5.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/24


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/64/UE

tal-21 ta’ Ġunju 2011

dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat

(kodifikazzjoni)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (1), 92/80/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (2) u 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (3) ġew emendati kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttivi għandhom jiġu kkodifikati billi jinġabru f’att wieħed.

(2)

Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rikjest mill-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta jitqies li l-prodotti tat-tabakk jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa u li l-Unjoni hija Parti fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC). Għandu jittieħed kont tal-qagħda prevalenti għal kull wieħed mit-tipi varji ta’ tabakk manifatturat.

(3)

Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa li jimmantjeni unjoni ekonomika, li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku, fejn hemm kompetizzjoni attiva. Fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan hija biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

(4)

It-tipi varji ta’ tabakk manifatturat, distinti bil-karatteristiċi tagħhom u mill-mod kif jiġu użati, ghandhom ikunu definiti.

(5)

Hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti u tip ieħor ta’ tabakk li jiġi użat għat-tipjip.

(6)

Rombli tat-tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma wara sempliċiment immaniġġar għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti għall-iskop ta’ tassazzjoni uniformi ta’ dawn il-prodotti.

(7)

Manifattur jeħtieġ li jigi definit bħala persuna naturali jew legali li fil-fatt jipprepara l-prodotti tat-tabakk u jistabbilixxi l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull Stat Membru li għalih il-prodotti kkonċernati ser jiġu rilaxxati għall-konsum.

(8)

Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar u ta’ tabakk ieħor għat-tipjip għandha tkun stabbilita sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skont it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar jiġu ttrattati bħala żewġ sigaretti jew aktar għall-finijiet ta’ sisa, tip ta’ sigarru li huwa simili f’ħafna modi għas-sigarett jiġi ttrattat bħala sigarett għall-finijiet ta’ sisa, tabakk għat-tipjip li huwa simili f’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti jiġi ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għall-finijiet ta’ sisa, u l-iskart tat-tabakk ikun definit b’mod ċar. Fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi li tista’ tikkawża implimentazzjoni immedjata għall-operaturi Ġermaniżi u Ungeriżi kkonċernati, il-Ġermanja u l-Ungerija għandhom ikunu awtorizzati jipposponu l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ sigarri u sigarri żgħar sal-1 ta’ Jannar 2015.

(9)

Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversikategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.

(10)

Il-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppi kollha ta’ tabakk manifatturat.

(11)

L-istruttura tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti għandha tinkludi, flimkien ma’ komponent speċifiku kkalkolat fuq kull unità tal-prodott, komponent proporzjonali bbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut, li jinkludi t-taxxi kollha. It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sigaretti għandha l-istess effett ta’ dazju tas-sisa ad valorem u dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat meta r-relazzjoni bejn il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa u l-piż totali tat-taxxa tiġi stabbilita.

(12)

Mingħajr preġudizzju għall-istruttura mħallta tat-taxxa u l-persentaġġ massimu tal-komponent speċifiku tal-piż totali tat-taxxa, l-Istati Membri għandhom jingħataw mezzi effettivi biex jimponu dazju tas-sisa speċifiku jew minimu fuq is-sigaretti, sabiex jiżguraw li tal-anqas ċertu ammont minimu ta’ tassazzjoni japplika madwar l-Unjoni.

(13)

Għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dazji tas-sisa minimi fuq kull kategorija ta’ tabakk manifatturat.

(14)

Fir-rigward tas-sigaretti, kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi għandhom ikunu assigurati, id-diviżjoni tas-swieq tat-tabakk għandha titnaqqas u l-għanijiet tas-saħħa għandhom ikunu enfasizzati. Għalhekk, rekwiżit minimu relatat mal-prezz għandu jirreferi għall-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, waqt li minimu monetarju għandu jkun applikabbli għas-sigaretti kollha. Għall-istess raġunijiet, il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jservi wkoll bħala referenza għall-kejl tal-importanza ta’ dazju tas-sisa speċifiku fil-piż totali tat-taxxa.

