13.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 498/2012

tat-12 ta’ Ġunju 2012

dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2012/105/UE) tal-14 ta’ Diċembru 2011 (1) dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Meta titqies l-importanza ekonomika għall-Unjoni Ewropea tal-importazzjonijiet ta’ injam mhux maħdum u l-importanza li għandha l-Federazzjoni Russa għall-Unjoni bħala fornitur ta’ injam mhux maħdum, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Federazzjoni Russa impenji mill-Federazzjoni Russa biex tnaqqas jew telimina d-dazji tal-esportazzjoni applikati bħalissa inkluż fuq l-injam mhux maħdum.

(2)

Dawn l-impenji, li se jsiru parti mill-Iskeda tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-Konċessjonijiet tal-Federazzjoni Russa mal-adeżjoni tagħha mad-WTO, jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni tat-tipi speċifikati ta’ injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

(3)

Fil-kuntest tan-negozjati li jirrigwardaw l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, mal-Federazzjoni Russa, ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri relatati mal-amministrazzjoni ta’ dawk il-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ ċertu injam koniferuż mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”).

(4)

Kif previst fil-Ftehim, l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa nnegozjaw modalitajiet tekniċi dettaljati dwar il-ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji, li jinsabu fi ftehim fil-forma ta’ Protokoll innegozjat bejn l-Unjoni u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).

(5)

Fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll, għandhom jiġu stabbiliti metodi għall-allokazzjoni tal-kwoti tariffarji skont id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet mill-importaturi u għandhom jiġu stipulati regoli u metodi għall-istabbiliment tad-drittijiet tal-importaturi tradizzjonali għal kull perjodu tal-kwota u għal kull grupp ta’ prodotti.

(6)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar il-kontinwità tan-negozju biex jiġi determinat jekk importatur li jitlob status ta’ importatur tradizzjonali huwiex l-istess persuna fiżika jew ġuridika li importa l-prodotti koperti matul il-perjodi ta’ referenza speċifikati f’dan ir-Regolament.

(7)

Għandhom jiġu stipulati regoli u proċeduri relatati ma’ awtorizzazzjonijiet ta’ kwoti mhux użati.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli tranżitorji li japplikaw matul l-ewwel tliet perjodi ta’ applikazzjoni tal-kwoti ta’ dan ir-Regolament b’rabta mal-għażla tal-perjodi ta’ referenza għall-kalkolu tal-limiti tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti għall-importaturi tradizzjonali.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Injam stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/105/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll, u jistabbilixxi dispożizzjonijiet oħra meħtieġa għall-ġestjoni mill-Unjoni tal-kwantitajiet tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati lill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Protokoll.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3), l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5(3) u (4) tal-Protokoll.

Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja: “grupp ta’ prodotti” tfisser kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ prodotti koperti skont il-klassifikazzjoni ta’ tali prodotti fin-nomenklatura tariffarja u statistika applikata fil-Federazzjoni Russa, jiġifieri l-prinjol (linji tariffarji 4403 20 110 u 4403 20 190) u l-arżnu (linji tariffarji 4403 20 310 u 4403 20 390). Il-kodiċijiet tariffarji rilevanti applikati fil-Federazzjoni Russa u n-Nomenklatura Magħquda korrispondenti (2) (“NM”) u l-kodiċijiet TARIC huma mehmuża bħala l-Anness I.

