29.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1214/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2011

dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-introduzzjoni tal-euro żiedet b'mod konsiderevoli l-ħtieġa ta’ trasport transkonfinali tal-flus kontanti bit-triq. Fiż-żona tal-euro, il-banek, is-settur tal-bejjiegħa kbar bl-imnut u dawk li jiġġestixxu l-flus kontanti b'mod professjonali għandhom ikunu kapaċi jikkuntrattaw lill-kumpanija tal-flus kontanti fi tranżitu (CIT) li toffri l-aħjar prezz u/jew servizz u li jieħdu vantaġġ mis-servizzi ta’ flus kontanti tal-eqreb fergħa tal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jew ċentru tal-flus kontanti tas-CIT, anki jekk tkun illokalizzata fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, numru kbir ta’ Stati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom (minn hawn 'il quddiem imsejħin “Stati Membri parteċipanti”) għamlu, jew jistgħu jkunu jixtiequ li jagħmlu, arranġamenti biex il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro jiġu prodotti barra l-pajjiż. Il-prinċipju nnifsu ta’ munità unika jimplika l-ħelsien li l-flus kontanti jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri parteċipanti.

(2)

Minħabba d-differenzi evidenti bejn il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, ġeneralment huwa diffiċli ħafna li jitwettaq trasport transkonfinali professjonali ta’ tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri parteċipanti. Din is-sitwazzjoni hija f'kontradizzjoni mal-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni libera tal-euro u hija għad-detriment tal-prinċipju tal-libertà li tipprovdi s-servizzi, li huma fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Dan ir-Regolament huwa t-tweġiba għall-preżentazzjoni potenzjali tal-istrumenti ta’ armonizzazzjoni għat-trasport tal-flus kontanti kif imfissra fl-Artikolu 38(b) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3).

(4)

Sabiex titjieb is-sigurtà tas-CIT kemm għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT involut kif ukoll għall-pubbliku, għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ sistema intelliġenti għan-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus (IBNS) u, wara li l-Kummissjoni twettaq analiżi bir-reqqa tal-impatti potenzjali, għandu jkun hemm il-possibbiltà li tiġi żviluppata, b'mod armonizzat bejn l-Istati Membri parteċipanti, mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament dwar il-modalitajiet tat-trasport applikabbli.

(5)

Minħabba l-perikli partikolari għas-saħħa u l-ħajja kemm tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT kif ukoll tal-pubbliku ġenerali li huma assoċjati mal-attività tat-trasport tal-flus kontanti, huwa xieraq li t-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti jkun soġġett għall-pussess ta’ liċenzja speċifika transkonfinali tas-CIT. Il-pussess ta’ tali liċenzja għandha tkun apparti l-liċenzja nazzjonali tas-CIT li hija meħtieġa fil-maġġoranza tal-Istati Membri parteċipanti, li l-forma tagħha dan ir-Regolament ma jarmonizzax. Huwa għaldaqstant xieraq li l-kumpaniji tas-CIT stabbiliti f'dawk l-Istati Membri parteċipanti li ma jkollhomx proċedura speċifika ta’ approvazzjoni għall-kumpaniji tas-CIT minbarra r-regoli ġenerali tagħhom għas-setturi tas-sigurtà jew tat-trasport, juru livell miminu ta’ esperjenza ta’ 24 xahar ta’ trasport regolari ta’ flus kontanti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment mingħajr ksur tal-liġi nazzjonali qabel ma jingħataw liċenzja transkonfinali tas-CIT minn dak l-Istat Membru. Tali approvazzjoni żżid il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

(6)

Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obligi u l-introduzzjoni ta’ proċedura li tkun aktar diffiċli milli hemm bżonn, huwa wkoll xieraq li jiġi previst li detentur ta’ liċenzja transkonfinali tas-CIT ma jintalabx li jkollu fil-pussess tiegħu liċenzja Komunitarja għall-ġarr internazzjonali ta’ oġġetti bit-triq, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (4).

(7)

It-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri parteċipanti għandu jkun kompletament konformi ma’ dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini, tal-Istat Membru ospitanti u, jekk applikabbli, tal-Istat Membru ta’ transitu.

(8)

Dan ir-Regolament huwa mfassal biex jippermetti t-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri parteċipanti taħt kondizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tat-transazzjoni, is-sikurezza tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT involut u tal-pubbliku u tal-moviment liberu tal-euro fi flus kontanti. B'konformità mal-prattika normali tas-suq, huwa xieraq ukoll li jiġi permess li jiġu ttrasportati fl-istess vettura tas-CIT valur limitat ta’ flus kontanti f'muniti oħra minbarra l-euro.

(9)

Fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema transkonfinali fil-qasam tas-CIT, ikun xieraq li dawn isegwu modulu ta’ taħriġ transkonfinali speċifiku kif dettaljat fl-Anness VI. Bil-għan li jiġi evitat li jkun hemm dupplikazzjoni bla bżonn, il-modulu ta’ taħriġ transkonfinali m'għandux jinkludi l-elementi diġà koperti mit-taħriġ obbligatorju meħtieġ biex titwettaq l-attività CIT domestika.

(10)

Minħabba l-kondizzjonijiet speċifiċi tas-settur tas-CIT, huwa diffiċli li torganizza b'mod sikur kunsinni tal-euro fi flus kontanti fuq diversi jiem. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-vettura tas-CIT li twettaq it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq tirritorna lejn l-Istat Membru tal-oriġini tagħha fl-istess jum.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta biex temenda d-definizzjoni ta’ “binhar” u/jew tat-tul minimu meħtieġ ta’ taħriġ inizjali ad hoc stipulat f'dan ir-Regolament fil-każ li l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni jaqblu li hija aktar xierqa definizzjoni oħra.

(12)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, in-numru ta’ operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti wara li l-ġarr internazzjonali minn Stat Membru ieħor jiġi limitat għal tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi żmien sebat ijiem. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tas-CIT, hija prattika normali li vettura tas-CIT twettaq numru ferm akbar ta’ kunsinni/ġabriet tal-euro fi flus kontanti kull jum. Għaldaqstant huwa xieraq li ssir deroga mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 billi ma jkun impost l-ebda limitu fuq l-għadd ta’ ġabriet/kunsinni tal-euro fi flus kontanti li vettura tas-CIT tista' twettaq fi Stat Membru ospitanti matul jum wieħed.

(13)

Ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-imġiba tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT barra mill-vettura tas-CIT u li jirregolaw is-sigurtà tal-postijiet ta’ kunsinna/ġabra tal-euro fi flus kontanti ma għandhiex tkopri l-użu potenzjali ta’ sistemi ta’ newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus f'kombinazzjoni mat-trasport ta’ karti tal-flus f'vettura korazzata tas-CIT għal kollox mhux mgħammra bl-IBNS.

(14)

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (5) jkopri s-sitwazzjonijiet ta’ impjiegi meta impriża tipprovdi servizzi transnazzjonali billi taġixxi f'isimha stess u taħt id-direzzjoni tagħha stess skont kuntratt konkluż bejn l-intrapriża u l-parti li għaliha huma maħsuba s-servizzi.

(15)

Meta wieħed iqis in-natura speċifika tas-servizzi tat-trasport tas-CIT, hemm il-ħtieġa li tkun prevista applikazzjoni analoga tad-Direttiva 96/71/KE għas-servizzi kollha ta’ trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti sabiex tingħata ċertezza legali għall-operaturi u tkun żgurata l-applikabbiltà prattika tad-Direttiva f'dak is-settur.

(16)

Minħabba l-ispeċifiċità tal-attivitajiet tat-trasport ikkonċernat u l-karattru okkażjonali ta’ wħud minn dawk l-attivitajiet, l-applikazzjoni analoga tar-regoli minimi ta’ protezzjoni stipulati fid-Direttiva 96/71/KE għandhom jiġu limitati għar-rati minimi tal-ħlas, inklużi r-rati tas-sahra, kif imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c) ta’ dik id-Direttiva u dawn għandhom ikunu ggarantiti għat-tul tal-jum tax-xogħol kollu sabiex ma jkunx impost piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq l-operaturi. Kif imsemmi fid-Direttiva 96/71/KE, u fil-limiti tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kunċett tar-rati minimi tal-ħlas huwa definit mil-liġi nazzjonali jew mill-prattika tal-Istat Membru fejn ikun intbagħat il-ħaddiem. Fejn, bħala riżultat ta’ kuntratti, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew arranġamenti prattiċi, ħaddiem tas-CIT iwettaq trasport transkonfinali għal aktar minn 100 jum tax-xogħol tul sena kalendarja fi Stat Membru ieħor, huwa xieraq li r-regoli minimi ta’ protezzjoni stipulati fid-Direttiva 96/71/KE japplikaw mutatis mutandis għal dan il-ħaddiem.

