11.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 445/2011

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 653/2007

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi ferrovjarji u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14a tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar is-Sistema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Entitajiet Responsabbli mill-Manutenzjoni,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/49/KE timmira li ttejjeb l-aċċess għas-suq tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija billi tiddefinixxi prinċipji komuni għall-immaniġġjar, ir-regolamentazzjoni u s-supeviżjoni tas-sikurezza tal-linji tal-ferrovija. Id-Direttiva 2004/49/KE tipprovdi wkoll għal qafas li għandu jiġi implimentat biex jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-entitajiet kollha responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija permezz tal-applikazzjoni tal-istess rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni madwar l-Unjoni.

(2)

L-għan tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni huwa li tipprovdi qafas għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti u l-metodi biex tiġi evalwata l-ħila tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni madwar l-Unjoni.

(3)

Bla ħsara għar-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura għall-ħidma mingħajr periklu tal-ferroviji, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-vaguni tal-merkanzija li tagħhom hija responsabbli mill-manutenzjoni jkunu fi stat sikur permezz ta’ sistema tal-manutenzjoni. Billi titqies il-varjetà wiesgħa ta’ metodi ta’ disinn u manutenzjoni, din is-sistema ta’ manutenzjoni għandha tkun sistema orjentata lejn il-proċess.

(4)

Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom bżonn jużaw il-vaguni tal-merkanzija biex jittrasportaw il-materjali għall-bini jew għall-attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura. Meta l-vaguni tal-merkanzija jintużaw għal dan l-għan, il-maniġers tal-infrastruttura jagħmlu dan fil-kapaċità ta’ impriża ferrovjarja. Il-valutazzjoni tal-kapaċità tal-maniġer tal-infrastruttura li juża l-vaguni tal-merkanzija għal dan l-għan għandha tkun parti mill-valutazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE.

(5)

L-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ li jsiru qabel it-tluq ta’ ferrovija jew fi triqthom ġeneralment jitwettqu minn persunal operattiv tal-impriżi ferrovjarji jew maniġers tal-infrastruttura, billi jsegwu l-proċess deskritt fis-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tagħhom skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/49/KE.

(6)

L-impriżi ferrovjarji jew il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw, permezz tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tagħhom, il-kontroll tar-riskji kollha relatati mal-attività tagħhom, inkluż l-użu tal-kuntratturi. Għal dan l-għan, impriża ferrovjarja għandha tiddependi fuq arranġamenti kuntrattwali li jinvolvu entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni kollha li din topera. Dan jista’ jkun kuntratt bejn l-impriża ferrovjarja u l-entità responsabbli mill-manutenzjoni jew katina ta’ kuntratti li jinvolvu partijiet oħra, bħas-sid. Dawn il-kuntratti għandhom ikunu konsistenti mal-proċeduri stabbiliti minn impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura fis-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tagħha, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni.

(7)

Skont id-Direttiva 2004/49/KE, ċertifikat ta’ entità responsabbli mill-manutenzjoni (ċertifikat ECM) huwa validu fl-Unjoni kollha. Iċ-ċertifikati maħruġa minn korpi f’pajjiżi terzi maħtura skont kriterji ekwivalenti u li jkunu jilħqu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament għandhom normalment jiġu aċċettati bħala ekwivalenti taċ-ċertifikati ECM maħruġa fl-Unjoni.

(8)

Il-valutazzjoni, minn korp taċ-ċertifikazzjoni, ta’ applikazzjoni għal ċertikat ECM hija valutazzjoni tal-ħila tal-applikant li jimmaniġġja l-attivitajiet tal-manutenzjoni u li jwettaq il-funzjonijiet operattivi tal-manutenzjoni waħdu jew permezz ta’ kuntratti ma’ korpi oħra, bħal workshops tal-manutenzjoni, responsabbli biex iwettqu dawn il-funzjonijiet jew partijiet minn dawn il-funzjonijiet.

(9)

Sistema ta’ akkreditament għandha tipprovdi għodda għall-immaniġġjar tar-riskji billi tiżgura li l-korpi akkreditati jkunu kompetenti biex iwettqu l-ħidma li dwarha impenjaw ruħhom. Barra minn hekk, l-akkreditament jitqies bħala l-mezz għall-iżgurar tar-rikonoxximent nazzjonali u internazzjonali taċ-ċertifikati ECM maħruġa minn korpi akkreditati.

(10)

Sabiex ikun hemm sistema li permezz tagħha l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jwettqu kontrolli fuq entitajiet iċċertifikati responsabbli mill-manutenzjoni madwar l-Unjoni, huwa importanti li l-korpi kollha li joħorġu ċ-ċertifikati lil xi entità responsabbli mill-manutenzjoni (il-“korpi taċ-ċertifikazzjoni”) jikkooperaw flimkien sabiex jarmonizzaw l-approċċi għaċ-ċertifikazzjoni. Se jiġu żviluppati u approvati rekwiżiti speċifiċi għall-akkreditament b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(11)

Biex jiġi evalwat il-proċess taċ-ċertifikazzjoni stabbilit f’dan ir-Regolament huwa importanti li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (l-Aġenzija) tissorvelja l-iżvilupp tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni. Sabiex tkun tista’ twettaq din il-funzjoni, l-Aġenzija teħtieġ tiġbor l-informazzjoni dwar in-natura tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni attivi f’dan il-qasam u n-numru ta’ ċertifikati maħruġa lill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. Huwa importanti wkoll li l-Aġenzija tiffaċilita l-koordinazjoni bejn il-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 tat-13 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ format komuni Ewropew għaċ-ċertifikati tas-sigurtà u d-dokumenti tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dwar il-validità taċ-ċertifikati tas-sigurtà li nħarġu skont id-Direttiva 2001/14/KE (3) jipprovdi l-format standard għaċ-ċertifikat tas-sigurtà. Dan il-format għandu jiġi aġġornat biex jinkludi aktar informazzjoni dwar l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 653/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(13)

Sakemm tiġi applikata bi sħiħ is-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entità responsabbli mill-manutenzjoni pprovduta għaliha f’dan ir-Regolament, il-validità tal-prattiki eżistenti biex jiġu ċċertifikati l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-workshops tal-manutenzjoni għandha tiġi rikonoxxuta matul perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex jiġi żgurat il-forniment mingħajr interuzzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, b’mod partikolari, dawk fuq livell internazzjonali. Matul dan il-perjodu l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ekwivalenza u l-konsistenza tal-prattiki differenti ta’ ċertifikazzjoni.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/49/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija skont l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2004/49/KE.

2.   L-iskop tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni huwa li din tipprovdi evidenza li entità responsabbli mill-manutenzjoni tkun stabbiliet is-sistema tal-manutenzjoni tagħha u tkun tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament biex tiżgura l-istat sikur li kull vagun tal-merkanzija li tiegħu hija responsabbli għalih.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Is-sistema taċ-ċertifikazzjoni għandha tapplika għal kull entità responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija li jintużaw fuq in-netwerk ferrovjarju fl-Unjoni.

2.   Il-workshops tal-manutenzjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni li twettaq xi parti mill-funzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 4 jistgħu jidħlu fis-sistema taċ-ċertifikazzjoni fuq bażi volontarja, abbażi tal-prinċipji speċifikati fl-Artikolu 8 u l-Anness I.

3.   Ir-referenzi għal maniġers tal-infrastruttura fl-Artikoli 5, 7 u 12 għandhom jinftiehmu li huma relatati mal-operazzjonijiet tagħhom mal-vaguni tal-merkanzija għat-trasport ta’ materjali għall-kostruzzjoni jew attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura. Meta joperaw vaguni tal-merkanzija jintużaw għal dan l-iskop, il-maniġers tal-infrastruttura jagħmlu dan fil-kapaċità ta’ impriża ferrovjarja.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/49/KE għandhom japplikaw.

