18.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 827/2012

tad-29 ta’ Ġunju 2012

li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi għad-divulgazzjoni pubblika ta' pożizzjoni netta f’ishma, il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti, it-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw b’mod xieraq li ishma jew strumenti ta’ dejn sovran huma disponibbli għas-saldu u d-dati u l-perjodu għad-determinazzjoni taċ-ċentru ewlieni għal sehem skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-14 ta' Marzu 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 9(6), 11(4), 12(2), 13(5) u 16(4) tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiddetermina l-lista ta' ishma eżentati bħala pass meħtieġ għad-divulgazzjoni lill-pubbliku ta' pożizzjonijiet bin-nieqes fl-ishma kollha mhux eżentati u l-kundizzjonijiet skont liema dik l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Awtorità "). Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu stipulati wkoll regoli rigward l-arranġamenti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati fir-rigward ta' dawk l-ishma mhux eżentati. Biex tkun żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet dwar bejgħ bin-nieqes li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex biex tkun faċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, huwa xieraq li jkunu inklużi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 236/2012 f’Regolament wieħed.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità mill-awtoritajiet kompetenti u biex jinkiseb l-ipproċessar effiċjenti ta’ din l-informazzjoni, hija għandha tiġi skambjata elettronikament, b 'mod sigur bl-użu ta’mudell standard.

(3)

Huwa importanti li jkun possibbli aċċess faċli għad-dejta u l-użu mill-ġdid tagħha dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti li tkun divulgata lis-suq permezz ta’ websajts ċentrali operati jew sorveljati minn awtorità kompetenti. Għal dan il-għan, din id-dejta għandha tkun ipprovduta f'format li jippermetti użu flessibbli tad-dejta u li ma toffrix biss il-possibbiltà ta' dokumenti statiċi, iffeksjati. Fejn ikun teknikament possibbli, għandhom jintużaw formati li jinqraw bil-magni li jippermettu lill-utenti biex jipproċessaw l-informazzjoni b’mod strutturat u kosteffiċjenti.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-pubbliċità ta’ din l-informazzjoni għas-suq, minbarra mid-divulgazzjoni fuq il-websajt ċentrali operata jew sorveljata minn awtorità kompetenti, għandu jkun possibbli li d-dettalji ta' pożizzjoni bin-nieqes netta jkunu disponibbli għall-pubbliku b'modi oħra,.

(5)

Huwa essenzjali għall-utenti li jkollhom żewġ outputs bażiċi meta jippubblikaw pożizzjonijiet bin-nieqes netti individwali f’ishma li jaqbżu l-limitu ta’ pubblikazzjoni rilevanti. Dawn għandhom jinkludu lista kumpatta jew tabella tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jaqbżu l-limitu tal-pubblikazzjoni li huma dovuti fil-ħin ta' konsultazzjoni tal-websajt ċentrali u lista jew tabella b’dejta storika dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti individwali kollha ppubblikati.

(6)

Meta l-pożizzjoni bin-nieqes netta f’ishma taqa' taħt livell minimu ta' divulgazzjoni rilevanti, id-dettalji, inkluż id-daqs attwali tal-pożizzjoni, għandhom jiġu ppubblikati. Sabiex tiġi evitata konfużjoni għall-utenti li jikkonsultaw websajts ċentrali, id-divulgazzjonijiet ta' pożizzjonijiet li waqgħu taħt 0.5% tal-kapital azzjonarju maħruġ tal-kumpanija kkonċernata, ma għandhomx jibqgħu indefinittivament flimkien mal-pożizzjonijiet ħajjin, iżda għandhom ikunu disponibbli bħala dejta storika wara li jkunu esebiti għal 24 siegħa.

(7)

Sabiex ikun ipprovdut qafas konsistenti u ċar li xorta jkun flessibbli, huwa importanti li jkunu speċifikati t-tipi ta’ ftehimiet ta’ self u talbiet infurzabbli oħra li għandhom effett simili u t-tipi ta’arranġamenti ma’ parti terza li b’mod xieraq jiżguraw li ishma jew strumenti ta’ dejn sovran se jkun disponibbli għal saldu, u jispeċifikaw il-kriterji li tali ftehimiet u arranġamenti għandhom jissodisfaw.