KAPITOLU 2

PRINĊIPJI TAL-ALLOKAZZJONI

Artikolu 3

Il-metodu għall-allokazzjoni tal-kwota tariffarja għandu jiddependi fuq id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni mill-importatur, kif ġej:

(a)

għal kull applikazzjoni mressqa sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena (aktar ’il quddiem imsejħa “l-ewwel parti tal-perjodu tal-kwota”), il-Kummissjoni għandha talloka kwoti tariffarji skont il-kategoriji “tradizzjonali” jew “ġodda” ta’ importaturi, skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Protokoll; kif ukoll

(b)

għal kull applikazzjoni mressqa mill-1 ta’ Awwissu (aktar ’il quddiem imsejħa “t-tieni parti tal-perjodu tal-kwota”), il-Kummissjoni għandha talloka l-kwantitajiet li jifdal tal-kwoti tariffarji skont l-ordni kronoloġika ta’ kif jaslu n-notifiki għand il-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (aktar ’il quddiem imsejħa “l-Uffiċċju(i) tal-Liċenzji”) tal-applikazzjonijiet imressqa minn importaturi individwali, skont l-Artikolu 5(2)(a) tal-Protokoll.

Artikolu 4

1.   Matul l-ewwel parti tal-perjodu tal-kwota:

(a)

70 % ta’ kull kwota tariffarja għal kull grupp ta’ prodotti għandhom jiġu allokati lill-importaturi tradizzjonali (aktar ’il quddiem imsejħa “il-kwota għall-importaturi tradizzjonali”); kif ukoll

(b)

30 % ta’ kull kwota tariffarja għal kull grupp ta’ prodotti għandhom jiġu allokati lill-importaturi ġodda (aktar ’il quddiem imsejħa “il-kwota għall-importaturi ġodda”).

2.   Il-kwota għall-importaturi ġodda għandha tiġi allokata skont l-ordni kronoloġika ta’ kif jaslu n-notifiki għand il-Kummissjoni mill-Uffiċċji tal-Liċenzji tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ kwota minn tali importaturi.

3.   Kull importatur ġdid għandu jingħata minimu ta’ 1,5 % tal-kwota tariffarja għal kull grupp ta’ prodotti skont il-proċedura ta’ allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 5

Matul it-tieni parti tal-perjodu tal-kwota, kull importatur għandu jingħata massimu ta’ 5 % tal-kwota tariffarja li jifdal għal kull grupp ta’ prodotti.

Artikolu 6

1.   Matul l-ewwel parti tal-perjodu tal-kwota, kull importatur tradizzjonali għandu jkun biss intitolat li jitlob awtorizzazzjonijiet għal kwoti għal sehem speċifiku tal-kwota għall-importaturi tradizzjonali għal kull grupp ta’ prodotti (aktar ’il quddiem imsejjaħ “il-limitu massimu”), ikkalkolat skont il-paragrafu 2. L-awtorizzazzjonijiet għall-kwoti kollha mogħtija lil importatur tradizzjonali matul l-ewwel parti tal-perjodu tal-kwota għandhom jingħaddu bi tqabbil ma’ tali limit massimi tal-importatur.

2.   Il-limitu massimu għal kull grupp ta’ prodotti ta’ importatur tradizzjonali li japplika f’perjodu tal-kwota (aktar ’il quddiem imsejjaħ “il-perjodu tal-kwota n+1”) għandu jiġi kkalkolat skont il-medja tal-importazzjonijiet attwali ta’ prodotti koperti tat-tali importatur matul iż-żewġ perjodi tal-kwota ta’ qabel is-sena tal-kalkolu tat-tali limitu massimu, fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

Ci = T * (Īi/ΣĪi)

fejn:

 

“Ci” jirrappreżenta l-limitu massimu għall-grupp ta’ prodotti kkonċernat (prinjol jew arżnu) għall-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n+1;

 

“T” jirrappreżenta l-kwota għall-importaturi tradizzjonali disponibbli għall-grupp ta’ prodotti kkonċernat matul is-sena tal-kalkolu tal-limitu massimu (aktar ’il quddiem imsejjaħ “il-perjodu tal-kwota n”);

 

“Īi” jirrappreżenta l-medja tal-importazzjonijiet attwali mill-importatur tradizzjonali i tal-grupp ta’ prodotti kkonċernat, fiż-żewġ perjodi tal-kwota ta’ qabel il-kalkolu (aktar ’il quddiem imsejħa “l-perjodu tal-kwota n–2” u “l-perjodu tal-kwota n–1”, rispettivament), kif ġej:

[(importazzjonijiet attwali tal-importatur i fil-perjodu tal-kwota n–2) + (importazzjonijiet attwali tal-importatur i fil-perjodu tal-kwota n–1)]/2

 

“ΣĪi” jirrappreżenta s-somma tal-importazzjonijiet medji Īi tal-importaturi tradizzjonali kollha għall-grupp ta’ prodotti kkonċernat.

