18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 328/2012

tas-17 ta' April 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 62/2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea konvenzjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ERA/REC/06-2011/INT tat-12 ta’ Mejju 2011.

(2)

Kull speċifikazzjoni teknika ta’ interoperabilità (“STI” - technical specification for interoperability (“TSI”)) għandha tindika l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-STI u l-istadji li għandhom jiġu kompletati sabiex issir tranżizzjoni gradwali mis-sitwazzjoni eżistenti għas-sitwazzjoni aħħarija fejn il-konformità mal-STIs għandha tkun in-norma. L-istrateġija biex tiġi implimentata l-STI tal-“Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija” (“TAF”) ma għandhiex tibbaża biss fuq il-konformità tas-subsistemi mal-STI iżda għandha tkun ibbażata wkoll fuq implimentazzjoni kkoordinata.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 62/2006 tat-23 ta’ Diċembru 2005 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea konvenzjonali (2) għandu jkun allinjat mal-Kapitolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 454/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea (3) fejn hu relevanti.

(4)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 62/2006, il-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju Ewropew bagħtu Pjan Strateġiku Ewropew għall-Mobilitazzjoni (“SEDP”) lill-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Applikazzjonijiet Telematiċi għas-Servizz tat-Trasport tal-Merkanzija. Din il-ħidma għandha titqies bil-modifika tal-Anness A għall-Anness. L-Anness A jirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet dettaljati li jservu ta’ bażi għall-iżvilupp tas-sistema TAF. Hemm bżonn li dawn id-dokumenti jitpoġġew taħt proċess ta’ ġestjoni tat-tibdil. Permezz ta’ dan il-proċess, l-Aġenzija għandha taġġorna dawn id-dokumenti sabiex tikkjarifika x’inhi l-linja bażi għall-implimentazzjoni.

(5)

L-iskedi individwali tas-SEDP sottomessi fl-2007 huma skaduti. Għaldaqstant, l-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u s-sidien tal-vaguni għandhom, permezz tal-kumitat tat-tmexxija, jissottomettu lill-Kummissjoni l-iskedi dettaljati tagħhom li jindikaw l-istadji intermedji, ir-riżultati konkreti, u d-dati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet individwali TAF STI. Kwalunkwe diverġenza mill-iskedi tas-SEDP għandha tkun iġġustifikata kif xieraq bil-miżuri ta’ mitigazzjoni meħuda sabiex jillimitaw aktar dewmien. Din il-ħidma għandha tkun ibbażata fuq l-assunzjoni li t-talbiet għal tibdil ipproċessati skont it-Taqsima 7.2.2 tal-Anness ikunu vvalidati.

(6)

Jeħtieġ li d-destinatarji kollha jkunu infurmati dwar l-obbligi tagħhom f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-operaturi żgħar tal-merkanzija li mhumiex membri tal-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju Ewropew.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 62/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikoli 4a, 4b u 4c li ġejjin għandhom jiddaħħlu fir-Regolament (KE) Nru 62/2006:

“Artikolu 4a

1.   L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u s-sidien tal-vaguni għandhom jiżviluppaw u jagħmlu użu mis-sistema kkompjuterizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 7 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u b’mod partikolari skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ rekwiżiti funzjonali u mal-pjan direttur imsemmi fit-Taqsima 7.1.2.

2.   L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u s-sidien tal-vaguni, permezz tal-kumitat tat-tmexxija msemmi fit-Taqsima 7.1.4 tal-Anness, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-13 ta’ Mejju 2012, il-pjan direttur imsemmi fit-Taqsima 7.1.2 ibbażat fuq l-iskedi dettaljati tagħhom li jindikaw l-istadji intermedji, id-dokumenti mitluba u d-dati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet individwali TAF STI.

3.   Dawn għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress tagħhom permezz tal-kumitat tat-tmexxija msemmi fit-Taqsima 7.1.4 tal-Anness wara d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 7 tal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 4b

1.   L-Aġenzija għandha tippubblika l-pjan direttur imsemmi fit-Taqsima 7.1.2, u żżommu aġġornat.

2.   L-Aġenzija għandha taġġorna d-dokumenti msemmija fl-Anness A abbażi ta’ talbiet għal tibdil ivvalidati qabel it-13 ta’ Mejju 2012 skont il-proċess tal-ġestjoni tat-tibdil deskritt fit-Taqsima 7.2.2. L-Aġenzija għandha tissottometti rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Ottubru 2012 dwar l-aġġornament tal-Anness A li jistabbilixxi l-linja bażi għall-implimentazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tat-TAF bil-għan li tiddetermina jekk l-objettivi segwiti u d-dati ta’ skadenza nkisbux.