2.   Minbarra dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(b)

“ċertifikat ECM” tfisser ċertifikat maħruġ lill-entità responsabbli mill-manutenzjoni skont l-Artikolu 14a(4) tad-Direttiva 2004/49/KE;

(c)

“korp taċ-ċertifikazzjoni” tfisser korp, indikat skont l-Artikolu 10, bħala responsabbli miċ-ċertifikazzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni, abbażi tal-kriterji fl-Anness II;

(d)

“vagun tal-merkanzija” tfisser vettura mingħajr awtopropulsjoni maħsuba għat-trasport tal-merkanzija jew materjali oħra biex jintużaw f’attivitajiet bħal bini jew manutenzjoni tal-infrastruttura;

(e)

“workshop tal-manutenzjoni” tfisser entità mobbli jew fissa magħmula minn persunal, inklużi dawk responsabbi mill-immaniġġjar, għodda u faċilitajiet organizzati biex iwettqu manutenzjoni fuq il-vetturi, il-partijiet, il-komponenti jew assemblaġġi sekondarji tal-vetturi.

(f)

“rilaxx għas-servizz” tfisser il-garanzija mogħtija lill-maniġer tal-flotta ta’ manutenzjoni, mill-entità li qed tipprovdi l-manutenzjoni, li l-manutenzjoni ġiet ipprovduta skont l-ordnijiet ta’ manutenzjoni;

(g)

“ritorn għall-operazzjoni” tfisser il-garanzija, ibbażata fuq ir-rilaxx għas-servizz, mogħtija lill-utent, bħall-impriża ferrovjarja jew sid, mill-entità responsabbli mill-manutenzjoni li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni xierqa kollha tlestew u l-vagun, li preċedentement kien tneħħa mill-operazzjoni, huwa f’kundizzjoni li jintuża b’mod sikur, bil-possibbiltà li jkun suġġett għal restrizzjonijiet temporanji fuq l-użu.

Artikolu 4

Is-Sistema tal-Manutenzjoni

1.   Is-sistema tal-manutenzjoni għandu jkollha l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-funzjoni tal-immaniġġjar, li tissorvelja u tikkoordina l-funzjonijiet tal-manutenzjoni msemmija fil-punti minn (b) sa (d) u tiżgura l-istat sikur tal-vagun tal-merkanzija fis-sistema tal-linji tal-ferrovija;

(b)

il-funzjoni tal-iżvilupp tal-manutenzjoni, li hija responsabbli għall-immaniġġjar tad-dokumentazzjoni tal-manutenzjoni, inkluż l-immaniġġjar tal-konfigurazzjoni, ibbażat fuq id-disinn u d-dejta operattiva kif ukoll fuq il-prestazzjoni u r-ritorn fuq l-esperjenza;

(c)

il-funzjoni tal-immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, li jimmaniġġja l-irtirar tal-vagun tal-merkanzija għall-manutenzjoni u r-ritorn tiegħu fis-servizz wara l-manutenzjoni; u

(d)

il-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, li tagħmel il-manutenzjoni teknika meħtieġa fuq vagun tal-merkanzija jew partijiet minnu, inkluż id-dokumentazzjoni tar-ritorn tiegħu fis-servizz.

2.   L-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-kriterji tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness III.

3.   L-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha twettaq il-funzjoni tal-immaniġġjar hi stess, iżda tista’ tissottokuntratta l-funzjonijiet tal-manutenzjoni msemmija fil-punti minn (b) sa (d) tal-paragrafu 1, jew partijiet minnhom, lil partijiet oħra kontraenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8. Meta jintużaw sottokuntratti, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-prinċipji stabbiliti fl-Anness I jiġu applikati.

4.   Irrispettivament mill-arranġamenti ta’ kuntratti esterni fis-seħħ, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha ġġorr ir-responsabbiltà tar-riżultat tal-attivitajiet tal-manutenzjoni li timmaniġġja u għandha tistabbilixxi sistema biex tissorvelja l-prestazzjoni.

Artikolu 5

Ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet involuti fil-manutenzjoni

1.   L-impriżi ferrovjarji jew maniġers tal-infrastruttura kollha għandhom jiżguraw li l-vaguni tal-merkanzija li joperaw ikollkom, qabel it-tluq tagħhom, entità responsabbli mill-manutenzjoni ċċertifikata u li l-użu ta’ dak il-vagun jikkorrispondi għall-ambitu taċ-ċertifikat.

2.   Il-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ manutenzjoni għandhom ikollhom skambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-manutenzjoni skont il-kriterji elenkati fit-taqsimiet I.7 u I.8 tal-Anness III.

3.   Meta jkunu saru arranġamenti kuntrattwali, impriża ferrovjarja tista’ titlob informazzjoni għal skopijiet operattivi dwar il-manutenzjoni ta’ vagun tal-merkanzija. L-entità responsabbli mill-manutenzjoni tal-vagun tal-merkanzija għandha twieġeb talbiet bħal dawn direttament jew permezz ta’ partijiet ikkuntrattati oħra.

4.   Meta jkunu saru arranġamenti kuntrattwali, entità responsabbli mill-manutenzjoni tista’ titlob informazzjoni dwar il-ħidma ta’ vagun tal-merkanzija. L-impriża ferrovjarja jew il-maniġer tal-infrastruttura għandhom iwieġbu talbiet bħal dawn direttament jew permezz ta’ partijiet kontraenti oħra.

5.   Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar malfunzjonamenti marbuta mas-sikurezza, aċċidenti, inċidenti, kważi inċidenti, u ġrajjiet perikolużi oħra kif ukoll dwar kull restrizzjoni possibbli fuq l-użu tal-vaguni tal-merkanzija.

6.   Iċ-ċertifikati tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għandhom jiġu aċċettati bħala prova tal-ħila tal-impriżi ferrovjarji jew il-maniġers tal-infrastruttura li jissodisfaw ir-rekwiżti li jirregolaw il-manutenzjoni jew il-kontroll tal-kuntratturi u l-fornituri speċifikati fl-Anness II, punti B.1, B.2, B.3 u C.1, għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu ċertifikati (4) tas-sikurezza ferrovjarja u r-Regolament Kummissjoni (UE) Nru 1169/2010 tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja (5), sakemm l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza ma jistgħux juru l-eżistenza ta’ riskju sostanzjali għas-sikurezza.

7.   Jekk parti kontraenti, b’mod partikolari impriża ferrovjarja, ikollha raġuni valida li tindika li entità partikolari responsabbli mill-manutenzjoni ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14a(3) tad-Direttiva 2004/49/KE jew mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tgħarraf minnufih lill-korp taċ-ċertifikazzjoni tagħha. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jieħu l-azzjoni xierqa biex jivverifika jekk il-kontenzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità hijiex ġustifikata u għandu jinforma lill-partijiet involuti (inkluż lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti jekk ikun rilevanti) bir-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu.

8.   Meta jkun hemm bidla fl-entità responsabbli mill-manutenzjoni, id-detentur tar-reġistrazzjoni, kif indikat fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jinforma lil-entità ta’ reġistrazzjoni fil-ħin, kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (7), sabiex din tal-aħħar tista’ taġġorna ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi.

L-entità li qabel kienet responsabbli mill-manutenzjoni għandha tgħaddi d-dokumentazzjoni tal-manutenzjoni lid-detentur tar-reġistrazzjoni jew lill-entità l-ġdida responsabbli mill-manutenzjoni.

L-entità li qabel kienet responsabbli mill-manutenzjoni tinħeles mir-responsabbiltajiet tagħha meta din titneħħa mir-reġistru nazzjonali tal-vetturi. Jekk fid-data tad-dereġistrazzjoni tal-entità li qabel kienet responsabbli mill-manutenzjoni l-ebda entità ġdida ma tkun irrikonoxxiet l-aċċettazzjoni tagħha tal-istat ta’ entità responsabbli mill-manutenzjoni, ir-reġistrazzjoni tal-vettura tiġi sospiża.

Artikolu 6

Korpi taċ-ċertifikazzjoni

1.   Iċ-ċertifikati ECM għandhom jingħataw minn kwalunke korp taċ-ċertifikazzjoni kompetenti, magħżul mill-entità responsabbli miċ-ċertifikazzjoni applikanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu konformi mal-kriterji u l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Anness II u ma’ kwalunkwe skema sussegwenti ta’ akkreditament settorjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni jkunu suġġetti għal reviżjoni ġuridika.

4.   Sabiex jiġu armonizzati l-approċċi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jikkooperaw bejniethom kemm fl-Istati Membri u kemm madwar l-Unjoni.