Artikolu 7

1.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tikkalkola l-limiti massimi li japplikaw għal kull importatur tradizzjonali għall-perjodu tal-kwota li jmiss skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 6(2).

2.   Għall-iskop ta’ tali kalkolu, l-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tal-perjodu tal-kwota, taqsira tal-importazzjonijiet attwali tal-prodotti koperti fil-perjodu tal-kwota n-1 li ġew innotifikati lilhom skont l-Artikolu 11(1). Tali taqsira għandha titressaq f’format ta’ spreadsheet elettronika, b’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness IV.

3.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Uffiċċji tal-Liċenzji bil-limiti massimi aġġornati li jirriżultaw mill-kalkoli li jkunu saru skont l-Artikolu 6(2) sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April tal-perjodu tal-kwota n.

KAPITOLU 3

KONTINWITÀ TAL-OPERAT

Artikolu 8

1.   Meta importatur li jkun qed jitlob status ta’ importatur tradizzjonali skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll (aktar ’il quddiem imsejjaħ “l-applikant”) ma jipprovdix evidenza sodisfaċenti li huwa l-istess persuna fiżika jew ġuridika li importa l-prodotti koperti matul il-perjodu ta’ referenza magħżul skont l-Artikolu 17(2) (aktar ’il quddiem imsejjaħ “il-predeċessur”), għandu jipprovdi lill-Uffiċċju tal-Liċenzji l-evidenza meħtieġa biex jipprova li għandu kontinwità tal-operat mal-attivitajiet tal-predeċessur.

2.   Il-kontinwità tal-operat kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li teżisti meta:

(a)

l-applikant u l-predeċessur huma taħt il-kontroll tal-istess entità legali skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (3); jew

(b)

l-attività ekonomika tal-predeċessur, fir-rigward tal-prodotti koperti, ġiet trasferita legalment lill-applikant, pereżempju bħala riżultat ta’ għaqda jew akkwist skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

3.   L-importaturi li ma jipprovdux evidenza tal-kontinwità tal-operat għandhom jitqiesu bħala importaturi ġodda.

Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta importatur jitlob għall-istatus ta’ importatur tradizzjonali skont l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll.

KAPITOLU 4

APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-AWTORIZZAZZJONIJIET TAL-KWOTI

Artikolu 10

1.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti għandhom jitressqu fl-għamla stabbilita fl-Anness II. Jekk l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ma titqiesx xierqa, l-Uffiċċju tal-Liċenzji jista’ jitlob dettalji oħra mill-applikant.

2.   L-għotja ta’ awtorizzazzjoni tal-kwoti għandha tkun soġġetta għar-rekwiżit li l-prodotti korrispondenti jiġu pproċessati, fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li tiġi konferita l-oriġini mill-Unjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (4).

3.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti għandhom ikunu akkumpanjati minn affidavit mill-applikant li jkun fih impenn li:

(a)

jassenja l-prodotti kkonċernati lill-ipproċessar preskritt fi żmien sena mid-data li fiha ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali kompetenti d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, li jkun fiha d-deskrizzjoni preċiża tal-oġġetti u l-kodiċijiet TARIC;

