23.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/1


DIRETTIVA 2011/7/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2011

dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali

(tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Għadd ta’ bidliet sostanzjali jridu jsiru fid-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (3). Huwa mixtieq, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jitfasslu mill-ġdid.

(2)

Il-biċċa l-kbira tal-prodotti u s-servizzi jiġu fornuti fi ħdan is-suq intern minn operaturi ekonomiċi lil operaturi ekonomiċi oħra u lil awtoritajiet pubbliċi fuq bażi ta’ ħlas iddifferit b’mod li l-fornitur jagħti lill-klijent tiegħu ċans li jħallas il-fattura, kif miftiehem bejn il-partijiet, kif stabbilit fil-fattura tal-fornitur jew kif stipulat fil-liġi.

(3)

Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard. Ir-riskju ta’ dawn l-effetti negattivi jiżdied ħafna f’perjodi ta’ kriżi ekonomika meta l-aċċess għall-finanzjament huwa aktar diffiċli.

(4)

Diġà jistgħu jsiru talbiet ġudizzjarji marbuta ma’ ħlas tard permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4), ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (5), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (6) u r-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (7). Iżda, biex jiġi skuraġġut il-ħlas tard fit-transazzjonijiet kummerċjali, jeħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet komplimentari.

(5)

L-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw fis-suq intern kollu taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li operazzjonijiet transkonfini ma jinvolvux riskji akbar mill-bejgħ domestiku. Jirriżultaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jekk japplikaw regoli sostanzjalment differenti għall-operazzjonijiet domestiċi u dawk transkonfini.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2008 intitolata “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ - ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, il-Kummissjoni enfasizzat li għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għall-finanzjamenti u li għandu jiġi żviluppat ambjent legali u kummerċjali li jkun ta’ appoġġ biex il-ħlasijiet isiru fil-ħin fit-transazzjonijiet kummerċjali. Wieħed għandu jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom responsabilità speċjali f’dan ir-rigward. Il-kriterji għad-definizzjoni ta’ SMEs huma stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar it-tifsira ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (8).

(7)

Waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2008 intitolata “Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku” hija t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-promozzjoni tal-imprenditorjat billi, fost l-oħrajn, jiġi żgurat li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-fatturi, inklużi lill-SMEs, għal provvisti u servizzi jitħallsu fi żmien xahar biex jittaffew il-limitazzjonijiet tal-likwidità.

(8)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun limitat għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. Din id-Direttiva ma għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, imgħax b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, per eżempju ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, jew ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-danni inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu djun li huma soġġetti għall-proċedimenti ta’ insolvenza, inklużi proċedimenti mmirati lejn ir-ristrutturar ta’ dejn.

(9)

Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, ladarba l-awtoritajiet pubbliċi jittrattaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-intrapriżi. Għandha għalhekk tirregola wkoll it-transazzjonijiet kummerċjali kollha bejn il-kuntratturi ewlenin u l-fornituri u s-sottokuntratturi tagħhom.

(10)

Il-fatt li l-professjonijiet liberali huma koperti b’din id-Direttiva m’għandux jobbliga lill-Istati Membri biex jittrattawhom bħala intrapriżi jew negozjanti għall-għanijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(11)

Il-forniment ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi għal remunerazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva għandhom jinkludu wkoll it-tfassil u t-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi u xogħlijiet ta’ bini u inġinerija ċivili.

(12)

Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

(13)

Għaldaqstant, għandu jiġi previst li l-perjodi ta’ ħlas ta’ kuntratti bejn negozju u ieħor, bħala regola ġenerali, jiġu limitati għal 60 jum kalendarju. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn l-intrapriżi jirrikjedu perjodi ta’ ħlas aktar estensivi, pereżempju meta l-intrapriżi jixtiequ jagħtu kreditu kummerċjali lill-klijenti tagħhom. Għandu għalhekk jibqa’ possibbli li l-partijiet jiftehmu espliċitament dwar perjodi ta’ ħlas itwal minn 60 jum kalendarju, sakemm, madankollu, estensjoni ta’ dan it-tip ma tkunx inġusta għall-aħħar għall-kreditur.

(14)

Fl-interess tal-konsistenza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, id-definizzjoni ta’ “awtoritajiet kontraenti” fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (9) u fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (10) għandha tapplika għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

(15)

L-imgħax statutorju dovut għal ħlas tard għandu jitkejjel fuq bażi ta’ kull jum bħala mgħax sempliċi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (11).