(15)

F’dak li jirrigwarda l-livelli tal-prezzijiet u s-sisa, b’mod partikolari għas-sigaretti, li huma bl-aktar mod ċar l-aktar kategorija importanti ta’ prodotti tat-tabakk, kif ukoll għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, għad hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri li jistgħu jfixklu t-tħaddim tas-suq intern. Ċertu grad ta’ konverġenza bejn il-livelli ta’ taxxa applikati fl-Istati Membri jgħin biex jitnaqqsu l-frodi u l-kuntrabandu fl-Unjoni.

(16)

Tali konverġenza tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa, b’mod partikolari tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk u l-protezzjoni tas-saħħa.

(17)

Fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex sigaretti, għandha tiġi stabbilita inċidenza armonizzata ta’ taxxa għall-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ tabakk manifatturat. L-iffissar ta’ dazju tas-sisa minimu globali mfisser bħala persentaġġ, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal numru stabbilit ta’ oġġetti huwa l-aktar xieraq għall-funzjonament tas-suq intern.

(18)

Dwar it-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, rekwiżit tal-Unjoni relatat mal-prezz għandu jiġi espress b’tali mod li jinkisbu effetti simili għal dawk fil-qasam tas-sigaretti u għandu jieħu l-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut bħala l-punt ta’ referenza.

(19)

Huwa meħtieġ li l-livelli minimi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti jinġiebu qrib il-livelli minimi applikabbli għas-sigaretti, sabiex jittieħed kont aħjar tal-grad ta’ kompetizzjoni li teżisti bejn iż-żewġ prodotti, rifless fix-xejriet ta’ konsum osservati, kif ukoll tan-natura ugwalment ta’ ħsara tagħhom.

(20)

Il-Portugall għandu jingħata l-possibbiltà li japplika rata mnaqqsa għal sigaretti magħmula minn produtturi li jaħdmu fuq skala żgħira u kkonsmati fir-reġjunijiet l-iżjed imbiegħda tal-Ażores u ta’ Madeira.

(21)

Perijodi tranżitorji għandhom jippermettu lill-Istati Membri jadattaw ruħhom mingħajr problemi għal-livelli tad-dazju tas-sisa globali, u b’hekk jitnaqqsu l-effetti sekondarji possibbli.

(22)

Sabiex tkun evitata l-ħsara għall-ekwilibriju ekonomiku u soċjali ta’ Korsika, huwa kemm essenzjali kif ukoll ġustifikabbli li tiġi prevista deroga, sal-31 ta’ Diċembru 2015, li permezz tagħha Franza tista’ tapplika rata tad-dazju tas-sisa li tkun aktar baxxa mir-rata nazzjonali fuq is-sigaretti u t-tabakk l-ieħor manifatturat rilaxxat għall-konsum f’Korsika. Sa dik id-data, ir-regoli tat-taxxa għal tabakk manifatturat rilaxxat għall-konsum hemmhekk għandhom jinġiebu f’konformità sħiħa mar-regoli għal Franza kontinentali. Madanakollu, għandu jkun evitat tibdil f’daqqa żżejjed u għandu għalhekk ikun hemm żieda fi stadji tad-dazju tas-sisa attwalment impost fuq is-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti f’Korsika.

(23)

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa jew jagħtu rifużjonijiet tad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ tabakk manifatturat skont l-użu li jsir minnhom u l-eżenzjonijiet u r-rifużjonijiet għall-użu partikolari għandhom bżonn jiġu speċifikati f’din id-Direttiva.

(24)

Għandha tiġi prevista proċedura biex ir-rati jew l-ammonti stabbiliti f’din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu riveduti kull tant żmien fuq il-bażi ta’ rapport tal-Kummissjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha xierqa.

(25)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.

KAPITOLU 2

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:

(a)

sigaretti;

(b)

sigarri u sigarillos;

(c)

tabakk għat-tipjip:

(i)

tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti,

(ii)

tabakk ieħor għat-tipjip.