(8)

L-użu tad-drittijiet ta’ sottoskrizzjoni għal ishma ġodda b’rabta ma’ bejgħ bin-nieqes jista’ b’mod xieraq jiżgura disponibbiltà għal saldu biss meta l-arranġament huwa tali li jiżgura li s-saldu ta’ bejgħ bin-nieqes isir meta jkun dovut. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jkunu speċifikati r-regoli li jiżguraw li l-ishma li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ sottoskrizzjoni, huma disponibbli fid-data tas-saldu jew qabel, u fi kwantità li talanqas tkun ekwivalenti għall-għadd ta’ ishma maħsuba li jinbiegħu bin-nieqes.

(9)

Fid-definizzjoni ta’ arranġamenti ta’ konferma limitati biż-żmien, huwa importanti li jkun speċifikat il-qafas ta’ żmien li jkopri l-bejgħ bin-nieqes permezz ta’ xiri b’mod kompatibbli ma’ ċikli ta’ saldu differenti f'ġurisdizzjonijiet differenti.

(10)

Sabiex ikun żgurat b’mod xieraq li huma disponibbli strumenti għal saldu meta persuna naturali jew ġuridika li tidħol f’bejgħ bin-nieqes ikollha arranġament ma’ parti terza li taħtha dik il-parti terza tkun ikkonfermat li dak l-istrument kien lokalizzat, huwa essenzjali li jkun hemm fiduċja li l-parti terza hija, meta stabbilita f'pajjiż terz, suġġetta għal sorveljanza xierqa u li hemm l-arranġamenti xierqa għall-iskambju tal-informazzjoni bejn is-superviżuri. Tali arranġamenti xierqa jistgħu jinkludu li tkun firmatarju tal-Memorandum ta’ Ftehim stabbilit mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO).

(11)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżit biex ikun determinat jekk iċ-ċentru ewlieni tan-negozjar ta' sehem jinsabx barra l-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali sabiex tkun deteminata għall-ewwel darba l-lista ta' ishma eżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012. Barra minn hekk, għalkemm il-lista ta' ishma eżentati hija effettiva għal perjodu ta' sentejn, jeħtieġ li tkun ipprovduta xi flessibilità peress li hemm każijiet fejn reviżjoni ta' dik il-lista tista’ tkun meħtieġa matul il-perjodu ta' sentejn.

(12)

Sabiex tkun żgurata konsistenza, id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun l-istess bħal dik tar-Regolament (UE) Nru 236/2012. Madanakollu, sabiex il-persuni naturali u ġuridiċi jkollhom ħin suffiċjenti biex jipproċessaw il-lista ta’ ishma eżentati skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, il-preparazzjoni ta' din il-lista u l-pubblikazzjoni sussegwenti tagħha fuq il-websajt talAwtorita'għandha ssir biżżejjed bil-quddiem qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 236/2012. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar id-data u l-perjodu għall-kalkoli taċ-ċentru prinċipali tan-negozjar, id-data ta' notifika lill-Awtorita'tal-ishma li għandhom iċ-ċentru prinċipali tan-negozjar barra l-Unjoni, u l-effettività tal-lista ta' ishma eżentati, għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 236/2013 irrikonoxxa li għandhom ikunu adottati standards tekniċi vinkolanti qabel ma dak ir-Regolament ikun jista’ jkun applikat b’mod utli, u peress li huwa essenzjali li jkunu speċifikati qabel l-1 ta’ Novembru 2012 l-elementi mhux essenzjali meħtieġa biex tkun faċilitata l-konformità tal-parteċipanti tas-suq ma’ dak ir-Regolament u l-infurzar mill-awtoritajiet kompetenti, xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni sottomessi mill-Awtorita'lill-Kummissjoni.