(16)

Din id-Direttiva m’għandhiex tobbliga lil kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard. Fil-każ ta’ ħlas tard, din id-Direttiva għandha tippermetti li kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard mingħajr ma jagħti ebda avviż minn qabel ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni jew avviż simili ieħor li jfakkar lid-debitur dwar l-obbligu tiegħu li jħallas.

(17)

Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.

(18)

Il-fatturi jattivaw talbiet għal ħlas u huma dokumenti importanti fil-katina ta’ valur tat-transazzjonijiet għall-provvista ta’ prodotti u servizzi, fost l-oħrajn biex jiġu stabbiliti l-iskadenzi għall-ħlas. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jippromwovu sistemi li jagħtu ċertezza legali fir-rigward tad-data eżatta meta d-debituri jirċievu l-fatturi, inkluż fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika fejn il-wasla tal-fatturi tista’ tiġġenera evidenza elettronika u li hija parzjalment regolata mid-dispożizzjonijiet dwar il-fatturazzjoni li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (12).

(19)

Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.

(20)

Minbarra li jkunu intitolati għal ħlas ta’ somma stabbilita biex ikopru l-ispejjeż interni ta’ rkupru, il-kredituri għandhom ukoll ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru li jġarrbu minħabba ħlas tard minn debitur. Spejjeż ta’ dan it-tip għandhom jnkludu, b’mod partikolari, dawk l-ispejjeż imġarrba mill-kredituri biex iqabbdu avukat jew inkella aġenzija tal-ġbir tad-djun.

(21)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal somom stabbiliti għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ rkupru li jkunu ogħla u għaldaqstant aktar favorevoli għall-kreditu, jew li jżidu dawk is-sommom, fost l-oħrajn biex iżommu mar-rata tal-inflazzjoni.

(22)

Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni l-ħlasijiet bin-nifs jew il-pagamenti maqsuma. Madankollu, kull ħlas bin-nifs jew pagament għandu jitħallas skont il-kondizzjonijiet miftehma u għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-ħlas tard stipulati f’din id-Direttiva.

(23)

Bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul aktar żguri, prevedibbli u kontinwi mill-intrapriżi. Barra minn hekk, ħafna awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiksbu finanzjament b’kondizzjonijiet aktar attraenti mill-intrapriżi. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet pubbliċi jiddependu inqas mill-intrapriżi privati fuq il-bini ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli biex jiksbu l-objettivi tagħhom. Il-perjodi twal għall-ħlas u l-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi jwasslu għal spejjeż mhux ġustifikati għall-intrapriżi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli speċifiċi fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi minn intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jipprevedu b’mod partikolari perjodi għall-ħlas li normalment ma jaqbżux it-30 jum kalendarju, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor espliċitament fil-kuntratt u sakemm ikun oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt u fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu s-60 jum kalendarju.

(24)

Madankollu, għandha titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali billi joffru prodotti jew servizzi fis-suq bħala intrapriża pubblika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jitħallew, taħt ċerti kondizzjonijiet, jestendu l-perjodu ta’ ħlas statutorju għal mhux aktar minn 60 jum kalendarju.

(25)

Kawża partikolari għal tħassib b’rabta mal-ħlasijiet tard hija s-sitwazzjoni tas-servizzi tas-saħħa f’numru kbir ta’ Stati Membri. Is-sistemi għall-kura tas-saħħa, bħala parti fundamentali tal-infrastruttura soċjali tal-Ewropa, ta’ spiss huma obbligati jirrikonċiljaw bżonnijiet indiviwali mal-finanzi disponibbli, peress li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ, l-istennijiet jogħlew u l-mediċina tavvanza. Is-sistemi kollha għandhom jitrattaw l-isfida li jagħtu prijorità lill-kura tas-saħħa b’mod li jibbilanċja l-bżonnijiet ta’ pazjenti individwali mar-riżorsi finanzjarji. L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu jistgħu jagħtu ċertu ammont ta’ flessibilità lill-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta’ kura tas-saħħa biex jissodisfaw l-impenji tagħhom. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jitħallew, taħt ċerti kondizzjonijiet, jestendu l-perjodu ta’ ħlas statutorju sa massimu ta’ 60 jum kalendarju. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jiżguraw li l-ħlasijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa jsiru fil-perjodi tal-ħlas statutorji.