(17)

L-applikazzjoni tar-regoli minimi ta’ protezzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiem skont il-liġi, il-ftehim kollettiv jew il-kuntratt tal-impjieg tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ħaddiem.

(18)

Bil-għan li jkunu stabbiliti r-regoli minimi ta’ protezzjoni rilevanti, huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar koperazzjoni fl-informazzjoni fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE tapplika mutatis mutandis. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni previsti fid-Direttiva 96/71/KE.

(19)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (6).

(20)

Bil-għan li jitqies il-progress teknoloġiku u standards Ewropej ġodda possibbli, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-regoli tekniċi dwar l-istandards fir-rigward tal-IBNS, il-korazzar tal-vetturi tas-CIT, il-ġkieket bulletproof u l-kaxxiforti tal-armi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti u tal-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv, jiġifieri li jkun iffaċilitat it-trasport professjonali tal-euro fi flus kontantio bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

REGOLI KOMUNI LI JIRREGOLAW IT-TRASPORT TRANSKONFINALI KOLLU TAL-EUTO FI FLUS KONTANTI BIT-TRIQ

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Stati Membri parteċipanti” tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(b)

“it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti bit-triq” tfisser it-trasport professjonali, jew bi ħlas f'isem partijiet terzi jew imwettqa fi ħdan kumpanija ta’ flus kontanti fi tranżitu (minn hawn 'il quddiem imsejħa “…”), b'vettura tas-CIT bit-triq ta’ karti tal-flus jew muniti tal-euro minn Stat Membru parteċipanti, biex jiġu fornuti karti tal-flus jew muniti tal-euro lil, jew jinġabru mingħand, post wieħed jew aktar fi Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar, u fl-Istat Membru tal-oriġini - mingħajr preġudizzju għat-trasport ta’ mhux aktar minn 20 % ta’ flus kontanti li ma jkunux euro bi proporzjon mal-valur totali ta’ flus kontanti ttrasportati fl-istess vettura tas-CIT - fejn il-maġġoranza tal-kunsinni/ġabriet tal-euro fi flus kontanti magħmula minn vettura tas-CIT matul l-istess jum jitwettqu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew, fil-każ ta’ trasport minn punt sa punt, fejn isir it-trasport bejn żewġ Stati Membri parteċipanti differenti;

(c)

“liċenzja tas-CIT transkonfinali” tfisser liċenzja mogħtija mill-awtorità li tagħti l-liċenzji tal-Istat Membru tal-oriġini li tawtorizza lid-detentur li jwettaq it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri parteċipanti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(d)

“awtorità li tagħti l-liċenzji” tfisser l-awtorità fl-Istat Membru tal-oriġini inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzji tas-CIT transkonfinali;

(e)

“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru parteċipanti li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-kumpanija tas-CIT. Il-kumpanija tas-CIT titqies li hija stabbilita jekk tkun fil-fatt qed issegwi attività ekonomika, f'konformità mal-Artikolu 49 TFUE, għal perijodu indefinit, permezz ta’ infrastruttura stabbli minn fejn fil-fatt jitwettaq in-negozju tal-forniment tas-servizzi;

(f)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar li fiħ il-kumpanija tas-CIT tipprovdi s-servizz ta’ kunsinna/ġbir tal-euro fi flus kontanti differenti mill-Istat Membru tal-oriġini;

(g)

“Stat Membru ta’ transitu” tfisser Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar Stati Membri parteċipanti għajr l-Istat Membru tal-oriġini li l-vettura CIT trid tgħaddi minnu sabiex tasal fl-Istat Membru ospitanti jew biex tirritorna lejn l-Istat Membru tal-oriġini;

(h)

“binhar” b'referenza għat-trasport tfisser it-trasport imwettaq bejn is-6.00 u l-22.00;

(i)

“persunal tas-sigurtà tas-CIT” tfisser l-impjegati mogħtija struzzjonijiet biex isuqu vettura tas-CIT li fiha jinġarru l-euro fi flus kontanti jew biex jipproteġu dak li hemm fiha;

(j)

“vettura tas-CIT” tfisser vettura użata għat-trasport professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq;

(k)

“vettura ta’ dehra ordinarja” tfisser vettura tas-CIT li jkollha dehra normali u li ma jkollhiex fuqha sinjali distintivi li jindikaw li tappartjeni għal kumpanija tas-CIT jew li tintuża għall-finijiet ta’ trasport tal-euro fi flus kontanti;

(l)

“trasport minn punt sa punt” tfisser trasport minn post wieħed sikur għal ieħor, mingħajr l-ebda waqfa intermedjarja;

(m)

“żona sikurizzata” tfisser punt ta’ ġbir ta’ kunsinna għall-flus kontanti lokalizzat f'bini u sikurizzat kontra aċċess mhux awtorizzat f'termini ta’ tagħmir (sistemi kontra l-intrużjoni) kif ukoll ta’ proċeduri ta’ aċċess għall-persuni;

(n)

“post sikur” tfisser post f'żona sikurizzata, li huwa aċċessibbli għall-vetturi tas-CIT u li fih il-vetturi tas-CIT jistgħu jitgħabbew jew jinħattu b'mod sikur;

(o)

“li tinnewtralizza” karta tal-flus tfisser li timmutilaha jew tagħmlilha ħsara permezz ta’ tbajja' jew b'mezzi oħra kif speċifikat fl-Anness II;

(p)

“sistema intelliġenti għan-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus” jew “IBNS” tfisser sistema li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-kontenitur tal-karti tal-flus kontinwament jipproteġi l-karti tal-flus permezz ta’ sistema ta’ newtralizzazzjoni tal-euro fi flus kontanti, minn żona sikurizzata għall-punt tal-kunsinna tal-flus kontanti jew mill-punt ta’ ġbir tal-euro fi flus kontanti sa żona sikurizzata;

(ii)

il-persunal tas-sigurtà tas-CIT mhuwiex kapaċi jiftaħ il-kontenitur barra l-perijodi tal-ħin u/jew il-postijiet ipprogrammati minn qabel jew li jibdel il-perijodi tal-ħin u/jew il-postijiet ipprogrammati minn qabel meta l-kontenitur jista' jinfetaħ ladarba tkun inbdiet l-operazzjoni tat-trasport tal-euro fi flus kontanti;

(iii)

il-kontenitur huwa mgħammar b'mekkaniżmu biex jinnewtralizza b'mod permanenti l-karti tal-flus jekk isir xi tentattiv mhux awtorizzat biex jinfetaħ il-kontenitur, u

(iv)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II huma sodisfatti;

(q)

“IBNS tarf ma’ tarf” tfisser IBNS li hija mgħammra għal użu tarf ma’ tarf, jiġifieri l-karti tal-flus jibqgħu inaċċessibbli għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT matul il-ħin kollu u huma protetti kontinwament mill-IBNS minn żona sikurizzata għal żona sikurizzata jew, għall-cassettes tal-Automated Teller Machines (ATMs) jew tipi oħrajn ta’ dispensers tal-flus kontanti, minn żona sikurizzata sal-parti ta’ ġewwa tal-ATM jew tat-tipi l-oħra ta’ dispensers tal-flus kontanti;

(r)

“A1” u “B1”, b'referenza għal-livell ta’ ħiliet fil-lingwi jfissru l-livelli stabbiliti mill-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa, kif imsemmi fl-Anness VII;

(s)

“lingwi uffiċjali tal-UE” tfisser il-lingwi msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (7).

Artikolu 2

Esklużjonijiet

1.   It-trasport tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta dan ikun:

(a)

imtwettaq f'isem, u bejn, il-Banek Ċentrali Nazzjonali, jew bejn l-istamperiji tal-karti tal-flus u/jew iz-zekek tal-Istati Membri parteċipanti u l-Banek Ċentrali Nazzjonali rilevanti; u

(b)

skortat mill-militar jew mill-pulizija.

