' sħubija ekonomika skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 u li għandu wkoll jinkludi miri baġitarji annwali.

L-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jindirizza r-riskji speċifiċi li joħorġu minn dak l-Istat Membru għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u għandu jimmira li jirristabbilixxi malajr sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u sostenibbli u tiġi restawrata l-kapaċità tal-Istat Membru li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ.

L-abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern imsemmi fl-Artikolu 6, li għandha tkun aġġornata biex tinkorpora l-impatt tal-abbozz tal-miżuri korrettivi nnegozjati mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jqis kif xieraq kwalunkwe rakkomandazzjoni ▐ indirizzata lil dak l-Istat Membru skont l-Artikoli 121, 126, 136 jew 148 TFUE u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma ma' tali rakkomandazzjoni,filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-miżuri ta' politika meħtieġa.

L-abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu jqis il-prattika u l-istituzzjonijiet għall-formazzjonijiet tal-pagi u l-programm ta' riforma nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

L-abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu josserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-fomm lill-President u l-Viċi President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar il-progress li sar fit-tħejjija tal-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Dik l-informazzjoni għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali.

2.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku mħejji mill-Istat Membru li jitlob għal assistenza finanzjarja skont il-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-memorandum ta' ftehim iffirmat mill-Kummissjoni f'isem il-MES jew l-EFSF ikun għalkollox konsistenti mal-programm ta' aġġustament makroekonomiku approvat mill-Kunsill.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura fil-proċess ta' sorveljanza ekonomika u baġitarja fir-rigward ta’ Stat Membru li jkun għaddej minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar.

4.   Il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE, u fejn rilevanti, mal-FMI, għandha timmonitorja l-progress li jsir minn Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-KEF b'tali progress kull tliet xhur. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. Partikolarment għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni kollha li jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku f'konformità mal-Artikolu 3(4).

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bil-fomm lill-President u lill-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew bil-konklużjonijiet misluta mill-monitoraġġ tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Din l-informazzjoni għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali.

5.   Il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE u kull meta jkun xieraq mal-FMI, għandha teżamina mal-Istat Membru kkonċernat il-bidliet u l-aġġornamenti li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu sabiex tikkunsidra sew, inter alia, kull nuqqas sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u ċ-ċifri realizzati, inklużi konsegwenzi possibbli li jirriżultaw mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku, riperkussjonijiet negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe bidla li trid issir f'dak il-programm.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jekk jiħux il-miżuri neċessarji kollha biex jistieden lill-investituri privati biex iżommu l-iskopertura totali tagħhom fuq bażi volontarja.

7.   Fejn il-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 jiżvela devjazzjonijiet sinifikanti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta' Stat Membru, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' politika inklużi fil-programm tiegħu. Il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, għandha tivvaluta b'mod espliċitu jekk din id-devjazzjoni sinifikanti tkunx dovuta għal raġunijiet li ma jkunux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat.

L-isforzi ta' konsolidazzjoni baġitarja stabbiliti fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom iqisu l-bżonnijiet għall-iżgurar ta' mezzi suffiċjenti għal politiki fundamentali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

Meta tittieħed deċiżjoni skont dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b'koordinazzjoni mal-BĊE u fejn ikun xieraq mal-FMI, jieħu miżuri bil-għan li jistabbilizza s-swieq u jżomm il-funzjonament tajjeb tas-settur finanzjarju tiegħu.

8.   Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament tiegħu għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li għal dak l-għan tista' tikkostitwixxi gruppi ta' esperti magħmul minn membri minn Stati Membri oħrajn u minn istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti. L-objettivi u l-mezzi tal-assistenza teknika għandhom jiġu enfasizzati b'mod espliċitu fil-verżjonijiet aġġornati tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku u jiffukaw fuq oqsma fejn jiġu identifikati bżonnijiet ewlenin. Assistenza teknika tista' tinkludi l-istabbiliment ta’ persunal rappreżentattiv u ta’ sostenn residenti biex jagħti pariri lill-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm.

Il-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jsir pubbliku, inklużi l-objettivi tiegħu u d-distribuzzjoni mistennija tal-isforz ta' aġġustament.

Il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern għandha tkun annessa mal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

9.   Stat Membru li jkun soġġett għall-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jwettaq awditjar komprensiv tal-finanzi pubbliċi tiegħu sabiex, inter alia, jwettaq valutazzjoni tar-raġunijiet li wasslu għall-bini ta' livelli eċċessivi ta' dejn kif ukoll biex isegwi kwalunkwe irregolarità possibbli.

10.   Il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

11.   Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu.

12.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal strumenti li jagħtu assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja, għal self li jsir għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jew għal kwalunkwe strument finanzjarju ġdid tal-MES li għaliha r-regoli tal-MES ma jipprovdux programm ta' aġġustament makroekonomiku.

Għal raġunijiet ta' informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-istrumenti ta' assistenza finanzjarja imsemmija fl-ewwel subparagrafu kkonċernati u għandha żżommha aġġornata biex tqis il-bidliet possibbli fil-politika ta' sostenn finanzjarju tal-MES.