(26)

Sabiex ma tiġix ipperikolata l-kisba tal-objettiv ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-transazzjonijiet kummerċjali, proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika m’għandhiex iddum iktar minn 30 jum kalendarju, bħala regola ġenerali. Madankollu, għandu jkun possibbli li proċedura ta’ verifika taqbeż it-30 jum kalendarju, pereżempju fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, meta miftiehem espliċitament fil-kuntratt u fi kwalunkwe dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u jekk ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur.

(27)

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea qegħdin f’qagħda li tista’ titqabbel ma’ dik tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet ta’ finanzjament u kummerċjali tagħhom. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (13) jispeċifika li l-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tal-infieq mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jitlestew fil-limiti tal-iskadenzi stipulati fir-regoli implimentattivi tiegħu. Dawn ir-regoli implimentattivi huma attwalment stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (14) u jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi meta kredituri li jitħallsu tard ikunu intitolati li jirċievu mgħax. Fil-kuntest tar-reviżjoni li qed issir ta’ dawn ir-Regolamenti, għandu jiġi żgurat li l-limiti ta’ żmien massimi għall-ħlas mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu allinjati mal-perjodi statutorji applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi b’mod konformi ma’ din id-Direttiva.

(28)

Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. Bħala riżultat, meta kondizzjoni f’kuntratt jew prassi relatat mad-data jew il-perjodu għall-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunx ġustifikat fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet mogħtija lid-debitur, jew iservi prinċipalment għall-għan li jikseb liwidità addizzjonali għad-debitur għad-detriment tal-kreditur, jista’ jitqies li jikkostitwixxi abbuż ta’ dan it-tip. Għal dak il-għan, u b’mod konformi mal-“Abbozz ta’ Qafas ta’ Referenza Komuni” akkademiku, kwalunkwe kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li tiddevja għall-aħħar mill-prassi kummerċjali tajba u hija kuntrarja għall-bona fide u n-negozjar ġust għandha titqies inġusta għall-kreditur. B’mod partikulari, jekk id-dritt li jintalab imgħax jiġi kompletament eskluż, din għandha dejjem tiġi kkunsidrata bħala inġusta għall-aħħar, waqt li jekk id-dritt għal kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jiġi eskluż, din għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-mod kif il-kuntratti jiġu konklużi jew li jirregolaw il-validità ta’ kondizzjonijiet kuntrattwali li huma inġusti għad-debitur.

(29)

Fil-kuntest tal-isforzi imsaħħa għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kredituri, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti uffiċjalment bħala li jirrappreżentaw lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet b’interess leġittimu fir-rappreżentanza tal-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali jew il-korpi amministrattivi sabiex jipprevjenu t-tkomplija tal-użu ta’ kondizzjonijiet jew prassi kuntrattwali li huma inġusti għall-aħħar għall-kreditur.

(30)

Sabiex jikkontribwixxu biex jinkiseb l-objettiv ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom irawmu t-tixrid ta’ prassi tajba, anke billi jħeġġu l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ dawk li jħallsu fil-ħin.

(31)

Huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-kredituri jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw klawżola ta’ ritenzjoni ta’ titlu fuq bażi mhux diskriminatorja fl-Unjoni kollha, jekk il-klawżola tar-ritenzjoni tat-titlu hija valida skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli speċifikati mil-leġislazzjoni privata internazzjonali.

(32)

Din id-Direttiva tiddefinixxi biss l-espressjoni “titlu infurzabbli” iżda m’ għandhiex tirregola l-proċeduri varji għall-eżekuzzjoni furzata ta’ dan it-titlu jew il-kondizzjonijiet li bihom l-eżekuzzjoni furzata ta’ dan it-titolu jista’ tiġi mwaqqfa jew sospiża.

(33)

Il-konsegwenzi ta’ ħlas tard jistgħu jkunu dissważivi biss jekk ikunu akkumpanjati minn proċeduri għal rimedju li huma rapidi u effettivi għall-kreditur. B’konformità mal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk il-proċeduri għandhom ikunu disponibbli għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fl-Unjoni.

(34)

Sabiex jiffaċilitaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-partijiet biex jirrikorru għall-medjazzjoni jew għal mezzi oħrajn ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwimiet. Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (15) diġà tistabbilixxi qafas għas-sistemi ta’ medjazzjoni fil-livell tal-Unjoni, speċjalment għat-tilwim transkonfini, mingħajr ma tipprevjeni l-applikazzjoni tagħha għal sistemi ta’ medjazzjoni interna. L-Istati Membri għandhom jikoraġġixxu wkoll lill-partijiet interessati jfasslu kodiċijiet ta’ kondotta volontarji mmirati biex, b’mod partikulari, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(35)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ rkupru għal talbiet mhux ikkontestati marbuta ma’ ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali jiġu mitmuma f’perjodu qasir ta’ żmien, anke permezz ta’ proċedura mgħaġġla u irrispettivament mill-ammont tad-dejn.