5.   L-Aġenzija għandha torganizza u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 7

Sistema taċ-ċertifikazzjoni għall-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni

1.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħila tal-entità responsabbli mill-manutenzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti fl-Anness III u tapplikahom b’mod konsistenti. Hija għandha tinkludi sistema ta’ sorveljanza biex tiżgura l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli wara li jingħata ċ-ċertifikat ECM.

2.   L-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għandhom japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni permezz tal-formola rilevanti fl-Anness IV u billi jipprovdu evidenza ddokumentata tal-proċeduri speċifikati fl-Anness III. Huma għandhom jipprovdu minnufih l-informazzjoni addizzjonali kollha mitluba mill-korp taċ-ċertifikazzjoni. Fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom japplikaw ir-rekwiżiti u l-kriterji tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness III.

3.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jieħu deċiżjoni mhux aktar tard minn erba’ xhur wara li l-informazzjoni kollha meħtieġa u kull informazzjoni addizjonali mitluba jiġu ppreżentati lilu mill-entità responsabbli mill-manutenzjoni li tapplika għaċ-ċertifikat. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jwettaq il-valutazzjoni neċessarja fis-sit jew siti tal-entità responsabbli mill-manutenzjoni qabel ma jingħata ċ-ċertifikat. Id-deċiżjoni dwar l-għoti taċ-ċertifikat għandha tiġi kkomunikata lill-entità responsabbli mill-manutenzjoni permezz tal-formola rilevanti fl-Anness V.

4.   Ċertifikat ECM għandu jibqa validu għal perjodu sa ħames snin. Id-detentur taċ-ċertifikat għandu jinforma, mingħajr dewmien, il-korp taċ-ċertifikazzjoni dwar it-tibdiliet sinifikanti kollha fiċ-ċirkostanzi applikabbli fiż-żmien li ngħata ċ-ċertifikat oriġinali sabiex il-korp taċ-ċertifikazzjoni ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jemendah, iġeddu jew jirrevokah.

5.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jiġbor fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tiġi bbażata kull deċiżjoni tiegħu. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jgħarraf bid-deċiżjoni tiegħu u r-raġunijiet lill-entità responsabbli mill-manutenzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tal-proċess, limitu ta’ żmien għall-appell u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ appell.

6.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jwettaq sorveljanza mill-inqas darba fis-sena fuq siti magħżula, li huma geografikament u funzjonalment rappreżentattivi tal-attivitajiet kollha ta’ dawk l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni li ġew iċċertifikati minnu, sabiex jivverifika li l-entitajiet għadhom jissodisfaw l-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

7.   Jekk il-korp taċ-ċertifikazzjoni isib li entità responsabbli mill-manutenzjoni ma tissodisfax iżjed ir-rekwiżiti li ngħata ċ-ċertifikat abbażi tagħhom, huwa għandu jiftiehem fuq pjan ta’ titjib flimkien mal-entità responsabbli mill-manutenzjoni, jew jillimta l-ambitu tal-applikazzjoni taċ-ċertifikat, jew jissospendi ċ-ċertifikat, skont il-livell ta’ nuqqas ta’ konformità.

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità kontinwu mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni jew kwalunkwe pjan ta’ titjib, il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jillimita l-ambitu jew jirtira ċ-ċertifikat ECM, u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, flimkien ma’ indikazzjoni tal-proċess u l-limitu ta’ żmien għall-appell u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ appell.

8.   Meta impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura japplikaw għal ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza, għandu japplika dan li ġej fir-rigward tal-vaguni tal-merkanzija li jintużaw minnhom:

(a)

fejn il-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija ssir mill-applikant, l-applikant jew għandu jinkludi ċertifikat ECM validu bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu, jekk disponibbli, jew il-kapaċità tiegħu bħala entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiġi vvalutata bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza;

(b)

fejn il-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija ssir minn partijiet minbarra l-applikant, l-applikant għandu jiżgura, permezz tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tiegħu, il-kontroll tar-riskji kollha relatati mal-attivitajiet tiegħu, inkluż l-użu ta’ tali vaguni, fejn, b’mod partikolari, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Korpi taċ-ċertifikazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jagħmlu skambju attiv ta’ opinjonijiet fiċ-ċirkostanzi kollha biex jevitaw valutazzjoni doppja.

Artikolu 8

Sistema taċ-ċertifikazzjoni għal funzjonijiet tal-manutenzjoni sottokuntrattati

1.   Fejn entità responsabbli mill-manutenzjoni tiddeċiedi li tissottokuntratta funzjoni waħda jew aktar minn imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b), (c) u (d), jew partijiet minnhom, iċ-ċertifikazzjoni volontarja tal-kuntrattur fl-ambitu tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha toħloq suppożizzjoni ta’ konformità tal-entità responsabbli mill-manutenzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, safejn dawn ir-rekwiżiti huma koperti miċ-ċertifikazzjoni volontarja tal-kuntrattur. Fin-nuqqas ta’ tali ċertifikazzjoni, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha turi lill-korp taċ-ċertifikazzjoni kif din tikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Anness II fir-rigward tal-funzjonijiet li hija tiddeċiedi tissottokuntratta.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ funzjonijiet ta’ manutenzjoni sottokuntrattati, jew partijiet minnhom, għandha tinħareġ mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, billi jiġu segwiti l-istess proċeduri fl-Artikoli 6, 7, u 10(3), skont il-każ speċifiku tal-applikant. Dawn għandhom ikunu validi fl-Unjoni kollha.

Fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati fir-rigward tal-funzjonijiet tal-manutenzjoni sottokuntrattati, jew partijiet minnhom, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom isegwu l-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 9

Ir-rwol tar-reġim tas-sorveljanza

Jekk awtorità nazzjonali tas-sikurezza jkollha raġuni valida għalxiex temmen li entità partikolari responsabbli mill-manutenzjoni ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14a(3) tad-Direttiva 2004/49/KE jew ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tieħu d-deċiżjoni meħtieġa mill-ewwel u tinforma lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija, lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-partijiet l-oħra interessati f’tali deċiżjoni.

Artikolu 10

Għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2011, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk il-korpi taċ-ċertifikazzjoni humiex korpi akkreditati, korpi rikonoxxuti jew awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil f’din is-sitwazzjoni fi żmien xahar mill-bidla.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija bil-korpi taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuti. Il-korpi akkreditati kif iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar il-korpi taċ-ċertifikazzjoni akkreditati. Kwalunkwe bidla għandha tiġi nnotifikata wkoll lill-Aġenzija fi żmien xahar mill-bidla.

3.   Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar kull ċertifikat ECM maħruġ, emendat, imġedded jew revokat jew dwar ċertifikati għal funzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 4(1), fi żmien ġimgħa mid-deċiżjoni tagħha, skont il-formoli fl-Anness V.

4.   L-Aġenzija għandha żżomm rekord tal-informazzjoni kollha nnotifikata fl-ambitu tal-paragrafi 2 u 3 u għandha tagħmilha disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 11

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 653/2007

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 653/2007 jiġi sostitwit mit-test stabbilit fl-Anness VI għal dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali li ġejjin għandhom japplikaw mingħajr ħsara għall-Artikolu 9.

2.   Mill-31 ta' Mejju 2012, kull ċertifikat ECM għandu jinħareġ skont dan ir-Regolament lill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, bla ħsara għall-Artikolu 14a(8) tad-Direttiva 2004/49/KE.

3.   Iċ-ċertifikati maħruġa minn korp taċ-ċertifikazzjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012 abbażi tal-prinċipji u l-kriterji ekwivalenti għal dawk tal-Memorandum ta’ Ftehim li jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta’ sistema komuni taċ-ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija ffirmat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fl-14 ta’ Mejju 2009 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati ECM maħruġa skont dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ validità oriġinali tagħhom iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2015.

4.   Iċ-ċertifikati maħruġa minn korp taċ-ċertifikazzjoni lill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012 abbażi tal-liġijiet nazzjonali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u ekwivalenti għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 u l-Annessi I u III, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati ECM maħruġa fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ validità oriġinali tagħhom iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2015.