(b)

iżomm rekords xierqa fl-Istati Membri fejn ingħatat l-awtorizzazzjoni li jippermettu lill-Uffiċċju tal-Liċenzji jwettaq kull verifika li jqis meħtieġa biex jiżgura li l-prodotti huma verament assenjati lill-ipproċessar preskritt, u li jippreservahom; għall-iskop ta’ dan is-subparagrafu, “rekords” tfisser id-dejta li jkun fiha l-informazzjoni u d-dettalji tekniċi kollha meħtieġa dwar kull tip ta’ mezz, li jippermetti lill-Uffiċċji tal-Liċenzji jissorveljaw u jikkontrollaw l-operazzjonijiet;

(c)

jippermetti lill-Uffiċċju tal-Liċenzji jittraċċa l-prodotti kkonċernati għas-sodisfazzjon tiegħu fil-bini tal-impriża kkonċernata matul l-ipproċessar tagħhom kollu;

(d)

jinnotifika lill-Uffiċċju tal-Liċenzji bil-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw l-awtorizzazzjoni.

4.   Meta l-prodotti kkonċernati jiġu trasferiti, l-applikant għandu jipprovdi evidenza suffiċjenti tal-assenjar tagħhom lill-ipproċessar preskritt skont il-paragrafu 3(a).

5.   L-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (5) għandu japplika.

6.   In-nuqqas ta’ konformità mal-impenn imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, mill-importatur jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha l-importatur imbagħad jittrasferixxi tali prodotti, għandha titqies bħala ekwivalenti għal awtorizzazzjoni tal-kwoti mhux użata, skont l-Artikolu 13, għall-ammont rilevanti ta’ prodotti.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-Uffiċċji tal-Liċenzji f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u taġġornaha kif meħtieġ.

KAPITOLU 5

PROVA TAL-IMPORTAZZJONIJIET ATTWALI

Artikolu 11

1.   Mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju wara t-tmiem ta’ kull tielet xahar, l-importaturi għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju tal-Liċenzji tal-Istat Membru li minnu jkunu rċevew awtorizzazzjoni tal-kwoti bl-importazzjonijiet attwali tagħhom ta’ prodotti koperti lejn dak l-Istat Membru matul l-aħħar tliet xhur. Għal dan l-iskop, l-importatur għandu jipprovdi lill-Uffiċċju tal-Liċenzji kopja tad-dikjarazzjonijiet doganali tal-importazzjonijiet ikkonċernati.

2.   Meta l-kwantità rreġistrata fid-dikjarazzjoni doganali titkejjel mingħajr qoxra u l-kwantità msemmija fl-entrata 9 tal-formola tal-awtorizzazzjoni tal-kwoti tinkludi l-qoxra, l-importatur għandu jipprovdi lill-Uffiċċju tal-Liċenzji, minbarra l-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1, u fl-istess żmien ta’ skadenza, l-kwantitajiet tal-importazzjoni korretti għal kull dikjarazzjoni doganali, li jinkludu l-qoxra. Il-kwantitajiet korretti għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni stabbiliti fl-Anness III.

KAPITOLU 6

AWTORIZZAZZJONIJIET TAL-KWOTI MHUX UŻATI

Artikolu 12

1.   Meta awtorizzazzjoni tal-kwoti ma tintużax wara sitt xhur mill-ħruġ tagħha, l-importatur għandu jew jagħtiha lura lill-Uffiċċju tal-Liċenzji, jew għandu jinnotifika lill-Uffiċċju tal-Liċenzji bl-intenzjoni tiegħu li jużaha fil-perjodu tal-kwota li jkun fadal. Meta awtorizzazzjoni tal-kwoti tkun inħarġet qabel il-bidu tal-perjodu tal-kwota skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jingħadd mill-1 ta’ Jannar tas-sena li tikkorrispondi għall-perjodu tal-kwota.

2.   L-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalukwe awtorizzazzjoni tal-kwoti li tkun ingħatat lura mill-importaturi skont il-paragrafu 1. Il-bilanċ tal-limiti massimi tal-importaturi tradizzjonali għall-grupp ta’ prodotti kkonċernat għandu jiġi emendat għall-ammont korrispondenti.