2.   Prodotti magħmula kollha kemm huma jew inparti minn sostanzi li mhux tabakk iżda li xorta jaqgħu taħt il-kriterji stipulati fl-Artikolu 3 jew l-Artikolu 5 (1) għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, prodotti li m’għandhomx tabakk u li jintużaw esklużivament għal skopijiet mediċi m’għandhomx jiġu meqjusa bħala tabakk manifatturat.

3.   Minkejja dispożizzjonijiet eżistenti tal-Unjoni, id-definizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-għażla tas-sistema u l-livell ta’ tassazzjoni li għandhom japplikaw għall-gruppi differenti ta’ prodotti msemmija f’dawn l-Artikoli.

Artikolu 3

1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva sigaretti għandhom ifissru:

(a)

rombli tat-tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma u li mhumiex sigarri jew sigarri żgħar skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1);

(b)

rombli tat-tabakk li, b’sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f’tubi tal-karti;

(c)

rombli tat-tabakk li, b’sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mgeżwra f’karti tas-sigaretti.

2.   Romblu tat-tabakk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, għall-għanijiet tad-dazju tas-sisa, jiġi kkunsidrat bħala żewġ sigaretti fejn, meta teskludi l-filter jew il-bokkin, huwa itwal minn 8 ċm iżda mhux itwal minn 11-il ċm, jew tliet sigaretti fejn, meta teskludi l-filter jew il-bokkin, huwa itwal minn 11-il ċm iżda mhux itwal minn 14-il ċm, u l-kumplament.

Artikolu 4

1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li huma sigarri jew sigarri żgħar jekk jistgħu jkunu u, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u l-aspettattivi normali tal-konsumatur, huma intiżi esklużivament għat-tipjip għaliex huma:

(a)

rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali;

(b)

rombli tat-tabakk b’mili ta’ taħlita mfarrka u għandhom kisja fuq barra tal-kulur normali ta’ sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż, fejn xieraq, il-filter iżda mhux, fil-każ ta’ sigarri tipped, il-ponta, fejn il-piż ta’ unità, mhux inkluż il-filter jew il-bokkin, mhuwiex anqas minn 2,3 g u mhux aktar minn 10 g, u ċ-ċirkonferenza fuq tal-anqas terz tat-tul mhijiex anqas minn 34 mm.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej jista’ jkompli jiġi applikat mill-Ġermanja u l-Ungerija sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Is-sostanzi li ġejjin għandhom ikunu meqjusa bħala sigarri jew cigarillos, jekk jistgħu jintużaw għat-tipjip kif inhuma:

(a)

rollijiet ta’ tabakk magħmula kollha minn tabakk naturali;

(b)

rollijiet ta’ tabakk b’karta ta’ tgeżwir magħmula minn tabakk naturali;

(c)

rombli tat-tabakk b’materjal li jimla taħlit midrus u b’għata ta’ barra ta’ lewn normali ta’ sigarru li jgħatti l-prodott kompletament, inkluż fejn xieraq il-filtru imma mhux fil-każ ta’ sigarri bit-tarf irqiq, it-tarf, u l-qoxra, li t-tnejn kemm huma jsiru minn tabakk rikostitwit, fejn ilpiż ta’ kull unità, eskluż il-filtru jew il-biċċa li titqiegħed fil-ħalq, hija ta’ mhux inqas minn 1,2 g u fejn l-għata tkun mwaħħla f’għamla spirali b’angolu akut ta’ għallinqas 30o mal-fus lonġitudinali tas-sigarru;

(d)

rombli tat-tabakk b’materjal li jimla taħlit midrus u b’għata ta’ barra b’lewn normali ta’ sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż fejn xieraq il-filtru imma mhux fil-każ ta’ sigarri bit-tarf irqiq, it-tarf, fejn il-piż ta’ kull unità, eskluż il-filtru jew il-biċċa li titqiegħed fil-ħalq, hu ta’ mhux inqas minn 2,3 g u ċ-ċirkonferenza għallinqas aktar minn terz tat-tul tkun mhux inqas minn 34 mm.

