9.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/1


REGOLAMENT (UE) Nru 98/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2013

dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ċerti sustanzi u taħlitiet, magħrufin bħala prekursuri tal-isplussivi, jistgħu jintużaw b’mod skorrett għall-manifattura illeċita ta’ splussivi. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-Titjib tas-Sigurtà tal-Isplussivi, adottat mill-Kunsill fit-18 ta’ April 2008, appella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kumitat permanenti dwar il-prekursuri sabiex jikkunsidra l-miżuri u jħejji rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal- prekursuri tal-isplussivi disponibbli fis-suq, b’kunsiderazzjoni tal-effetti tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom.

(2)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri, stabbilit mill-Kummissjoni fl-2008, identifika diversi prekursuri tal-isplussivi li jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu attakki terroristiċi u rrakkomanda li tittieħed azzjoni adatta fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Xi Stati Membri diġà adottaw liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-pussess ta’ ċerti prekursuri tal-isplussivi.

(4)

Dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma diverġenti u li probabbilment jikkawżaw ostakli għall-kummerċ fl-Unjoni, għandhom jiġu armonizzati sabiex itejbu l-moviment ħieles ta’ sustanzi u taħlitiet kimiċi fis-suq intern u, kemm jista’ jkun, sabiex jitneħħew l-ostakoli fil-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas- sigurtà tal-pubbliku ġenerali. Ġew stabbiliti wkoll regoli oħrajn relatati ma’ ċerti sustanzi koperti minn dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tas-sigurtà tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent; dawk ir-regoli oħrajn mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament.

(5)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ uniformità għall-operaturi ekonomiċi, regolament huwa l-aktar strument legali adatt sabiex jiġu rregolati t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prekursuri tal-isplussivi.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (3) jipprevedi li s-sustanzi u t-taħlitiet klassifikati bħala perikolużi għandhom jiġu tikkettati b’mod korrett qabel jitqiegħdu fis-suq. Barra minn hekk, dan jipprevedi li l-operaturi ekonomiċi inklużi l-bejjiegħa bl-imnut għandhom jew jikklassifikaw u jittikkettaw dawn is-sustanzi jew jiddipendu fuq il-klassifika magħmula minn attur li jinsab ‘il fuq fil-katina tal-provvista. Għalhekk, huwa opportun li f’dan ir-Regolament jiġi previst li l-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi l-bejjiegħa bl-imnut, li jqiegħdu sustanzi li huma ristretti taħt dan ir-Regolament għad-dispożizzjoni ta’ membri tal-pubbliku ġenerali, jiżguraw li l-imballaġġ jindika li l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ dik is-sustanza jew taħlita minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal restrizzjoni.

(7)

Sabiex jiksbu, fil-livell nazzjonali, protezzjoni kontra l-użu illeċitu ta’ preskursuri tal-isplussivi li hija simili jew akbar għal dik prevista minn dan ir-Regolament fil-livell tal-Unjoni, xi Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ miżuri leġislattivi għal xi sustanzi suxxettibbli għal użu illeċitu. Xi wħud minn dawk is-sustanzi huma diġà elenkati f’ dan ir-Regolament filwaqt li xi oħrajn jistgħu jiġu ristretti fil-livell tal-Unjoni fil-futur. Minħabba li t-tnaqqis tal-protezzjoni permezz ta’ miżuri fil-livell tal-Unjoni jmur kontra l-miri ta’ dan ir-Regolament, huwa opportun li jiġi pprovdut mekkaniżmu li permezz tiegħu dawn il-miżuri nazzjonali jistgħu jibqgħu fis-seħħ (klawżola ta’ salvagwardja).

(8)

Il-manifattura illeċita ta’ splussivi għandha ssir aktar diffiċli bl-istabbiliment ta’ valuri limitu ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jistgħu jitqiesu bħala prekursuri ta’ splussivi. Taħt dawk il-valuri limitu, iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dawk il-prekursuri tal-isplussivi hija żgurata soġġetta għal mekkaniżmu ta’ salvagwardja; meta jinqabżu dawk il-valuri limitu, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal dawk il-prekursuri tal-isplussivi għandu jkun ristrett.

(9)

Il-membri tal-pubbliku ġenerali għalhekk m’għandhomx ikunu jistgħu jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw dawk il-prekursuri tal-isplussivi f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valuri limitu. Madankollu, huwa opportun li jsir provvediment sabiex il-membri tal-pubbliku ġenerali jkunu jistgħu jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw tali prekursuri ta’ splussivi għal finijiet leċiti biss.

(10)

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li xi Stati Membri diġà għandhom sistemi ta’ reġistrazzjoni stabbiliti sew, li jintużaw biex jiġi kkontrollat it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ xi wħud mis-sustanzi jew tas-sustanzi kollha ristretti b’dan ir-Regolament li m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali, huwa opportun li tiġi prevista f’dan ir-Regolament sistema ta’ reġistrazzjoni applikabbli għal xi wħud minn dawk s-sustanzi jew għal dawk is-sustanzi kollha.