Artikolu 13

1.   Meta l-importazzjonijiet attwali minn importatur tradizzjonali ta’ prodotti koperti matul il-perjodu tal-kwota n-1 huma inqas minn 85 % tal-kwantitajiet koperti mill-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti kollha li ngħataw lil tali importatur matul l-istess perjodu tal-kwota, il-limiti massimi tal-importazzjoni tal-importatur għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti matul il-perjodu tal-kwota n+1 għandhom jitnaqqsu b’ammont li huwa proporzjonali għad-daqs tal-importazzjonijiet attwali li jonqsu.

2.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

ri = (0,85 * ΣΑi – Ii)/ΣΑi

fejn:

 

“ri” jirrappreżenta t-tnaqqis li japplika għal-limiti massimi tal-importazzjonijiet tal-importatur i, għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti, matul il-perjodu tal-kwota n+1;

 

“ΣΑi” jirrappreżenta s-somma tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti mogħtija lill-importatur tradizzjonali i matul il-perjodu tal-kwota n–1;

 

“Ii” jirrappreżenta l-importazzjonijiet attwali ta’ prodotti koperti tal-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n–1.

Artikolu 14

1.   Meta awtorizzazzjoni tal-kwoti li ma tkunx ingħatat lura wara sitt xhur mill-ħruġ tagħha skont l-Artikolu 12 tibqa’ ma tintużax fit-tmiem tal-perjodu tal-kwota n–1, il-limiti massimi tal-importazzjonijiet tal-importatur għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti matul il-perjodu tal-kwota n+1 għandhom jitnaqqsu bid-doppju tal-ammont b’mod proporzjonali għad-daqs tal-awtorizzazzjoni tal-kwoti mhux użata.

2.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Ri = 2 * (ΣUi/ΣΑi)

fejn:

 

“Ri” jirrappreżenta t-tnaqqis li japplika għal-limitu massimu tal-importatur i, għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti, matul il-perjodu tal-kwota n+1;

 

“ΣUi” jirrappreżenta s-somma tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti mhux użati mogħtija lill-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n–1;

 

“ΣΑi” jirrappreżenta s-somma tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti mogħtija lill-importatur i, għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti, matul il-perjodu tal-kwota n–1.

Artikolu 15

Jekk il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importazzjonijiet previsti fl-Artikoli 13 u 14 jiġu ssodisfati t-tnejn b’mod simultanju, għandu japplika l-akbar tnaqqis biss (Ri jew ri).

KAPITOLU 7

MIŻURI TRANŻITORJI LI JAPPLIKAW GĦALL-EWWEL TLIET PERJODI TAL-KWOTA

Artikolu 16

1.   Il-metodu ta’ allokazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għall-ewwel perjodu sħiħ tal-kwota ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Matul dan il-perjodu tal-kwota, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ma għandhomx japplikaw.

2.   L-Artikoli minn 17 sa 19 għandhom japplikaw matul l-ewwel tliet perjodi tal-kwota ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   Il-perjodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 5(4) tal-Protokoll għandu jkun is-sena 2004, is-sena 2007, jew is-sentejn flimkien, skont kif jagħżel l-importatur.

2.   L-importaturi li jitolbu status ta’ importatur tradizzjonali għandhom jispeċifikaw liema minn dawn it-tliet opzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għażlu għall-kalkolu tal-limiti massimi tagħhom, skont l-Artikolu 6, mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-perjodu ta’ referenza magħżul minn kull importatur skont il-paragrafu 2 għandu japplika għall-ewwel tliet perjodi tal-kwota ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

1.   L-importaturi li jitolbu status ta’ importatur tradizzjonali għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju(i) tal-Liċenzji tal-Istat(i) Membru(i) li mingħandu(mingħandhom) għandhom il-ħsieb li jitolbu awtorizzazzjonijiet tal-kwoti, mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bl-importazzjonijiet attwali tagħhom ta’ prodotti koperti lejn dak/dawk l-Istat(i) Membru(i) matul il-perjodu ta’ referenza magħżul skont l-Artikolu 17(2). Sabiex jiġu sostanzjati tali dikjarazzjonijiet tal-importazzjonijiet attwali, l-importatur għandu jipprovdi lill-Uffiċċju tal-Liċenzji kopja tad-dikjarazzjonijiet doganali tal-importazzjonijiet ikkonċernati.