(15)

L-Awtorita'wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni u jispeċifika dan li ġej:

(a)

il-mezzi li bihom l-informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti jistgħu jkunu divulgati lill-pubbliku minn persuni naturali jew ġuridiċi kif ukoll il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorita'mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012;

(b)

it-tipi ta' ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw b’mod xieraq li l-ishma huma disponibbli għal saldu u t-tipi ta' ftehimiet jew arranġamenti li jiżguraw b’mod adegwat li d-dejn sovran huwa disponibbli għal saldu skont l-Artikoli 12(2) u 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012;

(c)

id-data u l-perjodu għall-kalkoli taċ-ċentru ewlieni tan-negozjar, in-notifika lill-Awtorita'u l-effettività tal-lista rilevanti skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

KAPITOLU II

MEZZI GĦAD-DIVULGAZZJONI PUBBLIKA TAL-POŻIZZJONIJIET BIN-NIEQES NETTI SINIFIKANTI FL-ISHMA

[ARTIKOLU 9 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 236/2012]

Artikolu 2

Mezzi li permezz tagħhom l-informazzjoni tista' tiġi divulgata lill-pubbliku

Informazzjoni dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti f'ishma għandha tkun divulgata lill-pubbliku billi titqiegħed fuq il-websajt ċentrali operata jew sorveljata mill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012. L-informazzjoni għandha tkun divulgata lill-pubbliku permezz ta' mezzi li:

(a)

jippubblikawha fil-format speċifikat fl-Anness I b’tali mod li jippermettu lill-pubbliku li jikkonsulta l-websajt biex jaċċessa tabella waħda jew iktar li toffri l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-pożizzjonijiet għal kull emittent ta’ sehem;

(b)

jippermettu lill-utenti biex jidentifikaw u jiffiltraw jekk il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti f’emittent ta’ sehem fiż-żmien tal-aċċessar tal-websajt ikunux laħqu jew qabżu l-limitu tal-pubblikazzjoni rilevanti;

(c)

jipprovdu d-dejta storika dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti ppubblikati f’emittent ta’ sehem;

(d)

jinkludu, meta jkun teknikament possibbli, fajls li jistgħu jitniżżlu bil-pożizzjonijiet bin-nieqes netti ppubblikati u storiċi f’format li jista’ jinqara mill-magni, li jfisser li l-fajls huma strutturati b’mod suffiċjenti għal applikazzjonijiet ta' softwer biex jidentifikaw dikjarazzjonijiet ta' fatti individwali affidabbli u l-istruttura interna tagħhom;

(e)

juru għal jum wieħed, flimkien mal-informazzjoni speċifikata fil-punt (b), il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti li huma ppubblikati għax waqgħu taħt il-limitu tal-pubblikazzjoni ta' 0.5 % tal-kapital azzjonarju maħruġ, qabel it-tneħħija u t-trasferiment tal-informazzjoni għal taqsima ta’ dejta storika.

KAPITOLU III

FORMAT TAL-INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPROVDUTA LILL-AETS MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI FIR-RIGWARD TAL-POŻIZZJONIJIET BIN-NIEQES NETTI

[ARTIKOLU 11 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 236/2012]

Artikolu 3

Format tal-informazzjoni perjodika

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fuq bażi trimestrali lill-Awtorita'dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti f'ishma, dejn sovran u swaps ta' inadempjenza tal-kreditu skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-format speċifikat fl-Anness II għal dan ir-Regolament

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat lill-Awtorita'elettronikament permezz ta' sistema stabbilita mill-AETS li tiżgura li tinżamm il-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul it-trażmissjoni tagħha.

Artikolu 4

Format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fuq talba

1.   Awtorità kompetenti rilevanti għandha tipprovdi informazzjoni dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti u dejn sovran jew dwar pożizzjonijiet mikxufa relatati ma’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 fil-format speċifikat mill-Awtorita'fit-talba tagħha.

2.   Meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda informazzjoni li tinsab fin-notifika li waslet għand l-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 5, 7 u 8 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 826/2012 (3).

3.   Informazzjoni mitluba għandha tintbagħat mill-awtorità kompetenti f'format elettroniku, permezz tal-użu ta’ sistema stabbilita mill-AETS għall-iskambju tal-informazzjoni li tiżgura li tinżamm il-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul it-trażmissjoni tagħha.