5.   Iċ-ċertifikati maħruġa mill-workshops ta’ manutenzjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2014 abbażi tal-liġijiet nazzjonali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati għall-workshops ta’ manutenzjoni li jwettqu l-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni maħruġa fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ validità oriġinali tagħhom iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2017.

6.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 3 sa 5, l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għal vaguni tal-merkanzija rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012 għandhom jiġu ċċertifikati skont dan ir-regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2013. Matul dan il-perjodu, awtodikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni mar-rekwiżiti rilevanti tar-regolament attwali jew mal-Memorandum ta’ Ftehim li jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta’ sistema komuni ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, iffirmat mill-Istati Membri fl-14 ta’ Mejju 2009, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati ECM maħruġa fl-ambitu ta’ dan ir-regolament.

7.   L-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura li diġà huma ċċertifikati skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2004/49/KE sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012 ma għandhomx japplikaw għal ċertifikat ECM għall-perjodu ta’ validità oriġinali taċ-ċertifikati tagħhom għall-manutenzjoni tal-vaguni li huma responsabbli għalihom bħala entità responsabbli mill-manutenzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(3)  ĠU L 153, 14.6.2007, p. 9.

(4)  ĠU L 326, 10.12.2010, p. 11.

(5)  ĠU L 327, 11.12.2010, p. 13.

(6)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30.


ANNESS I

Il-prinċipji li għandhom jintużaw għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għal ċertifikat fir-rigward tal-funzjonijiet tal-manutenzjoni sottokuntrattati minn entità responsabbli mill-manutenzjoni

1.

Għaċ-ċertifikazzjoni ta’ entita jew organizazzjoni li twettaq funzjoni ta’ manutenzjoni waħda jew aktar ta’ entita responsabbli mill-manutenzjoni (żvilupp tal-manutenzjoni, immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, twettiq tal-manutenzjoni) jew partijiet minnhom, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti u l-kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin li jinsabu fl-Anness III:

(a)

rekwiżiti u kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fit-taqsima I tal-Anness III, skont it-tip ta’ organizzazzjoni u l-limitu tas-servizz;

(b)

rekwiżiti u kriterji tal-valutazzjoni li jiddeskrivu l-funzjoni jew il-funzjonijiet tal-manutenzjoni speċifiċi.

2.

Għaċ-ċertifikazzjoni ta’ workshop ta’ manutenzjoni li jwettaq il-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti u kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin li jinsabu fl-Anness III:

(a)

ir-rekwiżiti u l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fit-taqsima I tal-Anness III, li għandhom jiġu adattati għall-attività speċifika ta’ workshop tal-manutenzjoni li qed jipprovdi l-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni;

(b)

il-proċessi li jiddeskrivu l-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni.


ANNESS II

Il-kriterji għall-akkreditament jew rikonoxximent tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni involuti fil-valutazzjoni u għoti taċ-ċertifikati ECM

1.   ORGANIZZAZZJONI

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jiddokumenta l-istruttura organizzattiva tiegħu, billi jindika x’inhuma d-dmirijiet, ir-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar u persunal ieħor ta’ ċertifikazzjoni u kwalunkwe kumitat. Meta l-korp taċ-ċertifikazzjoni jkun parti definita minn entità legali, l-istruttura għandha tinkludi l-linji ta’ awtorità u r-relazzjoni ma’ partijiet oħra fi ħdan l-istess entità legali.

2.   INDIPENDENZA

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun korp indipendenti mil-lat organizzattiv u funzjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, mill-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, is-sidien, il-manifatturi u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u m’għandux jipprovdi servizzi simili.

L-indipendenza tal-persunal responsabbli mill-kontrolli taċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi ggarantita. L-ebda uffiċjal m’għandu jiġi rrimunerat abbażi tan-numru ta’ kontrolli mwettqa jew tar-riżultati ta’ dawk il-kontrolli.

3.   KOMPETENZA

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni u l-persunal impjegat għandu jkollu l-kompetenza professjonali meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u s-sistema tal-manutenzjoni xierqa.

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu juri:

(a)

esperjenza solida fil-valutazzjoni tas-sistemi tal-immaniġġjar;

(b)

għarfien dwar ir-rekwiżiti applikabbli tal-leġiżlazzjoni.

It-tim stabbilit għas-sorveljanza tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għandu jkollu esperjenza fl-qosma rilevanti u, b’mod partikolari għandu juri:

(a)

għarfien u fehim xierqa tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli;

(b)

kompetenza teknika rilevanti;

(c)

minimu ta’ tliet snin esperjenza rilevanti fil-manutenzjoni b’mod ġenerali;

(d)

esperjenza adegwata fil-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija jew tal-anqas fil-manutenzjoni f’setturi industrijali ekwivalenti.

4.   IMPARZJALITÀ

Id-deċiżjonijiet tal-korp taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq evidenza oġġettiva ta’ konformità jew nuqqas ta’ konformità miksuba mill-korp taċ-ċertifikazzjoni, u m’għandhomx jiġu influwenzati minn interessi jew partijiet oħra.

5.   RESPONSABBILTÀ

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni mhuwiex responsabbli għall-konformità kontinwa mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni.

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu r-responsabbiltà li jivvaluta evidenza oġġettiva adegwata biex fuqha jibbaża d-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni.

6.   TRASPARENZA

Korp taċ-ċertifikazzjoni jeħtieġ li jipprovdi aċċess pubbliku għal jew żvelar ta’ informazzjoni xierqa u f’waqtha dwar il-proċess tal-verifika u l-proċess taċ-ċertifikazzjoni tiegħu. Jeħtieġ ukoll li jipprovdi informazzjoni dwar l-istat taċ-ċertifikazzjoni (inklużi il-ħruġ, l-estensjoni, iż-żamma, it-tiġdid, is-sospensjoni, it-tnaqqis fl-ambitu jew ir-revoka taċ-ċertifikazzjoni) ta’ kull organizzazzjoni, sabiex joħloq sens ta’ fiduċja fl-integrità u l-kredibbiltà taċ-ċertifikazzjoni. Il-trasparenza huwa prinċipju ta’ aċċess għal, u ta’ żvelar ta’, informazzjoni xierqa.

7.   KUNFIDENZJALITÀ

Sabiex jinkiseb aċċess privileġġat għall-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata, b’mod adegwat, il-konformità mar-rekwiżiti, korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jżomm kunfidenzjali kull informazzjoni kummerċjali dwar klijent.

8.   PROĊEDURA GĦALL-ILMENTI

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi proċedura biex jindirizza tilwim relatat ma’ deċiżjonijiet u attivitajiet oħra relatati maċ-ċertifikazzjoni.

9.   RESPONSABBILTÀ U FINANZJAMENT

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun kapaċi juri li huwa vvaluta r-riskji marbuta mal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tiegħu u li għandu l-arranġamenti xierqa (inkluż assigurazzjoni jew riżervi) biex ikopri ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tiegħu f’kull qasam tal-attivitajiet tiegħu u f’kull żona ġeografika li jopera fiha.


ANNESS III

Ir-rekwiżiti u l-kriterji ta’ valutazzjoni għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għal ċertifikat ECM jew għal ċertifikat fir-rigward tal-funzjonijiet tal-manutenzjoni sottokuntrattati minn entità responsabbli mill-manutenzjoni

I.   Rekwiżiti tal-funzjoni tal-immaniġġjar u kriterji għall-valutazzjoni

1.   Tmexxija – impenn lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ manutenzjoni tal-organizzazzjoni u lejn it-titjib kontinwu tal-effikaċja tagħha

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri:

(a)

biex tistabbilixxi politika ta’ manutenzjoni xierqa għat-tip ta’ organizzazzjoni u għal-livell tas-servizzi, li tkun approvata mill-kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha;

(b)

biex tiżgura li jiġu stabbiliti miri tas-sikurezza, b’konformità mal-qafas legali u konsistenti mat-tip, il-livell u r-riskji rilevanti tal-organizzazzjoni;

(c)

biex tivvaluta l-prestazzjoni ġenerali tas-sikurezza tagħha fir-rigward tal-miri tas-sikurezza korporattivi;

(d)

biex tiżviluppa pjanijiet u proċeduri biex tilħaq il-miri tas-sikurezza tagħha;

(e)

biex tiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu l-proċessi kollha b’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness;

(f)

biex tidentifika u timmaniġġja l-impatt tal-attivitajiet amministrattivi l-oħra fuq is-sistema tal-manutenzjoni;

(g)

biex tiżgura li l-maniġment għoli jkun konxju tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-verifiki u jieħu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ tibdiliet fis-sistema tal-manutenzjoni;

(h)

biex tiżgura li l-persunal u r-rappreżentanti tiegħu jkunu rappreżentati u kkonsultati b’mod xieraq fil-proċess ta’ definizzjoni, żvilupp, monitoraġġ u reviżjoni tal-aspetti tas-sikurezza tal-proċessi kollha relatati li jistgħu jinvolvu lill-persunal.