2.   L-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 35 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, taqsira tal-importazzjonijiet attwali ta’ prodotti koperti li ġew innotifikati lilhom skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali taqsira għandha titressaq f’format ta’ spreadsheet elettronika, b’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness V.

Artikolu 19

1.   Meta tintgħażel sena waħda skont l-Artikolu 17(2), il-fattur varjabbli Īi imsemmi fl-Artikolu 6(2) għandu jirrappreżenta l-importazzjonijiet attwali tal-importatur tal-grupp ta’ prodotti kkonċernat matul it-tali sena.

2.   Meta jintgħażlu l-2004 u l-2007 flimkien skont l-Artikolu 17(2), il-fattur varjabbli Īi imsemmi fl-Artikolu 6(2) għandu jirrappreżenta medja tal-importazzjonijiet attwali tal-importatur tal-grupp ta’ prodotti kkonċernat fis-snin 2004 u 2007, ikkalkolata kif ġej:

[(Importazzjonijiet attwali fl-2004) + (Importazzjonijiet attwali fl-2007)]/2.

3.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Uffiċċji tal-Liċenzji bil-limiti massimi li jirriżultaw mill-kalkoli li jkunu saru skont l-Artikolu 6(2) mhux aktar tard minn 65 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.   Jekk il-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 6 ma jkunux ġew ikkalkolati sakemm jiġu applikati l-Ftehim u l-Protokoll fuq bażi provviżorja, il-kwoti tariffarji għal kull grupp ta’ prodotti għandhom jiġu allokati lill-importaturi kollha skont il-proċedura ta’ allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(b) sakemm il-Kummissjoni tgħarraf lill-Uffiċċji tal-Liċenzji li l-limiti massimi ġew stabbiliti u li l-proċedura ta’ allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(b) intemmet. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, kull importatur għandu jingħata minimu ta’ 2,5 % tal-kwota tariffarja għal kull grupp ta’ prodotti.

KAPITOLU 8

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jieqaf japplika fid-data li fiha tieqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1.

(2)  Li attwalment jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 (ĠU L 282, 28.10.2011, p. 1).

(3)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(5)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS I

Kodiċijiet tariffarji rilevanti applikati fil-Federazzjoni Russa u kodiċijiet NM u TARIC (ara l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament)

 

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Kodiċi tariffarju Russu

Deskrizzjoni sħiħa

1.

ex 4403 20 11

10

4403 20 110 1

Injam tal-prinjol tat-tip “Picea abies Karst.” jew żnuber ajbad (Abies alba Mill.), ta’ dijametru ta’ mhux inqas minn 15-il ċm iżda mhux aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 20 19

10

2.

ex 4403 20 11

10

4403 20 110 2

Injam tal-prinjol tat-tip “Picea abies Karst.” jew żnuber ajbad (Abies alba Mill.), ta’ dijametru ta’ aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 20 19

10

3.

ex 4403 20 19

10

4403 20 190 1

Injam tal-prinjol tat-tip “Picea abies Karst.” jew żnuber ajbad (Abies alba Mill.), mhux maħdum, kemm bil-qoxra jew bil-lbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru fuq fuq, ta’ dijametru ta’ inqas minn 15-il ċm

4.

ex 4403 20 19

10

4403 20 190 9

Injam ieħor tal-prinjol tat-tip “Picea abies Karst.” jew żnuber abjad (Abies alba Mill.)

