18.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/69


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Frar 2012

dwar l-arranġamenti ddettaljati għall-ġbir tal-primjums għal emissjonijiet eċċessivi tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/99/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment [prestazzjoni] fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, tikkonferma, u skont l-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament, tagħmilha pubblika, li manifattur ikun naqas milli jikkonforma mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha timponi primjum għal emissjonijiet eċċessivi fuq dak il-manifattur, jew fil-każ ta’ konsorzju, fuq l-amministratur tal-konsorzju.

(2)

Huwa neċessarju li jiġu adottati arranġamenti ddettaljati għall-ġbir ta’ dawk il-primjums għal emissjonijiet eċċessivi.

(3)

Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, l-ammonti tal-primjums għal emissjonijiet eċċessivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiddaħħlu u jiġu riservati fit-Titolu 7 tal-baġit ġenerali. Għalhekk, huwa xieraq li bħala metodu ta’ ġbir jiġu applikati r-regoli għall-irkupru tal-ammonti riċevibbli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3).

(4)

Għall-iskop li jiġi stabbilit l-ammont riċevibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 71 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, għandu jiġi kkunsidrat li skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-manifattur għandu jiġi nnotifikat mill-Kummissjoni dwar il-kalkoli provviżorji tal-emissjonijiet speċifiċi medji tiegħu ta’ CO2 fis-sena kalendarja preċedenti, dwar il-mira għall-emissjonijiet speċifiċi u d-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tiegħu u l-mira għall-emissjonijiet speċifiċi għal dik is-sena, u skont l-Artikolu 8(5) ta’ dak ir-Regolament għandu jingħata l-possibbiltà li jivverifika dawk il-kalkoli u li jinnotifika lill-Kummissjoni kwalunkwe żball fi żmien tliet xhur minn mindu jaslu l-kalkoli provviżorji.

(5)

Fid-dawl tal-iskambju tal-fehmiet li jseħħ bejn il-Kummissjoni u l-manifattur qabel il-konferma tal-prestazzjoni tal-manifattur skont l-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 u l-possibbiltà mogħtija lill-manifattur biex iqajjem oġġezzjonijiet kontra l-kalkolu tal-prestazzjoni tiegħu, għandu jitqies li meta l-Kummissjoni tikkonferma l-prestazzjoni, hija tkun uriet li d-dejn jeżisti u li l-ammont riċevibbli żgur huwa skont it-tifsira tal-Artikolu 71 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(6)

Il-primjum għal emissjonijiet eċċessivi għandu jiġi kkalkulat skont il-formuli stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 u għandu jsir pubbliku skont l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, l-ammont riċevibbli għandu jitqies bħala ammont fiss li huwa dovut skont it-tifsira tal-Artikolu 71 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi bl-irkupru tal-primjum għal emissjonijiet eċċessivi kkalkulat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 billi tistabbilixxi ordni għall-irkupru u billi toħroġ nota ta’ debitu indirizzata lill-manifattur ikkonċernat skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 71 sa 74 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikoli 78 sa 89 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.