2.   Valutazzjoni tar-riskju – approċċ strutturat biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, inklużi dawk li jirriżultaw direttament minn proċessi operattivi u minn attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet jew persuni oħra, u biex jiġu identifikati l-miżuri xierqa għall-kontroll tar-riskju

2.1.

L-organizzazzjoni għandha jkollha proċeduri:

(a)

biex tanalizza r-riskji rilevanti għal-livell tal-operazzjonijiet imwettqa mill-organizzazzjoni, inklużi r-riskji li jirriżultaw minn difetti u nuqqas ta’ konformità jew malfunzjonament tal-kostruzzjoni matul iċ-ċiklu ta’ ħajja;

(b)

biex tivvaluta r-riskji msemmija fil-punt (a);

(c)

biex tiżviluppa u tistabbilixi miżuri ta’ kontroll tar-riskju.

2.2.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri u arranġamenti stabbiliti biex tagħraf il-ħtieġa u l-impenn għall-kollaborazzjoni mas-sidien, mal-impriżi ferrovjarji, mal-maniġers tal-infrastruttura jew mal-partijiet interessati l-oħra.

2.3.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju biex timmaniġġja t-tibdiliet fit-tagħmir, fil-proċeduri, fl-organizzazzjoni, fil-persunal jew l-interkonnessjonijiet, u biex tapplika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (1).

2.4.

Fil-valutazzjoni tar-riskju, organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri li jqisu l-ħtieġa li jiġi ddeterminat, ipprovdut u sostnut ambjent ta’ xogħol xieraq li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ma’ dik nazzjonali, b’mod partikolari mad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (2).

3.   Monitoraġġ – approċċ strutturat li jiżgura li jiġu stabbiliti l-miżuri għall-kontroll tar-riskju, li jkunu qed jaħdmu sew u li qed jilħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni

3.1.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex b’mod regolari tiġbor, timmonitorja u tanalizza d-dejta rilevanti dwar is-sikurezza, inklużi:

(a)

il-prestazzjoni tal-proċessi rilevanti;

(b)

ir-riżultati tal-proċessi (inkluż is-servizzi u prodotti kuntrattati kollha);

(c)

l-effikaċja tal-arranġamenti tal-kontroll tar-riskju;

(d)

l-informazzjoni dwar l-esperjenza, il-malfunzjonament, id-difetti u t-tiswijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ kuljum u l-manutenzjoni.

3.2.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li aċċidenti, inċidenti, kważi inċidenti u okkorrenzi perikolużi oħra jiġu rrapportati, irreġistrati, investigati u analizzati.

3.3.

Biex issir reviżjoni perjodika tal-proċessi kollha, l-organizzazzjoni għandu jkollha sistema interna ta’ verifika li tkun indipendenti, imparzjali u li taġixxi b’mod trasparenti. Din is-sistema għandu jkollha proċeduri stabbiliti biex:

(a)

tiżviluppa pjan intern ta’ verifika, li jista’ jiġi rivedut skont ir-riżultati miksuba fil-verifiki preċedenti u mill-monitoraġġ tal-prestazzjoni;

(b)

tanalizza u tivvaluta r-riżultati tal-verifiki;

(c)

tipproponi u timplimenta miżuri/azzjonijiet korrettivi speċifiċi;

(d)

tivverifika l-effikaċja tal-miżuri/azzjonijiet preċedenti.

4.   Titjib kontinwu – approċċ strutturat biex tiġi analizzata l-informazzjoni miġbura permezz ta’ monitoraġġ regolari, verifiki, jew sorsi oħra rilevanti, u biex ir-riżultati jservu ta’ tagħlim u biex jiġu adottati miżuri preventivi jew korrettivi għaż-żamma jew it-titjib tal-livell tas-sikurezza

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li:

(a)

n-nuqqasijiet identifikati jiġu rettifikati;

(b)

l-iżviluppi ġodda fis-sikurezza jiġu implimentati;

(c)

ir-riżultati tal-verifika interna jintużaw biex titjieb is-sistema;

(d)

jiġu implimentati azzjonijiet preventivi jew korrettivi, fejn meħtieġ, biex tiġi żgurata l-konformità tas-sistema ferrovjarja mal-istandards u rekwiżiti oħra matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tat-tagħmir jew tal-operazzonijiet;

(e)

l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-investigazzjoni u l-kawżi tal-aċċidenti, inċidenti, kważi inċidenti u okkorrenzi perikolużi oħra tintuża bħala tagħlim u, meta jkun meħtieġ, jiġu adottati miżuri għat-titjib tal-livell ta’ sikurezza;

(f)

ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, mill-korp nazzjonali ta’ investigazzjoni u mill-investigazzjonijiet industrijali u interni jiġu vvalutati u implimentati jekk ikunu xierqa;

(g)

l-informazzjoni/rapporti rilevanti minn impriżi ferrovjarji/maniġers tal-infrastruttura u sidien jew sorsi rilevanti oħra jiġu kkunsidrati u meqjusa.

5.   Struttura u Responsabbiltà – approċċ strutturat biex jiġu ddefiniti r-responsabbiltajiet ta’ individwi u timijiet għal kisba sikura tal-għanijiet ta’ sikurezza tal-organizzazzjoni

5.1.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex talloka r-responsabbiltajiet għall-proċessi kollha rilevanti madwar l-organizzazzjoni kollha.

5.2.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiddefinixxi b’mod ċar l-oqsma ta’ responsabbiltà relatati mas-sikurezza, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet għal funzjonijiet speċifiċi assoċjati magħhom kif ukoll mal-intermedjarji tagħhom. Dawn jinkludu l-proċeduri indikati hawn fuq bejn l-organizzazzjoni u s-sidien u fejn hu xieraq l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura.

5.3.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li l-persunal b’responsabbiltajiet delegati fi ħdan l-organizzazzjoni jkollu l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi adegwati biex jaqdi l-funzjoni tiegħu. Ir-responsabbiltà u l-kompetenza għandhom ikunu koerenti u kompatibbli mar-rwol stipulat u d-delegazzjoni għandha tkun bil-miktub.

5.4.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-proċessi rilevanti fi ħdan l-organizzazzjoni kollha.

5.5.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex iżżomm lil dawk li għandhom rwol amministrattiv responsabbli għall-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tas-sikurezza.

6.   L-Immaniġġjar tal-Kompetenzi – approċċ strutturat biex jiġi żgurat li l-impjegati jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-organizzazzjoni b’mod sikur, effikaċi u effiċjenti fiċ-ċirkostanzi kollha.

6.1.

L-organizzazzjoni għandha twaqqaf sistema tal-immaniġġjar tal-kompetenzi li tkopri:

(a)

l-identifikazzjoni tal-karigi bir-responsabbiltà li jwettqu, fi ħdan is-sistema, il-proċessi neċessarji kollha għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness;

(b)

l-identifikazzjoni tal-karigi li jinvolvu funzjonijiet relatati mas-sikurezza;

(c)

l-allokazzjoni ta’ persunal bil-kompetenzi xierqa għall-funzjonijiet rilevanti.

6.2.