3.   Prodotti li jikkonsistu parzjalment f’sustanzi li mhumiex tabakk iżda li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu meqjusa bħala sigarri u sigarri żgħar.

Artikolu 5

1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk għat-tipjip ifisser:

(a)

tabakk li gie mqatta’ jew maqsum, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;

(b)

skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 u li jista’ jiġi mpejjep. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, skart tat-tabakk għandu jiġi kkunsidrat bħala fdal mill-weraq tat-tabakk u prodotti sekondarji miksuba mill-ipproċessar tat-tabakk jew mill-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk.

2.   Tabakk għat-tipjip fejn aktar minn 25 % tal-piż tal-biċċiet żgħar tat-tabakk għandhom wisgħa maqsum ta’ anqas minn 1 1,5 millimetru għandu jiġi meqjus bħala tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti.

Stati Membri jistgħu wkoll iqisu t-tabakk għat-tipjip fejn aktar minn 25 % tal-piż tal-biċċiet żgħar tat-tabakk li għandhom wisgħa maqsum ta’ 1,5 millimetru jew aktar u li kien mibjugħ jew intiż biex jinbiegħ għall-brim tas-sigaretti bħala tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti.

Artikolu 6

Persuna naturali jew legali stabbilita fl-Unjoni li tikkonverti t-tabakk f’prodotti manifatturati lesti għall-bejgħ bl-imnut għandha titqies bħala manifattur.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SIGARETTI

Artikolu 7

1.   Sigaretti manifatturati fl-Unjoni u dawk impurtati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal dazju tas-sisa ad valorem ikkalkolat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, inklużi dazji doganali, u anke għal dazju tas-sisa speċifiku kkalkolat fuq kull unit tal-prodott.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu d-dazji doganali mill-bażi għall-kalkolu tad-dazju tas-sisa ad valorem fuq is-sigaretti.

2.   Ir-rata tad-dazju tas-sisa ad valorem u l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku għandhom ikunu l-istess għas-sigaretti kollha.

3.   Fl-istat finali tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi, l-istess relazzjoni għandha tiġi stabbilita għas-sigaretti f’kull Stat Membru bejn id-dazju tas-sisa speċifiku u s-somma tad-dazju tas-sisa ad valorem u t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, b’tali mod li l-firxa tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tirrifletti b’mod ġust id-differenza fil-prezzijiet tal-kunsinna tal-manifatturi.

4.   Fejn meħtieġ, id-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti jista’ jinkludi komponent minimu tat-taxxa, dment li jkunu rispettati strettament l-istruttura mħallta ta’ tassazzjoni u l-faxxa tal-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa kif stipulata fl-Artikolu 8.

Artikolu 8

1.   Il-persentaġġ tal-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa fl-ammont tal-piż tat-taxxa totali fuq is-sigaretti għandu jiġi stabbilit b’referenza għall-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

2.   Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b’referenza għall-valur totali tas-sigaretti kollha rilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali ta’ sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu ta’ kull sena abbażi ta’ dejta relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn 5 % u ma għandux ikun aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż totali tat-taxxa li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta’ li ġej:

(a)

dazju tas-sisa speċifiku;

(b)

id-dazju tas-sisa ad valorem u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

4.   Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti ma għandux ikun inqas minn 7,5 % u ma għandux ikun aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż totali tat-taxxa li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta’ li ġej:

(a)

dazju tas-sisa speċifiku;

(b)

id-dazju tas-sisa ad valorem u l-VAT imposta fuq il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

5.   B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, fejn bidla fil-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti sseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa, espress bħala perċentwal tal-piż totali tat-taxxa, taħt il-perċentwal ta’ 5 % jew 7,5 %, skont liema jkun applikabbli, jew ’il fuq mill-perċentwal ta’ 76,5 % tal-piż totali tat-taxxa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha sseħħ il-bidla.