Artikolu 4c

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, u s-sidien tal-vaguni kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu infurmati b’dan ir-Regolament, u għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt nazzjonali għas-segwitu tal-implimentazzjoni tiegħu.”

Artikolu 2

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 62/2006 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

It-Taqsimiet 7.1, 7.2 u 7.3 huma sostitwiti bit-test stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(2)

L-Anness A huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

(3)

Fit-Taqsima 2.3.1, fil-paragrafu li jibda “ċerti fornituri ta’ servizzi speċifiċi…”, it-test “(ara wkoll l-Anness A l-indiċi 6)” huwa mħassar.

(4)

Fit-Taqsimiet 4.2, 4.2.3.1, 4.2.4.1, 4.2.8.1, ir-referenza għall-“indiċi 1” hija sostitwita b’referenza għall-“Appendiċi F”.

(5)

Fit-Taqsima 4.2.1.1, is-sentenza

“Din id-dejta, inkluża dik addizzjonali, hija (għad-deskrizzjoni tad-dejta ara l-Anness A l-indiċi 3) mniżżla fit-tabella fl-Anness A l-indiċi 3 bl-indikazzjoni fil-filliera “Dejta fin-Nota tal-Konsenja”, kemm ta’ jekk hijiex obbligatorja jew fakultattiva, kif ukoll ta’ jekk għandhiex titwassal mill-Kunsinnatur jew tkun issupplementata mill-IFR (Impriża Ferrovjarja Responsabbli - Lead Railway Undertaking (LRU)).”

hija sostitwita bi

“Din id-dejta, inkluża dik addizzjonali, hija (għad-deskrizzjoni tad-dejta ara l-Anness A — l-Appendiċi A, B, F u l-Anness 1 għall-Appendiċi B) mniżżla fit-tabella fl-Anness A — l-Anness 1 għall-Appendiċi B bl-indikazzjoni fil-filliera “Dejta fin-Nota tal-Konsenja”, kemm ta’ jekk hijiex obbligatorja jew fakultattiva, kif ukoll ta’ jekk għandhiex titwassal mill-Kunsinnatur jew tkun issupplementata mill-IFR.”

(6)

Fit-Taqsima 4.2.1.2, is-sentenzi

“Id-dejta tal-ordnijiet tal-vaguni skont l-irwoli varji ta’ IF hija mniżżla fid-dettall fl-Anness A l-indiċi 3, indikata skont jekk hijiex obbligatorja jew fakultattiva. Il-formati dettaljati ta’ dawn il-messaġġi huma ddefiniti fl-Anness A l-indiċi 1.”

huma sostitwita bi

“Id-dejta tal-ordnijiet tal-vaguni skont l-irwoli varji ta’ IF hija mniżżla fid-dettall fl-Anness A — l-Appendiċi A u B u l-Anness 1 għall-Appendiċi B, indikata skont jekk hijiex obbligatorja jew fakultattiva. Il-formati dettaljati ta’ dawn il-messaġġi huma ddefiniti fl-Anness A l-Appendiċi F.”

(7)

Fit-Taqsima 4.2.2.1, “l-indiċi 4” huwa sostitwit bl-“Appendiċi F”, u l-“indiċi 1” huwa sostitwit bl-“Appendiċi F”.

(8)

Fit-Taqsima 4.2.11.2, “l-indiċi 2” huwa sostitwit bl-“Appendiċi D u F”.

(9)

Fit-Taqsima 4.2.11.3, “l-indiċi 2” huwa sostitwit bl-“Appendiċi A, B, F u l-Anness 1 tal-Appendiċi B”.

(10)

Fit-Taqsima 6.2, “l-indiċi 1” huwa sostitwit bl-“Appendiċi E u F”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 13, 18.1.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11.


