10.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Marzu 2011

dwar il-pubblikazzjoni u l-ġestjoni tad-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1536)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/155/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità, u b’mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tal-15 ta’ April 2010 dwar id-dokument ta’ referenza kif speċifikat fl-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2008/57/KE.

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/965/KE (2) tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward id-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE stabbilixxiet fl-Anness tagħha l-lista ta’ parametri li għandhom jintużaw biex jiġu kklassifikati r-regoli nazzjonali fid-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/57/KE.

(2)

Huwa importanti li r-regoli nazzjonali li se jkunu koperti bid-dokument ta’ referenza jkunu ddefiniti b’mod ċar sabiex jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jiġu ddikjarati bħala ekwivalenti u għalhekk jiġi mmassimizzat l-għadd ta’ regoli li jappartjenu lill-grupp A skont l-Anness VII, it-taqsima 2 għad-Direttiva 2008/57/KE.

(3)

L-Istati Membri huma responsabbli biex jaġġornaw ir-regoli nazzjonali tagħhom. L-aġġornamenti tar-regoli nazzjonali jistgħu jaffettwaw il-klassifika tar-regoli meta mqabbla mar-regoli ta’ Stati Membri oħra għal parametru speċifiku stabbilit fit-taqsima 1 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE.

(4)

Jeħtieġ li l-bażi tad-dejta li biha ssir kontroreferenza tar-regoli nazzjonali u li tikklassifika l-ekwivalenza tagħhom tinżamm aġġornata.

(5)

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (“l-Aġenzija”) għandha, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, tkun responsabbli għall-ġbir, għall-pubblikazzjoni u għaż-żamma ta’ lista ta’ regoli nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni ta’ vetturi li tirreferenzja r-regola nazzjonali għal kull parametru u l-klassifika tar-regoli ta’ Stati Membri oħra għal dan il-parametru. Dawn il-listi għandhom ikunu parti mid-dokument ta’ referenza.

(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza bejn ir-regoli elenkati fid-dokument ta’ referenza u r-regoli nnotifikati taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/57/KE. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandu jkollhom biżżejjed żmien biex jaġġornaw id-dokument ta’ referenza jew biex jinnotifikaw/jemendaw/jirtiraw regoli taħt il-proċedura tal-Artikolu 17. Sa ma jiġu allinjati ż-żewġ settijiet ta’ regoli u tkun disponibbli entrata unika ta’ dejta għar-regoli nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jużaw ir-regoli elenkati fid-dokument ta’ referenza bil-għan li jagħtu awtorizzazzjonijiet biex vetturi jibdew jintużaw, f’każ ta’ diskrepanza bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli.

(7)

Barra minn hekk, fir-rigward tan-notifika tar-regoli nazzjonali tas-sigurtà [sikurezza] skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mhumiex rilevanti għad-dokument ta’ referenza. Huwa minnu li d-Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emendat dik id-direttiva sabiex tneħħi mill-Anness II għad-Direttiva 2004/49/KE r-regoli nazzjonali tas-sikurezza relatati mar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw u ssirilhom manutenzjoni.

(8)

Meta jinġabru d-dokumenti ta’ referenza nazzjonali, l-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza (NSAs) għandhom jiddeterminaw il-prijoritajiet skont l-għanijiet tad-Direttiva 2008/57/KE, filwaqt li jqisu r-riżorsi disponibbli fl-NSA wara diskussjoni fil-partijiet ta’ ħidma rilevanti.

(9)

Skont l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ fi kwalunkwe ħin tadotta miżura indirizzata lill-Aġenzija bl-għan li temenda d-dokument ta’ referenza.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontenut tad-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE huwa speċifikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tippubblika u żżomm id-dokument ta’ referenza. Għandu jkun hemm aċċess mingħajr ħlas għad-dokument ta’ referenza billi jkun dispobibbli fuq il-websajt tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel verżjoni tad-dokument ta’ referenza fi żmien erba’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Tal-anqas darba fis-sena, l-Aġenzija għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE dwar il-progress li jkun sar fil-pubblikazzjoni u l-ġestjoni tad-dokument ta’ referenza.

4.   Il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe ħin, fuq talba tal-Aġenzija, ta’ Stat Membru, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tadotta kwalunkwe deċiżjoni biex temenda d-dokument ta’ referenza ppubblikat mill-Aġenzija, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE.