6.   Soġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti.

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw lis-sigaretti taxxi minimi tal-konsum skont ir-regoli previsti f’dan il-Kapitolu.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jgħodd għat-taxxi li, skont dan il-Kapitolu, jiġu imposti fuq sigaretti u li jikkonsistu:

(a)

f’dazju tas-sisa speċifiku għal kull unità tal-prodott;

(b)

f’dazju tas-sisa ad valorem kkalkolat fuq il-bażi tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut;

(c)

f’VAT proporzjonali għall-prezz tal-bejgħ bl-imnut.

Artikolu 10

1.   Id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq is-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 57 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dak id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 64 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 101 għal kull 1 000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, ma għandomx għalfejn jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 57 % stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2014, id-dazju tas-sisa globali fuq is-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 60 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dak id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 115 għal kull 1 000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 60 % stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija għandhom jingħataw perijodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2017 sabiex jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi.

3.   L-Istati Membri għandhom iżidu b’mod gradwali d-dazji tas-sisa bil-għan li jilħqu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 fid-dati indikati fih.

Artikolu 11

1.   Fejn bidla fil-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut isseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib id-dazju tas-sisa globali taħt il-livelli indikati fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 u l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 rispettivament, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax dak id-dazju sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha sseħħ il-bidla.

2.   Fejn Stat Membru jżid ir-rata tal-VAT fuq is-sigaretti, huwa jista’ jnaqqas id-dazju tas-sisa globali sa ammont li, espress bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, huwa ugwali għaż-żieda fir-rata tal-VAT, espressa wkoll bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, anke jekk aġġustament bħal dan għandu l-effett li jnaqqas id-dazju tas-sisa globali sa taħt il-livelli, espressi bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, stipulati fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 u fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 rispettivament.

Madankollu, l-Istat Membru għandu jerġa’ jżid id-dazju sabiex jilħaq tal-anqas dawk il-livelli mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha jkun seħħ it-tnaqqis.

Artikolu 12

1.   Il-Portugall jista’ japplika rata mnaqqsa ta’ sa 50 % inqas minn dik stipulata fl-Artikolu 10 lil sigaretti kkonsmati fir-reġjunijiet l-iżjed imbiegħda tal-Ażores u ta’ Madeira, magħmula minn manifatturi li jaħdmu fuq skala żgħira li l-produzzjoni annwali tagħhom ma teċċedix 500 tunnellata.

2.   B’deroga mill-Artikolu 10, Franza tista’ tkompli tapplika għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2015 rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għas-sigaretti rilaxxati għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika sa kwota annwali ta’ 1 200 tunnellata. Irrata mnaqqsa għandha tkun:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2012, mill-inqas 44 % tal-prezz għas-sigaretti fil-kategorija tal-prezz l-aktar mitlub f’dawk id-dipartimenti;

(b)

mill-1 ta’ Jannar 2013, mill-inqas 50 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 88 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut;

(c)

mill-1 ta’ Jannar 2015, mill-inqas 57 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAT-TABAKK MANIFATTURAT MINBARRA S-SIGARETTI

Artikolu 13

Il-gruppi li ġejjin ta’ tabakk manifatturat prodotti fl-Unjoni u importati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti, f’kull wieħed mill-Istati Membri, għal dazju tas-sisa minimu kif stabbilit fl-Artikolu 14:

(a)

sigarri u sigaretti żgħar;

(b)

tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti;

(c)

tabakk ieħor għat-tipjip.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa li jista’ jkun:

(a)

jew dazju ad valorem ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott, stabbilit b’mod liberu mill-manifatturi stabbiliti fl-Unjoni u minn importaturi minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 15; jew

(b)

dazju speċifiku mfisser bħala ammont għal kull kilogramm, jew fil-każ ta’ sigarri u sigarri żgħar, alternattivament għal numru mogħti ta’ oġġetti; jew

(c)

taħlita tat-tnejn, li tgħaqqad element ad valorem u element speċifiku.