2.   It-trasport esklussiv tal-muniti tal-euro għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta dan ikun:

(a)

imtwettaq f'isem, u bejn, il-Banek Ċentrali Nazzjonali, jew bejn iz-zekek tal-Istati Membri parteċipanti u l-Banek Ċentrali Nazzjonali rilevanti; u

(b)

skortat mill-militar jew mill-pulizija jew minn persunal tas-sigurtà privat f'vetturi separati.

Artikolu 3

Post tal-tluq, dewmien massimu u numru ta’ kunsinni/ġabriet tal-flus kontanti tal-euro

1.   It-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti pprovdut f'konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitwettaq binhar.

2.   Vettura tas-CIT li twettaq trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti għandha tibda l-vjaġġ mill-Istat Membru tal-oriġini tagħha u għandha tirritorna lura fih fl-istess jum.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, it-trasport minn punt sa punt jista' jitwettaq f'perijodu ta’ 24 siegħa, sakemm it-trasport matul il-lejl tal-euro fi flus kontanti jkun diġà permess taħt ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini, tal-IstatMembru ta’ transitu u tal-Istat Membru ospitanti.

4.   Permezz ta’ deroga mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, ma għandu jkun hemm l-ebda limitu għall-għadd ta’ kunsinni/ġabriet tal-euro fi flus kontanti li vettura tas-CIT tista' twettaq f'xi Stat Membru ospitanti jew aktar matul l-istess jum.

Artikolu 4

Liċenzja tas-CIT transkonfinali

1.   Kumpanija li tixtieq twettaq trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti għandha tapplika għal liċenzja tas-CIT transkonfinali mingħand l-awtorità li tagħti l-liċenzji tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha.

2.   Il-liċenzja tas-CIT transkonfinali għandha tingħata għal perijodu ta’ ħames snin mill-awtorità nazzjonali li tagħti l-liċenzji, bil-kondizzjoni li l-kumpanija applikanti tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun approvata biex twettaq it-trasport tas-CIT fl-Istat Membru tal-oriġini tagħha jew, jekk l-Istat Membru ma jkollux proċedura ta’ approvazzjoni speċifika għall-kumpaniji tas-CIT minbarra r-regoli ġenerali għas-setturi tas-sigurtà jew tat-trasport, tkun tista' tipprovdi evidenza li kellha negozju regolari ta’ trasport ta’ flus kontanti għal mill-inqas 24 xahar fl-Istat Membru tal-oriġini tagħha qabel saret l-applikazzjoni mingħajr ebda ksur tal-liġi nazzjonali li tirregola tali attivitajiet;

(b)

il-maniġers u l-membri tal-bord tagħha ma jkollhomx entrata f'kondotta kriminali u jkunu ta’ reputazzjoni tajba u ta’ integrità, skont, pereżempju, ir-rekords rilevanti tal-pulizija.

(c)

għandha assigurazzjoni valida fuq ir-responsabilità ċivili biex tkopri tal-anqas il-ħsara tat-terza parti kkaġunata lill-ħajja u lill-proprjetà, irrispettivament minn jekk il-flus kontanti ttrasportati humiex assigurati taħtha.

(d)

il-kumpanija applikanta, il-persunal tas-sigurtà tas-CIT, il-vetturi u l-proċeduri tas-sigurtà użati fi jew applikati għall-finijiet tat-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jew, meta espressament imsemmija f'dan ir-Regolament, mal-liġi nazzjonali li tirrelata speċifikament mat-trasport tal-flus kontanti.

3.   Il-liċenzja tas-CIT transkonfinali għandha titfassal f'konformità mal-mudell u l-karatteristiċi fiżiċi definiti fl-Anness I. Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT f'vetturi tas-CIT involuti fit-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq għandu, f'kull ħin, ikun jista' juri lill-awtoritajiet ta’ spezzjoni l-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta’ liċenzja tas-CIT transkonfinali valida.

4.   Il-liċenzja tas-CIT transkonfinali għandha tippermetti li l-kumpanija twettaq it-trasport transkonfinali tal-flus kontnanti tal-euro skont il-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. B'deroga mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, id-detentur ta’ tali liċenzja m'għandux ikun mitlub li jippossjedi liċenzja Komunitarja għall-ġarr internazzjonali ta’ oġġetti bit-triq.

Artikolu 5

Persunal tas-sigurtà tas-CIT

1.   Il-membri kollha tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkollhomx entrata valida f'kondotta kriminali u jkunu ta’ reputazzjoni tajba u ta’ integrità, skont, pereżempju, ir-rekords rilevanti tal-pulizija;

(b)

ikollhom ċertifikat mediku li jiċċertifika li s-saħħa fiżika u mentali tagħhom hija adegwata għall-kompitu li jridu jwettqu;

(c)

ikunu segwew b'suċċess mill-inqas 200 siegħa ta’ taħriġ inizjali ad hoc, li ma tinkludix kwalunkwe taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar.

Ir-rekwiżiti minimi għat-taħriġ inizjali ad hoc imsemmi fil-punt (c) huma stipulati fl-Anness VI. Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT għandu jsegwi attivitajiet oħra ta’ taħriġ fl-oqsma stipulati fil-punt 3 tal-Anness VI, mill-inqas kull tliet snin.

2.   Mill-inqas membru wieħed tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT fil-vettura tas-CIT għandu jkollu ħiliet fil-lingwi mill-inqas tal-livell A1, fil-lingwi użati mill-awtoritajiet lokali u l-popolazzjoni fiż-żoni rilevanti tal-Istat Membru ta’ transitu u tal-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, il-vettura tas-CIT għandha tkun f'kuntatt kostanti bir-radju, permezz taċ-ċentru tal-kontroll tal-kumpanija tas-CIT, b'xi ħadd li għandu ħiliet fil-lingwi mill-inqas tal-livell B1, fil-lingwi użati mill-awtoritajiet lokali u l-popolazzjoni fiż-żoni rilevanti tal-Istat Membru ta’ transitu u tal-Istat Membru ospitanti, biex ikun żgurat f'kull ħin li komunikazzjoni effettiva tkun possibbli mal-awtoritajiet nazzjonali.

Artikolu 6

Ġarr ta’ armi

1.   Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT għandu jkun konformi mal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini, tal-Istat Membru ta’ transitu u tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-ġarr tal-armi u l-kalibru massimu permess.

2.   Meta jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ma tippermettix li l-persunal tas-sigurtà tas-CIT ikun armat, kwalunkwe arma fil-pussess tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT għandha titpoġġa f'kaxxaforti tal-armi fil-vettura li tissodisfa l-istandard Ewopew EN 1143-1. Tali armi għandhom jibqgħu mhux aċċessibbli għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT tul il-vjaġġ kollu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Huma jistgħu jitneħħew mill-kaxxaforti tal-armi meta jkunu deħlin fit-territorju ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu tippermetti li l-persunal tas-sigurtà tas-CIT ikun armat u għandhom jitneħħew minnha meta jkunu deħlin fit-territorju ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu teħtieġ li l-persunal tas-sigurtà tas-CIT ikun armat. Il-ftuħ tal-kaxxaforti tal-armi għandu jeħtieġ intervent b'distanza miċ-ċentru tal-kontroll tal-vettura tas-CIT u għandu jkun kondizzjonali fuq verifika miċ-ċentru tal-kontroll tal-pożizzjoni ġeografika eżatta tal-vettura.

Ir-rekwiżiti stipulati fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll jekk it-tip jew il-kalibru tal-arma mhuwiex permess taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ transitu jew tal-Istat Membru ospitanti.

3.   Meta vettura tas-CIT li l-Istat Membru tal-oriġini tagħha ma jippermettix lill-persunal tas-sigurtà tas-CIT sabiex iġorr l-armi, tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu teħtieġ li persunal tas-CIT jġorr l-armi, il-kumpanija tas-CIT għandha tiżgura li l-persunal tas-CIT abbord ikun ipprovdut bl-armi meħtieġa u li huwa jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tal-Istat Membru ospitanti.

4.   Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT li jkun armat jew li jivvjaġġja f'vettura tas-CIT li fiha jkun hemm l-armi għandu jkollu liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ta’ transitu u/jew tal-Istat Membru ospitanti, meta dawk l-Istati Membri jippermettu li l-persunal tas-sigurtà tas-CIT ikun armat, u jissodisfa r-rekwiżiti nazzjonali kollha għal dik il-liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali tal-Istat Membru l-ieħor.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt ċentrali wieħed fejn il-kumpaniji tas-CIT stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għal liċenzja professjonali jew awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT tagħhom. L-Istati Membri Federali jistgħu jistabbilixxu punti ta’ kuntatt fil-livell tal-Istat. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant bir-riżultat tal-applikazzjoni fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-fajl komplut tal-applikazzjoni.