KAPITOLU IV

FTEHIMIET, ARRANĠAMENTI U MIŻURI LI JIŻGURAW B’MOD ADEGWAT ID-DISPONIBBILTÀ GĦAL SALDU

[ARTIKOLI 12 U 13 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 236/2012

Artikolu 5

Ftehimiet ta’ self u talbiet infurzabbli oħra li għandhom effett simili

1.   Ftehim ta’ self jew talba infurzabbli oħra msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) u l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 għandhom isiru permezz ta' dawn it-tipi ta' ftehimiet, kuntratti jew pretensjonijiet li jkunu legalment vinkolanti għall-perjodu tal-bejgħ bin-nieqes:

(a)

futuri u swaps: kuntratti ta’ futuri u swaps li jwasslu għal saldu fiżiku tal-ishma rilevanti jew tad-dejn sovran u li talanqas ikopru l-għadd ta’ ishma jew l-ammont ta' dejn sovran propost li jinbiegħ bin-nieqes mill-persuna naturali jew ġuridika, li tkun daħlet għalih qabel jew fl-istess waqt tal-bejgħ bin-nieqes, u li jispeċifikaw kunsinna jew data ta' skadenza li tiżgura li s-saldu tal-bejgħ bin-nieqes jista’ isir meta dovut;

(b)

opzjonijiet: kuntratti ta’ opzjonijiet li jwasslu għal saldu fiżiku tal-ishma rilevanti jew tad-dejn sovran u li talanqas ikopru l-għadd ta’ ishma jew lammont ta' dejn sovran propost li jinbiegħ bin-nieqes mill-persuna naturali jew ġuridika, li tkun daħlet għalihom qabel jew fl-istess waqt tal-bejgħ bin-nieqes, u li jispeċifikaw kunsinna jew data ta' skadenza li tiżgura li s-saldu tal-bejgħ bin-nieqes jista’ isir meta dovut;

(c)

ftehimiet ta’ riakkwist: ftehimiet ta’ riakkwist li jkopru talanqas l-għadd ta' ishma jew l-ammont ta’ dejn sovran propost li jinbiegħ bin-nieqes mill-persuna naturali jew ġuridika, li tkun daħlet għalihom qabel jew fl-istess waqt tal-bejgħ bin-nieqes u li jispeċifikaw data ta’ xiri mill-ġdid li tiżgura li jista’ isir is-saldu tal-bejgħ bin-nieqes meta dovut;

(d)

ftehimiet fit-tul jew faċilitajiet permanenti: ftehim jew faċilità li tkun saret qabel jew fl-istess waqt tal-bejgħ bin-nieqes, ta’ ammont definit minn qabel ta’ ishma jew ta’ dejn sovran identifikati speċifikament, li għall-perjodu ta' żmien tal-bejgħ bin-nieqes, tkopri talanqas l-għadd ta’ ishma jew l-ammont ta’ dejn sovran propost li jinbiegħ bin-nieqes minn persuna naturali jew ġuridika u tispeċifika data tal-kunsinna jew tal-eżekuzzjoni li tiżgura li jsir is-saldu tal-bejgħ bin-nieqes meta huwa dovut;

(e)

ftehimiet dwar drittijiet ta’sottoskrizzjoni: ftehimiet dwar drittijiet ta’ sottoskrizzjoni fejn il-persuna naturali jew ġuridika jkollha l-pussess ta' drittijiet ta' sottoskrizzjoni għal ishma ġodda tal-istess emittent u tal-istess klassi u li jkopru talanqas l-għadd ta’ ishma proposti li jinbiegħu bin-nieqes sakemm il-persuna naturali jew ġuridika tkun intitolata li tirċievi l-ishma dakinhar jew qabel is-saldu tal-bejgħ bin-nieqes;

(f)

talbiet oħra jew ftehimiet li jwasslu għall-kunsinna tal-ishma jew tad-dejn sovran: ftehimiet jew talbiet li talanqas ikopru l-għadd ta’ ishma jew l-ammont ta’ dejn sovran propost li jinbiegħ bin-nieqes mill-persuna naturali jew ġuridika, li tkun daħlet għalihom qabel jew waqt il-bejgħ bin-nieqes, u li jispeċifikaw data ta’ kunsinna jew ta’ eżekuzzjoni li tiżgura li jsir is-saldu meta dovut.

2.   Il-ftehim, il-kuntratt jew it-talba għandhom ikunu pprovduti b’mezz durabbli mill-kontroparti lill-persuna naturali jew ġuridika bħala evidenza tal-eżistenza tal-ftehim ta’ self jew ta’ talba infurzabbli oħra.