Artikolu 2

Għall-fini tad-dokument ta’ referenza:

(a)

“regola” għandha tfisser rekwiżit applikabbli fi Stat Membru u li l-applikant għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw, għandu jikkonforma miegħu meta r-rekwiżit ikun relatat ma’:

parametru tal-lista stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni 2009/965/KE; u/jew

rekwiżiti ta’ verifika u ttestjar; u/jew

proċess li jkun se jintuża biex tinkiseb awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw.

(b)

“klassifika” tfisser l-attribuzzjoni mogħtija minn Stat Membru lir-regola nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor li tkun tkopri parametru partikolari skont wieħed mit-tliet gruppi A, B jew C li huma ddefiniti fit-taqsima 2 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE.

Artikolu 3

1.   Għal kull Stat Membru u għal kull parametru tal-lista pprovduta fl-Anness għad-Deċiżjoni 2009/965/KE, id-dokument ta’ referenza nazzjonali għandu jinkludi:

(a)

Referenza għar-regoli nazzjonali rilevanti applikati f’dak l-Istat Membru għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw jew dikjarazzjoni li m’hemm l-ebda rekwiżit fir-rigward ta’ dan il-parametru;

(b)

Il-klassifika skont l-Anness VII, it-taqsima 2 għad-Direttiva 2008/57/KE tar-regoli applikati fi Stati Membri oħra.

2.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-klassifika ta’ regoli nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni ta’ vetturi skont l-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza (NSAs), u fejn xieraq, torganizza laqgħat.

Artikolu 4

1.   Kull NSA għandha tipprovdi lill-Aġenzija bit-tagħrif meħtieġ biex tiġbor id-dokument ta’ referenza nazzjonali. B’mod partikolari l-NSA għandha:

(a)

Tipprovdi lill-Aġenzija b’referenzi għal regoli nazzjonali għal kull parametru u l-klassifka tagħhom;

(b)

Tgħarraf lill-Aġenzija dwar bidliet fir-regoli malli l-bidla fir-regola tiġi ppubblikata;

(c)

Tinnomina persuna jew dipartiment, li tkun/ikun responsabbli biex tipprovdi/jipprovdi dan it-tagħrif lill-Aġenzija;

(d)

Twettaq skambju attiv ta’ opinjonijiet u esperjenzi ma’ NSAs oħra sabiex tkun tista’ tikklassifika r-regoli skont l-Artikolu 3(1)(b). L-NSAs għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġu eliminati rekwiżiti żejda u verifiki superfluwi.

2.   Kull Stat Membru għandu japprova d-dokument ta’ referenza nazzjonali tiegħu.

3.   Fi żmien sena mill-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ referenza nazzjonali rilevanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza bejn ir-rekwiżiti inklużi fid-dokument ta’ referenza u r-rekwiżiti inklużi fir-regoli nnotifikati taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/57/KE. Ladarba tkun disponibbli entrata unika ta’ dejta għan-notifika ta’ regoli nazzjonali u għad-dokument ta’ referenza, l-iskadenza biex tiġi żgurata l-konsistenza bejniethom tkun ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri bid-data sa meta l-entrata unika ta’ dejta għan-notifika ta’ regoli nazzjonali tkun disponibbli. Wara dan il-perjodu jekk l-Aġenzija tinduna b’xi inkonsistenza għandha tgħarraf lill-Istat Membru rilevanti. Fejn regola ta’ dokument ta’ referenza tkun għadha ma ġietx innotifikata dik ir-regola għandha jew tiġi nnotifikata inkella d-dokument ta’ referenza għandu jiġi aġġornat.

4.   Fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni liema dipartiment kompetenti se jkun responsabbli għall-validazzjoni u l-approvazzjoni tad-dokument ta’ referenza nazzjonali tagħhom u dwar kwalunkwe bidla fid-dokument ta’ referenza.

Artikolu 5

1.   B’segwitu għall-Artikolu 4(1)(b), jekk bidla f’regola tista’ taffettwa l-klassifika ta’ din ir-regola fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, l-Aġenzija għandha tavża lill-NSAs tal-Istati Membri affettwati sabiex ikunu jistgħu jirrevedu l-klassifika.

2.   Jekk l-Aġenzija tinduna b’regola proposta biex tiġi kklassifikata taħt il-grupp B jew C minn Stat Membru, li fl-opinjoni tagħha għandha tiġi kklassifikata taħt il-grupp A, għandha tqajjem din il-kwistjoni u tiddiskutiha mal-NSA rilevanti sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim dwar il-klassifika korretta.

