16.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/383/PESK

tal-15 ta’ Lulju 2013

li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/697/PESK (1) biex jaħtar lis-Sur Gary QUINCE bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Unjoni Afrikana (UA). Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2013.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu finali ta’ tnax-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Gary QUINCE bħala r- RSUE għall-UA huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2014. Il-mandat tar-RSUE jista’ jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq objettivi komprensivi ta’ politika tal-UE b’appoġġ għall-isforzi Afrikani għall-bini ta’ futur paċifiku, demokratiku u prosperuż kif stabbilit fl-Istrateġija Konġunta Afrika-UE. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

it-tisħiħ tad-djalogu politiku tal-UE u relazzjoni usa’ mal-UA;

(b)

it-tisħiħ tas-sħubija EU-UA fl-oqsma kollha msemmijin fl-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, b’kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE fi sħubija mal-UA, b’rispett għall-prinċipju ta’ appartenenza Afrikana u b’ħidma aktar mill-qrib mar-rappreżentanti Afrikani f’fora multilaterali f’koordinazzjoni mas-sieħba multilaterali;

(c)

il-ħidma mal-UA u l-provvista ta’ appoġġ lilha permezz tal-appoġġ għall-iżvilupp istituzzjonali u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UA, inkluż permezz ta’ assistenza għall-iżvilupp, għall-promozzjoni ta’:

il-paċi u s-sigurtà: il-previżjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, l-appoġġ għal sforzi biex jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà, l-appoġġ għar-rikostruzzjoni wara l-konflitti,

id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza: il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; il-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-istat tad-dritt; l-appoġġ, permezz ta’ djalogu politiku u assistenza finanzjarja u teknika, għall-isforzi Afrikani għall-monitoraġġ u t-titjib tal-governanza; l-appoġġ għat-tkabbir ta’ demokrazija parteċipattiva u r-responsabbiltà; l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-promozzjoni ulterjuri tal-isforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tfal u l-konflitti armati fl-aspetti kollha tagħha,

it-tkabbir sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ: l-appoġġ għall-isforzi lejn l-interkonnettività u l-faċilitazzjoni tal-aċċess tan-nies għall-ilma u l-iġjene, l-enerġija u t-teknoloġija tal-informazzjoni; il-promozzjoni ta’ qafas tan-negozju legali stabbli, effiċjenti u armonizzat; l-assistenza biex l-Afrika tiġi integrata fis-sistema dinjija tal-kummerċ, l-assistenza lill-pajjiżi Afrikani biex jikkonformaw mar-regoli u l-istandards tal-EU; l-appoġġ lill-Afrika fil-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima,

l-investiment fin-nies: l-appoġġ tal-isforzi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel u l-edukazzjoni, il-promozzjoni ta’ programmi ta’ skambju, netwerks ta’ universitajiet u ċentri ta’ eċċellenza, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

Barra minn hekk, ir-RSUE ser ikollu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE li hija maħsuba biex tiżviluppa u tikkonsolida ulterjorment is-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-aspetti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)/Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

isaħħaħ l-influwenza ġenerali tal-EUfi, u l-koordinazzjoni ta’, id-djalogu mal-UA u l-Kummissjoni tagħha f’Addis Ababa, dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mir-relazzjoni EU-UA, b’mod partikolari s-Sħubija ta’ Paċi u Sigurtà u l-appoġġ għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà;

(b)

jiżgura livell adatt ta’ rappreżentazzjoni politika, li tirrifletti l-importanza tal-EUbħala sieħba politika, finanzjarja u istituzzjonali tal-UA, u l-avvanz f’dik is-sħubija li jkun sar neċessarju minħabba l-profil politiku li qed jikber tal-UA fix-xena dinjija;

(c)

jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, jirrappreżenta l-pożizzjonijiet u l-linji politiċi tal-EU, meta l-UA jkollha rwol prinċipali f’sitwazzjoni ta’ kriżi li għaliha ma jkun inħatar l-ebda RSUE;

(d)

jgħin fil-kisba ta’ koerenza, konsistenza u koordinazzjoni aħjar tal-linji politiċi u l-azzjonijiet tal-EUfir-rigward tal-UA, u jikkontribwixxi sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-grupp usa’ ta’ msieħba u r-relazzjoni tiegħu mal-UA;

(e)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-EUdwar id-drittijiet tal-bniedem rilevanti għall-UA b’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-EUdwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-attwazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

(f)

isegwi mill-qrib, u jirrapporta dwar, l-iżviluppi rilevanti kollha fil-livell tal-UA;

(g)

iżomm kuntatt mill-qrib mal-Kummissjoni tal-UA, ma’ organi oħra tal-UA, ma’ missjonijiet ta’ organizzazzjonijiet Subreġjonali Afrikani għall-UA u l-missjonijiet tal-Istati Membri tal-UA għall-UA;

(h)

jiffaċilita r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-UA u l-organizzazzjonijiet Subreġjonali Afrikani speċjalment f’dawk l-oqsma fejn l-EUqed tipprovdi appoġġ;

(i)

joffri pariri u jipprovdi appoġġ lill-UA fuq talba fl-oqsma deskritti fl-Istrateġija Konġunta Afrika-UE;

(j)

fuq talba, joffri pariri u jipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-UA;

(k)

abbażi ta’ diviżjoni ċara tal-kompiti, jikkoordina ma’, u jappoġġa, l-azzjonijiet tar-RSUE li għandhom mandati fl-Istati Membri u r-Reġjuni tal-UA; u

(l)

jżomm kuntatti mill-qrib u jippromovi l-koordinazzjoni ma’ msieħba internazzjonali prinċipali tal-UA preżenti f’Addis Ababa, speċjalment in-Nazzjonijiet Uniti, iżda wkoll ma’ atturi mhux statali dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mis-sħubija EU-UA.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014 għandu jkun ta’ EUR 585 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ skwadra. L-iskwadra għandha tinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru tal-UE, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, skont kif ikun meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont kif ikun meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, notevolment billi:

(a)

jiġi stabbilit pjan ta’ sigurtà li jkun speċifiku għall-missjoni abbażi ta’ gwida mis-SEAE, li jipprevedi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, u l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jipprevedi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu mmobbilizzat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel ma jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtaġġ

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill skont kif ikun meħtieġ. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, konsistenza u effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu ngaġġati konsistentement, għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni.. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi laqgħat regolari ta’ aġġornament għall-missjonijiet tal-Istati Membri u għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post tal-operazzjonijiet għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post tal-operazzjonijiet.

Artikolu 13

Assistenza fir-rigward ta’ talbiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-provvediment ta’ elementi bħala rispons għal kwalunkwe talba u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-UA preċedenti, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali fini.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-RGħ, rapport ta’ progress sal-aħħar ta’ Diċembru 2013 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU L 276, 21.10.2011, p. 46.

(2)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.