5.

ex 4403 20 31

10

4403 20 310 1

Injam tal-arżnu tat-tip “Pinus sylvestris L.”, ta’ dijametru ta’ mhux inqas minn 15-il ċm iżda mhux aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 20 39

10

6.

ex 4403 20 31

10

4403 20 310 2

Injam tal-arżnu tat-tip “Pinus sylvestris L.”, ta’ dijametru ta’ aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 20 39

10

7.

ex 4403 20 39

10

4403 20 390 1

Injam tal-arżnu tat-tip “Pinus sylvestris L.” (mhux maħdum, kemm bil-qoxra jew bil-lbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru fuq fuq,) ta’ dijametru ta’ inqas minn 15-il ċm

8.

ex 4403 20 39

10

4403 20 390 9

Injam ieħor tal-arżnu tat-tip “Pinus sylvestris L.”


ANNESS II

Mudell tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-kwoti (ara l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament)

Image

Test ta 'immaġni

Anness għall-mudell tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-kwoti: Affidavit skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament

Affidavit

Affidavit ta’… (Isem id-dikjarant)

Jiena, hawn taħt iffirmat, b’dan qed nagħmel id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

Fir-rigward l-applikazzjoni tiegħi għal awtorizzazzjoni tal-kwoti tal-(JJ/XX/SS), nimpenja ruħi li:

(1)

nassenja l-prodotti kkonċernati lill-ipproċessar preskritt fi żmien sena mid-data li fiha ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali kompetenti d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, li jkun fiha d-deskrizzjoni preċiża tal-oġġetti u l-kodiċijiet TARIC;

(2)

inżomm rekords xierqa fl-Istati Membri fejn ingħatat l-awtorizzazzjoni li jippermettu lill-Uffiċċju tal-Liċenzji jwettaq kull verifika li jqis meħtieġa biex jiżgura li l-prodotti huma verament assenjati lill-ipproċessar preskritt, u li nippreservahom;

(3)

nippermetti lill-Uffiċċju tal-Liċenzji jittraċċa l-prodotti kkonċernati għas-sodisfazzjon tagħhom fil-bini tal-impriża kkonċernata matul l-ipproċessar tagħhom kollu;

(4)

ninnotifika lill-Uffiċċju tal-Liċenzji bil-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw l-awtorizzazzjoni.

Jiena, hawn taħt iffirmat, nivverifka solennement li, sa fejn naf, il-kontenut tal-affidavit tiegħi ta’ hawn fuq huwa vera u korrett u l-ebda parti minnu mhija falza.

Post/Data

 

Firma


ANNESS III

Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament

Il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament huma b’dan stabbiliti kif ġej:

Kodiċi NM

Koeffiċjent ta’ korrezzjoni

4403 20 11

0,90

4403 20 19

0,88

4403 20 31

0,88

4403 20 39

0,87


ANNESS IV

Taqsira tal-importazzjonijiet attwali skont l-Artikolu 7(2) flimkien mal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament

Isem il-kumpanija li timporta

Nru tal-VAT tal-kumpanija li timporta

Importazzjonijiet attwali tal-prinjol (Σ ta’ NM 4403 20 11  u 4403 20 19 ) f’m3 fil-perjodu tal-kwota n-1 (…-…)

Importazzjonijiet attwali tal-arżnu (Σ ta’ NM 4403 20 31  u 4403 20 39 ) f’m3 fil-perjodu tal-kwota n-1 (… -…)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS V

Taqsira tal-importazzjonijiet attwali skont l-Artikolu 18(2) flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament

Isem il-kumpanija li timporta

Nru tal-VAT tal-kumpanija li timporta

Importazzjonijiet attwali tal-prinjol (Σ ta’ NM 4403 20 11 u 4403 20 19 ) f’m3 fis-sena ta’ referenza …

Importazzjonijiet attwali tal-arżnu (Σ ta’ NM 4403 20 31 u 4403 20 39 ) f’m3 fis-sena ta’ referenza …