Fi ħdan is-sistema tal-immaniġġjar tal-kompetenzi tal-organizzazzjoni hemm proċeduri li jaraw li l-kompetenzi tal-persunal tal-inqas jinkludu:

(a)

l-identifikazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għall-funzjonijiet relatati mas-sikurezza skont ir-responsabbiltajiet tagħhom;

(b)

il-prinċipji selettivi inklużi l-livell edukattiv bażiku, il-kapaċità mentali u s-saħħa fiżika;

(c)

it-taħriġ inizjali u l-kwalifiki jew ċertifikazzjoni tal-kompetenzi jew il-kapaċitajiet akkwiżiti;

(d)

il-garanzija li l-persunal kollu jkun konxju tar-rilevanza u l-importanza tal-attivitajiet tiegħu u kif huwa jista’ jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ sikurezza;

(e)

it-taħriġ kontinwu u l-aġġornament perjodiku tal-għarfien u l-ħiliet eżistenti;

(f)

il-kontrolli perjodiċi tal-kompetenzi, tal-attitudni mentali u tas-saħħa fiżika fejn meħtieġ;

(g)

il-miżuri speċjali f’każ ta’ aċċidenti/inċidenti jew assenza twila minn fuq il-post tax-xogħol, kif meħtieġ.

7.   Informazzjoni – approċċ strutturat biex jiġi żgurat li informazzjoni importanti tkun disponibbli għal dawk li jiġġudikaw u jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni

7.1.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex jiġu ddefiniti mezzi ta’ rappurtar biex tiżgura li, fi ħdan l-entità nnifisha u fil-ftehimiet kummerċjali tagħha ma’ atturi oħra, inklużi maniġers tal-infrastruttura, impriżi ferrovjarji u sidien, l-informazzjoni dwar il-proċessi rilevanti kollha tiġi skambjata kif suppost u ppreżentata lill-persuna li jkollha r-rwol adattat kemm fi ħdan l-organizzazzjoni stess kif ukoll f’organizzazzjonijiet oħra, b’mod mgħaġġel u ċar.

7.2.

Biex tiżgura skambju xieraq tal-informazzjoni, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri:

(a)

għall-wasla u l-ipproċessar ta’ informazzjoni speċifika;

(b)

għall-identifikazzjoni, il-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni speċifika;

(c)

għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata.

7.3.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li l-informazzjoni operattiva prinċipali tkun:

(a)

rilevanti u valida;

(b)

preċiża;

(c)

kompleta;

(d)

aġġornata b’mod xieraq;

(e)

ikkontrollata;

(f)

konsistenti u faċli biex tinftiehem (inkluż il-lingwa użata);

(g)

għad-dispożizzjoni tal-persunal qabel ma tiġi applikata;

(h)

aċċessibbli faċilment għall-persunal, u jiġu pprovduti kopji lilu fejn hu meħtieġ.

7.4.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 7.1, 7.2 u 7.3 japplikaw b’mod partikolari għall-informazzjoni operazzjonali li ġejja:

(a)

il-verifiki tal-akkuratezza u l-kompletezza tar-reġistri nazzjonali tal-vetturi fir-rigward tal-identifikazzjoni (inkluż il-mezzi) u r-reġistrazzjoni tal-vaguni tal-merkanzija miżmuma mill-orġanizzazzjoni;

(b)

id-dokumentazzjoni dwar il-manutenzjoni;

(c)

l-informazzjoni dwar l-appoġġ mogħti lis-sidien u, fejn hu xieraq, lil partijiet oħra, inklużi impriżi ferrovjarji/maniġers tal-infrastruttura;

(d)

l-informazzjoni dwar il-kwalifiki tal-persunal u superviżjoni sussegwenti mwettqa waqt l-iżvilupp tal-manutenzjoni;

(e)

l-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet (inklużi l-għadd ta’ mili, it-tip u l-livell tal-attivitajiet, l-inċidenti/aċċidenti) u t-talbiet min-naħa tal-impriżi ferrovjarji, is-sidien u l-maniġers tal-infrastruttura;

(f)

rekords tal-manutenzjoni mwettqa, inklużi l-informazzjoni fuq nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu mill-impriżi ferrovjarji jew mill-maniġers tal-infrastruttura bħall-ispezzjonijiet u monitoraġġ imwettqa qabel it-tluq tal-ferrovja jew fi triqtha;

(g)

rilaxx għas-servizz u ritorn għall-operazzjoni;

(h)

l-ordnijiet tal-manutenzjoni;

(i)

l-informazzjoni teknika li għandha tiġi pprovduta lill-impriżi ferrovjarji/maniġers tal-infrastruttura u lis-sidien għall-istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni;

(j)

l-informazzjoni ta’ emerġenza li tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-istat sikur tal-operat huwa mxekkel, li tista’ tinkludi:

(i)

l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ użu jew kundizzjonijiet speċifiċi għall-operat għal vaguni ta’ merkanzija li tagħhom tagħmel il-manutenzjoni jew vetturi oħra tal-istess serje anki jekk il-manutenzjoni tagħhom issir minn entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni, fejn din l-informazzjoni trid titqassam ukoll mal-partijiet involuti kollha;

(ii)

informazzjoni urġenti dwar kwistjonijiet relatati mas-sikurezza, identifikati matul il-proċess ta’ manutenzjoni, bħal nuqqasijiet identifikati f’komponent komuni għal diversi tipi jew serje ta’ vetturi;

(k)

l-informazzjoni/dejta rilevanti kollha meħtieġa sabiex jiġi ppreżentat ir-rapport annwali dwar il-manutenzjoni lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-konsumaturi rilevanti (inkluż is-sidien), fejn dan ir-rapport irid ikun disponibbli ukoll fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

8.   Dokumentazjoni – approċċ strutturat biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-informazzjoni rilevanti kollha

8.1.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri xierqa stabbiliti biex jiġi żgurat li l-proċessi rilevanti kollha jiġu ddokumentati kif suppost.

8.2.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri xierqa stabbiliti biex:

(a)

timmonitorja regolarment u taġġorna d-dokumentazzjoni rilevanti kollha;

(b)

tifformattja, tiġġenera, tqassam u timmaniġġja l-kontroll tal-tibdiliet tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha;

(c)

tirċievi, tiġbor u tarkivja d-dokumentazzjoni rilevanti kollha.

9.   Attivitajiet Kuntrattwali – approċċ strutturat biex jiġi żgurat li attivitajiet sottokuntrattati jiġu mmaniġġjati kif xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni

9.1.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri stabbiliti sabiex tiżgura li prodotti u servizzi li relatati mas-sikurezza jiġu identifikati.

9.2.

Meta jintużaw kuntratturi u/jew fornituri ta’ prodotti u servizzi relatati mas-sikurezza, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri stabbiliti biex tivverifika, fil-proċess tal-għażla, li:

(a)

il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u l-fornituri huma kompetenti;

(b)

il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u l-fornituri għandhom sistema ta’ manutenzjoni u mmaniġġjar li hija xierqa u dokumentata.

9.3.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex tiddefinixxi r-rekwiżiti li tali kuntratturi u fornituri għandhom jissodisfaw.

9.4.

L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri stabbiliti biex timmonitorja kemm il-fornituri u/jew il-kuntratturi huma konxji tar-riskji li huma jikkawżaw lill-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni.

9.5.

Meta s-sistema ta’ manutenzjoni/immaniġġjar ta’ kuntrattur jew fornitur tkun iċċertifikata, l-applikazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ deskritta f’punt 3 tista’ tkun limitata għar-riżultati tal-proċessi operattivi kuntrattati msemmija f’punt 3.1(b).

9.6.

Tal-inqas, il-prinċipji bażiċi għall-proċessi li ġejjin għandhom ikunu definiti, magħrufa u allokati b’mod ċar fil-kuntratt bejn il-partijiet kontraenti:

(a)

ir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet, fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-sikurezza ferrovjarja;

(b)

l-obbligi relatati mat-trasferiment tal-informazzjoni rilevanti bejn iż-żewġ partijiet;

(c)

it-traċċabbiltà ta’ dokumenti relatati mas-sikurezza.

II.   Rekwiżiti u kriterji ta’ valutazzjoni għall-funzjoni ta’ żvilupp tal-manutenzjoni

1.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex biha tidentifika u timmaniġġja l-attivitajiet kollha ta’ manutenzjoni li jaffettwaw is-sikurezza u l-komponenti kritiċi għas- sikurezza.

