21.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/29


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Marzu 2013

dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

(2013/142/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid illi fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew. Dan jgħin biex jiżgura li jkun hemm kontroll demokratiku u responsabilità fil-livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

(2)

L-Artikoli 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini.

(3)

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini tal-Unjoni bħala atturi politiċi u jistabbilixxi rabta solida bejn iċ-ċittadini, l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi tagħhom u l-ħajja demokratika tal-Unjoni.

(4)

It-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li s-sistema titqarreb lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni huma partikolarment rilevanti fid-dawl tal-azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew” (1) enfasizzat li l-leġittimità demokratika msaħħa u r-responsabilità huma parti neċessarja ta’ kull riforma tal-Unjoni Ewropea

(6)

L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jagħtu rwol importanti lill-partiti politiċi billi jenfasizzaw il-kontribut tagħhom għall-formazzjoni tas-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(7)

Sabiex il-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jirnexxu fil-missjoni tagħhom, nhar it-12 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (2). Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn status iktar viżibbli u qafas iktar flessibbli, trasparenti u effiċjenti għall-finanzjament tagħhom. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-partiti politiċi Ewropej, fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ikollhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej. Ladarba jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid iħassar ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (3).

(8)

Il-ħolqien ta’ rabta trasperenti bejn il-partiti nazzjonali li ċ-ċittadini tal-Unjoni jivvutaw lilhom u l-partiti politiċi Ewropej li l-partiti nazzjonali huma affiljati magħhom għandu jippermetti lill-partiti politiċi Ewropej jesprimu b’mod iktar dirett ir-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni u għandu jħalli impatt qawwi fuq it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni.

(9)

It-tisħiħ ulterjuri tat-trasparenza tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew se jikkontribwixxi għal riflessjoni aħjar tar-rwol u s-setgħat imsaħħa tal-Parlament Ewropew skont it-Trattat ta’ Lisbona. It-tisħiħ tal-konnessjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mal-proċess demokratiku tal-Unjoni huwa konsegwenza naturali ta’ integrazzjoni isituzzjonali eqreb.

(10)

Miżuri addizzjonali jżidu l-viżibilità tal-partiti politiċi Ewropej tul il-proċess elettorali kollu, mill-kampanja sal-votazzjoni, u jippermettulhom iqarrbu l-politika tal-Unjoni lejn iċ-ċittadini tagħha, u b’hekk jikkomplementaw id-dmir tal-informazzjoni previst għall-partiti politiċi Ewropej mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(11)

Diġà hija prassi stabbilita f’għadd ta’ Stati Membri li xi wħud mill-partiti nazzjonali jew kollha kemm huma jindikaw fil-poloz tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew l-affiljazzjoni tagħhom għal partit politiku Ewropew. Biex tiġi żgurata l-viżibilità tal-partiti politiċi Ewropej tul il-proċess elettorali Ewropew kollu, ikun importanti li l-Istati Membri kollha jħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni lill-elettorat dwar l-affiljazzjoni tal-partiti nazzjonali mal-partiti politiċi Ewropej. Biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew filwaqt li tiżdied ir-responsabilità tal-partiti politiċi li jieħdu sehem fil-proċess elettorali Ewropew u l-fiduċja tal-votanti f’dan il-proċess, il-partiti nazzjonali għandhom jgħarrfu pubblikament l-affiljazzjoni tagħhom ma’ partit politiku Ewropew partikolari qabel l-elezzjoni. Minbarra bosta avvenimenti partiġġjani, bħall-kungressi partiġġjani, il-kampanji elettorali tal-partiti nazzjonali huma fil-fatt l-iktar mezz xieraq u effiċenti biex din l-affiljazzjoni ssir magħrufa u tingħata viżibilità qawwija.

(12)

Id-Deċiżjoni Nru 1093/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) iddikjarat li l-2013 hija s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. Tisħiħ ulterjuri tas-setgħa taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa pass importanti li se jseħħ f’din is-sena.

(13)

Mit-Trattat ta’ Lisbona ’l hawn, il-President tal-Kummissjoni huwa elett mill-Parlament Ewropew, b’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u jqis l-arranġamenti previsti fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tat-Trattat ta’ Lisbona. Dawn il-proċeduri jeħtieġu li l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jitqiesu u li jkun hemm il-konsultazzjonijiet xierqa bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet b’hekk jirriflettu r-rwol ikbar tal-Parlament Ewropew fil-ħatra tal-President tal-Kummissjoni u r-rilevanza f’dan il-proċess tar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(14)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (5), il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni, u nnota li jistenna li dawk il-kandidati jkollhom rwol ewlieni fil-kampanja elettorali parlamentari, b’mod partikolari billi jippreżentaw personalment il-programm tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Din ir-riżoluzzjoni kompliet tenfasizza r-rwol ikbar li għandhom l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex jeleġġu l-President tal-Kummissjoni.