Artikolu 6

Arranġamenti u miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ bejgħ bin-nieqes ammess għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar

[-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012]

1.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti u l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes ta’ sehem ammess għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar skont l-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

2.   Arranġamenti u miżuri ta’ lokazzjoni standard: għandha tfisser arranġamenti, konfermi u miżuri li jinkludu kull wieħed mill-elementi li ġejjin:

(a)

għal konferma tal-lokazzjoni: konferma pprovduta mill-parti terza, qabel ma persuna naturali jew ġuridika tkun daħlet għall-bejgħ bin-nieqes, u li tqis li tista' tagħmel l-ishma disponibbli għas-saldu fil-ħin dovut b’kunsiderazzjoni għall-ammont tal-bejgħ possibbli u l-kundizzjonijiet tas-suq u li tindika l-perjodu li għalihom is-sehem huwa lokalizzat;

(b)

għal konferma sospiża: konferma mill-parti terza, ipprovduta qabel ma jsir il-bejgħ bin-nieqes, li talanqas tkun issospendiet l-għadd ta’ ishma mitluba għal dik il-persuna.

3.   Arranġament u miżuri standard ta’ lokazzjoni fl-istess jum: għandu tfisser arranġamenti, konfermi u miżuri li jinkludu kull wieħed mill-elementi li ġejjin:

(a)

għal talba għal konferma: talba għal konferma mingħand il-persuna naturali jew ġuridika lil parti terza li tiddikjara li l-bejgħ bin-nieqes se jkun kopert minn xiri matul il-jum li fih jseħħ il-bejgħ bin-nieqes;

(b)

għal konferma tal-lokazzjoni: konferma pprovduta mill-parti terza qabel ma tkun daħlet għall-bejgħ bin-nieqes, li tqis li tista' tagħmel l-ishma disponibbli għas-saldu fil-ħin dovut b’kunsiderazzjoni għall-ammont tal-bejgħ possibbli u l-kundizzjonijiet tas-suq u li tindika l-perjodu li għalih l-ishma huma lokalizzati;

(c)

għal konferma ta’ faċilità ta’ self jew xiri: konferma mill-parti terza, ipprovduta qabel ma jseħħ il-bejgħ bin-nieqes, li s-sehem huwa faċli biex jissellef jew jinxtara fil-kwantità rilevanti b’kunsiderazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u informazzjoni oħra disponibbli għal dik il-parti terza dwar il-provvista tal-ishma jew, fin-nuqqas ta' din il-konferma mill-parti terza, li talanqas tkun issospendiet l-għadd ta’ ishma mitluba għal persuna naturali jew ġuridika;

(d)

għal monitoraġġ: impenn minn persuna naturali jew ġuridika biex timmonitorja l-ammont ta’ bejgħ bin-nieqes li mhux kopert minn xiri;

(e)

għal struzzjonijiet fil-każ ta' nuqqas li jkun kopert: impenn mill-persuna naturali jew ġuridika li fil-każ li bejgħ bin-nieqes esegwit ma jkunx kopert minn xiri fl-istess jum, il-persuna naturali jew ġuridika għandha minnufih tibgħat struzzjoni lill-parti terza li takkwista l-ishma li jkopru l-bejgħ bin-nieqes biex jiżguraw saldu fiż-żmien dovut.

4.   Arranġamenti u miżuri faċli ta’ self jew xiri għandhom ifissru arranġamenti, konfermi u miżuri meta persuna naturali jew ġuridika tidħol għal bejgħ bin-nieqes ta’ ishma li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-likwidità stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 (4), jew ishma oħra li huma inklużi f’indiċi ewlieni ta’ ekwità nazzjonali kif identifikat mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ kull Stat Membru u huma l-istrument finanzjarju sottostanti għal kuntratt derivattiv ammess għan-negozjar fuq websajt tan-negozjar, li jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

għal konferma tal-lokazzjoni: konferma pprovduta mill-parti terza qabel ma tkun daħlet għall-bejgħ bin-nieqes, li tqis li tista' tagħmel l-ishma disponibbli għas-saldu fil-ħin dovut b’kunsiderazzjoni għall-ammont tal-bejgħ possibbli u l-kundizzjonijiet tas-suq u li tindika l-perjodu li għalihom is-sehem huwa lokalizzat;