2.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiggarantixxi l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tal-interoperabbiltà, inkluż l-aġġornamenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja, billi:

(a)

tiżgura l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-paramentri bażiċi tal-interoperabbiltà kif stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (TSIs) rilevanti;

(b)

tivverifika, fiċ-ċirkostanzi kollha, il-konsistenza tal-fajl tal-manutenzjoni mal-awtorizzazzjoni tad-dħul għas-servizz (inkluż kwalunkwe rekwiżit tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza), id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità mat-TSIs, id-dikjarazzjonijiet ta’ verifika, u l-fajl tekniku;

(c)

timmaniġġja kull sostituzzjoni fil-proċess tal-manutenzjoni b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/57/KE u mat-TSIs rilevanti;

(d)

tidentifika l-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju, billi tqis l-impatt potenzjali tas-sostituzzjoni inkwistjoni fuq is-sikurezza tas-sistema ferrovjarja;

(e)

timmaniġġja l-konfigurazzjoni tat-tibdiliet tekniċi kollha li jaffettwaw l-integrità tas-sistema tal-vettura.

3.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura għad-disinn u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-faċilitajiet ta’ manutenzjoni, tagħmir u għodda żviluppati u meħtieġa speċifikament għat-twettiq ta’ manutenzjoni. L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex tivverifika jekk dawn il-faċilitajiet, tagħmir u għodda jintużaw, jinħażnu u jinżammu skont l-iskeda ta’ manutenzjoni tagħhom u b’konformità mar-rekwiżiti ta’ manutenzjoni tagħhom.

4.   Meta l-vaguni tal-merkanzija jibdew joperaw, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex:

(a)

tikseb id-dokumentazzjoni inizjali u tiġbor biżżejjed informazzjoni dwar operazzjonijiet ippjanati;

(b)

tanalizza d-dokumentazzjoni inizjali u tipprovdi l-ewwel fajl tal-manutenzjoni, billi tikkunsidra wkoll l-obbligi li hemm fi kwalunkwe garanziji assoċjati;

(c)

tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ewwel fajl tal-manutenzjoni issir korrettament.

5.   Biex iżżomm il-fajl tal-manutenzjoni aġġornat tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-vagun tal-merkanzija, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex:

(a)

tiġbor, tal-inqas, l-informazzjoni rilevanti dwar:

(i)

it-tipi u l-livell tal-operazzjonijiet imwettqa effettivament li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, inċidenti operazzjonali b’possibbiltà li tiġi affettwata l-integrità tas-sikurezza tal-vaguni tal-merkanzija;

(ii)

it-tip u l-livell tal-operazzjonijiet ippjanati;

(iii)

il-manutenzjoni effettivament imwettqa;

(b)

tanalizza l-ħtieġa ta’ aġġornamenti, billi jitqiesu l-valuri ta’ limitu għall-interoperabbiltà;

(c)

tagħmel proposti għal tibdiliet u għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, li jwasslu għal deċiżjoni bbażata fuq kriterji ċari, billi jitqiesu s-sejbiet mill-valutazzjoni tar-riskju;

(d)

tiżgura li l-implimentazzjoni tat-tibdiliet issir korrettament.

6.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ mmaniġġjar tal-kompetenza għall-funzjoni tal-immaniġġjar tal-kompetenzi għall-iżvilupp tal-manutenzjoni, għandhom jitqiesu, tal-anqas, l-attivitajiet li ġejjin li jaffettwaw is-sikurezza:

(a)

il-valutazzjoni tal-impatt tat-tibdiliet fil-fajl tal-manutenzjoni u s-sostituzzjonijiet proposti fil-proċess ta’ manutenzjoni;

(b)

id-dixxiplini fl-inġinerija meħtieġa għall-immaniġġjar tal-istabbiliment u t-tibdiliet tal-fajl ta’ manutenzjoni u l-iżvilupp, valutazzjoni, validazzjoni u approvazzjoni tas-sostituzzjonijiet waqt il-proċess ta’ manutenzjoni;

(c)

tekniki tat-tgħaqqid (inkluż is-saldatura u l-irbit), sistemi tal-ibbrejkjar, settijiet ta’ roti u tagħmir tal-igganċjar (draw gear), tekniki ta’ testijiet nondistruttivi u attivitajiet ta’ manutenzjoni fuq komponenti speċifiċi tal-vaguni tal-merkanzija maħsuba għat-trasport ta’ prodotti perikolużi bħal pereżempju tankijiet u valvijiet.

7.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ dokumentazzjoni għall-funzjoni ta’ żvilupp tal-manutenzjoni, għandha tiġi ggarantita, tal-inqas, it-traċċabbiltà tal-elementi li ġejjin:

(a)

id-dokumentazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp, il-valutazzjoni, il-validazzjoni u l-approvazzjoni ta’ sostituzzjoni fil-proċess ta’ manutenzjoni;

(b)

il-konfigurazzjoni tal-vetturi, inkluża iżda mhux limitata għal komponeti relatati mas-sikurezza;

(c)

ir-rekords dwar il-manutenzjoni mwettqa;

(d)

ir-riżultati ta’ studji dwar ir-riżultati tal-esperjenzi miksuba;

(e)

il-verżjonijiet suċċessivi kollha tal-fajl tal-manutenzjoni inkluża l-valutazzjoni tar-riskju;

(f)

ir-rapporti dwar il-kompetenza u s-superviżjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni u tal-immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta;

(g)

l-informazzjoni teknika li għandha tingħata bħala appoġġ lis-sidien, lill-impriżi ferrovjarji u lill-maniġers tal-infrastruttura.

III.   Rekwiżiti u kriterji ta’ valutazzjoni għall-funzjoni ta’ mmaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta

1.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex tikkontrolla l-kompetenza, id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-entità responsabbli għat-twettiq tal-manutenzjoni mogħti qabel ma jsiru l-ordnijiet għall-manutenzjoni. Dan jeħtieġ li l-workshops tal-manutenzjoni huma kwalifikati kif suppost biex jiddeċiedu dwar rekwiżiti għall-kompetenzi tekniċi fil-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni.

2.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura għall-kompożizzjoni tal-pakkett tax-xogħol u għall-ħruġ u r-rilaxx tal-ordni ta’ manutenzjoni.

3.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex tibgħat vaguni tal-merkanzija għall-manutenzjoni fil-ħin opportun.

4.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex timmaniġġja t-tneħħija tal-vaguni tal-merkanzija mill-operat għall-manutenzjoni jew meta jiġu identifikati xi difetti.

5.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex tiddefinixxi l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa applikabbli għall-manutenzjoni mwettqa u għar-rilaxx għas-servizz tal-vaguni tal-merkanzija.

6.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura dwar kif toħroġ avviż ta’ ritorn għall-operazzjoni, billi titqies id-dokumentazzjoni ta’ rilaxx għas-servizz.

7.   Meta jiġi applikat il-proċess għall-immaniġġjar tal-kompetenzi (CM) għall-funzjoni tal-immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, tal-inqas għandu jitiqies ir-ritorn għall-operazzjoni tal-vaguni.

8.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ informazzjoni għall-funzjoni ta’ immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, tal-inqas l-elementi li ġejjin għandhom jiġu pprovduti għall-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni:

(a)

ir-regoli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli;

(b)

il-pjan ta’ manutenzjoni għal kull vagun tal-merkanzija;

(c)

lista tal-partijiet ta’ rikambju, inkluża deskrizzjoni teknika dettaljata biżżejjed għal kull parti sabiex kull parti tiġi sostitwita b’waħda eżatt bħalha bl-istess garanziji;

(d)

lista ta’ materjali inkluża deskrizzjoni dettaljata biżżejjed tal-użu u l-informazzjoni meħtieġa dwar is-saħħa u s-sikurezza;

(e)

dossjer li jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-attivitajiet li jaffettwaw is-sikurezza u li jinkludu restrizzjonijiet fuq l-interventi u waqt l-użu għall-komponenti;

(f)

lista ta’ komponenti jew sistemi li huma suġġetti għal rekwiżiti legali u l-lista ta’ dawn ir-rekwiżiti (inklużi l-akkumulaturi tal-brejkijiet u t-tankijiet għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi);

(g)

l-informazzjoni addizzjonali rilevanti kollha relatata mas-sikurezza skont il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-organizzazzjoni.

9.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ informazzjoni għall-funzjoni ta’ immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, tal-inqas ir-ritorn għall-operazzjoni, inklużi restrizzjonijiet tal-użu rilevanti għall-utenti (impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura) għandu jiġi kkomunikat lill-partijiet interessati.