3.   Jekk wara diskussjoni mal-NSAs rilevanti l-Aġenzija tqis li klassifika taħt il-gruppi B jew C mill-NSA ma tkunx iġġustifikata skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/57/KE u li l-klassifika taħt il-gruppi B jew C tirrappreżenta rekwiżit żejjed jew verifika żejda li għandu/għandha impatt sproporzjonat fuq il-kost jew l-iskeda taż-żmien għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar dan u tipprovdi opinjoni teknika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru rilevanti.

4.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE. Dik id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Aġenzija sabiex taġġorna d-dokument ta’ referenza u lill-Istat Membru rilevanti bl-għan li d-dokument ta’ referenza nazzjonali jiġi approvat kif ipprovdut fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għar-Repubblika ta’ Ċipru u ta’ Malta sakemm ma tiġi stabbilita l-ebda sistema ferrovjarja fit-territorju tagħhom.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ April 2011.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 22.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(4)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62.


ANNESS

DOKUMENT TA’ REFERENZA

1.   Għan tad-Dokument ta' referenza

L-għan tad-Dokument ta' Referenza huwa li jiffaċilita l-proċedura għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw billi:

(a)

Jiġu elenkati l-parametri kollha li għandhom jiġu kkontrollati b'rabta mal-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw;

(b)

Jiġu identifikati r-regoli kollha applikati mill-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw;

(c)

Kull regola tiġi rreferenzjata għal wieħed mill-parametri li għandhom jiġu kkontrollati b'rabta mal-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw;

(d)

Ir-regoli kollha jiġu kklassifikati taħt il-gruppi A, B jew C skont l-Anness VII, it-taqsima 2 għad-Direttiva 2008/57/KE;

(e)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/965/KE, li tistabbilixxi l-oqfsa legali nazzjonali li jkopru l-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw.

2.   Struttura u kontenut

Id-Dokument ta' referenza għandu jiġi strutturat kif ġej:

Parti 1

:

Gwida tal-applikazzjoni: Din il-parti għandha tirreferi għall-elementi inklużi f'din id-Deċiżjoni, u kwalunkwe tagħrif ieħor rilevanti għall-ġestjoni, għall-fehim u għall-użu tad-dokument ta' referenza.

Parti 2

:

Dokumenti ta' referenza nazzjonali: Id-dokument ta' referenza, wieħed għal kull Stat Membru, għandu jinkludi d-dokumenti ta' referenza nazzjonali kollha li jelenkaw u jikklassifikaw ir-regoli nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 3.

Parti 3

:

Tagħrif dwar oqfsa legali nazzjonali: Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/965/KE, id-dokument ta' referenza għandu jinkludi tagħrif dwar il-qafas legali nazzjonali applikabbli għall-awtorizzazzjoni biex vetturi jibdew jintużaw. Din il-parti għanda timtela malli l-Istati Membri jinnotifikaw dwar il-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2008/57/KE.

3.   Ambitu tal-applikazzjoni tad-dokument ta' referenza

Id-dokument ta' referenza jikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet kollha biex jibdew jintużaw vetturi ferrovjarji li huma soġġetti għad-Direttiva 2008/57/KE u fejn hija meħtieġa konformità mar-regoli nazzjonali.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/57/KE, dan jirrigwarda vetturi maħsuba biex joperaw fuq netwerk trans-Ewropew (TEN) u wkoll dawk maħsuba biex ma joperawx fuq TEN.

Fir-rigward ta' vetturi konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabilità (TSI), id-dokument ta' referenza għandu jippermetti paragun u kontroreferenza, għal parametru partikolari, bejn ir-regoli applikati fi Stati Membri differenti sabiex tiġi vverifikata l-kompatibilità teknika mal-infrastruttura, il-konformità mal-każijiet speċifiċi, l-għeluq ta' punti miftuħa, u l-konformità mar-regoli nazzjonali fil-każijiet ta' deroga.

Barra minn hekk, id-dokument ta' referenza għandu jippermetti paragun u kontroreferenza tar-regoli nazzjonali marbuta mal-lista ta' parametri li għandhom jiġu kkontrollati meta vetturi li mhumiex konformi mat-TSI jibdew jintużaw.