4.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/18 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/45/UE
tat-3 ta’ Diċembru 2012
li tadatta għat-tieni darba l-Annessi tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi għall-progress xjentifiku u tekniku
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE jirreferu għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi fuq it-triq, bil-ferrovija u fuq passaġġi tal-ilma interni kif definit fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali jiġu aġġornati kull sentejn. Konsegwentement, il-verżjonijiet li ġew emendati l-aħħar ta’ dawn il-ftehimiet għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013, b’perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Ġunju 2013. |
(3) |
L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan: |
(4) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2008/68/KE
Id-Direttiva 2008/68/KE hija emendata kif ġej:
1. |
Fl-Anness I, it-Taqsima I.1 tinbidel b’dan li ġej: ‘I.1. ADR L-Annessi A u B tal-ADR, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif mifhum illi l-frażi ‘parti kontraenti’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’ |
2. |
Fl-Anness II, it-Taqsima II.1 tinbidel b’dan li ġej: ‘II.1. RID L-Anness tar-RID, li jidher fl-Appendiċi C tal-COTIF, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif mifhum illi l-frażi ‘Stat Kontraenti RID’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’ |
3. |
Fl-Anness III, it-Taqsima III.1 tinbidel b’dan li ġej: ‘III.1. ADN Ir-Regolamenti annessi tal-ADN, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1), 8(3) tal-ADN, kif mifhum illi l-frażi ‘parti kontraenti’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’ |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.