6.   Sabiex isir aktar faċli għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT li huwa impjegat minn kumpanija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jissodisfaw ir-rekwiżiti nazzjonali għall-ksib ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-validazzjoni ta’ taħriġ tal-ġarr tal-armi professjonali ekwivalenti segwit fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit min jimpjega lill-applikant. Jekk dan mhuwiex possibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ meħtieġ għall-ġarr tal-armi professjonali huwa pprovdut fit-territorju tagħhom stess f'lingwa uffiċjali tal-UE li tkun lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit min jimpjega lill-applikant.

Artikolu 7

Tagħmir tal-vettura tas-CIT

1.   Il-vetturi tas-CIT użati għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta’ navigazzjoni globali. Iċ-ċentru tal-kontroll tal-kumpanija tas-CIT għandu jkun kapaċi jillokalizza kontinwament u b'mod preċiż il-vetturi tagħha.

2.   Il-vetturi tas-CIT għandhom ikunu mgħammra bl-istrumenti ta’ komunikazzjoni xierqa li jippermettu li jsir kuntatt fi kwalunkwe ħin maċ-ċentru tal-kontroll tal-kumpanija tas-CIT li tħaddem il-vetturi u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. In-numri tal-emerġenza għall-kuntatt mal-awtoritajiet tal-pulizija fl-Istat Membru ta’ transitu jew fl-Istat Membru ospitanti għandhom ikunu disponibbli fil-vettura.

3.   Il-vetturi tas-CIT għandhom ikunu mgħammra b'mod li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-ħin u l-post tal-kunsinni/ġabriet kollha tal-euro fi flus kontanti sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat fi kwalunkwe ħin il-proporzjon tal-kunsinni/ġabriet tal-euro fi flus kontanti msemmija fl-Artikolu 1(b).

4.   Meta l-vetturi tas-CIT jkunu mgħammra bl-IBNS, l-IBNS użati għandhom ikunu konformi mal-Anness II u għandhom ikunu ġew omologati fi Stat Membru parteċipanti. Fi tweġiba għal talba għal verifika magħmula mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini, tal-Istat Membru ospitanti jew tal-Istat Membru ta’ transitu, l-intrapriżi li jwettqu trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti f'vetturi tas-CIT li jużaw l-IBNS għandhom ifornu evidenza bil-miktub tal-approvazzjoni tal-mudell tal-IBNS użat fi żmien 48 siegħa.

Artikolu 8

Rwol tal-forzi tal-pulizija nazzjonali

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jirrikjedu:

(a)

li l-operazzjonijiet ta’ trasport ta’ flus kontanti jiġu nnotifikati lill-pulizija bil-quddiem;

(b)

li l-vetturi tas-CIT jkunu mgħammra bi strument li jippermettilhom li jkunu ntraċċati mill-bogħod mill-pulizija;

(c)

trasport ta’ valur għoli minn punt sa punt ikun skortat mill-pulizija.

Artikolu 9

Regoli biex tkun żgurata s-sigurtà tal-postijiet ta’ kunsinna/ġabriet ta’ flus kontanti fl-Istat Membru ospitanti

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw l-imġiba tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT barra minn vettura tas-CIT u s-sigurtà tal-postijiet fejn flus kontanti jkunu kkunsinnati/miġbura fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 10

Tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus innewtralizzati

Il-kumpaniji tas-CIT li joperaw taħt dan ir-Regolament għandhom ineħħu miċ-ċirkolazzjoni l-karti tal-flus kollha li setgħu ġew innewtralizzati li huma jiltaqgħu magħhom waqt it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom. Huma għandhom jagħtu dawk il-karti tal-flus lill-fergħa xierqa tal-BĊN tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom u jipprovdu dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-kawża u n-natura tan-newtralizzazzjoni. Jekk dawk il-karti tal-flus jinġabru fi Stat Membru ospitanti, il-BĊN tal-Istat Membru ospitanti għandu jkun infurmat mill-BĊN tal-Istat Membru tal-oriġini.

Artikolu 11

Informazzjoni reċiproka

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-regoli msemmija fl-Artikoli 8 u 9 kif ukoll l-informazzjoni li fuqha l-IBNS kienu omologati minnhom u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla li taffettwa dawk ir-regoli u omologazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk ir-regoli kif ukoll lista ta’ IBNS omologati jiġu ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li jkunu l-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri parteċipanti rilevanti permezz tal-kanali adatti, bil-għan li l-atturi kollha involuti f'attività transkonfinali tas-CIT jiġu informati immedjatament.

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru tal-kumpaniji kollha li lilhom ikkunsinnaw liċenzja tas-CIT transkonfinali u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward il-kontenut tiegħu. Huma għandhom jaġġornaw ir-reġistru, inkluż fir-rigward ta’ kwalukwe deċiżjoni biex tiġi sospiża jew irtirata liċenzja skont l-Artikolu 22 u għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan l-aġġornament. Biex tiffaċilita dan l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha twaqqaf bażi ta’ data dwar il-liċenzji maħruġa, sospiżi jew irtirati, li tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a), l-Istat Membru tal-oriġini għandu jqis sewwa l-informazzjoni rigward il-kondotta kriminali, ir-reputazzjoni u l-integrità tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT li tiġi kkomunikata lilu mill-Istat Membru ospitanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ taħriġ speċifiku tagħhom għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT fir-rigward tat-taħriġ inizjali ad hoc imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dik l-informazzjoni tkun ippubblikata fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li jkunu l-lingwi uffi1ċjali tal-Istati Membri parteċipanti rilevanti permezz tal-mezzi xierqa, bil-għan li jiġu mgħarrfa l-atturi kollha involuti fl-attività transkonfinali tas-CIT.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-indirizzi u dettalji oħrajn ta’ kuntatt tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(5) u dwar il-liġi nazzjonali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni tkun ippubblikata permezz tal-mezzi xierqa, bil-għan li jiġu mgħarrfa l-atturi kollha kinvoluti fl-attività transkonfinali tas-CIT.

6.   Fejn Stat Membru jirtira l-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali li kien għadda lil membru tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT ta’ kumpanija stabbilita fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jinforma b'dan lill-awtorità li tagħti l-liċenzji tal-Istat Membru tal-oriġini.

7.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-indirizzi u dettalji oħrajn ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 12(2). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni tkun ippubblikata permezz tal-mezzi xierqa, bil-għan li jiġu mgħarrfa l-atturi kollha involuti fl-attività transkonfinali tas-CIT.

Artikolu 12

Informazzjoni qabel il-bidu ta’ trasport transkonfinali

1.   Kumpanija li jkollha jew li tkun ippreżentat applikazzjoni għal liċenzja tas-CIT transkonfinali, għandha tinforma lill-awtorità li tagħti l-liċenzji tal-anqas xahrejn qabel ma tibda l-attività transkonfinali tagħha tal-Istati Membri li fihom sejra twettaq it-trasport tas-CIT. L-Istat Membru tal-oriġini għandu sussegwentement jinnotifika minnufih lill-Istati Membri kkonċernati li l-attività transkonfinali ser tibda.

2.   Kumpanija li jkollha l-ħsieb li twettaq trasport transkonfinali ta’ flus kontanti għandha tipprovdi bil-quddiem lill-awtorità jew awtoritajiet rilevanti indikati mill-Istat Membru ospitanti bl-informazzjoni dwar it-tip jew it-tipi ta’ trasport li tkun ser tuża, l-ismijiet tal-persuni li jistgħu jwettqu tali trasport u t-tip ta’ armi li jistgħu jġorru.

TAQSIMA 2

REGOLI SPEĊIFIĊI GĦAL KULL TIP TA' TRASPORT

Artikolu 13

Modalitajiet tat-trasport applikabbli

1.   F'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport transkonfinali ta’ karti tal-euro bit-triq li jsir fit-territorju tiegħu, kull Stat Membru għandu jippermetti:

(a)

tal-anqas waħda mill-alternattivi stipulati fl-Artikolu 14, 15, 16, 17 jew 18; u

(b)

dawk l-alternattivi stipulati fl-Artikoli 14, 15, 16, 17 jew 18 li huma komparabbli mal-modalitajiet ta’ trasport permessi għat-trasport domestiku tas-CIT.

L-Artikolu 17 għandu japplika għall-Istati Membri kollha f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport minn punt għal ieħor.