ANNESS I

7.1.   Modalitajiet tal-Applikazzjoni tal-STI

7.1.1.   Introduzzjoni

Dan l-STI jikkonċerna s-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija”. Din is-subsistema hija funzjonali skont l-Anness II tad-Direttiva 2008/57/KE. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ din l-STI ma tiddependix fuq il-kunċett ta’ subsistema ġdida, imġedda jew aġġornata, kif huwa ta’ użanza fil-każ ta’ STI relatati mas-subsistemi strutturali, ħlief fejn huwa speċifikat fl-STI.

L-STI hija implimentata f’fażijiet:

—   l-ewwel fażi: speċifikazzjonijiet dettaljati tal-IT u l-pjan direttur;

—   it-tieni fażi: żvilupp;

—   it-tielet fażi: implimentazzjoni.

7.1.2.   L-ewwel fażi — speċifikazzjonijiet dettaljati tal-IT u l-pjan direttur

L-ispeċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti funzjonali li għandhom jintużaw bħala bażi għall-arkitettura teknika ta’ hawn fuq waqt l-iżvilupp u l-użu tas-sistema kkompjuterizzata jinsabu fl-Appendiċi A sa F tal-Anness A.

Il-pjan direttur mandatorju mill-ħolqien sal-wasla tas-sistema kkompjuterizzata, ibbażat fuq il-Pjan Strateġiku Ewropew għall-Mobilitazzjoni (SEDP) imħejji mis-settur ferrovjajru, jinkludi l-komponenti ewlenin tal-arkitettura tas-sistema u l-identifikazzjoni tal-attivitajiet il-kbar li għandhom jiġu eżegwiti.

7.1.3.   Il-fażijiet 2 u 3 — Żvilupp u implimentazzjoni

L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u s-sidien tal-vaguni għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw is-sistema kkompjuterizzata TAF skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 7.

7.1.4.   Governanza, rwoli u responsabbiltajiet

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni għandhom jitpoġġew taħt struttura governattiva mal-atturi li ġejjin:

Il-Kumitat ta’ Tmexxija

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkollu l-irwoli u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

1.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jipprovdi għall-istruttura ta’ ġestjoni strateġika sabiex jiġġestixxi u jikkoordina b’mod effiċjenti l-ħidma għall-implimentazzjoni tat-TAF-STI. Dan għandu jinvolvi l-istabbiliment tal-politika, id-direzzjoni strateġika u l-prijoritizzazzjoni. Permezz ta’ dan, il-Kumitat ta’ Tmexxija jqis ukoll l-interessi ta’ impriżi żgħar, operaturi ġodda, u impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizzi speċifiċi.

2.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jissorvelja l-progress tal-implimentazzjoni. Għandu jirrapporta b’mod regolari lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress milħuq ikkumparat mal-pjan direttur, minn tal-anqas erba’ darbiet fis-sena. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jieħu l-passi neċessarji biex jaġġusta l-iżvilupp ta’ hawn fuq f’każ ta’ devjazzjoni mill-pjan direttur.

3.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn

il-korpi rappreżentattivi mis-settur ferrovjarju li jaġixxu fuq livell Ewropew, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004/KE (“il-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju”)

l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, u

il-Kummissjoni.

4.

Dan il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun taħt il-presidenza konġunta minn (a) il-Kummissjoni u (b) persuna nnominata mill-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, għandha tabbozza r-regoli tal-proċedura ta’ dan il-Kumitat ta’ Tmexxija, li fuqhom għandu jaqbel il-Kumitat ta’ Tmexxija.

5.

Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija jistgħu jipproponu lill-Kumitat ta’ Tmexxija li organizzazzjonijiet oħrajn jiġu inklużi bħala osservaturi meta jkun hemm raġunijiet validi tekniċi u organizzattivi biex dan isir.

Il-Partijiet interessati

L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u s-sidien tal-vaguni għandhom jistabbilixxu struttura effiċjenti ta’ governanza ta’ proġetti li tippermetti li s-sistema TAF tkun effiċjenti, żviluppata u implimentata.