(15)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”, il-Kummissjoni enfasizzat in-nomina tal-kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014 bħala waħda mill-passi importanti għat-trawwim tal-emerġenza ta’ sfera politika Ewropea ġenwina.

(16)

Għalhekk huwa xieraq li jkun hemm sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni rigward ir-rwol ċentrali tal-vot tagħhom fid-determinazzjoni ta’ min se jkun il-President tal-Kummissjoni u rigward il-kandidati għal dik il-funzjoni li huma appoġġati mill-partiti li se jivvutaw lilhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(17)

Jekk il-partiti politiċi Ewropew u l-partiti nazzjonali jgħidu minn qabel minn se jkunu l-kandidati li jappoġġaw għal President tal-Kummissjoni, u l-programm tal-kandidat fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, dan jiċċara r-rabta bejn il-vot individwali ta’ ċittadin tal-Unjoni għal partit politiku fl-elezzjonijiet Ewropej u l-kandidat għall-President tal-Kummissjoni appoġġat minn dak il-partit. Dan għandu jżid il-leġittimità tal-President tal-Kummissjoni, ir-responsabilità tal-Kummissjoni lejn il-Parlament Ewropew u lejn l-elletorat Ewropew u, b’mod iktar ġenerali, iżid il-leġittimità tal-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni. Ix-xandiriet politiċi għandhom l-għan li jippermettu lill-elettorat biex jagħmel l-għażla tiegħu b’mod infurmat. Għalhekk huwa xieraq li l-partiti politiċi nazzjonali jużaw ukoll dan il-mezz biex jgħidu lil liema kandidat għal President tal-Kummissjoni se jkunu qed jappoġġaw u l-programm ta’ dan il-kandidat.

(18)

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħalissa qed iseħħu tul perjodu ta’ bosta ġranet peress li jsiru fi ġranet differenti fi Stati Membri differenti. Jum tal-votazzjoni Ewropew komuni bil-kmamar tal-votazzjoni jagħlqu fl-istess ħin jirrifletti aħjar il-parteċipazzjoni komuni taċ-ċittadini madwar l-Unjoni u għalhekk ikun parti mid-demokrazija rappreżentattiva li fuqha twaqqfet l-UE.

(19)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn jagħżlu li joqogħdu, skont l-Artikolu 22(2) TFUE li daħal fis-seħħ permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (6)

(20)

Id-Direttiva 93/109/KE tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni bl-għan li ċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati f’iktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjoni.

(21)

Għadd ta’ rapporti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/109/KE tul is-snin (7), u iktar reċenti r-rapport tal-2010 dwar il-valutazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 (8), żvelaw nuqqasijiet fil-funzjonament tal-mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta’ votazzjonijiet u kandidaturi multipli. Dawk in-nuqqasijiet huma dovuti l-iktar għad-dejta personali insuffiċenti li l-Istati Membri tar-residenza jinnotifikaw skont id-Direttiva lill-Istati Membri ta’ provenjenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. In-nuqqasijiet huma dovuti wkoll għad-differenzi fil-kalendarji elettorali tal-Istati Membri. Minħabba f’hekk, għadd kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni li kienu rreġistraw għall-vot fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom ma setgħux jiġu identifikati mill-Istat Membru ta’ provenjenza tagħhom.

(22)

Miżuri bbażati fuq il-konsultazzjonijiet estensivi mal-esperti tal-Istati Membri u t-tfassil tal-aqwa prassi identifikati f’dan il-kuntest jistgħu effettivament jindirizzaw xi wħud min-nuqqasijiet ħalli jittejjeb il-funzjonament tal-mekkaniżmu fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u biex jitnaqqas mill-piż amministrattiv minn fuq l-awtoritajiet nazzjonali.

(23)

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà waqqfu awtorità unika ta’ kuntatt għall-iskambju ta’ dejta dwar il-votanti u l-kandidati fil-qafas tad-Direttiva 93/109/KE. L-effiċenza kumplessiva tal-mekkaniżmu tiżdied li kieku l-Istati Membri kollha jistabbilixxu awtorità ta’ dan it-tip.

(24)

Id-dati meta jagħlqu r-reġistri elettorali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, b’minn xahrejn qabel l-elezzjoni sa ħamest ijiem. L-effiċjenza tal-mekkaniżmu tiżdied jekk, wara li jitiqiesu t-termini temporali tal-proċess elettorali fl-Istati Membri l-oħra, l-Istati Membri jibagħtu d-dejta dwar il-votanti fi żmien meta l-arranġamenti nazzjonali tal-Istati Membri ta’ provenzjenza rispettivi jkunu għadhom jippermettu t-teħid tal-miżuri neċessarji. Bosta aspetti tekniċi tat-trażmissjoni tad-dejta jistgħu jitjiebu sabiex tiżdied l-effiċenza tal-mekkaniżmu. Dawn jinkludu l-użu ta’ format elettroniku komuni u sett ta’ karattri komuni, il-mod ta’ trażmissjoni u l-metodu ta’ kodifikazzjoni applikat biex jiggarantixxi l-livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali.