2.   f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport transkonfinali ta’ muniti tal-euro bit-triq li jsir fit-territorju tiegħu, kull Stat Membru għandu jippermetti:

(a)

tal-anqas waħda mill-alternattivi stipulati fl-Artikolu 19 jew 20; u

(b)

dawk l-alternattivi stipulati fl-Artikoli 19 u 20 li huma komparabbli mal-modalitajiet ta’ trasport permessi għat-trasport domestiku tas-CIT.

3.   It-trasport li jinkludi kemm karti tal-flus kif ukoll muniti għandu jkun kopert mill-modalitajiet ta’ trasport għat-trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro.

4.   Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 15, 16 u 18, Stat Membru jista' jiddeċiedi li IBNS tarf ma’ tarf biss jistgħu jintużaw fit-territorju tiegħu għas-servizz ta’ ATMs barra mill-bini jew tipi oħra ta’ dispensers tal-flus kontanti esterjuri, bil-kondizzjoni li japplikaw l-istess regoli għat-trasport domestiku tas-CIT.

5.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-modalitajiet ta’ trasport li huma applikabbli f'konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika nota korrispondenti ta’ tagħrif f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-modalitajiet ta’ trasport applikabbli għandhom jieħdu effett xahar wara li jiġi ppubblikat l-avviż. L-Istati Membri partieċipanti għandhom jużaw l-istess proċedura meta modalitajiet ta’ trasport ġodda jsiru applikabbli skont dan l-Artikolu.

6.   Jekk Stat Membru ospitanti jew Stat Membru ta’ transitu jsib li IBNS turi nuqqasijiet serji fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi normalment meħtieġa, jiġifieri, li l-flus kontanti jistgħu jkunu aċċessati mingħajr ma jiskatta l-mekkaniżmu ta’ newtralizzazzjoni jew li l-IBNS kienet ġiet immodifikata wara l-omolagazzjoni b'tali mod li m'għadhiex tissodisfa l-kriterji tal-omologazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li ħareġ l-omologazzjoni u jista' jitlob li jitwettqu testijiet ġodda fuq dik l-IBNS. Sakemm jaslu r-riżultati ta’ dawk it-testijiet ġodda, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu b'mod provviżorju l-użu ta’ dik l-IBNS fit-territorju tagħhom. Huma għandhom, mingħajr dewmien, jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti l-oħrajn.

Artikolu 14

Trasport ta’ karti tal-flus f'vettura tas-CIT mhux korazzata ta’ dehra ordinarja mgħammra bl-IBNS

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT mhux korazzata mgħammra bl-IBNS, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-vettura tkun ta’ dehra ordinarja;

(b)

ikun hemm tal-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura;

(c)

l-ebda wieħed mill-impjegati tas-sigurtà tas-CIT ma jilbes uniformi.

Artikolu 15

Trasport ta’ karti tal-flus f'vettura tas-CIT mhux korazzata b'marki ċari li jindikaw li hija mgħammra bl-IBNS

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja transkonfinali tas-CIT jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT mhux korazzata mgħammra bl-IBNS, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-vettura u l-kontenituri tal-karti tal-flus ikollhom marki ċari ħafna li jindikaw li huma mgħammra bl-IBNS u dawk il-marki jikkorrispondu għall-pittogrammi murija fl-Anness III;

(b)

jkun hemm tal-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura.

Artikolu 16

Trasport ta’ karti tal-flus f'vettura tas-CIT bil-kabina korazzata mgħammra bl-IBNS

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT bil-kabina korazzata mgħammra bl-IBNS, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kabina tal-vettura tkun korazzata biex tkun tiflaħ tal-anqas għal sparar minn armi tan-nar f'konformità ma l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness V;

(b)

il-vettura u l-kontenituri tal-karti tal-flus ikollhom marki ċari ħafna li jindikaw li huma mgħammra bl-IBNS u dawk il-marki jikkorrispondu għall-pittogrammi murija fl-Anness III;

(c)

il-kabina tal-vettura tkun mgħammra b'ġakketta bulletproof għal kull membru tal-persunal tal-CIT abbord, li tal-anqas tissodisfa n-norma VPAM klassi 5, NIJ IIIA jew standard ekwivalenti.

(d)

jkun hemm tal-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura.

Il-membri tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT jistgħu jilbsu dawn il-ġkieket bulletproof imsemmija fil-punt (c) waqt it-trasport u għandhom jilbsuhom kull darba li jkun meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru fejn ikunu qegħdin.

Artikolu 17

Trasport ta’ karti tal-flus f'vettura tas-CIT kompletament korazzata mhux mgħammra bl-IBNS

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT kompletament korazzata mhux mgħammra bl-IBNS, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-partijiet tal-vettura fejn ikun preżenti l-persunal tas-sigurtà tas-CIT, ikunu korazzati biex jifilħu tal-anqas għal sparar minn armi tan-nar f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness V;

(b)

il-kabina tal-vettura tkun mgħammra b'ġakketta bulletproof għal kull membru tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT, li tal-anqas tissodisfa n-norma VPAM klassi 5, NIJ IIIA jew standard ekwivalenti.

(c)

ikun hemm tal-anqas tliet impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura.

Il-membri tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT jistgħu jilbsu l-ġkieket imsemmija fil-punt (b) waqt it-trasport u għandhom jilbsuhom kull darba li jkun meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru fejn ikunu qegħdin.

Artikolu 18

Trasport ta’ karti tal-flus f'vettura tas-CIT kompletament korazzata mgħammra bl-IBNS

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT kompletament korazzata mgħammra bl-IBNS f'konformità mal-Artikoli 16(b) u l-Artikolu 17(a) u (b).

Għandu jkun hemm tal-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura.

Artikolu 19

Trasport ta’ muniti f'vettura tas-CIT mhux korazzata

Il-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ muniti tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT mhux korazzata li ġġorr muniti biss, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-vettura tkun ta’ dehra ordinarja;

(b)

ikun hemm ta-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura;

(c)

l-ebda wieħed mill-impjegati tas-sigurtà tas-CIT ma jilbes uniformi.

Artikolu 20

Trasport ta’ muniti f'vettura tas-CIT bil-kabina korazzata

IL-kumpaniji li għandhom liċenzja tas-CIT transkonfinali jistgħu jwettqu trasport transkonfinali ta’ muniti tal-euro bit-triq billi jużaw vettura tas-CIT bil-kabina korazzata li ġġorr muniti biss, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kabina tal-vettura tkun korazzata biex tiflaħ tal-anqas għal sparar minn armi tan-nar f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness V;

(b)

il-vettura jkollha marki ċari ħafna li jindikaw li hija qed iġġorr muniti biss u dawk il-marki jikkorrispondu għall-pittogramma murija fl-Anness IV;

(c)

il-kabina tal-vettura tkun mgħammra b'ġakketta bulletproof għal kull membru tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT, li tal-anqas tissodisfa n-norma VPAM klassi 5, NIJ IIIA jew standard ekwivalenti.

(d)

ikun hemm tal-anqas żewġ impjegati tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura.

Il-membri tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT jistgħu jilbsu dawn il-ġkieket bulletproof imsemmija fil-punt (c) waqt it-trasport u għandhom jilbsuhom kull darba li jkun meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru fejn ikunu qegħdin.

TAQSIMA 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Osservanza

Matul il-perijodu ta’ validità ta’ liċenzja tas-CIT transkonfinali, l-Istati Membri tal-oriġini għandhom jiżguraw li r-regoli stipulati f'dan ir-Regolament jiġu osservati, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet b'mod fortuwitu mingħajr notifikazzjoni minn qabel lill-kumpanija. Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jitwettqu wkoll mill-Istati Membri ospitanti.

Artikolu 22

Penali

1.   Meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jsibu li kien hemm ksur ta’ wieħed mit-termini li taħthom ingħatat liċenzja tas-CIT transkonfinali, l-awtorità li tagħti l-liċenzji tista' tibgħat twissija lill-kumpanija kkonċernata, timponi multa, tissospendi l-liċenzja għal perijodu li jvarja minn ġimagħtejn għal xahrejn jew tirtira l-liċenzja għal kollox, skont in-natura jew is-severità tal-ksur. L-awtorità li tagħti l-liċenzji tista' wkoll tipprojbixxi lill-kumpanija kkonċernata milli tapplika għal liċenzja ġdida għal perijodu li jista' jkun sa ħames snin.