(11)

Il-perossidu tal-idroġenu, in-nitrometan u l-aċidu nitriku jintużaw b’mod estensiv għal finijiet leċiti mill-membri tal-pubbliku ġenerali. Għandu għalhekk ikun possibbli għall-Istati Membri li jagħtu aċċess għal dawk is-sustanzi fi ħdan medda speċifika ta’ konċentrazzjonijiet billi japplikaw sistema ta’ reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament minflok sistema ta’ liċenzjar.

(12)

Minħabba s-suġġett speċifiku ħafna tiegħu, l-għan ta’ dan ir-Regolament jista’ jinkiseb filwaqt li, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, tkun permessa għall-Istati Membri l-flessibbiltà li jagħżlu jekk jagħtux aċċess limitat skont dan ir-Regolament.

(13)

Sabiex jinkisbu aktar l-objettivi leġittimi ta’ sigurtà pubblika waqt li jibqa’ jiġi żgurat l-inqas tfixkil għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa opportun li tiġi prevista sistema ta’ liċenzjar li taħtha persuna li tkun akkwistat sustanza ristretta minn dan ir-Regolament li m’għandiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali, jew taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza, f’konċentrazzjoni li taqbeż il-valur limitu tkun tista’ tintroduċiha minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz fi Stat Membru li jippermetti aċċess għal dik is-sustanza skont kwalunkwe waħda mis-sistemi previsti f’dan ir-Regolament.

(14)

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet rigward l-introduzzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi, l-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li jiġbdu l-attenzjoni tal-vjaġġaturi internazzjonali għar-restrizzjonijiet applikabbli għall-introduzzjoni ta’ sustanzi ristretti minn dan ir-Regolament li m’għandomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri huma mħeġġa wkoll li jiżguraw li l-pubbliku ġenerali jsir konxju li dawk restrizzjonijiet japplikaw ukoll għal konsenji żgħar lil persuni privati u għal konsenji li jkunu ordnati mill-bogħod minn konsumaturi finali.

(15)

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-industrija, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), tista’ tkun mezz siewi biex tiġi ffaċilitata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’kont meħud tal-importanza li kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-SMEs.

(16)

Ladarba jkun sproporzjonat li jiġi pprojbit l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi f’attivitajiet professjonali, ir-restrizzjonijiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi għandhom japplikaw biss għall-pubbliku ġenerali. Madankollu, bil-ħsieb tal-miri ġenerali ta’ dan ir-Regolament, huwa opportun li jiġi previst mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ li jkopri kemm l-utenti professjonali fil-katina tal-provvista kollha kif ukoll il-membri tal-pubbliku ġenerali involuti fi transazzjonijiet li, minħabba n-natura jew l-iskala tagħhom, għandhom jitqiesu suspettużi. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi.

(17)

Diversi transazzjonijiet fir-rigward ta’ prekursuri tal-isplussivi jistgħu jitqiesu bħala suspettużi u għalhekk suxxettibli għar-rappurtaġġ.Dan ikun il-każ, pereżempju, fejn il-klijent prospettiv (professjonali jew mhux professjonali) jidher mhux ċar dwar l-użu maħsub, jidher mhux familjari mal-użu maħsub jew ma jistax jispjegah b’mod plawżibbli, biħsiebu jixtri kwantitajiet insoliti, konċentrazzjonijiet insoliti jew kombinazzjonijiet insoliti ta’ sustanzi, ma jridx jipprovdi prova ta’ identità jew post ta’ residenza, jew jinsisti li juża metodi insoliti ta’ pagament inklużi ammonti kbar ta’ flus kontanti. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw tali transazzjoni.

(18)

Fid-dawl tal-miri ġenerali ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa li jinfurmaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali rilevanti bi kwalunkwe rifjut ta’ applikazzjoni għal liċenzja fejn ir-rifjut ikun ibbażat fuq motivazzjonijet raġonevoli biex tiġi ddubitata l-liċeità tal-użu intiż jew l-intenzjonijiet tal-utent. Bl-istess mod, l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa li jinfurmaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali bis-sospensjoni jew revoka ta’ liċenzja.

(19)

Sabiex l-użu illeċitu possibbli ta’ prekursuri tal-isplussivi jkun impedut u jiġi skopert, huwa kunsiljabbli li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali jżommu rekords ta’ transazzjonijiet suspettużi rrapportati, u li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinvestigaw iċ-ċirkostanzi konkreti, inkluża l-ġenwinità tal-attività ekonomika rilevanti eżerċitata minn utent professjonali involut fi transazzjoni suspettuża.