(36)

Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra ħlas tard fis-suq intern, ma jistgħax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista’, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effett tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(37)

L-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali għandu għalhekk ikun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabblin mad-Direttiva 2000/35/KE. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux ġej minn dik id-Direttiva.

(38)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35/KE.

(39)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-regolamentazzjoni aħjar (16), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli proprji tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-SMEs.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu djun li huma soġġetti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza istitwiti kontra d-debitur, inklużi proċedimenti mmirati lejn ir-ristrutturar tad-dejn.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“transazzjonijiet kummerċjali” tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

(2)

“awtorità pubblika” tfisser kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt;

(3)

“intrapriża” tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

(4)

“ħlas tard” tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

(5)

“imgħax għal ħlas tard” tfisser imgħax statutorju għal ħlas tard jew imgħax b’rata miftehma bejn l-intrapriżi, soġġett għall-Artikolu 7;

(6)

“imgħax statutorju għal ħlas tard” tfisser imgħax sempliċi għal ħlas tard b’rata li hija ekwivalenti għas-somma tar-rata ta’ referenza u mill-inqas tmien punti perċentwali;

(7)

“rata ta’ referenza” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

għal Stat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro, jew:

(i)

ir-rata ta’ mgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew lill-operazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjar mill-ġdid l-aktar reċenti tiegħu; jew

(ii)

ir-rata ta’ mgħax marġinali li tirriżulta minn proċeduri ta’ sejħiet għal offerti b’rata varjabbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjar mill-ġdid l-aktar reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew;

(b)

għal Stat Membru li l-valuta tiegħu mhix l-euro, ir-rata ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu;

(8)

“ammont dovut” tfisser is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti;

(9)

“ritenzjoni ta’ titlu” tfisser il-ftehim kuntrattwali skont liema l-bejjiegħ iżomm it-titlu tal-oġġetti kkonċernati sakemm ikun tħallas il-prezz sħiħ;

(10)

“titlu infurzabbli” tfisser kull deċiżjoni, sentenza jew ordni għall-ħlas maħruġin minn qorti jew awtorità kompetenti oħra, inklużi dawk li jistgħu jiġu infurzati b’mod provviżorju, sew għall-ħlas immedjat u sew għall-ħlas bin-nifs, li jippermettu li t-talba tal-kreditur kontra d-debitur tinġabar permezz ta’ eżekuzzjoni furzata.

Artikolu 3

Transazzjonijiet bejn intrapriżi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; kif ukoll

(b)

il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin u d-debitur ikun responsabbli għad-dewmien.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rata ta’ referenza applikabbli:

(a)

għall-ewwel semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena;

(b)

għat-tieni semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena.

3.   Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)

li l-kreditur hu intitolat għal imgħax għall-ħlas tard mill-għada tad-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt;

(b)

fejn id-data jew il-perjodu għall-ħlas ma jkunux stabbiliti fil-kuntratt, li l-kreditur hu intitolat għall-imgħax għall-ħlas tard malli jiskadi kwalunkwe wieħed minn dawn il-limiti ta’ żmien:

(i)

30 jum kalendarju wara d-data meta d-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas;

(ii)

fejn id-data meta tasal il-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas tkun inċerta, 30 jum kalendarju wara d-data meta d-debitur jirċievi l-prodotti jew is-servizzi;

(iii)

fejn id-debitur jirċievi l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas qabel il-prodotti jew is-servizzi, 30 jum kalendarju wara d-data li fiha jirċievi l-prodotti jew is-servizzi;

(iv)

fejn proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika, li permezz tagħha għandha tiġi aċċertata l-konformità tal-prodotti jew servizzi mal-kuntratt, hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba għall-ħlas ekwivalenti qabel jew fid-data li fiha sseħħ dik l-aċċettazzjoni jew verifika, 30 jum kalendarju wara dik id-data.