(b)

għal konfermi ta’ faċilità ta’ self jew xiri: konferma mill-parti terza, ipprovduta qabel ma jseħħ il-bejgħ bin-nieqes, li s-sehem huwa faċli biex jissellef jew jinxtara fil-kwantità rilevanti b’kunsiderazzjoni għall-kondizzjonijiet tas-suq u informazzjoni oħra disponibbli għal dik il-parti terza dwar il-provvista tal-ishma jew, fin-nuqqas ta' din il-konferma mill-parti terza, li talanqas tkun issospendiet l-għadd ta' ishma mitluba għal persuna naturali jew ġuridika;

(c)

għal struzzjonijiet biex tkopri: meta bejgħ bin-nieqes esegwit ma jkunx kopert minn xiri jew self, impenn li ser tintbagħat struzzjoni fil-pront mill-persuna naturali jew ġuridika li tagħti struzzjoni lill-parti terza biex takkwista ishma li jkopru l-bejgħ bin-nieqes biex jiżguraw saldu fiż-żmien dovut.

5.   L-arranġamenti, il-konfermi u l-istruzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4għandhom jiġu pprovduti b’mezz durabbli mill-parti terza lill-persuna naturali jew ġuridika bħala evidenza tal-eżistenza tal-arranġamenti, konfermi u struzzjonijiet.

Artikolu 7

Arranġamenti ma’ partijiet terzi li għandhom isiru fir-rigward tad-dejn sovran

[l-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012]

1.   Il-paragrafi 2 sa 5 għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti li għandhom jittieħdu ma’ partijiet terzi fir-rigward ta’ dejn sovran skont l-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012

2.   Arranġament lokalizzat ta’ dejn sovran standard għandu jfisser konferma mill-parti terza, qabel ma jkun daħal f'bejgħ bin-nieqes, li hija tqis li tista' tagħmel id-dejn sovran disponibbli għas-saldu fil-ħin, fl-ammont mitlub mill-persuna naturali jew ġuridika, filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet tas-suq u tindika l-perjodu li għalih huwa lokalizzat id-dejn sovran.

3.   Arranġament ta’ konferma limitat biż-żmien: għandu jfisser arranġament fejn il-persuna naturali jew ġuridika tiddikjara lill-parti terza li l-bejgħ bin-nieqes ser ikun kopert minn xiri matul l-istess jum tal-bejgħ bin-nieqes u l-parti terza tikkonferma li, qabel ma jkun seħħ il-bejgħ bin-nieqes, li għandha aspettattiva raġonevoli li d-dejn sovran jista’ jinxtara fil-kwantità rilevanti b’kunsiderazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u informazzjoni oħra disponibbli għal dik il-parti terza dwar il-provvista tal-istrumenti tad-dejn sovran fil-jum li jseħħ il-bejgħ bin-nieqes.

4.   Konferma ta’ riakkwist bla kundizzjoni: għandu jfisser konferma fejn parti terza tikkonferma, qabel ma jkun seħħ bejgħ bin-nieqes, li għandha aspettattiva raġonevoli li s-saldu jista’ iseħħ meta dovut bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha f'arranġament b’bażi strutturali, organizzat jew operat minn bank ċentrali, uffiċċju tal-ġestjoni tad-dejn jew sistema tas-saldu tat-titoli, li jipprovdi aċċess bla kundizzjoni għad-dejn sovran inkwistjoni għal daqs konsistenti mad-daqs tal-bejgħ bin-nieqes.

5.   Konferma ta’ dejn sovran faċli biex jinxtara: għandu jfisser konferma mill-parti terza, ipprovduta qabel ma jsir il-bejgħ bin-nieqes, li jkollha aspettattiva raġonevoli li s-saldu jista’ isir meta dovut abbażi li d-dejn sovran inkwistjoni huwa faċli biex jissellef jew jinxtara fil-kwantità rilevanti meta jkunu meqjusa l-kundizzjonijiet tas-suq u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għal dik il-parti terza dwar il-provvista ta’dejn sovran.

6.   L-arranġamenti, il-konfermi u l-istruzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5 għandhom ikunu pprovduti b’mod sostenibbli mill-parti terza lill-persuna naturali jew ġuridika bħala evidenza tal-eżistenza tal-arranġamenti, il-konfermi u l-istruzzjonijiet.

