16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 235/2013

tal-15 ta’ Marzu 2013

li jiffissa l-valuri standard li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-kumpens finanzjarju u l-ħlas bil-quddiem li għandu x’jaqsam miegħu fir-rigward tal-prodotti tas-sajd irtirati mis-suq tul is-sena tas-sajd 2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(5) u (8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 jipprovdi biex jitħallas kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirtiraw taħt ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament. L-ammont ta’ kumpens finanzjarju bħal dan għandu jkun imnaqqas bil-valuri standard fil-każ tal-prodotti maħsuba għal skopijiet għajr dak tal-konsum mill-bniedem.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2493/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-eliminazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd li jkunu ġew irtirati mis-suq (2) jispeċifika l-modi ta’ kif wieħed jista’ jelimina l-prodotti rtirati mis-suq. Il-valur ta’ dawn il-prodotti għandu jkun iffissat fuq livell standard għal kull wieħed minn dawn il-modi ta’ rimi, billi jitqies id-dħul medju li jista’ jinkiseb minn dan ir-rimi fl-Istati Membri varji.

(3)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2509/2000 tal-15 ta’ Novembru 2000 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-għoti ta’ kumpens finanzjarju għall-irtirar ta’ ċerti prodotti tas-sajd (3), regoli speċjali jipprovdu li, meta organizzazzjoni tal-produtturi, jew wieħed mill-membri tagħha, tqiegħed/iqiegħed il-prodotti tagħha/tiegħu għall-bejgħ fi Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż li fih tkun/ikun rikonoxxut(a), dak il-korp responsabbli għall-għoti tal-kumpens finanzjarju jrid ikun infurmat. Dan il-korp huwa dak fl-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun rikonoxxuta. Il-valur standard li għandu jitnaqqas għandu għalhekk ikun il-valur applikat f’dak l-Istat Membru.

(4)

L-istess metodu ta’ kalkolu għandu jkun applikat għall-ħlasijiet bil-quddiem fuq kumpens finanzjarju kif ipprovdut fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2509/2000.

(5)

Sabiex ma tkunx imxekkla l-operazzjoni tas-sistema ta’ intervent fis-sena 2013, dan ir-Regolament għandu japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2013.

(6)

Il-miżuri li għalihom hemm provvediment f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf mir-Regolament (KE) Nru 104/2000.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għas-sena tas-sajd 2013, il-valuri standard li jridu jintużaw biex jiġi kkalkulat il-kumpens finanzjarju u l-ħlasijiet bil-quddiem marbuta miegħu fuq il-prodotti tas-sajd irtirati mis-suq minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u maħsuba għal skopijiet għajr dak tal-konsum mill-bniedem, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 huma stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-valur standard li jrid jitnaqqas mill-kumpens finanzjarju u l-ħlasijiet bil-quddiem marbuta miegħu għandu jkun dak applikat fl-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun rikonoxxuta.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

(2)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 20.

(3)  ĠU L 289, 16.11.2000, p. 11.


ANNESS

Valuri standard

L-użu ta’ prodotti rtirati mis-suq

EUR/tunnellata

1.   

Użu wara l-ipproċessar fi tħin (għalf tal-annimali):

(a)

Aringi tal-ispeċi Clupea harengus u kavalli tal-ispeċi Scomber scombrus u Scomber japonicus:

 

id-Danimarka u l-Isvezja,

50

ir-Renju Unit,

50

Stati Membri oħra,

15

Franza.

2

(b)

Gambli tal-ispeċi Crangon crangon u gambli tal-fond (Pandalus borealis)

 

id-Danimarka u l-Isvezja,

0

Stati Membri oħra.

10

(c)

Prodotti oħrajn:

 

id-Danimarka,

40

l-Isvezja, il-Portugall u l-Irlanda,

15

ir-Renju Unit,

15

Stati Membri oħra.

1

2.   

Użu frisk jew ippriservat (għalf għall-annimali)

(a)

Sardin tal-ispeċi Sardina pilchardus u inċovi (Engraulis spp.):

 

l-Istati Membri kollha.

5

(b)

Prodotti oħrajn:

 

l-Isvezja,

0

Franza,

20

Stati Membri oħra.

30

3.   

Użu bħala lixka

Franza,

55

Stati Membri oħra.

15

4.

Użu għal skopijiet oħra għajr għall-għalf għall-annimali

0