4.   Fejn proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika, li permezz tagħha għandha tiġi aċċertata l-konformità tal-prodotti jew servizzi mal-kuntratt, hija prevista, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul massimu ta’ żmien ta’ dik il-proċedura ma jaqbiżx it-30 jum kalendarju mid-data meta jaslu l-prodotti jew is-servizzi, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.

Artikolu 4

Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

(b)

il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rata ta’ referenza applikabbli:

(a)

għall-ewwel semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena;

(b)

għat-tieni semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika:

(a)

il-perjodu ta’ ħlas ma jaqbeż l-ebda wieħed mil-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(i)

30 jum kalendarju wara d-data meta d-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas;

(ii)

fejn id-data meta tasal il-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas tkun inċerta, 30 jum kalendarju wara d-data meta d-debitur jirċievi l-prodotti jew is-servizzi;

(iii)

fejn id-debitur jirċievi l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas qabel il-prodotti jew is-servizzi, 30 jum kalendarju wara d-data li fiha jirċievi l-prodotti jew is-servizzi;

(iv)

fejn proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika, li permezz tagħha trid tiġi aċċertata l-konformità tal-prodotti jew servizzi mal-kuntratt, hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba għall-ħlas ekwivalenti qabel jew fid-data li fiha sseħħ dik l-aċċettazzjoni jew verifika, 30 jum kalendarju wara dik id-data;

(b)

id-data meta tasal il-fattura mhijiex soġġetta għal ftehim kuntrattwali bejn id-debitur u l-kreditur.

4.   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għal massimu ta’ 60 jum kalendarju għal:

(a)

kull awtorità pubblika li twettaq attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali billi toffri prodotti jew servizzi fis-suq u li, bħala intrapriża pubblika, hi soġġetta għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stipulati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (17);

(b)

l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizz ta’ kura tas-saħħa li huma rikonoxxuti kif jixraq għal dak il-għan.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-limiti ta’ żmien b’mod konformi ma’ dan il-paragrafu, għandu jibgħat rapport dwar tali estensjoni lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Marzu 2018.

Abbażi ta’ dak, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jindika liema Stati Membri estendew il-limiti ta’ żmien b’mod konformi ma’ dan il-paragrafu u waqt li jitqies l-impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikulari fuq l-SMEs. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi kwalunkwe proposta leġislattiva xierqa.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul massimu ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika msemmija fil-punt (iv) tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ma jaqbiżx it-30 jum kalendarju mid-data meta jaslu l-prodotti jew is-servizzi, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u kull dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ ħlas stipulat fil-kuntratt ma jaqbiżx il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm ikun iġġustifikat oġġettivament fid-dawl tan-natura jew tal-karatteristiki partikulari tal-kuntratt, u li fl-ebda każ m’għandu jaqbeż is-60 jum kalendarju.

Artikolu 5

Skedi ta’ ħlas

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-kapaċità tal-partijiet li jiftiehmu, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, fuq skedi ta’ ħlas li jipprevedu l-ħlas bin-nifs. F’każijiet ta’ dan it-tip, fejn kwalunkwe wieħed mill-ħlasijiet bin-nifs ma jitħallasx sad-data miftehma, l-imgħax u l-kumpens previsti f’din id-Direttiva għandhom jiġu kkalkulati biss fuq il-bażi tal-ammonti li jkunu għadhom ma tħallsux.

Artikolu 6

Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

(a)

kull devjazzjoni kbira minn prassi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u n-negozjar ġust;

(b)

in-natura tal-prodott jew tas-servizz; u

(c)

jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), il-punt (a) tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) jew mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi mgħax għal ħlas tard għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-kredituri u l-kompetituri, ikunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu l-użu kontinwu ta’ kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali li jkunu inġusti għall-aħħar fit-tifsira tal-paragrafu 1.

5.   Il-mezzi li għalihom jirreferi l-paragrafu 4 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li bihom organizzazzjonijiet uffiċjalment rikonoxxuti bħala intrapriżi rappreżentanti jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu fir-rappreżentanza ta’ intrapriżi jistgħu jieħdu azzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi kompetenti amministrattivi fuq il-bażi li l-kondizzjonijiet jew il-prassi kuntrattwali, jkunu inġusti għall-aħħar fit-tifsira tal-paragrafu 1, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi adattati u effettivi għall-prevenzjoni tat-tkomplija tal-użu tagħhom.