Il-partijiet interessati ta’ hawn fuq għandhom:

jipprovdu l-isforzi neċessarji u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

jikkonformaw mal-prinċipji tal-aċċess għall-komponenti komuni tat-TAF STI li għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti kollha fis-suq fi struttura tal-ispejjeż tas-servizzi li hija unifikata, trasparenti u l-inqas possibbli;

jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq ikollhom aċċess għad-dejta kollha skambjata meħtieġa biex taqdi l-obbligi legali tagħhom u għall-prestazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom skont ir-rekwiżiti funzjonali tat-TAF STI;

jipproteġu l-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet mal-klijenti;

jistabbilixxu mekkaniżmu li permezz tiegħu “dawk li jaslu tard” ikunu jistgħu jissieħbu mal-iżvilupp tat-TAF u jgawdu mill-iżviluppi miksuba mit-TAF relatati mal-komponenti komuni b’mod li huwa sodisfaċenti kemm għall-persuni interessati ta’ hawn fuq kif ukoll għall-“ġodda” b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ qsim ġust tal-ispejjeż;

jirrappurtaw il-progress bi pjanijiet ta’ implimentazzjoni lill-Kumitat ta’ Tmexxija tat-TAF. Dan ir-rappurtaġġ jinkludi wkoll — fejn hu xieraq — devjazzjonijiet mill-pjan direttur.

Il-Korpi Rappreżentattivi

Il-Korpi Rappreżentattivi mis-settur ferrovjarju li jaġixxu fuq livell Ewropew kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004/KE għandu jkollhom l-irwoli u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

jirrappreżentaw lill-membri individwali tal-partijiet interessati tagħhom fil-Kumitat ta’ Tmexxija tat-TAF-STI;

iqajmu kuxjenza fil-membri tagħhom dwar l-obbligi tagħhom relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament preżenti;

jiżguraw aċċess attwali, komplet u f’waqtu għall-partijiet interessati kollha ta’ hawn fuq għal informazzjoni dwar l-istatus fuq il-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija u kwalunkwe gruppi oħrajn sabiex jiġu mħarsal-interessi ta’ kull rappreżentant fl-implimentazzjoni tat-TAF-STI;

jiżguraw it-tmexxija effiċjenti tal-informazzjoni mill-membri individwali tal-partijiet interessati tagħhom lill-Kumitat ta’ Tmexxija tat-TAF sabiex l-interess tal-partijiet interessati jingħata attenzjoni xierqa għal deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp u l-użu tat-TAF;

jiżguraw it-tmexxija effiċjenti tal-informazzjoni mill-Kumitat ta’ Tmexxija tat-TAF lill-membri individwali tal-partijiet interessati tagħhom sabiex il-partijiet interessati jkunu infurmati kif jixraq fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp u l-użu tat-TAF.

7.2.   Ġestjoni tat-Tibdil

7.2.1.   Proċess ta’ Ġestjoni tat-Tibdil

Il-proċeduri ta’ ġestjoni tat-tibdil għandhom ikunu ddisinjati sabiex jiżguraw li l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bidla jkunu analizzati sew u li t-tibdil ikun implimentat b’mod ikkontrollat. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu ddefiniti, imqegħdin f’posthom, appoġġjati u ġestiti mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, u għandhom jinkludu:

l-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet tekniċi marbutin mat-tibdil;

dikjarazzjoni dwar min jerfa’ r-responsabbiltà tal-proċeduri tal-implimentazzjoni tat-tibdil;

il-proċedura għall-ivvalidar tat-tibdil li għandu jiġi implimentat;

il-politika għall-ġestjoni tat-tibdil, ir-rilaxx, il-migrazzjoni u l-implimentazzjoni;

id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet għall-ġestjoni tal-ispeċifikazzjonijiet iddettaljati u għall-kwalità tal-assigurazzjoni tagħha kif ukoll għall-ġestjoni tal-konfigurazzjoni.

Il-Bord ta’ Kontroll tat-Tibdil (BKT) — (Change Control Board (CCB)) għandu jkun magħmul mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, mill-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju u mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sikurezza. Tali affiljazzjoni tal-partijiet għandha tiżgura perspettiva dwar it-tibdiliet li għandhom isiru u valutazzjoni ġenerali tal-implikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ żżid aktar partijiet mal-BKT jekk il-parteċipazzjoni tagħhom titqies neċessarja. Il-BKT fl-aħħar mill-aħħar għandu jinġieb taħt il-kappa tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

7.2.2.   Proċess Speċifiku tal-Ġestjoni tat-Tibdil għal dokumenti elenkati fl-Anness A għal dan ir-Regolament

Il-ġestjoni tal-kontroll tat-tibdil għad-dokumenti elenkati fl-Anness A għal dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea skont il-kriterji li ġejjin:

1.

