31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/1


DIRETTIVA 2013/14/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Mejju 2013

li temenda d-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, id-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tipprovdi għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (IORP). Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tipprovdi għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS). Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tipprovdi għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs). It-tliet Direttivi kollha jistabbilixxu rekwiżiti prudenzjali fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji minn IORPs, minn kumpaniji ta’ ġestjoni u ta’ investiment fir-rigward tal-UCITS u mill-AIFMs, rispettivament.

(2)

Wieħed mill-effetti tal-kriżi finanzjarja kien id-dipendenza żejda tal-investituri, inklużi l-IORPs, l-UCITS u l-fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs), fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu biex jagħmlu l-investimenti tagħhom fi strumenti tad-dejn, mingħajr ma neċessarjament iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittenti ta’ dawn l-istrumenti tad-dejn. Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-investimenti magħmula mill-IORPs, UCITS u AIFs u, għalhekk, sabiex jiġu protetti l-investituri f’dawk il-fondi, huwa xieraq li l-IORPs, fir-rigward tal-UCITS, il-kumpaniji ta’ gestjoni u investiment, u AIFMs, jkunu obbligati jevitaw li jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu jew li jużawhom bħala l-uniku kriterju meta jivvalutaw ir-riskju involut fl-investimenti magħmula mill-IORPs, UCITS AIFs. Il-prinċipju ġenerali kontra d-dipendenza żejda fuq gradazzjonijiet tal-kreditu għandu għalhekk jiġi integrat fil-proċessi u s-sistemi tal-ġestjoni tar-riskji tal-IORPs,il-kumpaniji ta’ gestjoni u investiment fir-rigward tal-UCITS, u AIFMs, u adattat għall-ispeċifiċitajiet tagħhom.

(3)

Sabiex ikompli jiġi speċifikat il-prinċipju ġenerali kontra d-dipendenza żejda fuq gradazzjonijiet tal-kreditu, li għandu jiġi introdott fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji ta’ gestjoni u investiment fir-rigward tal-UCITS, u AIFMs ikunu effettivament imwaqqfa milli jkollhom dipendenza żejda fuq gradazzjonijiet tal-kreditu sabiex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-assi miżmuma. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li f’dawk id-Direttivi, jiġu emendati s-setgħat tal-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ġenerali rigward il-proċessi u s-sistemi tal-ġestjoni tar-riskji applikati minn kumpaniji ta’ gestjoni u investiment fir-rigward tal-UCITS, u AIFMs. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li tippubblika r-riżultati ta’ tali konsultazzjonijiet. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4)

Il-miżuri rilevanti stabbiliti f’din id-Direttivi għandhom ikunu komplementari għal dispożizzjonijiet oħrajn fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (7). Dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-għan ġenerali tat-tnaqqis tad-dipendenza żejda mill-investituri fuq gradazzjonijiet tal-kreditu u għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dak l-għan.

(5)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza żejda tal-IORPs, UCITS u AIFMs fuq gradazzjonijiet tal-kreditu meta jagħmlu l-investimenti tagħhom, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti fil-livell tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod koordinat u jista’ għalhekk, permezz tal-istruttura pan-Unjoni u l-impatt tal-attivitajiet tal-IORPs, UCITS, AIFMs u aġenziji li jiggradaw il-kreditu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(6)

Id-Direttivi 2003/41/KE, 2009/65/KE u 2011/61/UE għandhom għalhekk jiġu emendati.

(7)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti (8) ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet fejn dan ikun iġġustifikat, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar fejn tiġi spjegata r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2003/41/KE

Fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/41/KE jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet taħt superviżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetentijimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-kreditu tal-istituzzjonijiet, jivvalutaw l-użu ta’ referenzi għall-gradazzjoni tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kif definiti fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (*), fil-politika ta’ investiment tagħhom u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali gradazzjonijiet tal-kreditu.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/65/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“1.   Il-kumpaniji ta’ ġestjoni jew ta’ investiment għandhom japplikaw proċess ta’ ġestjoni tar-riskji li jippermettilhom jimmonitorjaw u jkejlu fi kwalunkwe ħin ir-riskju tal-pożizzjonijiet u l-kontribut tagħhom għall-profil ta’ riskju globali tal-portafoll ta’ UCITS. B’mod partikolari, huma ma għandhomx jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kif definiti fl- Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (**), għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-UCITS.;

(**)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.”;"

(2)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti,għandhom jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-kreditu tal-kumpaniji ta’ ġestjoni jew investiment, jivvalutaw l-użu tar-referenzi għall-gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-politika ta’ investiment tal-UCITS u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali gradazzjonijiet tal-kreditu.”;

(3)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proċess ta’ ġestjoni tar-riskji applikat mill-kumpanija ta’ ġestjoni jew investiment skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1;”;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kriterji msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw li l-kumpanija ta’ ġestjoni jew investiment tkun prevenuta milli tiddependi esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-UCITS.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/61/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“2.   L-AIFMs għandhom jimplimentaw sistemi adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji sabiex jidentifikaw, ikejlu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw kif xieraq ir-riskji kollha rilevanti għal kull strateġija ta’ investiment tal-AIF u li għalihom huwa jew jista’ jkun espost kull AIF. B’mod partikolari, l-AIFMs ma għandhomx jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kif definiti fl- Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (***), għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIFs.

(***)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.”;"

(2)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘3a.   Filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-AIFs, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-keditu tal-AIFMs, jivvalutaw l-użu tar-referenzi għall-gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, fil-politika ta’ investiment tal-AIFs u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali gradazzjonijiet tal-kreditu.”;

(3)

fil-paragrafu 5 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-miżuri li jispeċifikaw is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw l-prevenzjoni tal-AIFMs milli jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIFs.”.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Diċembru 2014. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 167, 13.6.2012, p. 2.

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 64.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013.

(4)  ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.

(5)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(6)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(7)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14