(20)

Fejn ikun fattibbli, għandhom jiġu stabbiliti valuri limitu ta’ konċentrazzjoni, li meta jinqabżu l-aċċess għal ċerti prekursuri tal-isplussivi jiġi ristrett, filwaqt li jkun għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi biss li jsir provvediment fir-rigward ta’ ċerti prekursuri oħrajn. Il-kriterji biex ikun determinat liema miżuri għandhom japplikaw għal liema sustanzi jinkludu l-livell ta’ theddida assoċjat mal-preskursur tal-isplussivi kkonċernat, il-volum ta’ kummerċ fil-prekursur tal-isplussivi kkonċernat, u l-possibbiltà li jiġi stabbilit livell ta’ konċentrazzjoni li taħtu l-prekursur jista’ xorta waħda jintuża għall-finijiet leċiti li għalihom huwa jitqiegħed għad-dispożizzjoni. Dawk il-kriterji għandhom ikomplu jiggwidaw aktar l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fir-rigward tal-prekursuri attwalment mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Il-valuri limitu tal-konċentrazzjoni fuq il-hexamine f’pilloli tal-karburant teknikament mhumiex fattibbli. Barra minn hekk, hemm ħafna użi leċiti tal-aċidu sulfuriku, l-aċeton, in-nitrat tal-potassju, in-nitrat tas-sodju, in-nitrat tal-kalċju u n-nitrat tal-ammonju tal-kalċju. Regolament fil-livell tal-Unjoni li jirrestrinġi l-bejgħ lill-pubbliku ġenerali ta’ dawk is-sustanzi jirriżulta fi spejjeż amministrattivi u spejjeż ta’ konformità li jkunu sproporzjonatament għoljin għall-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji. Madankollu, fid-dawl tal-miri ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jiffaċilitaw ir-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużifir-rigward ta’ pilloli tal-karburant tal-hexamine u fir-rigward ta’ dawk il-prekursuri l-oħra li għalihom m’hemmx alternattivi adegwati u siguri.

(22)

Is-serq tal-prekursuri tal-isplussivi huwa mezz biex jinkisbu l-materjali bażilari għall-manifattura illeċita tal-isplussivi. Għalhekk, huwa opportun li jiġi previst rappurtaġġ ta’ serq sinifikanti u għajbien ta’ sustanzi soġġetti għal miżuri taħt dan ir-Regolament. Sabiex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-awturi u sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn ikunu mwissija dwar theddidiet possibbli, il-punti nazzjonali ta’ kuntatt huma mħeġġa, fejn opportun, li jużaw is-sistema tal-Europol ta’ twissija bikrija.

(23)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(24)

Permezz tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (4) il-provvista lill-membri tal-pubbliku ġenerali tan-nitrat tal-ammonju li jista’ faċilment jintuża b’mod skorrett bħala prekursur ta’ splussiv hijaa pprojbita. Madankollu, il-provvista tan-nitrat tal-ammonju lil ċerti utenti professjonali, partikolarment il-bdiewa, hija permessa. Dik il-provvista għandha, għaldaqstant, tkun soġġetta għall-mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ għat-transazzjonijiet suspettużi stabbilit minn dan ir-Regolament, minħabba li m’hemmx rekwiżit ekwivalenti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(25)

Dan ir-Regolament jirrikjedi l-ipproċessar ta’ data personali u l-iżvelar ulterjuri tagħha lil persuni terzi f’każ ta’ transazzjonijiet suspettużi. Dak l-ipproċessar u dak l-iżvelar jimplikaw interferenza serja fid-drittijiet fundamenti għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5) tirregola l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandu jiġi żgurat li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ta’ individwi li d-data personali tagħhom hija pproċessata fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun debitament protetta. B’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li jirriżulta mill-liċenzjar, mir-reġistrazzjoni ta’ transazzjoniijiet u mir-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi għandu jsir b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE, inklużi l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data tal-minimizzazzjoni tad-data, tal-limitazzjoni tal-iskop, tal-proporzjonalità u n-neċessità u r-rekwiżit li jintwera rispett dovut għad-drittijiet tas-suġġett tad-data għal aċċess, rettifika u tħassir.

(26)

L-għażla ta’ sustanzi użati minn terroristi u kriminali oħra sabiex jagħmlu illeċitament l-isplussivi jistgħu jinbidlu malajr. Għandu għalhekk ikun possibbli li jiddaħħlu sustanzi addizzjonali taħt ir-reġim previst minn dan ir-Regolament, fejn ikun meħtieġ b’urġenza.