It-talbiet għal tibdil li jaffettwaw id-dokumenti għandhom jiġu sottomessi jew permezz tal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sikurezza (ANS), jew permezz tal-korpi rappreżentattivi mis-settur ferrovjarju li jaġixxu fuq livell Ewropew kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004/KE, jew permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-TAF STI. Il-Kummissjoni tista’ żżid aktar partijiet tal-preżentazzjoni jekk il-kontribuzzjoni tagħhom titqies neċessarja.

2.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tiġbor u taħżen it-talbiet għal tibdil.

3.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tippreżenta t-talbiet għal tibdil lill-grupp ta’ ħidma ddedikat tal-ERA, li tevalwahom u tipprepara proposta akkumpanjata minn evalwazzjoni ekonomika, fejn xieraq.

4.

Wara dan, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tippreżenta t-talba għal tibdil u l-proposta assoċjata lill-Bord ta’ Kontroll tat-Tibdil li jivvalida jew jipposponi t-talba għal bidla jew le.

5.

Jekk it-talba għal tibdil ma tiġix ivvalidata, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tibgħat lura lil min jagħmel it-talba jew ir-raġuni għaċ-ċaħda jew talba għal informazzjoni addizzjonali dwar l-abbozz tat-talba għal bidla.

6.

Id-dokument għandu jiġi emendat abbażi ta’ talbiet ivvalidati għal tibdil.

7.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tissottometti lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni biex taġġorna l-Anness A flimkien mal-abbozz tal-verżjoni l-ġdida tad-dokument, it-talbiet għal tibdil u l-evalwazzjoni ekonomika tagħhom.

8.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq is-sit tal-Internet tagħha l-abbozz tal-verżjoni l-ġdida tad-dokument u t-talbiet għal tibdil ivvalidati.

9.

Ladarba l-aġġornament tal-Anness A jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq is-sit tal-Internet tagħha il-verżjoni l-ġdida tad-dokument.

Fejn il-ġestjoni tal-kontroll ta’ tibdil taffettwa elementi li huma f’użu komuni fi ħdan it-TAP STI, it-tibdiliet għandhom isiru b’mod li jibqgħu qrib kemm jista’ jkun mat-TAP STI implimentata, sabiex jinkisbu l-aħjar sinerġiji.


ANNESS II

“ANNESS A

LISTA TA’ DOKUMENTI MEHMUŻA

Lista ta’speċifikazzjonijiet mandatarji

Nru tal-Indiċi

Referenza

Isem tad-Dokument

Verżjoni

5

ERA_FRS_TAF_A_Index_5.doc

TAF STI — L-ANNESS A.5: Figuri u Dijagrammi ta’ Sekwenza tal-Messaġġi tat-TAF STI

1.0


Appendiċi

Referenza

Isem id-Dokument

Verżjoni

A

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_A.doc

TAF STI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI A (IPPJANAR TAL-VJAĠĠI TAL-ILU/TAL-VAGUNI)

1.0

B

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_B.doc

TAF STI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI B - BAŻI TA’ DEJTA OPERATTIVA TA’ VAGUNI U UNITÀ INTERMODALI (WIMO)

1.0

B — l-Anness 1

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_B_Annex_1.doc

TAF STI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI B - BAŻI TA’ DEJTA OPERATTIVA TA’ VAGUNI U UNITÀ INTERMODALI (WIMO) — L-ANNESS 1: DEJTA WIMO

1.0

C

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_C.doc

TAF TSI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI C — FAJLS TA’ REFERENZA

1.0

D

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_D.doc

TAF STI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI D — DEJTA TA’ NOTIFIKA TAR-RESTRIZZJONI FL-INFRASTRUTTURA

1.0

E

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_E.doc

TAF STI — l-Anness D.2: l-Appendiċi E — Interface Komuni

1.0

F

ERA_FRS_TAF_D_2_Appendix_F.doc

TAF STI — L-ANNESS D.2: L-APPENDIĊI F — MUDELL TAD-DEJTA U TAL-MESSAĠĠI TAT-TAF STI

1.0”