Artikolu 8

Trasparenza u għarfien

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw trasparenza sħiħa fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, anke billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-rata ta’ mgħax statutorja applikabbli għall-ħlas tard.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed fuq l-Internet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku id-dettalji tar-rati ta’ mgħax statutorji attwali li japplikaw fl-Istati Membri kollha fil-każ ta’ ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali.

3.   Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jużaw pubblikazzjonijiet professjonali, kampanji ta’ promozzjoni jew kull mezz funzjonali ieħor biex l-intrapriżi jsiru jafu aktar dwar ir-rimedji għall-ħlas tard.

4.   L-Istati Membri jistgħu jħeġġu l-istabbiliment ta’ kodiċijiet ta’ ħlas fil-ħin li jistipulaw limiti ta’ żmien għall-ħlas definiti b’mod ċar u proċess xieraq biex jiġu ttrattati l-ħlasijiet li hemm tilwim dwarhom, jew kull inizjattiva oħra li tittratta l-kwestjoni kruċjali tal-ħlas tard u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ ħlas fil-ħin li tkun ta’ sostenn għall-objettiv ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 9

Ritenzjoni ta’ titlu

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli nazzjonali maħsuba mil-liġi privata internazzjonali, li l-bejjiegħ iżomm it-titlu għall-prodotti sakemm ikunu tħallsu kompletament jekk klawżola ta’ ritenzjoni ta’ titlu kienet espliċitament miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ qabel il-forniment tal-prodotti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jittrattaw il-ħlasijiet akkont diġà magħmula mid-debitur.

Artikolu 10

Proċeduri ta’ rkupru għal talbiet mhux kontestati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titlu infurzabbli jista’ jinkiseb, anke permezz ta’ proċedura mgħaġġla u irrispettivament mill-ammont tad-dejn, normalment fi żmien 90 jum kalendarju wara li tinbeda l-azzjoni jew l-applikazzjoni tal-kreditur quddiem il-qorti jew awtorità kompetenti oħra, sakemm id-dejn jew aspetti oħra tal-proċedura ma jkunux disputati. L-Istati Membri għandhom iwettqu dan id-dmir b’mod konformi mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi tagħhom.

2.   Il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fl-Unjoni.

3.   Meta jiġi kkalkulat il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, ma għandux jitqies dan li ġej:

(a)

il-perjodi biex jiġu notifikati d-dokumenti;

(b)

kull dewmien kawżat mill-kreditur, bħal perjodi użati għall-korrezzjoni tal-applikazzjonijiet.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

Artikolu 11

Rapport

Sas-16 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi kwalunkwe proposta xierqa.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 8 u 10 sas-16 ta’ Marzu 2013. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi għad-Direttiva mħassra fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Il-metodi kif issir tali referenza u l-formulazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

4.   Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.

Artikolu 13

Tħassir

Id-Direttiva 2000/35/KE hija mħassra b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, hija għandha tibqa’ applikabbli għal kuntratti konklużi qabel dik id-data li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva skont l-Artikolu 12(4).

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont il-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 42.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Jannar 2011.

(3)  ĠU L 200, 8.8.2000, p. 35.

(4)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15.

(6)  ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(9)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(10)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(11)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(12)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(14)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(15)  ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.

(16)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(17)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.


ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 2000/35/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1

Artikolu 1(2)

Artikolu 2(1) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(1) it-tielet subparagrafu

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(7), parti introduttorja

Artikolu 2(8)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(9)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(7)(a)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(10)

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 3(3)(a)

Artikolu 3(1)(b), parti introduttorja

Artikolu 3(3)(b), parti introduttorja

Artikolu 3(1)(b)(i)

Artikolu 3(3)(b)(i)

Artikolu 3(1)(b)(ii)

Artikolu 3(3)(b)(ii)

Artikolu 3(1)(b)(iii)

Artikolu 3(3)(b)(iii)

Artikolu 3(1)(b)(iv)

Artikolu 3(3)(b)(iv)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(1)(c)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)(d), l-ewwel u t-tielet sentenzi

Artikolu 3(1)(d), it-tieni sentenza

Artikolu 2(7)(b)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 3(1)(e)

Artikolu 6(3)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 7(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 7(5)

Artikolu 4

Artikolu 9

Artikolu 5(1), (2) u (3)

Artikolu 10(1), (2) u (3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 10(4)

Artikolu 11

Artikolu 6(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 12(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 6(4)

Artikolu 12(2)

Artikolu 6(5)

Artikolu 12(4)

Artikolu 13

Artikolu 7

Artikolu 14

Artikolu 8

Artikolu 15

Anness