(27)

Sabiex jiġu indirizzati l-iżviluppi fl-użu skorrett ta’ sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi, u sakemm issir konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati rilevanti sabiex jittieħed kont tal-impatt potenzjalment sinifikanti fuq l-operaturi ekonomiċi, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex temenda l-valuri limitu ta’ konċentrazzjoni sabiex fejn dawn jinqabżu m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali ċerti sustanzi ristretti taħt dan ir-Regolament, u sabiex tistabbilixxi lista ta’ sustanzi addizzjonali li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rappurtati transazzjonijiet suspettużi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma preparatorja tagħha, inklużi dawk fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adegwata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt reviżjoni kostanti l-lista ta’ sustanzi li m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali jekk jeċċedu ċerti valuri limitu ta’ konċentrazzjoni, u l-lista ta’ sustanzi li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rappurtati transazzjonijiet suspettużi. Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun ġustifikat, tħejji proposti leġislattivi, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja, sabiex iżżid jew tħassar entrati mil-lista tal-ewwel, jew tħassar entrati mil-lista tal-aħħar, sabiex tindirizza l-iżviluppi fl-użu skorrett ta’ sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi.

(29)

Sabiex jiġu indirizzati s-sustanzi li ma jkunux diġà ristretti minn dan ir-Regolament iżda li fir-rigward tagħhom Stat Membru jiskopri raġunijiet aċċettabbli biex wieħed jemmen li dawn jistgħu jintużaw għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, għandha tiġi introdotta klawżola ta’ salvagwardja li tipprevedi proċedura adegwata tal-Unjoni.

(30)

Addizzjonalment, fid-dawl tar-riskji speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati minn dan ir-Regolament, huwa opportun li jkun permess li l-Istati Membri, f’ċerti ċirkostanzi, jadottaw miżuri ta’ salvagwardja, ukoll fir-rigward ta’ sustanzi li jkunu diġà soġġetti għal miżuri taħt dan ir-Regolament.

(31)

Fid-dawl tar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, ma jkunx korrett li dawn il-miżuri ġodda ta’ salvagwardja jsiru soġġetti għar-reġim stabbilit fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (6) irrispettivament minn jekk dawn jirriferux għal sustanzi li jkunu diġà soġġetti għal miżuri taħt dan ir-Regolament jew għal sustanzi mhux hekk ristretti.

(32)

Fid-dawl tal-miri ta’ dan ir-Regolament u l-impatt li jista’ jkollu fuq is-sigurtà taċ-ċittadini u fuq is-suq intern, il-Kummissjoni għandha, abbażi tad-diskussjonijiet kontinwi fil-Kumitat Permanenti dwar il-Preskursuri, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina kwalunkwe problema li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kemm ikun kunsiljabbli u fattibbli li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kemm fir-rigward tal-kopertura ta’ utenti professjonali kif ukoll fir-rigward tal-inklużjoni fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtaġġ tat-transazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq ta’ sustanzi li, għalkemm mhux soġġetti għal miżuri taħt dan ir-Regolament, huma identifikati bħala li ntużaw għall-manifattura illeċita ta’ splussivi (prekursuri tal-isplussivi mhux skedati). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, waqt li tieħu kont tal-esperjenzi rilevanti miksubin mill-Istati Membri u waqt li tqis l-ispejjeż u l-benefiċċji, tippreżenta rapport li jeżamina kemm ikunu kunsiljabbli u fattibbli aktar tisħiħ u armonizzazzjoni tas-sistema fid-dawl tat-theddida għas-sigurtà pubblika. Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-possibbiltajiet ta’ trasferiment tad-dispożizzjonijiet dwar in-nitrat tal-ammonju mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għal dan ir-Regolament.

(33)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ limitu fuq l-aċċess lill-pubbliku ġenerali għal prekursuri tal-isplussivi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-limitazzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(34)

B’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (7), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppreżenta opinjoni (8).

(35)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għall-proprjetà u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri b’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati skorrettament għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, sabiex jillimitaw id-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u li jiżguraw rappurtaġġ adegwat ta’ transazzjonijiet suspettużi fil-katina tal-provvista kollha.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn aktar stretti tal-liġi tal-Unjoni li jikkonċernaw is-sustanzi elenkati fl-Annessi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għas-sustanzi elenkati fl-Annessi u għal taħlitiet u sustanzi li fihom dawn is-sustanzi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

oġġetti kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b)

oġġetti pirotekniċi kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (9), oġġetti pirotekniċi maħsuba għall-użu mhux kummerċjali, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mid-dipartiment tat-tifi tan-nar, tagħmir pirotekniku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (10), oġġetti pirotekniċi maħsuba għall-użu fl-industrija ajruspazjali, jew kapsijiet tal-perkussjoni maħsuba għall-ġugarelli;

(c)

prodotti mediċinali imqiegħda b’mod leċitu għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali abbażi ta’ preskrizzjoni medika skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sustanza” tfisser sustanza fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(2)

“taħlita” tfisser taħlita fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(3)

“oġġett” tfisser oġġett fis-sens tal-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(4)

“tqegħid għad-dispożizzjoni” tfisser kwalunkwe provvista, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(5)

“introduzzjoni” tfisser l-att li bih tinġieb sustanza fit-territorju ta’ Stat Membru kemm jekk minn Stat Membru ieħor kif ukoll jekk minn pajjiż terz;

(6)