Rigward dawk l-istrumenti, il-Kunsill,waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu, b'deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat, japprova r-rekwiżiti ta' politika ewlenin, li l-MES jew l-EFSF biħsiebu jinkludi fil-kundizzjonalità għas-sostenn finanzjarju tiegħu, sat-tali punt li l-kontenut ta' dawk il-miżuri jaqa' taħt il-kompetenza tal-Unjoni kif stipulat fit-Trattati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-memorandum ta' ftehim iffirmat mill-Kummissjoni f'isem il-MES jew l-EFSF ikun għal kollox konsistenti ma' din id-deċiżjoni tal-Kunsill.

Artikolu 8

Involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili

Meta jħejji l-abbozzi ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu, l-Istat Membru għandu jfittex l-opinjonijiet tas-sħab soċjali kif ukoll ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, bil-għan li jikkontribwixxi għat-tkattir ta' qbil dwar il-kontenut tiegħu.

Artikolu 9

Miżuri biex jissalvagwardjaw id-dħul mit-taxxi

Stat Membru għandu, fejn meħtieġ, jieħu miżuri f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b'koordinazzjoni mal-BĊE, u fejn ikun xieraq l-FMI, bil-għan li jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-kapaċità tal-ġbir tad-dħul u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi, bil-għan li jiżdied id-dħul fiskali tiegħu.

Artikolu 10

Konsistenza mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

1.   Meta Stat Membru huwa soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku u l-bidliet fih skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jkun eżenti milli jippreżenta programm ta' stabbiltà taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u għandu jintegra l-kontenut ta' tali programm ta' stabbilità fil-programm tiegħu ta' aġġustament makroekonomiku.

2.   Meta Stat Membru soġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku jkun is-suġġett ukoll ta' rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew ta' deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE għall-korrezzjoni ta’ defiċit eċċessiv:

(a)

huwa għandu jkun eżenti milli jippreżenta, kif adatt, ir-rapporti skont l-Artikolu 3(4a) u l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97;

(b)

il-miri baġitarji annwali f'kull programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu integrati fir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni li jagħti avviż, rispettivament taħt l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun suġġett għal deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-miżuri li jwasslu għal dawk il-miri fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom ikunu integrati fid-deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97;

(c)

fir-rigward tal-monitoraġġ previst fl-Artikolu 7(4) ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jiġi eżenti mill-monitoraġġ skont l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u l-monitoraġġ sottostanti għal kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 4(2) u l-Artikolu 6(2) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 11

Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011

Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku, ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 m'għandux japplika għal dak l-Istat Membri matul dak il-programm, ħlief għall-fatt li l-indikaturi fl-iskorbord stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għandhom jiġu integrati fil-monitoraġġ ta' dak il-programm.

Artikolu 12

Konsistenza mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku, huwa għandu jkun eżenti mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 matul dak il-programm.

Artikolu 13

Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 473/2013

Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku, ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 m'għandux japplika għal dak l-Istat Membru matul dak il-programm, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1 sa 5 u 13 sa 18 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 14

Sorveljanza wara l-programm

1.   Stat Membru għandu jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm minimu ta' 75 % tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn wieħed jew iżjed mill-Istati Membri l-oħra, mill-EFSM, mill-MES jew mill-EFSF ma tkunx tħallset lura. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jestendi t-tul tas-sorveljanza ta’ wara l-programm fil-każ ta' riskji persistenti għall-istabbiltà finanzjarja jew is-sostenibilità fiskali tal-Istat Membru kkonċernat. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jirrifjutaha fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

2.   Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru li jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm għandu jkun konformi mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament u għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq, b'koordinazzjoni mal-BĊE, missjonijiet regolari ta’ rieżami fl-Istat Membru taħt sorveljanza ta’ wara l-programm biex tivvaluta l-qagħda finanzjarja, ekonomika u fiskali tiegħu. Kull sitt xhur, hi għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, lill-KEF u lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, u għandha tivvaluta b'mod partikolari jekk jeħtiġux miżuri korrettivi.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jkun sar taħt is-sorveljanza ta’ wara l-programm.

4.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda lill-Istat Membru taħt sorveljanza ta’ wara l-programm biex jadotta miżuri korrettivi. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jirrifjutaha fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

5.   Il-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jista' jistieden lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex tipparteċipa fi skambju ta' fehmiet dwar il-monitoraġġ ta' wara l-programm.

Artikolu 15

Votazzjoni fil-Kunsill

Għall-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament, għandhom jivvotaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.

Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 238(3)(a) TFUE.

Artikolu 16

Applikazzjoni lil Stati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja

L-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja fi 30 ta' Mejju 2013 għandhom ikunu suġġetti għal dan ir-Regolament minn dik id-data.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Minkejja l-Artikolu 14, l-Istati Membri li jkunu taħt sorveljanza ta' wara l-programm fi 30 ta' Mejju 2013, għandhom ikun suġġetti għar-regoli, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta' sorveljanza ta' wara l-programm applikabbli għall-assistenza finanzjarja li minnha qed jibbenefikaw.

Artikolu 18

Tagħrif lill-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jista' jistieden rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal djalogu dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Rapporti

Sal-1 ta’ Jannar 2014, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma', jekk ikun xieraq, proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak ir-rapport pubbliku.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:

(a)

l-effikaċja ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri skont it-TFUE;

(c)

il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 141, 17.5.2012, p. 7.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2013.

(3)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(5)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(6)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(8)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(9)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(10)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(11)  Ara paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.