Fil-każijiet fejn id-dazju tas-sisa jkun jew ad valorem jew imħallat, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu ta’ dazju tas-sisa.

2.   Id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT), imfisser bħala persentaġġ, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal numru mogħti ta’ oġġetti, għandu jkun mill-anqas ekwivalenti għar-rati jew għall-ammonti minimi stipulati għal:

(a)   sigarri jew sigarri żgħar: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha jew EUR 12 għal kull 1 000 wieħed jew għal kull kilogramm;

(b)   tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti: 40 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew EUR 40 għal kull kilogramm;

(c)   tabakk ieħor għat-tipjip: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2013, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 43 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 47 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 46 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 54 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2018, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk tat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 48 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2020, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 50 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.

Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b’referenza għall-valur totali tat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali tat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu ta’ kull sena abbażi ta’ dejta relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Ir-rati jew l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu effettivi għall-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-grupp tat-tabakk manifatturat inkwistjoni, mingħajr distinzjoni f’kull grupp għal dik li hija kwalità, dehra, oriġini tal-prodotti, il-materjali użati, il-karatteristiċi tad-ditti involuti jew kull kriterju ieħor.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, Franza tista’ tkompli tapplika, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2015, rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat li mhux sigaretti rilaxxat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika. Ir-rata mnaqqsa għandha tkun:

(a)   għal sigarri u sigarri żgħar: mill-inqas 10 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha;

(b)   għal tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti:

(i)

sal-31 ta’ Diċembru 2012, mill-inqas 27 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha;

(ii)

mill-1 ta’ Jannar 2013, mill-inqas 30 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha;

(iii)

mill-1 ta’ Jannar 2015, mill-inqas 35 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha;

(c)   għal tabakk ieħor għat-tipjip: mill-inqas 22 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha.

KAPITOLU 5

L-IFFISSAR TAL-PREZZ MASSIMU TAL-BEJGĦ BL-IMNUT TAT-TABAKK MANIFATTURAT, IL-ĠBIR TA’ DAZJU TAS-SISA, EŻENZJONIJIET U RIFUŻJONIJIET

Artikolu 15

1.   Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni, u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti huma maħsuba li jiġu rilaxxati għall-konsum.

L-ewwel subparagrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.   Biex jiffaċilitaw il-ġbir tad-dazju tas-sisa, l-Istati Membri jistgħu, għal kull grupp ta’ tabakk manifatturat, jistabbilixxu skala ta’ prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut bil-kondizzjoni li kull skala għandha firxa u varjetà suffiċjenti biex tikkorrispondi effettivament għall-varjetà ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni.

Kull skala għandha tkun valida għall-prodotti kollha li jappartjenu lill-grupp ta’ tabakk manifatturat ikkonċernata minnha, mingħajr distinzjoni fuq il-bażi ta’ kwalità, preżentazzjoni, l-oriġini tal-prodotti jew tal-materjali użati, il-karatteristiċi tal-intrapriżi jew ta’ kwalunkwe kriterju ieħor.

Artikolu 16

1.   Ir-regoli biex jinġabar id-dazju tas-sisa għandhom ikunu armonizzati sa mhux aktar tard mill-istadju finali ta’ armonizzazzjoni tad-dazju tas-sisa. Waqt l-istadji preċedenti d-dazju tas-sisa għandu, fil-prinċipju, jinġabar permezz ta’ bolol ta’ taxxa. Jekk jiġbru d-dazju tas-sisa permezz ta’ bolol ta’ taxxa, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jagħmlu dawn il-bolol disponibbli lill-manifatturi u negozjanti fi Stati Membri oħra. Jekk jiġbru d-dazju tas-sisa b’mezzi oħra, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ebda ostaklu, la amministrattiv u lanqas tekniku, ma jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.   Importaturi u manifatturi tal-Unjoni ta’ tabakk manifatturat għandhom ikunu soġġetti għas-sistema stipulata fil-paragrafu 1 fir-rigward tar-regoli dettaljati biex jinġabar u jitħallas id-dazju tas-sisa.