“użu” tfisser kwalunkwe pproċessar, formulazzjoni, ħażna, trattament jew taħlit, inkluż fil-produzzjoni ta’ xi oġġett, jew kwalunkwe użu ieħor;

(7)

“membru tal-pubbliku ġenerali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet mhux konnessi man-negozju, kummerċ jew professjoni tiegħu;

(8)

“transazzjoni suspettuża” tfisser kwalunkwe transazzjoni li tikkonċerna s-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew taħlitiet jew sustanzi li fihom dawn is-sustanzi, inklużi transazzjonijiet li jinvolvu utenti professjonali, fejn ikun hemm raġunijiet tajbin għas-suspett li s-sustanza jew taħlita tkun maħsuba għall-manifattura illeċita tal-isplussivi;

(9)

“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ dawn il-persuni u/jew entitajiet li jipprovdu prodotti jew servizzi fis-suq;

(10)

“prekursur tal-isplussivi ristrett” tfisser sustanza elenkata fl-Anness I, f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu stabbilit fih u tinkludi taħlita jew sustanza oħra li fiha tkun preżenti tali sustanza elenkata f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu korrispondenti.

Artikolu 4

Tqegħid għad-dispożizzjoni, introduzzjoni, pussess u użu

1.   Il-prekursuri tal-isplussivi ristretti m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, pposseduti jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jżomm jew jistabbilixxi reġim ta’ reġistrazzjoni li jippermetti li prekursuri tal-isplussivi ristretti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew ikunu pposseduti u użati minn membri tal-pubbliku ġenerali, sakemm il-membru tal-pubbliku ġenerali jikseb, u, jekk jintalab, jippreżenta liċenzja għall-akkwist, pussess jew użu tagħhom, maħruġa skont l-Artikolu 7 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett ser jiġi akkwistat, possedut jew użat.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jista’ jżomm jew jistabbilixxi reġim ta’ reġistrazzjoni li jippermetti li l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li ġejjin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew ikunu pposseduti jew użati minn membri tal-pubbliku ġenerali, jekk l-operatur ekonomiku li jqiegħdhom għad-dispożizzjoni jirreġistra kull transazzjoni f’konformità mal-arranġament dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 8:

(a)

perossidu tal-idroġenu (CAS RN 7722-84-1) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 35 % w/w;

(b)

nitrometan (CAS RN 75-52-5) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 40 % w/w;

(c)

aċidu nitriku (CAS RN 7697-37-2) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 10 % w/w.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li jieħdu sabiex jimplimentaw kwalunkwe wieħed mir-reġimi previsti fil-paragrafi 2 u 3. In-notifika għandha tindika l-prekursuri tal-isplussivi ristretti kollha li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru jipprovdi għal eċċezzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli lista ta’ miżuri nnotifikati mill-Istati Membri skont il-paragrafu 4.

6.   Fejn membru tal-pubbliku ġenerali jkollu l-intenzjoni li jintroduċi prekursur tal-isplussivi ristrett fit-territorju ta’ Stat Membru li dderoga mill-paragrafu 1 bl-applikazzjoni ta’ reġim ta’ liċenzjar skont il-paragrafu 2 u/jew reġim ta’ reġistrazzjoni skont il-paragrafu 3 jew l-Artikolu 17, dik il-persuna għandha tikseb, u, jekk tintalab, tippreżenta lill-awtorità kompetenti liċenzja maħruġa skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 u li tkun valida f’dak l-Istat Membru.

7.   Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-disposizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali skont il-paragrafu 2a għandu, għal kull transazzjoni, ikun meħtieġ li jippreżenta liċenzja jew, jekk dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni skont il-paragrafu 3, iżomm rekord tat-transazzjoni, f’konformità mar-reġim stabbilit mill-Istat Membru fejn il-prekursur tal-isplussivi ristrett jitqiegħed għad-dispożizzjoni.

Artikolu 5

Tikkettar

Operatur ekonomiku li jkollu l-intenzjoni li jqiegħed prekursuri tal-isplussivi ristretti għad-disposizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali, għandu jiżgura, jew billi jwaħħal tikketta adatta jew billi jivverifika li twaħħlet tikketta adatta, li l-imballaġġ jindika b’mod ċar li l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett minn membri tal-pubbliku ġenerali jkun soġġett għal restrizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), (2) u (3).

Artikolu 6

Moviment liberu

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u għall-Artikolu 13, u sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew f’atti legali oħrajn tal-Unjoni, l-Istati Membri m’għandhomx, abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-prevenzjoni tal-manifattura illeċita tal-isplussivi, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’:

(a)

is-sustanzi elenkati fl-Anness I f’konċentrazzjonijiet li ma jeċċedux il-valuri limitu stabbiliti fih; jew

(b)

is-sustanzi elenkati fl-Anness II.