10.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ dokumentazzjoni għall-funzjoni tal-immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta, għandhom jiġu rreġistrati, tal-inqas, l-elementi li ġejjin:

(a)

l-ordnijiet tal-manutenzjoni;

(b)

ir-ritorn fl-operat inklużi restrizzjonijet dwar l-użu rilevanti għall-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura.

IV.   Rekwiżiti u kriterji ta’ valutazzjoni għall-funzjoni ta’ twettiq tal-manutenzjoni

1.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex:

(a)

tivverifika l-kompletezza u l-adegwatezza tal-informazzjoni mogħtija mill-funzjoni tal-immaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta fir-rigward tal-attivitajiet ordnati;

(b)

tivverifika l-użu tad-dokumenti ta’ manutenzjoni meħtieġa u rilevanti u standards oħra applikabbli għat-twettiq ta’ servizzi ta’ manutenzjoni skont l-ordnijiet ta’ manutenzjoni;

(c)

tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet ta’ manutenzjoni rilevanti kollha fl-ordnijiet tal-manutenzjoni jkunu disponibbli għall-persunal involut kollu (pereżempju, jkunu disponibbli fl-istruzzjonijiet tax-xogħol intern);

(d)

tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet ta’ manutenzjoni rilevanti, kif definiti fir-regolamenti applikabbli, u l-istandards speċifiċi li jkun hemm fl-ordnijiet ta’ manutenzjoni, ikunu disponibbli għall-persunal involut kollu (pereżempju, ikunu disponibbli fl-istruzzjonijiet tax-xogħol intern).

2.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li:

(a)

il-komponenti (inklużi partijiet ta’ rikambju) u l-materjali jintużaw kif speċifikat fl-ordnijiet tal-manutenzjoni u fid-dokumentazzjoni tal-fornitur;

(b)

il-komponenti u l-materjali jiġu maħżuna, trattati u trasportati b’mod li jipprevjeni li jitgħarrqu u li ssirilhom xi ħsara u kif inhu speċifikat fl-ordnijiet tal-manutenzjoni u fid-dokumentazzjoni tal-fornitur;

(c)

il-komponenti u l-materjali kollha, inklużi dawk provduti mill-konsumatur, jikkonformaw mar-regoli nazzjonali u internazzjonali rilevanti kif ukoll mar-rekwiżiti tal-ordnijiet ta’ manutenzjoni rilevanti.

3.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiddetermina, tidentifika, tipprovdi, tirreġistra u tpoġġi għad-dispożizzjoni faċilitajiet, tagħmir u għodda adattati u xierqa biex hija tkun tista’ twettaq servizzi ta’ manutenzjoni skont l-ordnijiet ta’ manutenzjoni u speċifikazzjonijiet applikabbli oħra, filwaqt li tiżgura:

(a)

it-twettiq sikur tal-manutenzjoni, inklużi s-saħħa u s-sikurezza tal-persunal tal-manutenzjoni;

(b)

l-ergonomija u l-protezzjoni tas-saħħa, inklużi wkoll l-intermedjarji bejn l-utenti u s-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni jew it-tagħmir dijanjostiku.

4.   Fejn ikun meħtieġ li jiġu żgurati riżultati validi, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri li jiżguraw li t-tagħmir ta’ kejl tagħha ikun:

(a)

ikkalibrat jew ivverifikat f’intervalli speċifiċi, jew qabel l-użu, skont standards ta’ kejl internazzjonali, nazzjonali jew industrijali – fejn ma jeżistux tali standards, għandha tiġi rreġistrata l-bażi għall-kalibrar jew verifika;

(b)

jista’ jiġi aġġustat jew aġġustat mill-ġdid jekk meħtieġ;

(c)

jista’ jiġi identifikat biex l-istat ta’ kalibrazzjoni jkun jista’ jiġi ddeterminat;

(d)

salvagwardjat mill-aġġustamenti li jistgħu jinvalidaw ir-riżultat tal-kejl;

(e)

protett minn ħsara u deterjorazzjoni matul il-proċessi ta’ trattament, manutenzjoni u ħżin.

5.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċeduri biex tiżgura li l-faċilitajiet, it-tagħmir u l-għodda kollha jintużaw, jiġu kkalibrati, preservati u miżmuma skont il-proċeduri ddokumentati.

6.   L-organizzazjoni għandu jkollha proċeduri biex tivverifika li l-kompiti ta’ manutenzjoni mwettqa huma skont l-ordnijiet ta’ manutenzjoni u biex toħroġ l-avviż ta’ rilaxx għas-servizz li jinkludi restrizzjonijiet eventwali ta’ użu.

7.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju (u b’mod partikolari punt 2.4 tat-taqsima I) għall-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, l-ambjent tax-xogħol ma jinkludix biss il-workshops fejn issir il-manutenzjoni iżda wkoll il-binarji barra l-bini tal-workshop u l-postijiet kollha fejn jitwettqu l-attivitajiet tal-manutenzjoni.

8.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ mmaniġġjar tal-kompetenzi għall-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, għandhom jitqiesu, tal-anqas, l-attivitajiet li ġejjin li jaffettwaw is-sikurezza:

(a)

tekniki tat-tgħaqqid (inkluż is-saldatura u l-irbit);

(b)

testijiet nondistruttivi;

(c)

it-testijiet finali tal-vetturi u r-rilaxx għas-servizz;

(d)

l-attivitajiet ta’ manutenzjoni fuq is-sistemi tal-ibbrejkjar, settijiet tar-roti u tagħmir tal-igganċjar u attivitajiet ta’ manutenzjoni fuq komponenti speċifiċi tal-vaguni tal-merkanzija għat-trasport ta’oġġetti perikolużi bħal pereżempju tankijiet, valvijiet, etc.;

(e)

oqsma speċjalizzati identifikati oħra li jaffettwaw is-sikurezza.

9.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ informazzjoni għall-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni tal-flotta, tal-inqas l-elementi li ġejjin għandhom jiġu pprovduti għall-funzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-manutenzjoni tal-flotta u żvilupp tal-manutenzjoni:

(a)

ix-xogħlijiet imwettqa skont l-ordnijiet ta’ manutenzjoni;

(b)

kwalunkwe nuqqas jew difett possibbli fir-rigward tas-sikurezza identifikati mill-organizzazzjoni;

(c)

ir-rilaxx għas-servizz.

10.   Meta jiġi applikat il-proċess ta’ dokumentazzjoni għall-funzjoni tat-twettiq tal-manutenzjoni, għandhom jiġu rreġistrati, tal-inqas, l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni ċara tal-faċilitajiet, tagħmir u għodda kollha fir-rigward ta’ attivitajiet li jaffettwaw is-sikurezza;

(b)

ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni kollha mwettqa, inklużi l-persunal, għodda, tagħmir, partijiet ta’ rikambju u materjali użati, filwaqt li jitqiesu:

(i)

ir-regoli nazzjonali rilevanti fil-post fejn l-organizzazzjoni hija stabbilita;

(ii)

ir-rekwiżiti stipulati fl-ordnijiet tal-manutenzjoni, li jinkludu rekwiżiti fir-rigward tar-rekords;

(iii)

it-testijiet u d-deċiżjonijiet finali fir-rigward tar-rilaxx għas-servizz;

(c)

il-miżuri ta’ kontroll meħtieġa mill-ordnijiet tal-manutenzjoni u rilaxx għas-servizz;

(d)

ir-riżultati tal-kalibrar u verifika, fejn, għall-użu ta’ softwer tal-kompjuter użat fil-monitoraġġ u kejl tar-rekwiżiti speċifikati, il-ħila tas-softwer li jwettaq il-kompitu meħtieġ għandu jiġi kkonfermat qabel l-użu inizjali u kkonfermat mill-ġdid kull meta jkun meħtieġ;

(e)

il-validità tar-riżultati ta’ kejl preċedenti meta strument ta’ kejl jinstab li ma jikkonformax mar-rekwiżiti.


(1)  ĠU L 108, 29.4.2009, p. 4.

(2)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.


ANNESS IV

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

“ANNESS I

Image Test ta 'immaġni