2.   L-Istat Membru ta’ transitu jew l-Istat Membru ospitanti għandu jikkomunika kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament – inkluż ksur tar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikoli 8 u 9 – lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini, li għandhom jiddeċiedu fuq penali xierqa. Barra minn hekk, l-Istat Membru ta’ transitu jew l-Istat Membru ospitanti jista' jimponi multa fil-każ ta’ ksur tar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikoli 8 u 9 jew tal-modalitajiet tat-trasport applikabbli msemmija fl-Artikolu 13. Huwa jista' jipprojbixxi lill-persunal tas-sigurtà tas-CIT li jkun wettaq tali ksur milli jwettaq trasport transkonfinali ta’ flus kontanti fit-territorju tiegħu jekk il-ksur jista' jkun imputat lil dan il-persunal.

3.   L-Istat Membru ta’ transitu jew l-Istat Membru ospitanti jista' jissospendi d-dritt ta’ kumpanija tas-CIT li tittrasporta l-euro fi flus kontanti bit-triq fit-territorju tiegħu għal perijodu massimu ta’ xahrejn, sakemm tasal id-deċiżjoni tal-awtorità li tagħti l-liċenzji tal-Istat Membru tal-oriġini li għandha tittieħed f'dak l-istess perijodu, meta l-kumpanija tas-CIT:

(a)

ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jirrigwardaw in-numru minimu tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT f'kull vettura tas-CIT jew li jirrigwardaw l-armi;

(b)

twettaq l-attività ta’ trasport tagħha B'mod li jikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku; jew

(c)

tkun ikkommettiet ksur ripetut ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni tal-ġarr tal-armi professjonali jista' jimponi penalitajiet fuq il-persunal tas-sigurtà tas-CIT f'konformità mar-regoli nazzjonali tiegħu fil-każ ta’ ksur tal-liġi nazzjonali tiegħu dwar l-armi.

5.   Il-penalitajiet għandhom ikunu proporzjonati mas-severità tal-ksur.

Artikolu 23

Miżuri ta’ sigurtà ta’ emerġenza

1.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li jintroduċi miżuri ta’ sigurtà temporanji li jmorru lil hinn minn dawk previsti f'dan ir-Regolament fil-każ ta’ problema urġenti li taffettwa b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-operazzjonijiet tas-CIT. Dawn il-miżuri temporanji għandhom jaffettwaw it-trasport tas-CIT kollu fit-territorju nazzjonali kollu jew parti minnu, għandhom japplikaw għal perijodu massimu ta’ erba' ġimgħat u għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-pubblikazzjoni rapida tagħhom permezz tal-mezzi x-xierqa.

2.   Il-prolongazzjoni tal-miżuri temporanji previsti fil-paragrafu 1 lil hinn minn perijodu ta’ erba' ġimgħat għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk tagħtix awtorizzazzjoni bil-quddiem fi żmien 72 siegħa mill-wasla tat-talba.

Artikolu 24

Rimunerazzjoni tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT li jwettaq trasport transkonfinali

Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT li jwettaq trasport transkonfinali f'konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jkun iggarantit ir-rati minimi tal-ħlas rilevanti, inklużi r-rati tas-sahra, fl-Istat Membru ospitanti f'konformità mal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 96/71/KE. Jekk ir-rati minimi tal-ħlas rilevanti fl-Istat Membru ospitanti huma ogħla mill-paga mħallsa lill-impjegat fl-Istat Membru tal-oriġini, ir-rati minimi tal-ħlas rilevanti, inklużi r-rati tas-sahra, tal-Istat Membru ospitanti għandhom japplikaw għall-jum kollu tax-xogħol. Jekk matul l-istess jum it-trasport jitwettaq f'aktar minn Stat Membru ospitanti wieħed u aktar minn wieħed minn dawk l-Istati Membri jkollu rata minima tal-ħlas ogħla mill-paga mħallsa fl-Istat Membru tal-oriġini, l-ogħla waħda minn dawk ir-rati minimi tal-ħlas, inklużi r-rati tas-sahra, għandha tapplika għall-jum kollu tax-xogħol.

Madankollu, jekk bħala riżultat ta’ kuntratti, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti jew arranġamenti prattiċi, ħaddiem tas-CIT iwettaq trasport transkonfinali għal aktar minn 100 jum tax-xogħol, li jseħħu kompletament jew parzjalment f'sena kalendarja fi Stat Membru ieħor, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fid-Direttiva 96/71/KE għandhom jiġu applikati b'mod sħiħ għall-jiem tax-xogħol kollha li twettqu kompletament jew parzjalment f'dak l-Istat Membru ospitanti f'dik is-sena kalendarja.

Bil-għan li jkunu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg rilevanti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 25

Kumitat dwar it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti

1.   Għandu jkun stabbilit Kumitat dwar it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti. Għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni u jiġbor fih żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membru parteċipanti, flimkien ma’ żewġ rappreżentanti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-Kumitat għandu jiltaqa' tal-anqas darba fis-sena għal skambju ta’ fehmiet dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa għandu jikkonsulta mal-partijiet interessati fis-settur, inklużi l-imsieħba soċjali, u jqis il-fehmiet tagħhom kif jixraq. Huwa għandu jkun ikkonsultat fit-tħejjija tar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 26.

Artikolu 26

Reviżjoni

Sal-1 ta’ Diċembru 2016 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati fis-settur inklużi l-imsieħba soċjali u wara mal-Istati Membri. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jeżamina l-possibbiltà li jkunu stabbiliti rekwiżiti komuni tat-taħriġ għall-ġarr tal-armi mill-persunal tas-sigurtà tas-CIT u li jiġi emendat l-Artikolu 24 fid-dawl tad-Direttiva 96/71/KE, iqis sewwa l-progress teknoloġiku fil-qasam tal-IBNS, iqis il-valur miżjud li jista' jġib miegħu l-għoti ta’ liċenzji tal-Unjoni għas-CIT għal gruppi, u jevalwa jekk dan ir-Regolament ikunx jeħtieġ li jiġi rivedut b'konsegwenza.

Artikolu 27

Emendar tar-regoli tekniċi

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 fir-rigward ta’ emendi għall-Anness II u għar-regoli tekniċi dwar l-istandards applikabbli għall-korazzar tal-vetturi tas-CIT u għall-ġkieket bulletproof imsemmija fl-Artikoli 16, 17, 18 u 20, u għall-kaxxiforti tal-armi, imsemmija fl-Artikolu 6(2), bil-għan li jitqies il-progress teknoloġiku u standards Ewropej ġodda potenzjali.

Artikolu 28

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati hija konferita lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 27 għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu mhux determinat ta’ żmien mit-30 ta’ Novembru 2012.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 27 tista' tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata fiha. Din għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija m'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijoduta' tliet xhur min-notifika tal-imsemmi att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodużmien, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma kinux ser joġġezzjonaw. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

W. SZCZUKA


(1)  ĠU C 278, 15.10.2010, p. 1.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Settembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2011.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(4)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.

(5)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05, Volum 02, p. 431).

(6)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9.

(7)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.


ANNESS I

MUDELL GĦAL LIĊENZJA TRANSKONFINALI TAS-CIT

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

SISTEMA INTELLIĠENTI GĦAN-NEWTRALIZZAZZJONI TAL-KARTI TAL-FLUS (IBNS)

I.   Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet ġenerali

IBNS jista' jkun fiha karti tal-flus (f'pakketti jew mhux f'pakketti) jew cassette jew diversi casettes għall-ATMs jew għal tipi oħrajn ta’ dispensers tal-flus kontanti.

IBNS trid tkun ġiet omologata fi Stat Membru parteċipanti sabiex tintuża għat-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti taħt dan ir-Regolament. L-omologazzjoni trid issir skont standard speċifiku Ewropew eżistenti. Sakemm ma jkunx hemm tali standard, l-omologazzjoni trid issir f'konformità ma’ dan l-Anness.

II.   Proċedura ta’ approvazzjoni tal-IBNS

(a)   Sabiex tkun omologata, l-IBNS trid tgħaddi minn diversi testijiet f'laboratorju tat-testijiet li jkun ġie approvat jew irrikonoxxut minn Stat Membru parteċipanti. Barra minn hekk, hija trid tkun akkumpanjata wkoll minn istruzzjonijiet għall-użu tagħha, li jindikaw il-proċeduri għat-tħaddim u l-kondizzjonijiet li jiżguraw l-effettività tal-qirda jew in-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus.