Artikolu 7

Liċenzji

1.   Kull Stat Membru li joħroġ liċenzji lil membri tal-pubbliku ġenerali b’interess leġittimu li jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw prekursuri tal-isplussivi ristretti għandu jistabbilixxi regoli għall-għoti tal-liċenzja kif previst fl-Artikolu 4(2) u (6). Meta tqis jekk tagħtix liċenzja jew le, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, il-liċeità tal-użu maħsub tas-sustanza. Il-liċenzja għandha tiġi rifjutata jekk ikun hemm raġunijiet aċċettabbli sabiex wieħed jiddubita l-liċeità tal-użu maħsub jew l-intenzjonijiet tal-utent biex jużaha għal skop leċitu.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħżel kif tillimita l-validità tal-liċenzja, billi tippermetti l-użu uniku jew multiplu għal perjodu li ma jaqbiżx tliet snin. L-awtorità kompetenti tista’ tobbliga lid-detentur tal-liċenzja biex juri, sal-iskadenza indikata tal-liċenzja, li l-kondizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja għadhom sodisfatti. Il-liċenzja għandha ssemmi l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li fir-rigward tagħhom hija tinħareġ.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-applikanti jħallsu miżata mal-applikazzjoni għal liċenzja. Tali miżata m’għandhiex teċċedi l-ispiża tal-ipproċessar tal-applikazzjoni.

4.   Il-liċenzja tista’ tiġi sospiża jew revokata mill-awtorità kompetenti kull fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-kondizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja m’għadhomx sodisfatti.

5.   L-appelli kontra kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, u disputi li jikkonċernaw il-konformità mal-kondizzjonijiet tal-liċenzji, għandhom jinstemgħu minn entità adatta li tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Il-liċenzji mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu rikonoxxuti fi Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta' Settembru 2014, tfassal linji gwida, wara li tikkonsulta l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri, dwar id-dettalji tekniċi tal-liċenzji sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar liema data għandha tiġi inkluża fil-liċenzji li jkunu validi għall-introduzzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti, inkluż abbozz ta’ format għal dawn il-liċenzji.

Artikolu 8

Reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 4(3), membri tal-pubbliku ġenerali għandhom jidentifikaw rwieħhom permezz ta’ dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni.

2.   Ir-reġistru għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, indirizz u, fejn applikabbli, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-membru tal-pubbliku ġenerali jew it-tip u n-numru tad-dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni tiegħu;

(b)

l-isem tas-sustanza jew tat-taħlita, inkluża l- konċentrazzjoni tagħha;

(c)

l-ammont tas-sustanza jew tat-taħlita;

(d)

l-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita kif iddikjarat mill-membru tal-pubbliku ġenerali;

(e)

id-data u l-post tat-transazzjoni;

(f)

il-firma tal-membru tal-pubbliku ġenerali.

3.   Ir-reġistru għandu jinżamm għal ħames snin mid-data tat-transazzjoni. Matul dak il-perjodu, ir-reġistru għandu jsir disponibbli għall-ispezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti.

4.   Ir-reġistru għandu jinżamm fuq il-karta jew fuq mezz durevoli ieħor u għandu jkun disponibbli għall-ispezzjoni fi kwalunkwe waqt matul il-perijodu kollu previst fil-paragrafu 3. Kwalunkwe data ppreżervata elettronikament għandha:

(a)

taqbel mal-format u l-kontenut tad-dokumenti korrispondenti fuq il-karta, u

(b)

tkun immedjatament disponibbli fi kwalunkwe waqt matul il-perijodu kollu previst fil-paragrafu 3.

Artikolu 9

Rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq

1.   Transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu s-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew li jinvolvu taħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi, għandhom jiġu rrappurtati immedjatament skont dan l-Artikolu.

2.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt ta’ kuntatt nazzjonali wieħed jew aktar b’numru tat-telefon u indirizz elettroniku identifikati b’mod ċar għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi.

3.   L-operaturi ekonomiċi jistgħu jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw it-transazzjoni suspettuża u għandhom jirrappurtaw, mingħajr dewmien żejjed, it-transazzjoni jew it-tentattiv ta’ transazzjoni, inkluża jekk possibbli l-identità tal-klijent, lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun ġiet konkluża jew tentata t-transazzjoni fil-każ li huma jkollhom raġunijiet aċċettabbli biex jemmnu li transazzjoni proposta li tinvolvi wieħed jew iktar minn wieħed mis-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew t li tinvolvi aħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi, hija transazzjoni suspettuża, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha u b’mod partikolari fejn il-klijent prospettiv:

(a)

jidher mhux ċar dwar l-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita;

(b)

jidher mhux familjari mal-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita jew ma jistax jispjegah b’mod plawżibbli;

(c)

biħsiebu jixtri kwantitajiet, kombinazzjonijiet jew konċentrazzjonijiet li huma insoliti għall-użu privat;

(d)

ma jridx jipprovdi prova ta’ identità jew post ta’ residenza; jew

(e)

jinsisti li juża metodi insoliti ta’ pagament, inklużi ammonti kbar ta’ flus.