Artikolu 8

Partijiet terzi li magħhom isiru arranġamenti

1.   Meta jsir arranġament imsemmi fl-Artikoli 6 u 7 minn parti terza; il-parti terza għandha tkun waħda minn dawn it-tipi li ġejjin:

(a)

fil-każ ditta tal-investiment: ditta tal-investiment li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2;

(b)

fil-każ ta’ kontroparti ċentrali: kontraparti ċentrali li tapprova l-ishma rilevanti jew id-dejn sovran;

(c)

fil-każ ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli: sistema ta’ saldu tat-titoli kif definit fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li tħallas il-pagamenti fir-rigward tal-ishma rilevanti jew id-dejn sovran;

(d)

fil-każ ta’ bank ċentrali: bank ċentrali li jaċċetta l-ishma rilevanti jew id-dejn sovran bħala kollateral jew li jagħmel tranżazzjonijiet ta’ suq miftuħ jew ta’ riakkwist fir-rigward tal-ishma rilevanti jew tad-dejn sovran;

(e)

fil-każ ta’ entità ta’ ġestjoni tad-dejn nazzjonali: entità ta’ ġestjoni tad-dejn nazzjonali tal-emittent tad-dejn sovran rilevanti;

(f)

kwalunkwe persuna oħra li hija soġġetta għal awtorizzazzjoni jew għal rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni minn membru tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2;

(g)

persuna stabbilita f'pajjiż terz li hija awtorizzata jew reġistrata u hija suġġetta għal superviżjoni minn awtorità f’dak il-pajjiż terz u li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2, sakemm l-awtorità tal-pajjiż terz hija parti minn arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtorità kompetenti rilevanti.

2.   Għall-finijiet tal-punti (a), (f) u (g) tal-paragrafu 1, il-parti terza għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tipparteċipa fil-ġestjoni tas-self jew ix-xiri tal-ishma rilevanti jew id-dejn sovran;

(b)

tipprovdi evidenza ta' tali parteċipazzjoni;

(c)

tkun kapaċi, fuq talba, tipprovdi evidenza tal-kapaċità tagħha li tikkunsinna jew li tipproċessa l-kunsinna tal-ishma jew id-dejn sovran fid-dati li fihom timpenja ruħha li tagħmel hekk lill-kontrapartijiet tagħha inkluża evidenza statistika.

KAPITOLU V

DETERMINAZZJONI TAĊ-ĊENTRU EWLIENI TAN-NEGOZJAR GĦALL-FINI TA’ EŻENZJONI

[ARTIKOLU 16 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 236/2012]

Artikolu 9

Data u perjodu għal kalkoli taċ-ċentru ewlieni tan-negozjar

1.   Awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jagħmlu kwalunkwe kalkolu li jiddetermina ċ-ċentru ewlieni tan-negozjar għal sehem talanqas 35 jum kalendarju qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 fir-rigward tal-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2011.

2.   Qabel it-22 ta' Frar 2014, għandhom isiru kalkoli sussegwenti fir-rigward tal-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2013, u kull sentejn minn hemm 'il quddiem rigward il-perjodu ta' sentejn sussegwenti.

3.   Meta s-sehem ikkonċernat ma kienx ammess għan-negozjar matul il-perjodu kollu ta’ sentejn dwar iċ-ċentru tan-negozjar fl-Unjoni u ċ-ċentru tan-negozjar tal-pajjiż terz, il-perjodu għall-kalkolu għandu jkun il-perjodu li matulu is-sehem kien ammess għan-negozjar fiż-żewġ ċentri fl-istess ħin.

Artikolu 10

Data ta’ notifika lill-Awtorita'

L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorita'dwar dawk l-ishma li ċ-ċentru ewlieni tan-negozjar tagħhom huwa barra l-Unjoni talanqas 35 jum kalendarju qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 u wara dakinhar, qabel l-ewwel jum tan-negozjar f’Marzu ta’ kull tieni sena li jibda minn Marzu 2014.