Dawn it-testijiet iridu jagħmluha possibbli li jkun aċċertat li l-karatteristiċi tekniċi li ġejjin tal-IBNS huma sodisfaċenti:

(i)

Funzjonijiet ewlenin meħtieġa tas-sistema ta’ monitoraġġ

li tissorvelja b'mod permanenti u tirrekordja l-istruzzjonijiet rigward il-kondizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu tal-IBNS;

li tivverifika kontinwament il-konformità ma’ dawn l-istruzzjonijiet u tidentifika sitwazzjonijiet anomali;

li tinnewtralizza awtomatikament u minnufih il-karti tal-flus fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet, id-detezzjoni ta’ sitwazzjonijiet anomali jew il-ftuħ ta’ kontejner barra l-perijodi taż-żmien u/jew il-postijiet ipprogrammati minn qabel.

(ii)

Post fejn is-sistema ta’ sorveljanza tista' tiġi pprogrammata u l-influwenza tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT fuq kif taħdem l-IBNS

IBNS trid tkun ipprogrammata f'żona sikurizzata biss. IBNS tarf sa tarf trid tkun ipprogrammata f'post sikur biss.

Il-persunal tas-sigurtà tas-CIT ma jridx ikollu xi mezz biex jinfluwenza t-tħaddim tal-IBNS barra mill-perijodi tal-ħin u/jew il-postijiet ipprogrammati minn qabel. Madankollu, meta jkun hemm sistema ta’ dewmien fil-ħin għall-iskattar tan-newtralizzazzjoni, il-persunal tas-sigurtà tas-CIT jista' jerġa' jibda d-dewmien fil-ħin darba.

(iii)

Post minn fejn tista' tinfetaħ l-IBNS (għal sistemi tarf sa tarf)

L-IBNS trid tinfetaħ biss fid-destinazzjonijiet ipprogrammati minn qabel.

(b)   L-IBNS trid tkun ittestjata mill-ġdid kull ħames snin, anki meta l-approvazzjoni nazzjonali tinħareġ għal perijodu mingħajr limiti. Jekk it-testijiet il-ġodda ma jkunux konklussivi, l-omologazzjoni ma tibqax valida għat-trasport transkonfinali taħt dan ir-Regolament.

(c)   Sabiex it-testijiet ikunu pożittivi, mat-twettiq tat-testijietirid jinkiseb wieħed mir-riżultati li ġejjin:

ma kienx possibbli li jinkiseb aċċess għall-karti tal-flus u ma kienx hemm ħsara fl-IBNS, li l-mekkaniżmu tagħha baqa' jaħdem; jew

saret ħsara fl-IBNS iżda ma kienx possibbli li jinkiseb aċċess għall-karti tal-flus mingħajr ma tiskatta s-sistema tan-newtralizzazzjoni.

III.   Proċeduri tal-ittestjar

Il-metodu użat biex jitwettqu t-testijiet u l-istandards li jistabbilixxu r-riżultat li s-sistema ttestjata trid tissodisfa, huma stabbiliti f'dan l-Anness. Madankollu, jistgħu jsiru aġġustamenti fil-livell nazzjonali sabiex isiru konformi mal-protokolli eżistenti tal-ittestjar segwiti mil-laboratorji f'kull Stat Membru. Sabiex l-IBNS tiġi omologata, il-manifattur tal-IBNS irid jiżgura li r-riżultati tal-proċeduri tat-testijiet f'dan l-Anness jiġu trażmessi lill-awtorità ta’ omologazzjoni.

(a)   Test tar-reżistenza tal-IBNS għal xenarji differenti ta’ attakk

L-Istati Membri jridu jwettqu sitta mit-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ xenarji ta’ attakk, waqt li t-testijiet l-oħrajn jistgħu jitwettqu wkoll f'konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli.

Għal kull test li jitwettaq, ir-riżultat irid ikun pożittiv skont it-tifsira tal-punt II(c).

testijiet mandatorji:

1.

qtugħ tal-provvista tal-enerġija;

2.

żgass fil-kontenitur;

3.

ftuħ tal-kontenitur b'mezzi distruttivi (eż. mazza kbira);

4.

qtugħ rapidu (“giljottinar”);

5.

immersjoni f'likwidu;

6.

espożizzjoni gradwali u immedjata għal temperaturi estremi (sħana u kesħa): eż. tkessieħ fin-nitroġenu likwidu u tisħin f'forn imsaħħan minn qabel.

testijiet irrakkomandati li jistgħu jitwettqu wkoll:

7.

reżistenza għall-armi tan-nar (eż. bi skrataċ 12-bore);

8.

użu ta’ kimiċi;

9.

tfigħ mill-għoli;

10.

espożizzjoni għal żidiet elettromanjetiċi sinifikanti;

11.

espożizzjoni għal żidiet elettrostatiċi sinifikanti.

(b)   Effikaċja fin-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus

Il-proċessi ta’ newtralizzazzjoni użati attwalment huma t-titbigħ, il-qerda kimika u l-qerda piroteknika. Billi jistgħu jseħħu żviluppi teknoloġiċi, il-lista ta’ proċessi użati mhijiex kompluta u hija purament indikattiva.

B'segwitu għal kwalunkwe tentattiv ta’ aċċess għall-fondi permezz tad-diversi forom ta’ attakk, il-karti tal-flus jridu jew jinqerdu jew jittebbgħu. Iridu jitwettqu mill-inqas tliet testijiet.

100 % tal-karti tal-flus jridu jiġu nnewtralizzati b'mod irriversibbli. Barra minn hekk, trid tkun evidenti għal kwalunkwe detentur tal-karti tal-flus li huma kienu ġew soġġetti għan-newtralizzazzjoni.

Mill-inqas 10 % tal-wiċċ taż-żewġ naħat ta’ kull karta tal-flus irid jittebba' jekk il-karti tal-flus ikunu f'boroż sikuri. Jekk il-karti tal-flus ma jkunux f'boroż sikuri, tal-anqas 20 % tal-wiċċ taż-żewġ naħat ta’ kull karta tal-flus jrid jittebba'. Fir-rigward tas-sistemi ta’ qerda, tal-anqas 20 % tal-wiċċ ta’ kull karta tal-flus jrid jinqered fiż-żewġ każijiet.

(c)   Kontenut tat-testijiet rigward ir-reżistenza tal-karti tal-flus għat-tindif – għall-IBNS li jużaw it-titbigħ

Għal tali “tindif”, iridu jintużaw prodotti differenti jew kombinazzjonijiet ta’ prodotti differenti. Iridu jitfasslu xenarji differenti sabiex ikunu varjati t-temperatura u t-tul tal-ħin tat-tindif. Għal dawn it-testijiet tat-tindif għandhom jintużaw żewġ proċeduri:

it-tindif irid jitwettaq minnufih wara t-titbigħ; u

it-tindif irid jitwettaq 24 siegħa wara t-titbigħ.

Dawn it-testijiet iridu jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv ta’ karti tal-flus veri użati fiż-żona tal-euro.

Wieħed mir-riżultati li ġejjin irid jinkiseb fi tmiem dawn it-testijiet:

it-tindif iwassal għall-qerda tal-karti tal-flus;

it-tindif iħalli linka viżibbli fuq firxa ta’ mill-inqas 10 % tal-wiċċ tal-karti tal-flus individwali kollha (test tad-densità tal-linka użata);

it-tindif iwassal għat-tħassir kemm tal-kuluri oriġinali tal-karti tal-flus kif ukoll tal-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom.

IV.   Garanziji tas-sikurezza għas-sistemi użati

Is-sustanzi kimiċi rilaxxati mill-IBNS sabiex jinnewtralizzaw il-karti tal-flus jistgħu jkunu soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (1). Dak ir-Regolament jindirizza r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent tas-sustanzi manifatturati, importati jew użati waħedhom, f'taħlita, jew f'oġġett.

Sabiex l-IBNS tkun omologata, il-manifattur irid jivverifika jekk għandux jirreġistra jew jinnotifika s-sustanzi li hemm fil-prodotti tiegħu jew għandux jikkomunika l-informazzjoni dwar użu sikur lill-klijenti tiegħu. Il-manifattur jista' jkollu wkoll obbligi legali li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-lista kandidata ta’ sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna jew fil-lista ta’ sustanzi soġġetti għall-awtorizzazzjoni stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Dawn l-obbligi jirreferu mhux biss għas-sustanzi elenkati waħedhom jew f'taħlitiet, iżda wkoll għall-preżenza tagħhom f'oġġetti.