4.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jirrappurtaw ukoll għajbien u serq sinifikanti tas-sustanzi elenkati fl-Annessi u ta’ taħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn sar l-għajbien jew is-serq.

5.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri, tfassal, sat-2 ta' Settembru 2014, linji gwida biex jassistu l-katina tal-provvista kimika u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet komptenti. Il-linji gwida għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu:

(a)

informazzjoni dwar kif tirrikonoxxi u tirrapporta transazzjonijiet suspettużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet u/jew kwantitajiet ta’ sustanzi elenkati fl-Anness II li normalment taħthom ma tkunx meħtieġa azzjoni;

(b)

informazzjoni dwar kif tirrikonoxxi u tirrapporta għajbien u serq sinifikanti;

(c)

informazzjoni oħra li tista’ tiġi kkunsidrata meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-linji gwida regolarment.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-linji gwida previsti fil-paragrafu 5 jkunu disseminati regolarment b’mod li jkun meqjus bħala adegwat mill-awtoritajiet kompetenti skont l-għanijiet tal-linji gwida.

Artikolu 10

Protezzjoni ta’ data

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jikkonformamad-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali meħtieġa fir-rigward ta’ liċenzjar taħt l-Artikolu 4(2) u (6) u l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jew għar-reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 8 u 17 ta’ dan ir-Regolament, u r-rappurtar ta’ transazzjonijiet suspettużi taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 11

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 12

Emendament tal-Annessi

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14 dwar il-bidliet tal-valuri limitu fl-Anness I sa fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fl-użu skorrett tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi, jew abbażi tar-riċerka u l-ittestjar, kif ukoll dwar iż-żieda ta’ sustanzi mal-Anness II, fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fl-użu skorrett tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi. Il-Kummissjoni għandha, bħala parti mit-tħejjija ta’ atti ddelegati, tagħmel ħilitha biex tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari l-industrija kimika u s-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Fejn, fil-każ ta’ tibdil f’daqqa fl-istima tar-riskji sa fejn huwa kkonċernat l-użu skorrett ta’ sustanzi għall-iskop tal-manifattura illeċita ta’ splussivi, ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 15 għandha tapplika għall-atti ddelegati adottati skont dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat separat fir-rigward ta’ kull bidla tal-valuri limiti fl-Anness I u kull sustanza ġdida li tiżdied fl-Anness II. Kull att iddelegat għandu jkun ibbażat fuq analiżi li turi li l-emenda x’aktarx ma twassalx għal piż sproporzjonat fuq operaturi ekonomiċi jew konsumaturi, b’kont debitament meħud tal-objettivi li għandhom jintlaħqu.

Artikolu 13

Klawżola ta’ salvagwardja

1.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet biex jemmen li sustanza speċifika mhux elenkata fl-Annessi tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza, jew ta’ kwalunkwe taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza, jew jista’ jipprovdi li s-sustanza tkun soġġetta għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi f’konformità mal-Artikolu 9.

2.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet aċċettabbli biex jemmen li sustanza speċifika mhux elenkata fl-Anness I tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, f’konċentrazzjoni aktar baxxa mill-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi aktar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi valur limitu ta’ konċentrazzjoni li jkun aktar baxx.

3.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet aċċettabbli biex jistabbilixxi valur limitu ta’ konċentrazzjoni li meta jinqabeż minn sustanza elenkata fl-Anness II, din għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet li japplikaw għal prekursuri tal-isplussivi ristretti, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi konċentrazzjoni permessa massima.

4.   Stat Membru li jirrestrinġi jew jipprojbixxi sustanzi f’konformità mal-paragrafu 1, 2 jew 3 għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’dan, u jagħti r-raġunijiet tiegħu għal dan.

5.   Fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha teżamina minnufih jekk tħejjijx emendi għall-Annessi f’konformità mal-Artikolu 12(1) jew jekk tħejjijx proposta leġislattiva biex jiġu emendati l-Annessi. L-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn ikun il-każ, jemenda jew iħassar il-miżuri nazzjonali tiegħu sabiex jieħu kont ta’ kwalunkwe emenda bħal din fl-Annessi.