Artikolu 11

Effettività tal-lista ta' ishma eżentati

Il-lista ta’ ishma ċ-ċentru ewlieni tan-negozjar tagħha jinsab barra l-Unjoni, għandha tkun effettiva mill-1 ta' April wara l-pubblikazzjoni tagħha mill-Awtorita', ħlief li l-ewwel lista ppubblikata mill-Awtorita'għandha tkun effettiva mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

Artikolu 12

Każijiet speċifiċi ta’ reviżjoni ta' ishma eżentati

1.   Awtorità kompetenti rilevanti li tiddetermina jekk iċ-ċentru prinċipali tan-negozjar għal sehem jinsabx barra mill-Unjoni wara waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 2, għandha tiżgura li:

(a)

kwalunkwe kalkolu li jiddetermina ċ-ċentru prinċipali tan-negozjar isir maljr kemm jista’ jkun wara li jirriżultaw iċ-ċirkustanzi rilevanti u fir-rigward tal-perjodu ta’ sentejn li jiġi qabel id-data tal-kalkolu;

(b)

tinnotifika lill-Awtorita'bid-determinazzjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun u fejn rilevanti, qabel id-data tal-ammissjoni għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni

Kwalunkwe lista riveduta għandha tkun effettiva mill-jum tal-pubblikazzjoni mill-Awtorita'.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 japplikaw meta:

(a)

l-ishma ta’ kumpanija jitneħħew min-negozjar fuq bażi permanenti miċ-ċentru ewlieni tan-negozjar barra mill-Unjoni;

(b)

l-ishma ta’ kumpanija min-negozjar fuq bażi permanenti miċ-ċentru ewlieni tan-negozjar fl-Unjoni; jew

(c)

l-ishma ta’ kumpanija li qabel kienet ammessa għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar barra l-Unjoni huma ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Novembru 2012, ħlief l-Artikoli 9, 10 u 11 li għandhom jibdew japplikaw mid-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(3)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.


ANNESS I

Divulgazzjoni pubblika tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti(Artikolu 2)

Detentur tal-pożizzjoni

Isem l-emittent

ISIN

Pożizzjoni bin-nieqes netta

(%)

Data li fiha l-pożizzjoni kienet maħluqa, mibdula jew waqfet milli tinżamm

(ssss-xx-jj)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS II

Format tal-informazzjoni li għandha tiġi provduta lill-Awtorita'fuq bażi trimestrali (Artikolu 3)

Informazzjoni

Format

1.

Identifikazzjoni tal-emittent

 

Għal ishma: isem sħiħ tal-kumpanija li jkollha l-ishma ammessi għan-negozjar fis-sit tan-negozjar

 

Għal dejn sovran: isem sħiħ tal-emittent

 

Għal swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani mikxufa: isem sħiħ tal-emittent sovran sottostanti

2.

ISIN

Għal ishma biss: ISIN tal-klassi ewlenija tal-ishma ordinarji tal-emittent. Jekk ma hemmx ishma ordinarji ammessi għall-kummerċ, l-ISIN tal-klassi tal-ishma preferenzjali (jew il-klassi ewlenija tal-ishma preferenzjali ammessi għan-negozjar jekk hemm diversi klassijiet ta' ishma bħal dawn)

3.

Kodiċi tal-pajjiż

Kodiċi b’żewġ ittri għall-pajjiż tal-emittent sovran skont l-Istandard ISO 3166-1

4.

Data tal-pożizzjoni

Data li fiha l-pożizzjoni hija rrappurtata. Format skont l-standardISO 8601: tal-2004 (ssss-xx-jj)

5.

Pożizzjoni bin-nieqes netta aggregata kuljumdwar ishma tal-indiċi nazzjonali ewlenin

Ċifra perċentwali mqarrba għal 2 punti deċimali

6.

Tmiem tal-kwart aggregat pożizzjoni bin-nieqes netta fuq ishma oħra

Ċifra perċentwali mqarrba għal 2 punti deċimali

7.

Pożizzjonijiet bin-nieqes netti aggregati kuljum fid-dejn sovran

Ċifra ta’ ammont nominali ekwivalenti f’Euro

8.

Pożizzjonijiet dwar swaps ta’ inadempjenza tal-kredituaggregati kuljum mikxufata’ emittent sovran

Ċifra ta’ ammont nominali ekwivalenti f’Euro