Artikolu 17

Dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa jew dazju tas-sisa diġà mħallas fuqhom jista’ jingħata lura:

(a)

tabakk denaturat manifatturat użat għal skopijiet industrijali u ortikulturali;

(b)

tabakk manifatturat li huwa distrutt taħt sorveljanza amministrattiva;

(c)

tabakk manifatturat li huwa intiż unikament għal testijiet xjentifiċi konnessi mal-kwalità tal-prodott;

(d)

tabakk manifatturat li reġa’ nħadem mill-produttur.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-formalitajiet li għalihom huma soġġetti l-eżenzjonijiet u r-rifużjonijiet imsemmija fuq.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fis-sena l-valur tal-euro fil-muniti nazzjonali li għandu jiġi applikat għall-ammonti tad-dazju tas-sisa globali.

Ir-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammonti tat-taxxi tas-sisa fis-seħħ fiż-żmien tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 1 jekk il-konverżjoni tal-ammonti tat-taxxi tas-sisa espressi f’euro jirriżultaw f’żieda ta’ inqas minn 5 % jew inqas minn EUR 5, skont liema ammont hu l-aktar baxx, fit-taxxa tas-sisa espressa f’munita nazzjonali.

Artikolu 19

1.   Kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport u, fejn xieraq, proposta dwar ir-rati u l-istruttura tad-dazju tas-sisa stabbiliti f’din id-Direttiva.

Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-valur reali tar-rati tad-dazju tas-sisa u l-għanijiet usa’ tat-Trattat.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (5), tiddetermina lista ta’ dejta statistika meħtieġa għar-rapport, eskluża dejta relatata ma’ persuni fiżiċi individwali jew entitajiet legali. Minbarra d-dejta li hija diġà disponibbli għall-Istati Membri, il-lista għandha tinkludi biss dejta li l-ġbir u l-muntaġġ tagħha ma jkunx jinvolvi piż amministrattiv sproporzjonat min-naħa tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni m’għandhiex tippubblika jew b’xi mod ieħor tikxef dejta fejn dan ikun jista’ jwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 21

Id-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE, kif emendati mid-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti A, huma mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jiġu jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 22

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Artikolu 23

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8.

(2)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 10.

(3)  ĠU L 291, 6.12.1995, p. 40.

(4)  Ara l-Anness I, Parti A.

(5)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 21)

Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE

(ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8)

 

Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE

(ĠU L 211, 11.8.1999, p. 47)

Artikolu 1 biss

Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE

(ĠU L 46, 16.2.2002, p. 26)

Artikolu 1 biss

Direttiva tal-Kunsill 2003/117/KE

(ĠU L 333, 20.12.2003, p. 49)

Artikolu 1 biss

Direttiva tal-Kunsill 2010/12/UE

(ĠU L 50, 27.2.2010, p. 1)

Artikolu 1 biss

Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE

(ĠU L 316, 31.10.1992, p. 10)

 

Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE

(ĠU L 211, 11.8.1999, p. 47)

Artikolu 2 biss

Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE

(ĠU L 46, 16.2.2002, p. 26)

Artikolu 2 biss

Direttiva tal-Kunsill 2003/117/KE

(ĠU L 333, 20.12.2003, p. 49)

Artikolu 2 biss

Direttiva tal-Kunsill 2010/12/UE

(ĠU L 50, 27.2.2010, p. 1)

Artikolu 2 biss

Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE

(ĠU L 291, 6.12.1995, p. 40)

 

Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE

(ĠU L 211, 11.8.1999, p. 47)

Artikolu 3 biss

Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE

(ĠU L 46, 16.2.2002, p. 26)

Artikolu 3 biss

Direttiva tal-Kunsill 2010/12/UE

(ĠU L 50, 27.2.2010, p. 1)

Artikolu 3 biss

PARTI Β

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 21)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

92/79/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1992.