(25)

L-għoti ta’ ċerta dejta personali dwar il-votanti li għandha tiġi nnotifikata mill-Istati Membri ta’ residenza, li ma tkunx espressament meħtieġa mid-Direttiva 93/109/KE, jippermetti lill-Istati Membri ta’ provenjenza jidentifikaw b’mod iktar effiċenti liċ-ċittadini tagħhom fir-reġistri elettorali. Id-dejta personali li tista’ tkun neċessarja għall-effiċjenza tal-makkiniżmu tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

(26)

Kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun konformi mal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (9).

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

IL-KONDOTTA DEMOKRATIKA TAL-ELEZZJONIJIET

Inkoraġġiment u faċilitazzjoni tal-informazzjoni lill-votanti dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej

1.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni lill-elettorat dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej qabel u waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, fost l-oħrajn billi jippermettu u jinkoraġġixxu l-indikazzjoni ta’ din l-affiljazzjoni fuq il-poloz tal-vot użati f’dawk l-elezzjonijiet.

Informazzjoni lill-votanti dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej

2.

Il-partiti politiċi nazzjonali li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jgħarrfu pubblikament qabel l-elezzjonijiet l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej. Il-partiti politiċi nazzjonali għandhom juru prominentement l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej fil-materjali, il-komunikazzjonijiet u x-xandiriet politiċi kollha tal-kampanja elettorali.

Appoġġ għal kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

3.

Qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali għandhom jgħidu liema kandidat se jkunu qed jappoġġaw għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea u l-programm ta’ dan il-kandidat.

Il-partiti politiċi nazzjonali għandhom jiżguraw li x-xandiriet politiċi tagħhom fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jintużaw ukoll biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-kandidat li jkunu qed jappoġġaw għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea u dwar il-programm tiegħu.

Jum ta’ votazzjoni komuni

4.

L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar jum komuni għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bil-postijiet tal-votazzjoni jagħlqu fl-istess ħin.

IL-KONDOTTA EFFIĊENTI TAL-ELEZZJONIJIET

Awtorità ta’ Kuntatt Uniku

5.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà stabbilew awtorità unika ta’ kuntatt għall-iskambju ta’ dejta dwar il-votanti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 93/109/KE.

Trażmissjoni tad-dejta

6.

L-Istati Membri għandhom iqisu, kemm jista’ jkun, l-arranġamenti elettorali ta’ xulxin, sabiex l-Istati Membri ta’ residenza jibagħtu d-dejta lill-votanti fil-ħin biex l-Istat Membru rispettiv ta’ provenzjanza ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji.

Dejta addizzjonali li tippermetti għal identifikazzjoni iktar effiċenti

7.

L-Istati Membri ta’ residenza huma mħeġġa jittrażmettu, minbarra d-detja personali prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 93/109/KE, id-dejta personali rilevanti kollha, li tista’ tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-votanti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ provenjenza.

Mezzi tekniċi għal trażmissjoni sikura u effiċenti tad-dejta

8.

Għall-iskambju tad-dejta kif stipulat mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 93/109/KE l-Istati Membri għandhom jużaw mezz elettroniku uniformi u sikur, kif stabbilit f’dan l-Anness. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-dejta f’pakkett wieħed għal kull Stat Membru ta’ provenjenza, bi trażmissjoni ulterjuri fi stadju iktar avvanzat għall-aġġornamenti, meta jkun hemm bżonn.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-partiti politċi Ewropej u nazzjonali.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  COM(2012) 777 final/2.

(2)  COM(2012) 499 final.

(3)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 325, 23.11.2012, p. 1.

(5)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (2012/2829(RSP))

(6)  ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.

(7)  COM(97) 731 final, COM(2000) 843 final, COM(2006) 790 final.

(8)  COM(2010) 605 final.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


ANNESS

Arranġamenti tekniċi dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 93/109/KE

1.

Għall-iskambju tad-dejta kif stipulat fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 93/109/KE l-Istati Membri għandhom jużaw fajls li jsegwu l-format Extensible Markup Language (“XML”). Dawn il-fajls XML għandhom jiġu trażmessi esklussivament permezz ta’ mezzi elettroniċi b’mod sikur.

2.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-Universal Character Set Transformation Format—8-bit(UTF-8) biex jirreġistraw u jittrażmettu d-dejta lill-votanti fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni.

3.

L-Istati Membri għandhom jużaw ir-rakkomandazzjoni W3C XML Encryption Syntax and Processing, li tinvolvi l-iskambju ta’ Public key u Private key, biex jiġi ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali trażmessa.