Irid ikun fornut ċertifikat lill-awtorità tal-omologazzjoni tal-Istat Membru mill-manifattur tal-IBNS, li jinkludi r-riżultati ta’ din il-verifika u li jelenka s-sustanzi jew l-elementi użati biex tkun żgurata l-qerda jew in-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus u li jafferma li dawn ma jikkostitwixxux riskju gravi għas-saħħa fil-każ ta’ inalazzjoni minn jew kuntatt mal-ġilda tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT jew tal-persunal tal-Banek Ċentrali Nazzjonali. Iċ-ċertifikat irid, barra minn hekk, jindika l-miżuri ta’ prekawzjoni li possibilment għandhom jittieħdu. L-awtorità ta’ omologazzjoni trid tittrażmetti ċ-ċertifikat lill-Banek Ċentrali Nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-IBNS omologati minnha.

F'dan ir-rigward, iċ-ċertifikat jista' jinkludi analiżi tar-riskji ta’ espożizzjoni għall-kimiċi, jiġifieri t-tul ta’ żmien massimu permissibbli ta’ espożizzjoni għal kwantità li trid tiġi stabbilita.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS III

PITTOGRAMMI TAL-IBNS

Pittogramma għall-vetturi tas-CIT mgħammra bl-IBNS

Image

Pittogramma għal kontenitur tal-karti tal-flus mgħammar bl-IBNS

Image

ANNESS IV

PITTOGRAMMA GĦALL-VETTURI TAS-CIT LI JĠORRU ESKLUSSIVAMENT MUNITI

Image

ANNESS V

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦALL-KORAZZAR

Ir-rekwiżit minimu għall-korazzar imsemmi fit-Taqsima 2 ta’ dan ir-Regolament ifisser li l-korazzar tal-vettura tas-CIT huwa kapaċi li jiflaħ tiri minn arma tan-nar tat-tip Kalashnikov b'kalibru ta’ 7,62 mm × 39 mm bl-użu ta’ balla tal-ħadid miksija (banjata) kollha kemm hi f'qoxra tal-azzar b'massa ta’ 7,97 g (+/– 0,1 g) b'veloċità ta’ mill-anqas 700 m/s minn distanza ta’ 10 m (+/– 0,5 m).


ANNESS VI

REKWIŻITI MINIMI TAT-TAĦRIĠ INIZJALI GĦALL-PERSUNAL TAS-SIGURTÀ TAS-CIT LI JWETTAQ TRASPORT TRANSKONFINALI TA' FLUS KONTANTI

Il-ħaddiema tas-CIT li jieħdu sehem fit-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jridu:

(1)

isegwu b'mod sħiħ u jtemmu mill-inqas it-taħriġ inizjali xieraq kif previst mir-regolamenti nazzjonali ta’ referenza tagħhom u/jew il-ftehimiet kollettivi tax-xogħol rilevanti jew, – fin-nuqqas ta’ dawn, – il-korsijiet ta’ taħriġ tal-assoċjazzjoni nazzjonali tas-CIT/sigurtà jew interni tal-kumpanija;

(2)

jgħaddu b'suċċess mill-eżamijiet ta’ wara dan it-taħriġ inizjali jew kwalunkwe proċedura mmirata lejn l-ittestjar tar-riżultati tat-tagħlim;

(3)

isegwu b'mod sħiħ u jtemmu l-modulu tat-taħriġ addizzjonali u obbligatorju kif previst f'dan l-Anness li jikkonsisti f'tal-anqas:

proċeduri transkonfinali tas-CIT

liġi tal-Unjoni dwar is-CIT

liġi nazzjonali applikabbli li tkopri s-CIT tal-Istat Membru ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitanti

regoli tas-sewqan għas-CIT tal-Istati Membri ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitanti (inkluż id-dritt ta’ vetturi tas-CIT li jużaw karreġġjati speċifiċi għas-sewqan)

protokolli tas-sigurtà nazzjonali fil-każ ta’ attakk fl-Istati Membri ta’ transitu u l-Istati Membri ospitanti

proċeduri tal-organizzazzjoni u t-tħaddim tat-trasport tas-CIT protett mit-teknoloġija tal-IBNS tal-Istati Membri ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitanti

protokolli, regoli u regolamenti operattivi nazzjonali applikabbli tal-Istati Membri ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitanti

Ppotokolli nazzjonali fil-każ ta’ emerġenza tal-Istati Membri ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitantifil-każ ta’ waqfien, aċċidenti tat-triq, u ħsara teknika u mekkanika fi kwalunkwe tagħmir tas-CIT jew tal-vettura

proċeduri amministrattivi nazzjonali u regoli tal-kumpanija fl-Istati Membri ta’ transitu u l-Istati Membri ospitantirigward il-komunikazzjoni mal-punt tal-kontroll eċċ. tal-Istati Membri kollha li jintużaw bħala transitu u tal-Istati Membri ospitanti kollha

informazzjoni u taħriġ rigward il-kooperazzjoni u l-protokolli xierqa mal-forzi tal-pulizija nazzjonali, reġjonali u lokali fir-rigward ta’ kontrolli mwettqa fuq il-vetturi u l-persunal tas-sigurtà tas-CIT

liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni applikabbli u/jew ftehimiet kollettivi applikabbli rigward il-ħin tax-xogħol, in-numru ta’ waqfiet meħtieġa għall-mistrieħ, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi applikabbli

liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni applikabbli u/jew stipulazzjonijiet ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli rigward il-perijodi tal-mistrieħ tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT – meta meħtieġa, kemm spissi, it-tul tal-ħin ta’ kull perijodu ta’ mistrieħ, post sikur, komunikazzjoni maċ-ċentri ta’ kontroll, eċċ

regoli tas-sigurtà applikabbli għall-kunsinni/ġabriet (post sikur, ġestjoni tar-riskju fuq il-bankina eċċ.)

liġi nazzjonali ta’ referenza rigward l-użu tal-armi u l-ħżin tagħhom

metodi ta’ sewqan offensiv u difensiv

taħriġ rilevanti dwar l-użu tal-GPS, it-telefown u tagħmir/sistemi tekniċi oħra użati fit-trasport transkonfinali tas-CIT

regolamentazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà nazzjonali fl-Istati Membri ta’ tansitu u l-Istati Membri fejn jingħata s-servizz rilevanti għall-ħaddiema li jittrasportaw oġġetti prezzjużi u li jivvjaġġaw b'vetturi kbar bit-triq u protokolli fil-każ ta’ korriment jew mard tal-impjegati

taħriġ fl-ewwel għajnuna

Barra minn hekk, it-taħriġ irid jinkludi l-punti li ġejjin:

miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju fl-oqsma tal-ġestjoni tal-istress u l-vjolenza minn parti terza

valutazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

taħriġ fil-lingwi kif ikun meħtieġ biex jitwettqu r-rekwiżiti tal-lingwa stipulati fl-Artikolu 5(2)


ANNESS VII

QAFAS EWROPEW TA’ REFERENZA KOMUNI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA GĦAL-LINGWI: LIVELLI

Utent B1: Kapaċi jifhem il-punti ewlenin ta’ input standard ċar dwar affarijiet familjari li regolarment jiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol, fl-iskola, fil-ħin liberu, eċċ. Kapaċi jiġġestixxi l-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jfiġġu waqt li jivjaġġa f’żona fejn tkun mitkellma l-lingwa. Kapaċi jipproduċi test sempliċi kontinwu dwar suġġetti li huma familjari jew ta’ interess personali. Kapaċi jiddeskrivi esperjenzi u avvenimenti, ħolm, tamiet u ambizzjonijiet u fil-qosor jagħti raġunijiet u spjegazzjonijiet dwar opinjonijiet u pjanijiet.

Utent A1: Kapaċi jifhem u juża espressjonijiet familjari ta’ kuljum u frażijiet bażiċi ħafna mmirati lejn is-sodisfazzjon ta’ ħtiġijiet ta’ natura konkreta. Kapaċi jintroduċi ruħu u lill-oħrajn u jistaqsi u jwieġeb mistoqsijiet dwar dettalji personali bħal fejn joqgħod, in-nies li jaf u affarijiet li għandu. Kapaċi jieħu sehem b’mod sempliċi f’interazzjoni dment li l-persuna l-oħra titkellem bil-mod u b’mod ċar u tkun lesta li tgħin.