92/80/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1992.

95/59/KE

1999/81/KE

fl-1 ta’ Jannar 1999.

fl-1 ta’ Jannar 1999.

2002/10/KE

1 ta’ Lulju 2002 (1)

2003/117/KE

fl-1 ta’ Jannar 2004.

2010/12/UE

fil-31 ta’ Diċembru 2010

fl-1 ta’ Jannar 2011.


(1)  B’deroga mid-data mniżżla fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/10/KE:

(a)

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun awtorizzata ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tikkonforma mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/10/KE sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008;

(b)

ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Ellenika għandhom ikunu awtorizzati jdaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/10/KE (dwar l-Artikolu 2(1), it-tieni sentenza, tad-Direttiva 92/79/KEE) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008.


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 92/79/KEE

Direttiva 92/80/KEE

Direttiva 95/59/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1

Artikolu 1(3)

Artikolu 2(1), frażi introduttorja

Artikolu 2(1), frażi introduttorja

Artikolu 2(1)(a) u (b)

Artikolu 2(1)(a) u (b)

Artikolu 2(1)(c), l-ewwel inċiż

Artikolu 2(1)(c)(i)

Artikolu 2(1)(c), it-tieni inċiż

Artikolu 2(1)(c)(ii)

Artikolu 2(1), kliem finali

Artikolu 2(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(3)

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(1)

Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 7(1)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5, frażi introduttorja

Artikolu 5(1), frażi introduttorja

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)(a)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(1)(b)

Artikolu 6, l-ewwel paragrafu

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6, it-tieni paragrafu

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6

Artikolu 8(1)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 16(6)

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2), (3) u (4)

Artikolu 7(2), (3) u (4)

Artikolu 16(1) sa (5)

Artikolu 8(1) sa (5)

Artikolu 16(7)

Artikolu 8(6)

Artikolu 1

Artikolu 9

Artikolu 2(1) u (2)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(4)

Artikolu 10(3)

Artikolu 2a

Artikolu 11

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 12(1)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 12(2)

Artikolu 1

Artikolu 13

Artikolu 2

Artikolu 3(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi

Artikolu 14(1)

Artikolu 3(1), it-tielet subparagrafu, sentenza introduttorja

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu, sentenza introduttorja

Artikolu 3(1), it-tielet subparagrafu, l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi

Artikolu 3(1), ir-raba’ u l-ħames subparagrafi

Artikolu 3(1), is-sitt subparagrafu, sentenza introduttorja

Artikolu 3(1), is-sitt subparagrafu, punti (a), (b) u (c)

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a), (b) u (c)

Artikolu 3(1) is-seba’ subparagrafu

Artikolu 3(1), it-tmien subparagrafu

Artikolu 3(1), id-disa’ subparagrafu

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(1), l-għaxar subparagrafu

Artikolu 14(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 3(1), il-ħdax-il subparagrafu

Artikolu 14(2), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 3(1), it-tnax-il subparagrafu

Artikolu 14(2), il-ħames subparagrafu

Artikolu 3(1), it-tlettax-il subparagrafu

Artikolu 14(2), is-sitt subparagrafu

Artikolu 3(1), l-erbatax-il subparagrafu

Artikolu 3(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 15(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(2), it-tieni sentenza

Artikolu 15(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10

Artikolu 16

Artikolu 11

Artikolu 17

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 2(5)

Artikolu 5(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 2(6)

Artikolu 5(2)

Artikolu 18(2)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 19

Artikolu 5(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19(1)

Artikolu 21, l-ewwel paragrafu

Artikolu 19(2)

Artikolu 21, it-tieni paragrafu

Artikolu 20

Artikolu 22

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 21

Artikolu 23

Anness I

Anness II

Anness I

Anness II