6.   Sat-2 ta' Ġunju 2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura nazzjonali eżistenti sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanza jew ta’ kwalunkwe taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza fuq il-bażi li din tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Marzu 2013 Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Proċedura ta’ urġenza

1.   L-atti ddelegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att iddelegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(5). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att mingħajr dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 16

Dispożizzjoni transizzjonali

Il-pussess u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti għandhom ikunu permessi sat-2 ta' Marzu 2016

Artikolu 17

Reġimi eżistenti ta’ reġistrazzjoni

Stat Membru li fl-1 ta' Marzu 2013 jkollu reġim stabbilit li jeħtieġ li operaturi ekonomiċi jirreġistraw transazzjonijiet li jqiegħdu xi wieħed jew aktar prekursuri tal-isplussivi ristretti għad-dipożizzjoni ta’ membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 4(1) jew (2) bl-applikazzjoni ta’ dak ir-reġim ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8 għal xi wħud mis-sustanzi jew għas-sustanzi kollha elenkati fl-Anness I. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4(4) sa (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 18

Reviżjoni

1.   Sat-2 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u teżamina:

(a)

kwalunkwe problema li rriżultat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

kemm ikunu kunsiljabbli u fattibbli aktar tisħiħ u armonizzazzjoni tas-sistema minħabba t-theddida għas-sigurtà pubblika kkawżata mit-terroriżmu u attivitajiet kriminali serji oħrajn, b’kont meħud tal-esperjenzi miksubin mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament, inkluż kwalunkwe nuqqas ta’ sigurtà ttraċċat, b’kont meħud tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn;

(c)

kemm tkun kunsiljabbli u fattibbli l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex ikopri l-utenti professjonali, b’kont meħud tal-piż impost fuq l-operaturi ekonomiċi u fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-Regolament;

(d)

kemm tkun kunsiljabbli u fattibbli l-inklużjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi mhux skedati fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq.

2.   Sat-2 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-possibbiltajiet għat-trasferiment tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar in-nitrat tal-ammonju mir-Regolament (UE) Nru 1907/2006 għal dan ir-Regolament.

3.   Jekk ikun il-każ, fid-dawl tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament kif meħtieġ.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-2 ta' Settembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Jannar 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 25.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2012.

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU C 101, 1.4.2011, p. 1.

(9)  ĠU L 154, 14.6.2007, p. 1.

(10)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.


ANNESS I

Sustanzi li m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali waħedhom, jew f’taħlitiet jew sustanzi li jinkluduhom, ħlief jekk il-konċentrazzjoni tkun ugwali għal jew aktar baxxa mill-valuri limitu stabbiliti hawn taħt

Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi

(CAS RN)

Valur limitu

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal kompost separat definit b’mod kimiku li jissodisfa r-rekwiżiti tan-Nota 1 tal-Kapitolu 28 jew 29 tan-NM, rispettivament (1)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlita mingħajr kostitwenti (p.eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjuattivi) li jiddeterminaw il-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Perossidu tal-idroġenu

(CAS RN 7722-84-1)

12 % w/w

2847 00 00

3824 90 97

Nitrometanu

(CAS RN 75-52-5)

30 % w/w

2904 20 00

3824 90 97

Aċidu nitriku

(CAS RN 7697-37-2)

3 % w/w

2808 00 00

3824 90 97

Klorat tal-potassju

(CAS RN 3811-04-9)

40 % w/w

2829 19 00

3824 90 97

Perklorat tal-potassju

(CAS RN 7778-74-7)

40 % w/w

2829 90 10

3824 90 97

Klorat tas-sodju

(CAS RN 7775-09-9)

40 % w/w

2829 11 00

3824 90 97

Perklorat tas-sodju

(CAS RN 7601-89-0)

40 % w/w

2829 90 10

3824 90 97


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009 (ĠU L 287, 31.10.2009, p. 1).


ANNESS II

Sustanzi waħedhom jew f’taħlitiet jew f’sustanzi li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rrapurtati transazzjonijiet suspettużi

Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi

(CAS RN)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal kompost separat definit b’mod kimiku li jissodisfa r-rekwiżiti tan-Nota 1 tal-Kapitolu 28, in-Nota 1 tal-Kapitolu 29 jew in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 31 tan-NM, rispettivament (1)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlitiet mingħajr kostitwenti (p.eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjoattivi) li jiddetermina l-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Hexamine

(CAS RN 100-97-0)

2921 29 00

3824 90 97

Aċidu sulfuriku

(CAS RN 7664-93-9)

2807 00 10

3824 90 97

Aċetun

(CAS RN 67-64-1)

2914 11 00

3824 90 97

Nitrat tal-potassju

(CAS RN 7757-79-1)

2834 21 00

3824 90 97

Nitrat tas-sodju

(CAS RN 7631-99-4)

3102 50 10 (naturali)

3824 90 97

3102 50 90 (mhux naturali)

3824 90 97

Nitrat tal-kalċju

(CAS RN 10124-37-5)

2834 29 80

3824 90 97

Nitrat tal-ammonju tal-kalċju

(CAS RN 15245-12-2)

3102 60 00

3824 90 97

Nitrat tal-ammonju

(CAS RN 6484-52-2) [f’konċentrazzjoni ta’ 16 % skont il-piż tan-nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju jew ogħla]

3102 30 10 (f’soluzzjoni tal-ilma)

3824 90 97

3102 30 90 (ieħor)


(1)  Regolament (KE) Nru 948/2009.